|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/4351 |
1.8.2025 |
Pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni ta’ emenda standard approvata ta’ speċifikazzjoni tal-prodott ta’ indikazzjoni ġeografika f’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 (1)
(C/2025/4351)
KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD
(Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2024/1143)
“Fronton”
PDO-FR-A0595-AM01 — 8.5.2025
1. Isem il-prodott
Fronton
2. Tip ta’ indikazzjoni ġeografika
|
☒ |
Denominazzjoni ta’ oriġini protetta (DOP) |
|
☐ |
Indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP) |
|
☐ |
Indikazzjoni ġeografika (IĠ) |
3. Settur
|
☐ |
Prodotti agrikoli |
|
☒ |
Inbejjed |
|
☐ |
Xarbiet spiritużi |
4. Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika
Franza
5. Awtorità tal-Istat Membru li tikkomunika l-emenda standard
Ministère de l’agriculture, de l’alimentation, de la pêche, de la ruralité et de l’aménagement du territoire [Il-Ministeru għall-Agrikoltura, l-Ikel, is-Sajd, l-Affarijiet Rurali u l-Ippjanar tal-Użu tal-Art]
6. Kwalifika bħala emenda standard
L-awtoritajiet Franċiżi jqisu li l-applikazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 u (UE) 2024/1143.
L-emendi ta’ din l-ispeċifikazzjoni tal-prodott huma emendi standard kif iddefiniti fl-Artikolu 24(4) tar-Regolament (UE) 2024/1143.
L-applikazzjoni għall-emenda tad-DOP Fronton ma tinvolvi l-ebda waħda mit-tliet sitwazzjonijiet li jikkostitwixxu emenda tal-Unjoni, jiġifieri:
|
(a) |
ma tinkludix bidla fl-isem, jew fl-użu tal-isem, jew fil-kategorija tal-prodott jew tal-prodotti denominati mill-indikazzjoni ġeografika; |
|
(b) |
ma tinvolvix riskju li titħassar ir-rabta maż-żona ġeografika; |
|
(c) |
ma tinvolvix restrizzjonijiet ulterjuri fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott. |
Għalhekk, l-awtoritajiet Franċiżi jqisu li l-applikazzjoni hija għal emenda standard.
7. Deskrizzjoni tal-emenda/i standard approvata/i
1. Żieda ta’ dispożizzjonijiet agroambjentali standard
Żdiedu dispożizzjonijiet agroambjentali standard mal-punt “Prattiki tal-kultivazzjoni oħrajn” fil-Kapitolu IV [sic] “Ġestjoni tal-vinja” tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott.
Dawn l-emendi huma mfasslin biex iqisu aħjar l-ambjent u d-domanda tas-soċjetà biex jintużaw inqas prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.
Id-dokument uniku ma ġiex emendat.
2. Rendimenti emendati għall-inbejjed rożè
Ir-rendimenti stabbiliti fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott żdiedu għall-inbejjed rożè. It-tagħbija tal-għalla massima medja għal kull roqgħa u t-tagħbija tal-għalla massima medja għal kull roqgħa msaqqija wkoll inġiebu f’konformità mal-bidla fir-rendimenti għall-inbejjed rożè.
Ir-rendimenti proposti huma konsistenti mar-rendimenti għal denominazzjonijiet oħrajn fil-Lbiċ. Bejn l-2015 u l-2020 (il-ħsad bejn l-2021 u l-2023 ġie affettwat minn perikli klimatiċi), ir-rendiment medju għall-inbejjed rożè tad-denominazzjoni kien ta’ 53,17 hl/ha, u bħala medja, 44 % tal-produtturi tal-inbid qabżu r-rendiment bażiku stabbilit fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott.
It-taqsima “Rendimenti massimi” tad-dokument uniku ġiet emendata.
3. Tħassir tar-rendiment li jfisser “Telf tal-eleġibbiltà għad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta”
F’konformità mal-emenda preċedenti (rendimenti emendati għall-inbejjed rożè), ir-rendiment ta’ 70 ettolitru għal kull ettaru fil-punt “3. Telf tal-eleġibbiltà għad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta” huwa wisq qrib tal-limitu tar-rendiment massimu propost (68 ettolitru għal kull ettaru) u għalhekk tħassar.
Id-dokument uniku ma huwiex affettwat.
4. Emenda tal-kulur tal-inbejjed rożè
Matul bejn wieħed u ieħor l-aħħar 15-il sena, il-profil kolorimetriku medju tal-inbejjed rożè tad-DOP Fronton inbidel. Il-kulur għadu qawwi iżda huwa ċar li qed ixaqleb lejn kulur aktar ċar. L-iskop tal-emendar tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott huwa li tiġi adattata għall-bidliet fil-metodi ta’ produzzjoni fil-vinji. Storikament, l-inbejjed rożè Fronton kienu jsiru prinċipalment permezz tal-metodu saignée, iżda llum il-metodu ta’ għasir dirett sar jintuża b’mod mifrux.
Il-punt “Rabta maż-żona ġeografika” tad-dokument uniku ġie emendat.
5. Żieda tal-metodu saignée biex isiru l-inbejjed rożè
Il-metodu saignée biex isiru l-inbejjed rożè żdied mal-parti “Rabta maż-żona ġeografika” tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott. Minn naħa, il-produtturi tal-inbid jużaw l-metodu saignée sabiex jipproduċu nbejjed rożè li jkollhom kulur aktar skur minħabba l-maċerazzjoni itwal bejn il-qoxra u l-meraq tal-għenba. Min-naħa l-oħra, f’xi każijiet, il-metodu saignée jista’ jikkompensa għal nuqqas ta’ komposti fenoliċi f’kontenitur ta’ għeneb aħmar. L-għan huwa li jiġi protett il-metodu saignée tal-produzzjoni tal-inbejjed rożè.
Il-punt “Rabta maż-żona ġeografika” tad-dokument uniku ġie emendat.
6. Żieda ta’ varjetajiet sekondarji
Żewġ varjetajiet li huma endemiċi għaż-żona jridu jiġu inklużi bħala varjetajiet sekondarji:
in-Négret Pounjut N u l-Bouysselet B. Ir-raġuni għal din l-għażla hija li dawn il-varjetajiet ta’ dwieli għandhom patrimonju b’saħħtu u jikkomplementaw il-varjetà Négrette N. L-għan huwa li jiġu integrati fil-produzzjoni kemm tal-inbejjed ħomor kif ukoll ta’ dawk rożè.
Il-korp għall-protezzjoni u għall-ġestjoni għalhekk ippropona li jiżdiedu proporzjonijiet massimi ta’ 10 % fir-rigward kemm tal-kombinazzjoni tal-varjetajiet ta’ dwieli kif ukoll tal-coupages għan-Négret Pounjut u għall-Bouysselet.
Il-punti “Varjetà jew varjetajiet ta’ għeneb tal-inbid” u “Rabta maż-żona ġeografika” tad-dokument uniku ġew emendati.
7. Introduzzjoni tal-varjetà Marselan N bħala varjetà ta’ interess użata għall-finijiet ta’ adattament
Din it-talba qed issir wara għadd ta’ sejbiet li wasslu biex il-vitikulturi tal-Fronton iqisu l-introduzzjoni ta’ varjetajiet ġodda fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott tagħhom. It-tibdil fil-klima qed jikkawża perjodi itwal ta’ nixfa, żieda fil-frekwenza tal-ġlata, suxxettibbiltà akbar għall-mard u mġiba fiżjoloġika li tidher li qed taggrava.
Fl-aħħar mill-aħħar, il-grupp ta’ vitikulturi għażlu li jagħżlu biss il-varjetà ta’ dwieli Marselan N minħabba l-qrubija tagħha mal-Cabernet Sauvignon. Filwaqt li l-varjetajiet tal-Cabernet qed jonqsu sew, il-Marselan hija alternattiva interessanti fil-coupages. Barra minn hekk, ilha titkabbar fil-vinji għal diversi snin (18-il ettaru mifruxin fuq 46 roqgħa u mkabbrin minn 19-il operatur) u tikkomplementa tajjeb il-varjetà Négrette N f’termini ta’ karatteristiċi organolettiċi.
Il-Marselan għandha żewġ vantaġġi: tadatta aħjar għat-tibdil fil-klima (inqas sensittiva għall-ġlata) u għandha inqas ħtieġa ta’ trattamenti fitosanitarji (minħabba s-suxxettibbiltà aktar baxxa tagħha għall-mard). Il-Marselan N se tintuża għall-produzzjoni tal-inbejjed ħomor u rożè.
Il-punt “Varjetà jew varjetajiet ta’ għeneb tal-inbid” tad-dokument uniku ġie emendat.
8. Emenda tar-regoli dwar il-varjetajiet ta’ dwieli
Il-proporzjon minimu tal-varjetà ewlenija Négrette N inżamm fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott iżda ġie emendat kif ġej: “akbar minn jew daqs 50 % tal-għeneb imkabbar” inbidlet għal “51 % jew aktar”. Il-proporzjonijiet massimi tal-varjetajiet sekondarji tħassru.
L-għan huwa li jiġu ssimplifikati l-monitoraġġ u l-konformità mar-regoli dwar il-varjetajiet ta’ dwieli, filwaqt li tinżamm il-konsistenza mar-regoli dwar il-coupage.
Id-dokument uniku ma huwiex affettwat.
9. Emenda tal-Kapitolu IX, il-punt 3 “Dispożizzjonijiet dwar l-imballaġġ”
Il-formulazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott kurrenti tiddikjara li kull darba li jsir l-imballaġġ, l-operaturi jeħtiġilhom jibagħtu lill-korp tal-ispezzjoni estratt mir-reġistru tal-immaniġġjar u li ssir analiżi qabel l-imballaġġ. Il-grupp ta’ vitikulturi għad-denominazzjoni jqis li dan l-obbligu huwa wisq strett u jipproponi li tintuża l-istess formulazzjoni bħal fi speċifikazzjonijiet tal-prodott oħrajn, jiġifieri r-rekwiżit ta’ reġistru tal-immaniġġjar u analiżi qabel jew wara l-imballaġġ li jrid isir disponibbli għall-korp tal-ispezzjoni.
Id-dokument uniku ma huwiex affettwat.
10. Tħassir ta’ miżuri tranżizzjonali
Il-miżuri tranżizzjonali stabbiliti fil-Kapitolu XI, il-punt 1 “Varjetajiet ta’ dwieli”, li ntemmu fl-aħħar tal-2011 u tal-2018, tħassru mill-ispeċifikazzjoni tal-prodott.
Id-dokument uniku ma huwiex affettwat.
DOKUMENT UNIKU
1. Isem/Ismijiet
Fronton
2. Tip ta’ indikazzjoni ġeografika
DOP — Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta
3. Kategoriji ta’ prodotti tad-dwieli
|
1. |
Inbid |
3.1. Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda
|
— |
22 — XARBIET, SPIRTI U ĦALL 2204 — Inbid tal-għeneb frisk, inkluż l-inbejjed imqawwija; most tal-għeneb għajr dak tal-intestatura 2009 |
4. Deskrizzjoni tal-inbid jew tal-inbejjed
DESKRIZZJONI QASIRA
L-inbejjed huma nbejjed bla gass ħomor jew rożè. L-inbejjed ħomor għandhom qawwa alkoħolika naturali minima skont il-volum ta’ 11 %. L-inbejjed rożè għandhom qawwa alkoħolika naturali minima skont il-volum ta’ 10,5 %. Wara l-arrikkiment, il-qawwa alkoħolika totali skont il-volum tal-inbejjed ma tridx taqbeż 13 %. Fl-istadju tal-ippakkjar, kull lott ta’ nbid aħmar ikollu kontenut ta’ aċidu maliku li ma jaqbiżx 0,4 grammi għal kull litru. Fl-istadju tal-ippakkjar: - l-inbejjed għandhom kontenut ta’ zokkor fermentabbli (glukożju u fruttożju) li ma jaqbiżx 3 grammi għal kull litru għall-inbejjed ħomor, u li ma jaqbiżx 4 grammi għal kull litru għall-inbejjed rożè; - l-inbejjed ħomor għandhom kontenut ta’ aċidu volatili li ma jaqbiżx 18-il milliekwilvalent għal kull litru. L-aċidità volatili tal-inbejjed rożè u l-aċidità totali u l-kontenut ta’ diossidu tal-kubrit tal-inbejjed huma dawk stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-UE. Il-karatteristiċi l-oħrajn jikkonformaw, awtomatikament, ma’ dawk stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-UE. L-inbejjed jistgħu jiġu prodotti mill-varjetà Négrette N biss jew minn coupage ta’ varjetajiet li fihom in-Négrette N tkun il-varjetà ewlenija. It-togħma tal-inbejjed ħomor hija ġeneralment ikkaratterizzata minn irwejjaħ ta’ frott aħmar u iswed, fjuri, ħwawar u likorizja. Dawn fihom tannini li jipprovdu l-istruttura u r-rotondezza bit-tqaddim. Huma pjaċevoli biex jinxtorbu meta ma jkunux imqaddmin iżda huma adattati wkoll għat-tqaddim. It-togħma tal-inbejjed rożè hija kkaratterizzata minn irwejjaħ pjuttost ta’ frott u aċidità baxxa. Għandhom kulur qawwi u huma pjaċevoli meta ma jkunux imqaddmin.
Karatteristiċi analitiċi ġenerali
|
— |
Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum): — |
|
— |
Qawwa alkoħolika effettiva minima (f’% tal-volum): — |
|
— |
Aċidità totali minima: — |
|
— |
Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru): — |
|
— |
Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru): — |
5. Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid
5.1. Prattiki enoloġiċi speċifiċi
1. Metodu ta’ kultivazzjoni
|
a) |
Densità tat-tħawwil. Id-densità tat-tħawwil minima tad-dwieli hija ta’ 4 000 pjanta għal kull ettaru. Il-wisa’ bejn il-flanni hija ta’ mhux aktar minn 2,50 metri. Bejn pjanti fl-istess flann, il-wisa’ tkun tal-inqas ta’ 0,80 metru. |
|
b) |
Regoli dwar iż-żbir. Id-dwieli jitħarrġu jew permezz ta’ żabra qasira u fergħat (“Gobelet”, metodu ta’ cordon unilaterali (“Cordon de Royat”) jew cordon bilaterali) jew permezz tas-sistema ta’ Guyot singolu jew Guyot doppju (magħrufa lokalment bħala “tirette”), b’massimu ta’ 12-il għajn għal kull dielja. Irrispettivament mill-metodu ta’ żbir li jintuża, mill-1 ta’ Ġunju, in-numru ta’ friegħi li jagħtu l-frott għal kull dielja ma jistax jaqbeż 10. |
L-irrigazzjoni tista’ tiġi awtorizzata.
2. Prattika enoloġika speċifika
Prattiki enoloġiċi: - It-tekniki sottrattivi ta’ arrikkiment huma awtorizzati għall-inbejjed ħomor, b’rata ta’ konċentrazzjoni parzjali massima stabbilita għal 10 % meta mqabbla mal-volumi użati. Il-produtturi tal-inbid huma awtorizzati jużaw faħam enoloġiku biex jipproduċu l-inbejjed rożè, esklużivament għall-most u nbejjed ġodda li jkunu għadhom qed jiffermentaw, fi proporzjon li ma jaqbiżx l-20 % tal-volum tal-inbid rożè prodott mill-produttur tal-inbid ikkonċernat għall-ħsad u għall-kulur inkwistjoni.
Wara l-arrikkiment, il-qawwa alkoħolika totali skont il-volum tal-inbejjed ma tridx taqbeż 13 %.
Minbarra d-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq, il-prattiki enoloġiċi applikati għal dawn l-inbejjed iridu jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-livell tal-UE u fil-Kodiċi Rurali u tas-Sajd Marittimu.
5.2. Rendimenti massimi
|
1. |
Inbejjed rożè
60 ettolitru għal kull ettaru |
|
2. |
Inbejjed ħomor
50 ettolitru għal kull ettaru |
6. Żona ġeografika definita
L-għeneb jinħasad u l-inbejjed isiru, jiġu żviluppati u jitqaddmu fit-territorju tal-muniċipalitajiet li ġejjin: - Id-dipartiment ta’ Haute-Garonne: Bouloc, Castelnau-d’Estrétefonds, Fronton, Saint-Rustice, Vacquiers, Villaudric, Villematier, Villemur-sur-Tarn, Villeneuve-lès-Bouloc; - Id-dipartiment ta’ Tarn-et-Garonne: Bessens, Campsas, Canals, Dieupentale, Fabas, Grisolles, Labastide-Saint-Pierre, Montbartier, Nohic, Orgueil, Pompignan.
7. Varjetà jew varjetajiet ta’ għeneb tal-inbid
Bouysselet
Cabernet Franc N
Cabernet Sauvignon N
Gamay N
Marselan N
Mérille N
Negret Pounjut
Négrette N
8. Deskrizzjoni tar-rabta jew tar-rabtiet
(a) Deskrizzjoni tal-fatturi naturali rilevanti għar-rabta
Iż-żona ġeografika tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta Fronton tinsab madwar 20 kilometru fit-Tramuntana ta’ Toulouse, fuq it-terrazzi li ffurmaw mid-depożiti alluvjali antiki tat-Tarn, li ġew iddepożitati fis-substrat Molassiku terzjarju matul il-glaċjazzjonijiet differenti tal-era Kwaternarja. L-irqajja’ huma preċiżament definiti għall-ħsad tal-għeneb u huma mifruxin fuq it-tliet livelli ġeomorfoloġiċi tat-terrazzi baxxi, medji u għoljin tat-Tarn, bl-esklużjoni tal-pjanura ċatta tat-Tarn u l-ħamrija li żviluppat fuq il-molassa Oligoċena fin-Nofsinhar u l-Punent ta’ din iż-żona.
Id-depożiti alluvjali, li joriġinaw mill-medda tal-Massif Central, huma kkaratterizzati mir-rikkezza tagħhom ta’ elementi siliċjużi, żrar u ramel, u n-nuqqas tal-ġir. Il-ħamrija tat-terrazza l-baxxa, li tinsab f’altitudni medja ta’ 130 metru, hija ta’ natura eteroġena, b’taħlita ta’ ramal, ramel ta’ ħxuna li tvarja u tafal b’distribuzzjoni mhux indaqs. L-altitudni tat-terrazza l-medja tvarja bejn 130 u 160 metru. Il-ħamrija turi esponiment għall-kundizzjonijiet tat-temp u lixxivjazzjoni akbar milli fit-terrazza ta’ isfel. Finalment, it-terrazza l-għolja, li hija l-aktar żona antika u l-iżgħar fis-superfiċe, tilħaq għoli massimu ta’ 200 metru. Billi kien hemm erożjoni tal-elementi aktar fini, din il-ħamrija fiha kontenut kbir ta’ żrar u ċagħaq.
Iż-żona ġeografika hija mifruxa fuq aktar minn 20 muniċipalità li jaqgħu fid-dipartimenti ta’ Haute-Garonne u Tarn-et-Garonne.
It-topografija tal-pajsaġġ hija bażikament ċatta. Il-varjazzjonijiet fil-pajsaġġ huma dovuti għall-għoljiet żgħar, l-imbankmenti bejn it-terrazzi u l-inklinazzjonijiet baxxi li nħolqu mit-tributarji tat-Tarn.
Iż-żona ta’ Fronton għandha klima oċeanika b’influwenza Mediterranja. Ix-xtiewi huma pjuttost moderati. It-temperaturi jogħlew sew fir-rebbiegħa filwaqt li s-sajf huwa kkaratterizzat minn ħafna xemx u temperaturi għoljin. Ix-xita annwali medja tvarja bejn 650 mm u 700 mm. Hija mqassma indaqs matul is-sena, ħlief fir-rebbiegħa, meta x-xita tilħaq livell ferm għoli. Ir-riħ prevalenti jonfoħ mill-Punent. Dan huwa oċeaniku u jwassal għall-formazzjoni tas-sħab u x-xita. Bi ftit inqas frekwenza, ir-riħ sħun u xott “Autan” jonfoħ mix-Xlokk.
(b) Deskrizzjoni tal-fatturi umani rilevanti għar-rabta
L-istorja tal-vinji hija marbuta mill-qrib ma’ dik tar-raħal ta’ Fronton, li fil-bidu tas-seklu 12, kien iggvernat mill-Ordni tal-Kavallieri Ospitalieri ta’ San Ġwann ta’ Ġerusalemm (issa l-Ordni ta’ Malta) minħabba d-donazzjonijiet li saru minn diversi nobbli. Adrien Escudier (Histoire de Fronton et du Frontonnais [L-Istorja ta’ Fronton u taż-żona ta’ Fronton], 1905 ) jirreferi għal donazzjoni lill-Ordni li saret fl-1122 minn Pons Bernard de Benque, martu Alamande u Payen, li kienet tikkonsisti mill-knisja u dak kollu kkontrollat minnha, u hekk ġie riżervat id-dritt li tinżamm is-seba’ parti tal-ħsad tal-għeneb. Il-vinji ta’ Fronton għalhekk kienu diġà stabbiliti sew fil-bidu tas-seklu 12.
Minn dak iż-żmien, l-inbejjed kienu jingħataw attenzjoni u trattament partikolarment tajbin. L-arkivji muniċipali ta’ Fronton jirreferu għall-ħatra annwali ta’ “tmien esperti biex iżuru u jiċċekkjaw il-vinji tal-konsolat ta’ Fronton”. B’hekk, kienet issir żjara f’kull distrett u l-esperti kienu jivverifikaw is-sajran tal-għeneb. Kien jiġi pprovdut rapport bil-fomm lill-assemblea konsulari li kienet tistabbilixxi d-data li fiha seta’ jibda l-ħsad. Il-proklamazzjoni tal-ħsad kienet titħabbar lir-residenti minn dak li kien iħabbar l-avviżi fit-toroq.
Fl-1470, Aymerie de Senergues, quddiem l-Abbaye de la Daurade f’Toulouse, ipprovda karta lis-suġġetti tiegħu li kienet tawtorizza lis-servjenti kollha li jħawlu d-dwieli biex jitolbu l-ħelsien tagħhom u d-dritt ta’ sjieda fir-rigward tal-art imħammla ta’ Villaudric. Fis-seklu 17, iż-żewġ parroċċi ta’ Fronton u Villaudric ikkompetew għad-dominanza tat-territorju.
Il-vinji laħqu l-akbar attività tagħhom fis-sekli 18 u 19, meta l-inbejjed kienu jiġu kkonsenjati madwar l-Ewropa mill-port ta’ Bordeaux. Pierre Galet (Cépages et vignobles de France [Il-varjetajiet ta’ dwieli u l-vinji ta’ Franza], 1962) jiddikjara li: “Il-vinji ta’ Fronton u Villaudric ilhom l-aktar magħrufa f’Haute-Garonne, peress li dawn il-vinji kienu qrib Villemur, il-post fit-Tarn fejn kienu jitgħabbew l-inbejjed u minn fejn kienu jitilqu fuq ix-xmara lejn Bordeaux”.
Iż-żona ta’ Fronton intlaqtet mill-filossera fl-1878. Il-varjetà ta’ dwieli Négrette N, li qabel kienet magħrufa lokalment bħala “Le Négret”, kienet il-varjetà ewlenija fil-vinji qabel ma ntlaqtu mill-filossera. Ġiet imħawla mill-ġdid b’mod mifrux wara l-kriżi tal-filossera, iżda t-tilqim għamel il-pjanta suxxettibbli għal nuqqas li tiżviluppa l-frott u aktar sensittiva għall-moffa griża. Il-perseveranza tal-vitikulturi, li kellhom għal qalbhom din il-varjetà ta’ dwieli storika, ippermettitilhom jadattaw u jkomplu t-tradizzjoni tat-tkabbir ta’ din il-varjetà. Billi l-inbid li jiġi prodott min-Négrette N normalment ikollu nuqqas ta’ aċidità, ħafna drabi jiġi ssupplimentat mill-ħsad ta’ varjetajiet tardivi.
Id-denominazzjoni ta’ oriġini Vins Délimités de Qualité Supérieure [inbid delimitat ta’ kwalità superjuri] Villaudric ġiet rikonoxxuta b’sentenza tal-qorti ċivili tal-prim’istanza ta’ Toulouse fit-28 ta’ Lulju 1944. Din tkopri sitt muniċipalitajiet tad-dipartiment ta’ Haute-Garonne. Sena wara, fil-31 ta’ Lulju 1945, ġiet rikonoxxuta d-denominazzjoni ta’ oriġini Vins Délimités de Qualité Supérieure Fronton jew Côtes de Fronton, b’żona ġeografika li tinkludi 15-il muniċipalità fid-dipartimenti ta’ Haute-Garonne u Tarn-et-Garonne. Fl-1970, konxji tal-istorja u tal-prattiki komuni tagħhom, il-produtturi taż-żewġ denominazzjonijiet ta’ oriġini kkontrollati ngħaqdu f’assoċjazzjoni waħda. Hekk, id-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata Côtes du Frontonnais ġiet rikonoxxuta b’digriet fis-7 ta’ Frar 1975, b’żewġ ismijiet ġeografiċi: Fronton u Villaudric. 30 sena wara, id-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata Côtes du Frontonnais ġiet rikonoxxuta fid-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata Fronton bid-digriet tal-31 ta’ Awwissu 2005.
Sal-2008, żona ta’ aktar minn 1 700 ettaru nħadmet minn aktar minn 110 produtturi, maqsuma f’40 kantina tal-inbid indipendenti, kooperattiva waħda li tagħmel l-inbid u 2 produtturi/negozjanti tal-inbid. Madwar terz tal-produzzjoni huwa nbid rożè u żewġ terzi huma nbid aħmar. L-inbejjed jistgħu jiġu prodotti mill-varjetà Négrette N biss jew minn coupage ta’ varjetajiet li fihom in-Négrette N tkun il-varjetà ewlenija. Il-varjetajiet ta’ dwieli sekondarji li jistgħu jiżdiedu mal-coupage huma l-Cabernet Franc N, il-Cabernet Sauvignon N, is-Cinsaut N, il-Cot N, il-Fer N, il-Gamay N, il-Mérille N, is-Syrah N, in-Négret Pounjut N u l-Bouysselet B.
It-togħma tal-inbejjed ħomor hija ġeneralment ikkaratterizzata minn irwejjaħ ta’ frott aħmar u iswed, fjuri, ħwawar u likorizja. Dawn fihom tannini li jipprovdu l-istruttura u r-rotondezza bit-tqaddim. Huma pjaċevoli biex jinxtorbu meta ma jkunux imqaddmin iżda huma adattati wkoll għat-tqaddim. Sabiex tiġi evitata l-estrazzjoni eċċessiva tat-tannini, l-għasir tal-inbid kontinwu huma pprojbit. L-inbejjed jitqaddmu mill-inqas sal-15 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara dik tal-ħsad.
It-togħma tal-inbejjed rożè hija kkaratterizzata minn irwejjaħ pjuttost ta’ frott u aċidità baxxa. Għandhom kulur li jvarja minn lewn il-liċċi għal-lampun (skont iċ-ċart tal-kulur Centre du Rosé) skont it-teknika li tintuża (għasir dirett jew saignée) u jitgawdew meta ma jkunux imqaddmin. Apprezzata għall-kwalitajiet tar-riħa tagħha, il-varjetà ta’ dwieli Négrette N darba kienet magħrufa sew fiż-żona tal-Grand Sud-Ouest. Hija varjetà ta’ dwieli naturalment vigoruża u fertili; il-qoxra rqiqa tal-għeneb u l-kompattezza tal-għenieqed tagħmilha suxxettibbli ħafna għal moffa fil-forma ta’ trab, moffa griża u akari. Il-varjetà Négrette N ġiet abbundanta fil-biċċa l-kbira tar-reġjuni minħabba diffikultajiet fit-tkabbir tagħha iżda sabet niċċa ekoloġika fir-reġjun ta’ Fronton, fejn il-ħamrija ta’ kwalità baxxa u aċidika b’kontenut kbir ta’ ossidi tal-metall tfisser li d-dielji huma moderatament vigorużi, li naturalment jirregola r-rendimenti u jiżgura sajran ottimali, riħa intensa u kumplessa u tannini raffinati ħafna.
Il-vitikulturi taż-żona ta’ Fronton irnexxielhom jikkontrollaw din il-varjetà ta’ dwieli emblematika, u hekk żammew il-kultivazzjoni tagħha, billi adattaw l-għarfien prattiku tagħhom, b’mod partikolari permezz tal-metodi ta’ żbir li jippermettu distribuzzjoni tajba tal-għenieqed u selezzjoni tal-kloni.
Il-kundizzjonijiet tal-ħamrija u tal-klima taż-żona ta’ Fronton huma partikolarment adattati għat-tkabbir tad-dwieli, speċjalment il-varjetà ta’ dwieli Négrette N. Il-klima marittima tfisser li l-arja tar-rebbiegħa hija umda; din, flimkien ma’ żieda sinifikanti fit-temperatura, tiżgura tkabbir tajjeb tad-dwieli. Ix-xitwa moderata tnaqqas ir-riskju ta’ episodji ta’ ġlata f’daqqa. Matul is-sajf, l-influwenza tal-Mediterran iġġib magħha sħana xotta u xemx, li jinkoraġġixxu sajran regolari u ottimu tal-għeneb u l-istress idriku moderat fis-sajf jiżgura sajran tajjeb tal-għeneb. Ir-riħ “Autan” jaffettwa l-imġiba tad-dwieli tul iċ-ċiklu tat-tkabbir tagħhom, pereżempju billi jaċċellera t-tirħis, il-fjoritura u s-sajran. Xi drabi jkun qawwi lejn l-aħħar tas-sajf, li jippromwovi s-sajran tal-għeneb u jnixxef id-dwieli wara l-maltempati ta’ Awwissu. Dan jillimita l-iżvilupp ta’ mard kriptogamiku. Il-wasla tard tal-ewwel ksieħ tippermetti li l-injam jirtab sew.
Billi tirrifletti l-użu u l-għarfien tal-ambjent lokali, iż-żona ta’ rqajja’ definita tiffavorixxi ħamrija bi skular tajjeb u li tisħon faċilment. Il-ħamrija hija rikka fir-ramel u fiż-żrar, b’kontenut ta’ xaħx u tafal li jvarja. Iż-żoni suxxettibbli għall-kesħa u għall-ġlata u l-ħamrija l-aktar fertili huma esklużi.
Bid-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata sa mill-1975, il-komunità tal-bniedem iżżomm il-fama u r-reputazzjoni tal-inbejjed Fronton permezz tad-dinamiżmu, l-għarfien espert u l-impenn tagħha għall-varjetà ta’ dwieli Négrette N.
9. Rekwiżiti oħra applikabbli (imballaġġ, tikkettar, rekwiżiti addizzjonali)
Qafas legali:
Leġiżlazzjoni nazzjonali
Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:
Dispożizzjonijiet addizzjonali relatati mat-tikkettar
Deskrizzjoni tar-rekwiżit:
L-inbejjed bid-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata jistgħu jispeċifikaw fuq it-tikketti tagħhom l-unità ġeografika akbar “Sud-Ouest”. Din l-unità ġeografika akbar tista’ tidher ukoll fuq kwalunkwe letteratura jew kontenitur. Id-daqs tal-ittri għall-unità ġeografika akbar ma jridx ikun akbar, la fl-għoli u lanqas fil-wisa’, mid-daqs tal-ittri li jiffurmaw l-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata.
Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott
https://info.agriculture.gouv.fr/boagri/document_administratif-c6bb8395-ee7c-45c5-b59b-dee556bb82f6
(1) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 tat-30 ta’ Ottubru 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar ir-reġistrazzjoni u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, speċjalitajiet tradizzjonali garantiti u termini tal-kwalità mhux obbligatorji u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) Nru 664/2014 (ĠU L, 2025/27, 15.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/27/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/4351/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)