Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
LAULHÉ SHAELOU
ippreżentati fit‑22 ta’ Ottubru 2026 (1)
Kawża C‑497/25
UAB “Maxima LT”
vs
Valsts ieņēmumu dienests
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, il-Latvja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva (UE) 2017/1852 – Mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim dwar it-taxxa – Tilwim bejn żewġ Stati Membri dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ ftehim bilaterali dwar it-taxxa – Artikolu 2(1)(c) – Kunċett ta’ taxxa doppja – Dħul eżentat mit-taxxa fi Stat Membru wieħed”
I. Introduzzjoni
1. Huwa magħruf li l-eżerċizzju mhux ikkoordinat tas-sovranità fiskali fil-qasam tat-taxxa diretta (2) jista’ jwassal għal sitwazzjonijiet ta’ taxxa doppja. Il-forom ta’ taxxa doppja internazzjonali jirriżultaw b’mod partikolari minħabba li l-maġġoranza tal-pajjiżi jibbażaw it-taxxa nazzjonali tagħhom mhux biss fuq it-tranżazzjonijiet domestiċi, iżda wkoll fuq fatturi ekstraterritorjali (3). Sabiex jiġu evitati l-konsegwenzi negattivi li jirriżultaw minn kompetenzi fiskali sovrapposti, l-Istati spiss jaqblu, permezz ta’ ftehimiet internazzjonali dwar it-taxxa, li jallokaw id-drittijiet ta’ tassazzjoni tagħhom fir-rigward ta’ elementi ta’ dħul jew ta’ kapital li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-ftehimiet. Madankollu, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jadottaw pożizzjonijiet diverġenti dwar kif dawn it-trattati għandhom jiġu interpretati u applikati f’każijiet speċifiċi, u dan iwassal għal nuqqas ta’ qbil.
2. Billi qies li dawn in-nuqqasijiet ta’ qbil “jistgħu joħolqu ostakli tat-taxxa serji għan-negozji li joperaw b’mod transkonfinali” (4), u billi kkunsidra li s-soluzzjonijiet eżistenti minn qabel li jinsabu fi ftehimiet internazzjonali ma kinux sodisfaċenti (5), il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea adotta d-Direttiva MST. Din id-direttiva tistabbilixxi sistema proċedurali msaħħa għal kwalunkwe nuqqas ta’ qbil li jirriżulta minnhom sabiex jiġi indirizzat u idealment solvut. It-talba għal deċiżjoni preliminari ineżami, imressqa mill-Administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, il-Latvja), tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’opportunità inizjali sabiex tinterpreta dan l-istrument tad-dritt tal-Unjoni.
3. Il-fatti li wasslu għar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ineżami jikkonċernaw it-taxxa tad-dħul li kumpannija tal-Pajjiżi l-Baxxi kisbet mill-bejgħ ta’ azzjonijiet f’diversi kumpanniji stabbiliti fil-Latvja. Kemm ir-Repubblika tal-Latvja kif ukoll ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi talbu drittijiet ta’ tassazzjoni fuq dan id-dħul u kien hemm nuqqas ta’ qbil bejn l-awtoritajiet rilevanti f’dawn l-Istati Membri dwar l-interpretazzjoni tal-ftehim dwar it-taxxa fis-seħħ bejn iż-żewġ Stati Membri. Madankollu, għalkemm id-dħul ġie effettivament intaxxat fil-Latvja, dan finalment ġie eżentat mit-taxxa fil-Pajjiżi l-Baxxi.
4. Il-bejjiegħ qies li s-sitwazzjoni ta’ taxxa doppja ma ġietx solvuta peress li kien għadu jippersisti nuqqas ta’ qbil dwar l-interpretazzjoni tal-ftehim dwar it-taxxa. Dan il-bejjiegħ għalhekk talab lill-awtoritajiet Latvjani biex jistabbilixxu, b’mod partikolari, Kummissjoni Konsultattiva li tirrappreżenta stadju speċifiku tal-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim irregolat mid-Direttiva MST. Madankollu, skont l-Artikolu 16(7) tagħha, l-obbligu li tiġi stabbilita din il-kummissjoni ma jqumx meta l-kwistjoni “ma tinvolvix taxxa doppja”. Fuq il-bażi ta’ din id-deroga u b’riferiment għall-eżenzjoni mit-taxxa miksuba fil-Pajjiżi l-Baxxi, l-awtoritajiet Latvjani ċaħdu t-talba.
5. Din id-deċiżjoni issa qiegħda tiġi kkontestata quddiem il-qorti tar-rinviju, li qiegħda tfittex tikseb kjarifika dwar, minn naħa, jekk is-sitwazzjoni “tinvolvix taxxa doppja” u, min-naħa l-oħra, il-portata tal-obbligu tal-awtoritajiet Latvjani li jistabbilixxu Kummissjoni Konsultattiva.
6. Fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet jiffokaw fuq l-ewwel aspett imsemmi hawn fuq sabiex jiġi ċċarat jekk sitwazzjoni “li tinvolvi taxxa doppja” fis-sens tad-Direttiva MST teżistix meta żewġ Stati Membri jitolbu drittijiet ta’ tassazzjoni fuq l-istess dħul (u jeżisti nuqqas ta’ qbil bejniethom dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-ftehim dwar it-taxxa applikabbli) iżda meta de facto wieħed biss mill-Istati Membri jkun ġabar taxxi fuq dak id-dħul.
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
7. L-Artikolu 1 tad-Direttiva MST jirrigwarda s-“Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni” ta’ din id-direttiva u huwa fformulat kif ġej:
“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar mekkaniżmu biex jissolva t-tilwim bejn l-Istati Membri meta dak it-tilwim jirriżulta mill-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ ftehimiet u konvenzjonijiet li jipprevedu l-eliminazzjoni ta’ taxxa doppja fuq l-introjtu u, fejn applikabbli, fuq il-kapital. Tistabbilixxi wkoll id-drittijiet u l-obbligi tal-persuni milquta meta jkun hemm tilwim bħal dan. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, il-każ li jwassal għal tilwim bħal dan jissejjaħ bħala ‘kwistjoni ta’ tilwim’.”
8. L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:
“1. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]
(c) ‘taxxa doppja’ tfisser l-impożizzjoni minn żewġ Stati Membri jew aktar ta’ taxxi koperti minn ftehim jew konvenzjoni msemmija fl-Artikolu 1 fir-rigward tal-istess introjtu jew kapital taxxabbli meta din twassal jew għal (i) imposta ta’ taxxa addizzjonali, jew għal (ii) żieda fl-obbligazzjonijiet tat-taxxa jew inkella għal (iii) kanċellazzjoni jew tnaqqis tat-telf li jistgħu jintużaw biex jiġu paċuti l-profitti taxxabbli;
[…]”
9. L-Artikolu 3 tad-Direttiva MST huwa intitolat “Ilment” u l-paragrafu 1 tiegħu jistabbilixxi li “[k]walunkwe persuna milquta għandha tkun intitolata li tressaq ilment dwar kwistjoni ta’ tilwim lil kull waħda mill-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru kkonċernat, fejn titlob is-soluzzjoni tagħha. L-ilment għandu jsir fi żmien tliet snin mill-wasla tal-ewwel notifika tal-azzjoni li tirriżulta, jew li tkun ser tirriżulta, fil-kwistjoni ta’ tilwim […]”.
10. L-Artikolu 4 tad-Direttiva MST jikkonċerna l-“Proċedura ta’ Ftehim Reċiproku”. Dan jaqra kif ġej:
“1. Meta l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati jaċċettaw ilment, huma għandhom jagħmlu ħilithom biex isolvu l-kwistjoni ta’ tilwim permezz ta’ ftehim reċiproku fi żmien sentejn, li jibdew mill-aħħar notifika ta’ deċiżjoni ta’ wieħed mill-Istati Membri dwar l-aċċettazzjoni tal-ilment.
Il-perijodu ta’ sentejn imsemmi fl-ewwel subparagrafu jista’ jiġi estiż b’massimu ta’ sena fuq talba ta’ awtorità kompetenti ta’ Stat Membru kkonċernat lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra kollha tal-Istati Membri kkonċernati, jekk l-awtorità kompetenti li tagħmel it-talba tipprovdi ġustifikazzjoni bil-miktub.
[...]
3. Meta l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati ma jkunux laħqu ftehim dwar kif għandha tissolva l-kwistjoni ta’ tilwim fil-perijodu previst fil-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru kkonċernat għandha tinforma lill-persuna milquta filwaqt li tindika r-raġunijiet ġenerali għaliex ma ntlaħaqx ftehim.”
11. Skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva MST, intitolat “Soluzzjoni tat-tilwim mill-Kummissjoni Konsultattiva”:
“1. Fuq talba mill-persuna milquta lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati, Kummissjoni Konsultattiva (‘Kummissjoni Konsultattiva’) għandha tiġi stabbilita minn tali awtoritajiet kompetenti [...] fejn:
[…]
(b) l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati kienu aċċettaw l-ilment li jkun tressaq mill-persuna milquta iżda ma jkunx irnexxielhom jilħqu ftehim dwar kif għandha tissolva l-kwistjoni ta’ tilwim bi ftehim reċiproku fil-limitu ta’ żmien previst fl-Artikolu 4(1).
[…]”
12. L-Artikolu 16(7) tad-Direttiva MST jipprovdi li “Stat Membru jista’ jiċħad l-aċċess għall-proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwim skont l-Artikolu 6 skont il-każ fejn il-kwistjoni ta’ tilwim ma tinvolvix taxxa doppja. F’każ bħal dan, l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru għandha tinforma lill-persuna milquta u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra kkonċernati mingħajr dewmien”.
B. Id-dritt nazzjonali
13. Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li, fil-Latvja, id-Direttiva MST ġiet trasposta mil-Likums “Par nodokļiem un nodevām” (il-Liġi dwar it-Taxxi u d-Dazji) (Latvijas Vēstnesis Nru 26 tat‑18 ta’ Frar 1995) (kif emendata bil-Liġi tas‑17 ta’ Ottubru 2019, fis-seħħ mit‑23 ta’ Ottubru 2019, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar it-Taxxi u d-Dazji”), Kapitolu XV, intitolat “Riżoluzzjoni ta’ tilwim li jqum mal-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea rigward l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ ftehimiet internazzjonali li jipprevedu l-eliminazzjoni tat-taxxa doppja tad-dħul u tal-kapital”.
14. Skont l-Artikolu 119(2) ta’ din il-liġi (“Dispożizzjonijiet ġenerali rigward is-soluzzjoni tat-tilwim”), “għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, it-taxxa doppja tfisser l-impożizzjoni ta’ taxxi fil-Latvja u fi Stat Membru tal-Unjoni ieħor fir-rigward tal-istess dħul jew kapital taxxabbli, jekk tali taxxi jkunu suġġetti għall-applikazzjoni ta’ trattati internazzjonali li jipprevedu l-eliminazzjoni tat-taxxa doppja tad-dħul u tal-kapital u jekk tali impożizzjoni tkun tirriżulta, tal-inqas, f’waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
1. impożizzjoni fiskali addizzjonali;
2. żieda fl-obbligazzjonijiet fiskali;
3. kanċellazzjoni jew tnaqqis tat-telf li jista’ jintuża sabiex jitnaqqas id-dħul taxxabbli.
[…]”
15. Il-qorti tar-rinviju tirreferi għad-dispożizzjonijiet segwenti ta’ din il-liġi li jikkonċernaw il-preżentata tal-ilment (l-Artikolu 120(1) u (5) tal-Liġi dwar it-Taxxi u d-Dazji); l-eżami tat-tilwima skont il-proċedura ta’ ftehim reċiproku (l-Artikolu 121(1) u (4) tal-Liġi dwar it-Taxxi u d-Dazji); u l-istabbiliment ta’ Kummissjoni Konsultattiva (il-punt 2 tal-Artikolu 123(1) tal-Liġi dwar it-Taxxi u d-Dazji).
16. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 132(5) tal-Liġi dwar it-Taxxi u d-Dazji, “is-Servizz Fiskali tal-Istat jista’ jirrifjuta lil kontribwent id-dritt li jagħmel użu mill-proċedura ta’ soluzzjoni tat-tilwim imsemmija fl-Artikolu 123 ta’ din il-Liġi jekk jikkonstata, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ partikolari, li t-tilwim ma jirrigwardax it-taxxa doppja. F’dan il-każ, is-Servizz Fiskali tal-Istat għandu immedjatament jinforma lill-kontribwent u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tal-Unjoni kkonċernati”.
17. Il-qorti tar-rinviju tirreferi wkoll għall-punt 2 tal-Artikolu 5(1) u għall-Artikolu 5(2) tal-Uzņēmumu ienākuma nodokļa likums (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji) (Latvijas Vēstnesis, 2017, Nru 156) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji”).
C. Id‑dritt internazzjonali
18. Fl‑14 ta’ Marzu 1994, ir-Repubblika tal-Latvja u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kkonkludew konvenzjoni għall-ħelsien mit-taxxa doppja u l-prevenzjoni tal-frodi fiskali, li tirregola b’mod partikolari t-taxxa fuq l-introjtu tal-kumpanniji (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni” (6)).
19. L-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni jiddefinixxi t-terminu “proprjetà immobbli” bħala li għandu “t-tifsira mogħtija lilu skont id-dritt tal-Istat kontraenti fejn tinsab il-proprjetà inkwistjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u jagħti lista indikattiva tal-elementi koperti minn din id-definizzjoni (7).
20. L-Artikolu 13(1) ta’ din il-Konvenzjoni jipprevedi li “l-qligħ miksub minn resident ta’ Stat Kontraenti mit-trasferiment ta’ proprjetà immobbli msemmija fl-Artikolu 6 li tinsab fl-Istat kontraenti l-ieħor jista’ jiġi ntaxxat f’dan l-Istat l-ieħor” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
21. Skont l-Artikolu 13(4), “il-qligħ mit-trasferiment ta’ kwalunkwe proprjetà minbarra dik imsemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 huwa taxxabbli biss fl-Istat kontraenti fejn jirrisjedi ċ-ċedent” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
III. Il-fatti, il-proċedura nazzjonali u d-domandi preliminari
22. UAB Maxima LT, kumpannija stabbilita fil-Litwanja u r-rikorrenti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”), hija s-suċċessur ġuridiku ta’ Lincoln Land Erste B.V., kumpannija stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi. Din l-aħħar kumpannija biegħet l-azzjonijiet tagħha fi 13‑il kumpannija stabbiliti fil-Latvja lil kumpannija Latvjana, SIA MAXIMA Latvija, fl‑20 ta’ Mejju 2020.
23. Peress li iktar minn 50 % tal-valur tal-assi ta’ 12 mill-kumpanniji kien jikkonsisti fi proprjetajiet immobbli li jinsabu fil-Latvja, it-tranżazzjoni tqieset bħala bejgħ ta’ proprjetà immobbli skont id-dritt Latvjan u għaldaqstant id-dħul li rriżulta minn dan ġie ntaxxat, fuq rakkomandazzjoni tal-Valsts ieņēmumu dienests (l-Awtorità tat-Taxxa tal-Istat, il-Latvja; iktar ’il quddiem il-“VID”) (8). Fl-istess ħin, id-dħul inkwistjoni ġie kkunsidrat mill-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi bħala suġġett għall-kompetenza fiskali tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-finijiet tat-taxxa fuq il-kumpanniji (minn resident tal-Pajjiżi l-Baxxi).
24. Peress li qieset li t-tranżazzjoni inkwistjoni kienet tinvolvi riskju ta’ taxxa doppja fil-Latvja u fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-bejjiegħ informa lill-VID, fl‑20 ta’ Lulju 2020, li l-kwistjoni kienet ġiet sottomessa lill-awtorità kompetenti tal-Pajjiżi l-Baxxi.
25. Il-VID bdiet, bid-deċiżjoni tat‑8 ta’ Marzu 2021, il-proċedura ta’ ftehim reċiproku fis-sens tad-Direttiva MST. Il-pożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti taż-żewġ Stati Membri kienet differenti fir-rigward ta’ liema dispożizzjoni tal-Konvenzjoni għandha tapplika għad-dħul inkwistjoni. Skont il-VID, ir-Repubblika tal-Latvja kienet intitolata li tiġbor it-taxxa skont l-Artikolu 13(1) tal-Konvenzjoni minħabba li t-tranżazzjoni kienet tikkonċerna proprjetà immobbli li tinsab fil-Latvja. Fl-istess ħin, l-awtorità tal-Pajjiżi l-Baxxi qieset li d-dħul kien jikkostitwixxi qligħ kapitali minn “proprjetà oħra”, fis-sens tal-Artikolu 13(4) ta’ din il-Konvenzjoni, u li dan il-qligħ kapitali kien taxxabbli biss fl-Istat kontraenti li ċ-ċedent kien residenti fih, jiġifieri fil-Pajjiżi l-Baxxi.
26. Fil‑11 ta’ Marzu 2024, il-VID informat lir-rikorrenti li ma ntlaħaq l-ebda ftehim matul il-perijodu ta’ tliet snin applikabbli. Hija indikat ukoll li ebda dokument jew prova tat-tassazzjoni ta’ dan id-dħul fil-Pajjiżi l-Baxxi ma kienu ġew irċevuti matul il-proċedura ta’ ftehim reċiproku.
27. F’dan ir-rigward, mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li d-dħul mill-bejgħ tal-azzjonijiet inkwistjoni ġie rreġistrat fil-kont tal-profitt u t-telf tal-bejjiegħ għall-finijiet tat-taxxa fuq il-kumpanniji għall‑2020. Madankollu, dan id-dħul ġie eżentat mit-taxxa b’applikazzjoni tal-kundizzjonijiet rilevanti previsti mid-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi (9).
28. Fit‑22 ta’ April 2024, ir-rikorrenti talbet lill-VID biex tistabbilixxi Kummissjoni Konsultattiva.
29. Il-VID ċaħdet dik it-talba bid-deċiżjoni tal‑31 ta’ Lulju 2024 billi rreferiet għall-fatt li d-dħul mill-bejgħ tal-azzjonijiet kien eżentat mit-taxxa fil-Pajjiżi l-Baxxi u għalhekk ma kien hemm l-ebda taxxa doppja.
30. Ir-rikorrenti adixxiet lill-qorti tar-rinviju sabiex il-VID tiġi ordnata twaqqaf Kummissjoni Konsultattiva. Hija tirreferi għall-fatt li t-tranżazzjoni kienet suġġetta għas-sistema fiskali tal-Pajjiżi l-Baxxa, kif ġie indikat, skont ir-rikorrenti, minn rappreżentant tal-awtorità tat-taxxa tal-Pajjiżi l-Baxxi. Barra minn hekk, hija ssostni li, kieku l-kundizzjonijiet fid-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-eżenzjoni mit-taxxa ma kinux ġew issodisfatti, id-dħul kien ikun suġġett għat-taxxa fuq il-kumpanniji kemm fil-Latvja kif ukoll fil-Pajjiżi l-Baxxi. Peress li l-proċedura ta’ ftehim reċiproku falliet, ir-rikorrenti tqis li l-VID kienet obbligata tistabbilixxi Kummissjoni Konsultattiva skont l-Artikolu 123(1) tal-Liġi dwar it-Taxxi u d-Dazji, minħabba li l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma timplika ebda setgħa diskrezzjonali. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li, billi ċaħdet it-talba tagħha, il-VID irrestrinġiet id-drittijiet tagħha żgurati mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-moviment liberu tal-kapital (Artikolu 63 TFUE), il-libertà ta’ stabbiliment (Artikolu 49 TFUE) u d-dritt tagħha għal rimedju effettiv (Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; iktar ’il quddiem il-“Karta”).
31. Il-VID topponi din l-allegazzjoni, billi tirreferi, essenzjalment, għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punt 29 iktar ’il fuq.
32. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“(1) L-Artikolu 6(1)(b) tad-[Direttiva MST], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru għandha l-obbligu li tistabbilixxi [K]ummissjoni [K]onsultattiva, fuq talba tal-persuna kkonċernata, meta l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati jkunu aċċettaw l-ilment imressaq mill-persuna kkonċernata, iżda ma jkunux laħqu ftehim dwar kif il-kwistjoni kontenzjuża għandha tiġi solvuta bi qbil komuni fit-terminu previst fl-Artikolu 4(1) [tal-istess direttiva]?
(2) Il-kunċett ta’ ‘taxxa doppja’ li jinsab fl-Artikolu 2(1)(c) tad-[Direttiva MST] għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk f’din il-kawża, ikun hemm taxxa doppja wkoll meta l-istess dħul huwa suġġett għas-sistemi fiskali ta’ żewġ Stati Membri, anki meta dan id-dħul huwa eżentat mit-taxxa f’wieħed minn dawn l-Istati Membri?
(3) Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda, l-Artikolu 16(7) tad-[Direttiva MST] għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk f’din il-kawża, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ma jistgħux, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom, jirrifjutaw lill-persuna kkonċernata aċċess għal [K]ummissjoni [K]onsultattiva għas-soluzzjoni tat-tilwim meta l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ma jkunux laħqu ftehim dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni korretti tal-konvenzjoni fiskali bilaterali, li minnha jiddependi l-Istat Membru li għandu d-dritt li jintaxxa d-dħul?”
33. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub fil-proċedura ineżami mir-rikorrenti, mill-Gvern Latvjan, Belġjan, Spanjol, Franċiż, Pollakk u Finlandiż kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Ma saret ebda seduta.
IV. Analiżi
34. Il-kwistjoni ewlenija mqajma f’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari hija jekk l-awtoritajiet ta’ Stat Membru partikolari jistgħux b’mod leġittimu jiċħdu talba ppreżentata minn kontribwent biex tiġi stabbilita Kummissjoni Konsultattiva fis-sens tad-Direttiva MST, sabiex jiġi indirizzat nuqqas ta’ qbil bejn l-awtoritajiet tat-taxxa ta’ żewġ Stati Membri dwar l-interpretazzjoni ta’ ftehim tat-taxxa. Peress li, skont id-Direttiva MST, l-aċċess għal din il-kummissjoni jista’ jiġi rrifjutat meta s-sitwazzjoni “ma tinvolvix taxxa doppja”, il-qorti tar-rinviju tistaqsi (permezz tat-tieni domanda preliminari li, infakkar, hija l-unika waħda indirizzata f’dawn il-konklużjonijiet) jekk il-kunċett ta’ taxxa doppja kif iddefinit f’din id-direttiva jkoprix sitwazzjoni li fiha d-dħul inkwistjoni jkun jaqa’ taħt il-kompetenzi fiskali ta’ żewġ Stati Membri, iżda jkun eżentat mit-taxxa f’waħda minnhom.
35. Fl-analiżi tiegħi, ser nikkonkludi li r-risposta għal din id-domanda għandha tkun fin-negattiv, skont il-pożizzjonijiet tal-gvernijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet f’din il-proċedura u bi qbil mal-fehma tal-Kummissjoni. Qabel ma nesponi r-raġunijiet li fuqhom ser nibbaża ruħi (B), ser nipprovdi osservazzjonijiet dwar il-kuntest regolatorju rilevanti (A).
A. L-eliminazzjoni tat-taxxa doppja u d-Direttiva MST
36. Sabiex l-eżami tat-tieni domanda preliminari jitqiegħed fil-kuntest xieraq tiegħu, nixtieq nagħmel tliet sensiliet ta’ osservazzjonijiet.
37. L-ewwel, infakkar li t-tassazzjoni diretta taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri għalkemm l-azzjoni tagħhom f’dan il-qasam trid tkun konformi mal-obbligi ġenerali li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-libertajiet fundamentali żgurati mit-Trattat FUE (10) (kif ukoll mal-obbligi ddefiniti f’miżuri speċifiċi ta’ armonizzazzjoni). F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li l-iżvantaġġi li jirriżultaw mill-eżerċizzju ta’ kompetenzi fiskali paralleli ma jikkostitwixxux restrizzjonijiet ipprojbiti mit-Trattat FUE, sa fejn tali eżerċizzju ma huwiex diskriminatorju (11). B’hekk, sa fejn il-kwistjoni partikolari ma tkunx irregolata minn xi miżura ta’ armonizzazzjoni, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jiddefinixxu, permezz ta’ trattat jew unilateralment, il-kriterji għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ tassazzjoni tagħhom, b’mod partikolari sabiex tiġi eliminata t-taxxa doppja, u dan jistgħu jagħmluh billi japplikaw, b’mod partikolari, il-kriterji segwiti fil-prattika fiskali internazzjonali (12).
38. It-tieni, kif diġà sar aċċenn, it-taxxa doppja titqies mhux mixtieqa minħabba l-“effetti dannużi fuq l-iskambju ta’ prodotti u servizzi u l-movimenti tal-kapital, teknoloġija u persuni” rrikonoxxuti tagħha u għalhekk fuq “l-iżvilupp tar-relazzjonijiet ekonomiċi bejn il-pajjiżi” (13) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-ftehimiet bilaterali li jipprevedu l-eliminazzjoni tat-taxxa doppja li, f’dan ir-rigward, jidher li fil-parti l-kbira ħafna tagħhom huma bbażati fuq il-Mudelli tal-OECD jew tan-NU, jitqiesu bħala strumentali sabiex jimmitigaw l-effetti negattivi stabbiliti iktar ’il fuq. Dawn għandhom l-għan, b’mod partikolari, li jevitaw it-taxxa doppja billi jallokaw id-drittijiet tal-Istati kontraenti li jintaxxaw l-elementi ta’ dħul speċifikati (fir-rigward tal-kategoriji tat-taxxa elenkati fil-ftehim inkwistjoni). Dawn ir-regoli ta’ allokazzjoni ġeneralment jagħtu drittijiet esklużivi ta’ tassazzjoni lil wieħed mill-Istati kontraenti, jew jawtorizzaw it-taxxa fiż-żewġ Stati, filwaqt li jipprevedu l-ħelsien mit-taxxa doppja, b’mod partikolari, permezz tal-metodu tal-eżenzjoni jew tal-kreditu ta’ taxxa.
39. Minkejja dan, għandu jingħad ukoll li l-għan li tiġi eliminata t-taxxa doppja spiss jiġi indirizzat b’mod parallel mal-għan tal-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa (14). Bl-istess mod, fl-2017, ġie miżjud preambolu kemm fil-Mudell tal-OECD kif ukoll fil-Mudell tan-NU sabiex jiġi rrikonoxxut li l-għan tal-eliminazzjoni tat-taxxa doppja ma għandux joħloq opportunitajiet għan-nontassazzjoni jew tnaqqis fit-taxxa (15).
40. It-tielet, daqskemm hija rrikonoxxuta l-ħtieġa li jintlaħqu l-għanijiet tal-prevenzjoni tat-taxxa doppja (u tan-nontassazzjoni doppja), daqstant ieħor huma l-kumplessitajiet li fuqhom huma bbażati l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ diversi kunċetti użati fil-ftehimiet fiskali, li l-kawża ineżami hija eżempju tajjeb tagħhom (16).
41. Sabiex jiġi indirizzat dan in-nuqqas ta’ qbil, it-trattati dwar it-taxxa fihom dispożizzjonijiet dwar is-soluzzjoni tat-tilwim. Dawn tal-aħħar tipikament jinvolvu obbligu għall-awtoritajiet rispettivi li “jagħmlu ħilithom” sabiex isolvu l-kwistjoni, unilateralment jew permezz ta’ proċedura ta’ ftehim reċiproku. Jekk dawn l-isforzi jfallu, huwa possibbli li jiġi previst arbitraġġ li, bħall-proċedura ta’ ftehim reċiproku, huwa proċedura bejn l-awtoritajiet tat-taxxa kkonċernati (u għalhekk ma huwiex proċedura li fiha l-kontribwent jaġixxi bħala parti fit-tilwima). Tali sistema hija prevista, inter alia, fl-Artikolu 25 tal-Mudell tal-OECD tal‑2017, fl-Artikolu 25 (Alternattiva B) tal-Mudell tan-NU tal-2025, fl-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni (17), jew fl-Artikolu 6 et seq. tal-Konvenzjoni tal-Unjoni dwar l-Arbitraġġ (18).
42. Billi qies li dawn il-mekkaniżmi tad-dritt internazzjonali jistgħu ma jiksbux soluzzjoni effettiva ta’ tilwimiet tat-taxxa transkonfinali “fil-ħin fil-każijiet kollha” (19), il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta d-Direttiva MST bil-għan li joffri soluzzjoni iktar effiċjenti.
43. Din id-direttiva ssegwi, bħall-istrumenti preeżistenti msemmija iktar ’il fuq, struttura fi tliet stadji ((i) tressiq ta’ lment, (ii) proċedura ta’ ftehim reċiproku u (iii) proċedura quddiem Kummissjoni Konsultattiva), u l-valur miżjud tagħha jinsab fil-kamp ta’ applikazzjoni ġenerali tagħha (20), fir-rwol imsaħħaħ tal-kontribwent (21) u f’diversi regoli speċifiċi li jiżguraw l-iżvolġiment tal-proċedura fil-limiti ta’ żmien applikabbli, u b’hekk tikkontribwixxi għall-effettività u l-kompletezza tas-sistema kollha (22).
44. Mingħajr ħtieġa li dan il-proċess jiġi deskritt fid-dettall, il-karatteristiċi ewlenin tat-tliet stadji ewlenin tiegħu huma dawn li ġejjin.
45. L-ewwel pass huwa li l-persuna kkonċernata tressaq ilment dwar il-kwistjoni partikolari quddiem kull waħda mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati. Meta tressaq l-ilment, il-persuna kkonċernata trid tissodisfa għadd ta’ rekwiżiti, u l-istadju jintemm b’deċiżjoni dwar jekk l-ilment għandux jiġi aċċettat jew miċħud, li għandha tittieħed fi żmien sitt xhur (23).
46. Meta l-ilment jiġi aċċettat u sakemm l-awtorità kkonċernata ma ssolvix il-kwistjoni b’mod unilaterali, il-kwistjoni timxi, it-tieni, għall-istadju ta’ ftehim reċiproku. F’dan l-istadju, l-awtoritajiet kompetenti għandhom l-obbligu li “jagħmlu ħilithom biex isolvu” l-kwistjoni. Jekk jiġi konkluż ftehim reċiproku, dan ikun jikkostitwixxi deċiżjoni li torbot lill-awtoritajiet u li tkun infurzabbli mill-persuna kkonċernata, sakemm din il-persuna taċċettaha u tirrinunzja d-dritt għal kwalunkwe rimedju ieħor. Dan l-istadju għandu jitlesta f’terminu ta’ sentejn, li jista’ jiġi estiż b’sena (24).
47. It-tielet, fl-assenza ta’ ftehim, jinħoloq, bħala prinċipju, obbligu li tiġi stabbilita Kummissjoni Konsultattiva (fuq talba tal-persuna kkonċernata). Il-kummissjoni stabbilita b’dan il-mod għandha tagħti opinjoni dwar il-kwistjoni fi żmien sitt xhur, li jistgħu jiġu estiżi għal disa’ xhur (25). Madankollu, b’deroga mill-obbligu li tiġi stabbilita Kummissjoni Konsultattiva, l-Artikolu 16(7) tad-Direttiva MST jippermetti lill-Istati Membri jirrifjutaw l-aċċess għal dan l-istadju tal-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim fuq bażi ta’ każ b’każ meta l-kwistjoni “ma tinvolvix taxxa doppja”. Il-Latvja għamlet użu minn din il-possibbiltà.
48. Fid-dawl tal-osservazzjonijiet ġenerali preċedenti, ser nindirizza issa l-kwistjoni speċifika mqajma mit-tieni domanda preliminari.
B. Il-kunċett ta’ taxxa doppja fid-Direttiva MST
49. Fir-rigward tal-kunċett ta’ “taxxa doppja” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(c) tad-Direttiva MST, nirrileva li dan huwa ddefinit bħala “l-impożizzjoni minn żewġ Stati Membri jew aktar ta’ taxxi koperti minn ftehim jew konvenzjoni [li jipprevedu l-eliminazzjoni ta’ taxxa doppja fuq l-introjtu u, fejn applikabbli, fuq il-kapital] fir-rigward tal-istess introjtu jew kapital taxxabbli meta din twassal jew għal (i) imposta ta’ taxxa addizzjonali, jew għal (ii) żieda fl-obbligazzjonijiet tat-taxxa jew inkella għal (iii) kanċellazzjoni jew tnaqqis tat-telf li jistgħu jintużaw biex jiġu paċuti l-profitti taxxabbli”.
50. Din id-definizzjoni ma tirreferix għal-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri, li jimplika, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, li hija għandha tingħata, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni indipendenti u uniformi filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-formulazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni, il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (26). Ser neżamina dawn it-tliet aspetti suċċessivament.
1. Kunsiderazzjoni tal-formulazzjoni tad-definizzjoni
51. Bi qbil mal-gvernijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u mal-Kummissjoni, jiena tal-fehma li l-formulazzjoni tal-Artikolu 2(1)(c) tad-Direttiva MST tindika b’mod pjuttost ċar li, sabiex isseħħ sitwazzjoni ta’ taxxa doppja fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, id-dħul jew il-kapital inkwistjoni għandu mhux biss ikun suġġett għal kompetenzi fiskali ta’ żewġ Stati Membri (jew iktar), iżda l-eżerċizzju ta’ dawn il-kompetenzi paralleli għandu jwassal ukoll għal taxxa effettiva fl-Istati kkonċernati. Fi kliem ieħor, is-sempliċi fatt li l-istess dħul jista’ jiġi suġġett għal żewġ ġuriżdizzjonijiet fiskali (jew iktar) fl-astratt ma huwiex biżżejjed, fil-fehma tiegħi, sabiex isseħħ sitwazzjoni ta’ taxxa doppja fis-sens tad-Direttiva MST.
52. Inqis li l-konklużjoni ta’ hawn fuq tirriżulta mill-użu tat-terminu “impożizzjoni” fl-Artikolu 2(1)(c) tad-Direttiva MST kif ukoll mit-termini (i) “imposta ta’ taxxa addizzjonali”; (ii) “żieda fl-obbligazzjonijiet tat-taxxa”; jew (iii) “kanċellazzjoni jew tnaqqis tat-telf li jistgħu jintużaw biex jiġu paċuti l-profitti taxxabbli” użati f’din id-dispożizzjoni.
53. Fil-fatt, u l-ewwel, it-terminu “impożizzjoni” jirreferi, fil-fehma tiegħi, għall-idea li t-taxxi fuq id-dħul jew fuq il-kapital partikolari jinġabru pjuttost milli sempliċement ikunu dovuti b’mod ipotetiku. It-tieni, il-kliem “imposta ta’ taxxa addizzjonali”, “żieda fl-obbligazzjonijiet tat-taxxa”; jew “kanċellazzjoni jew tnaqqis tat-telf li jistgħu jintużaw biex jiġu paċuti l-profitti taxxabbli” ma jiddeskrivux sitwazzjoni fejn l-istess dħul jew kapital huwa suġġett għal kompetenzi fiskali kompetituri, iżda jidentifikaw il-konsegwenzi ekonomiċi speċifiċi (għall-kontribwent) li tali sovrappożizzjoni għandha tiskatta. Kull wieħed minn dawn l-elementi jikkonferma, fil-fehma tiegħi, li l-kunċett ta’ “taxxa doppja” għandu jinftiehem fis-sens tal-ġbir effettiv ta’ taxxi.
54. Bħala paragun fil-qosor, filwaqt li la l-Mudell tal-OECD tal-2017 u dak tan-NU tal-2025 u lanqas l-eżempji tat-trattati dwar it-taxxa li stajt nikkonsulta ma jidhru li jinkludu definizzjoni ġenerali ta’ x’jikkostitwixxi taxxa doppja (għall-finijiet rispettivi ta’ dawn l-istrumenti), il-kummentarju tal-Mudell tal-OECD tal‑2017 jiddeskrivi t-taxxa doppja bħala “l-impożizzjoni ta’ taxxi paragunabbli f’żewġ Stati (jew iktar) fuq l-istess kontribwent għall-istess suġġett u għal perijodi identiċi” (27) [traduzzjoni mhux uffiċjali].
55. Għalkemm il-kontenut preċiż tad-diversi trattati dwar it-taxxa jista’ jvarja, spjegajt iktar ’il fuq li l-Mudell tal-OECD ġie emendat sabiex jiġi enfasizzat, fil-preambolu tiegħu, li l-isforzi intiżi sabiex tiġi eliminata t-taxxa doppja ma għandhomx iwasslu għal sitwazzjoni ta’ nontassazzjoni doppja jew ta’ tnaqqis fit-taxxa. Fil-fehma tiegħi, tali għan jagħmilha pjuttost improbabbli li t-taxxa doppja, bħala l-fenomenu li għandu jiġi evitat u deskritt bħala impożizzjoni parallela, tinftiehem b’mod purament astratt iktar milli bħala sitwazzjoni li fiha t-taxxi jinġabru iktar minn darba fir-rigward tal-istess element ta’ dħul (28).
56. Fi kwalunkwe każ, jidhirli li, kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jadotta kunċett ta’ taxxa doppja tant wiesa’ li jkopri s-sitwazzjonijiet li fihom l-istess dħul jew kapital ikun, b’mod astratt, sempliċement suġġett għal ġuriżdizzjonijiet fiskali kompetituri, id-definizzjoni li tirriżulta tkun pjuttost differenti. Fil-fehma tiegħi, din ma tkunx tirreferi għal “impożizzjoni” u lanqas ma tkun iddefinita b’riferiment għat-tliet tipi ta’ konsegwenzi ekonomiċi deskritti iktar ’il fuq (imposta ta’ taxxa addizzjonali, eċċ.). Fil-fatt, li kieku l-kunċett ta’ taxxa doppja kien ġie ddefinit b’riferiment għas-sempliċi eżistenza ta’ kompetenzi fiskali paralleli, id-deskrizzjoni ta’ dawn il-konsegwenzi ma kien ikollha ebda effett prattiku.
57. Għalhekk, meta nikkunsidra l-formulazzjoni tal-Artikolu 2(1)(c) tad-Direttiva MST nasal biex nissuġġerixxi li l-kunċett ta’ “taxxa doppja” li huwa ddefinit fih ma jkoprix sitwazzjoni li fiha d-dħul partikolari huwa suġġett għall-kompetenza fiskali ta’ żewġ Stati Membri, iżda huwa eżentat mit-taxxa f’wieħed minnhom. L-istess konklużjoni tirriżulta mill-eżami tal-kuntest rilevanti, li ser nagħmel issa.
2. Il-kuntest rilevanti tad-definizzjoni
58. Minbarra d-definizzjoni ineżami, it-terminu “taxxa doppja” jidher fit-test prinċipali tad-Direttiva MST biss f’żewġ okkażjonijiet oħra.
59. Dan jinsab, l-ewwel, fl-Artikolu 1 tad-Direttiva MST, li jippreċiża s-“suġġett u kamp ta’ applikazzjoni” ta’ din id-direttiva. Għandu jitfakkar li din id-direttiva għandha tistabbilixxi mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-Istati Membri meta dan “jirriżulta mill-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ ftehimiet u konvenzjonijiet li jipprevedu l-eliminazzjoni ta’ taxxa doppja fuq l-introjtu u, fejn applikabbli, fuq il-kapital” (29).
60. Din id-dispożizzjoni hija kjarament essenzjali sabiex jiġu identifikati liema kwistjonijiet jistgħu jkunu suġġetti għall-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim ipprovdut mid-Direttiva MST ikkunsidrata b’mod sħiħ. Dawn il-ftehimiet u konvenzjonijiet huma strumenti tad-dritt internazzjonali u bħala tali huma differenti mid-Direttiva MST u mill-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim stabbilit minn din id-direttiva. Għalhekk naqbel mal-Gvern Belġjan li d-deskrizzjoni tat-trattati rilevanti dwar it-taxxa fid-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva ma tiddeterminax direttament kif id-definizzjoni speċifika ta’ “taxxa doppja” li tinsab fl-Artikolu 2(1)(c) ta’ din id-direttiva għandha tinftiehem għall-finijiet ta’ dan l-istrument tad-dritt tal-Unjoni.
61. It-tieni, u b’kuntrast ma’ dan, jiena tal-fehma li l-Artikolu 16(7) tad-Direttiva MST huwa direttament rilevanti għal din il-fehma. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tinkludi l-unika darba (minbarra l-Artikolu 2(1)(c) ta’ din id-direttiva) fejn it-terminu “taxxa doppja” jintuża b’mod awtonomu (jiġifieri mhux bħala parti mid-deskrizzjoni tat-trattati dwar it-taxxa doppja). Għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tintroduċi eċċezzjoni għall-obbligu tal-Istati Membri li jistabbilixxu Kummissjoni Konsultattiva li tapplika meta s-sitwazzjoni inkwistjoni “ma tinvolvix taxxa doppja”.
62. Kif irrilevaw, essenzjalment, il-Gvern Belġjan, Franċiż u Pollakk kif ukoll il-Kummissjoni, id-deroga prevista fl-Artikolu 16(7) tad-Direttiva MST tintroduċi differenza fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura ta’ ftehim reċiproku, minn naħa, u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura quddiem il-Kummissjoni Konsultattiva, min-naħa l-oħra.
63. Fil-fatt, il-proċedura ta’ ftehim reċiproku tista’ tikkonċerna kwalunkwe kwistjoni li tinqala’ mill-interpretazzjoni jew mill-applikazzjoni ta’ trattat dwar it-taxxa doppja (kif jidher ċar mid-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva MST fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva), inkluża kwistjoni li ma għandhiex x’taqsam mat-taxxa doppja (bħal kwistjoni dwar jekk it-taxxi ġewx imposti skont trattat partikolari). B’kuntrast ma’ dan, l-aċċess għal Kummissjoni Konsultattiva jista’ jkun ristrett għal kwistjonijiet li “jinvolvu taxxa doppja”.
64. Fi kliem ieħor, meta jitqies fl-intier tiegħu, il-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim previst mid-Direttiva MST jista’ – iżda mhux neċessarjament – jikkonċerna tilwim relatat mat-taxxa doppja, skont l-istadju tal-mekkaniżmu kkunsidrat u jekk l-Istat Membru kkonċernat ikunx iddeċieda li jimplimenta d-deroga prevista fl-Artikolu 16(7) tad-Direttiva MST. Il-fatt li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim, meqjus fl-intier tiegħu, għandu jiġi ddifferenzjat, huwa, f’dan ir-rigward, irrikonoxxut fil-premessi tad-Direttiva li jirreferu, essenzjalment, għall-bżonn ta’ soluzzjoni effettiva tat-tilwim kopert mid-Direttiva MST, b’mod partikolari (u għalhekk inżid, mhux biss) tilwim li jwassal għat-taxxa doppja (30).
65. Nirrileva li s-sistema f’żewġ stadji tas-sistema għas-soluzzjoni tat-tilwim b’kampijiet ta’ applikazzjoni ddifferenzjati ratione materiae tidher li hija r-riżultat tan-negozjati li seħħew fil-kuntest tal-proċess leġiżlattiv. Fil-fatt, id-dispożizzjoni li tikkorrispondi għall-Artikolu 16(7) tad-Direttiva MST ma kinitx inkluża fil-proposta tal-Kummissjoni iżda jidher li toriġina minn test ta’ kompromess, kif essenzjalment osservaw il-Gvern Belġjan, Franċiż u Latvjan (31). Din l-inklużjoni kienet parti minn bidliet oħra, iktar ġenerali, fit-test propost.
66. Fil-proposta tagħha, il-Kummissjoni riedet b’mod partikolari li l-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim ikun applikabbli għat-“tilwim bejn l-Istati Membri dwar kif għandha tiġi eliminata t-tassazzjoni doppja [...]” (32). F’din il-perspettiva, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva MST adottata huwa fil-fatt usa’ minn dak inizjalment intiż għaliex, sa fejn jirriżulta mill-interpretazzjoni u mill-applikazzjoni ta’ ftehim fiskali, it-tilwim “eliġibbli” ma għandux neċessarjament jikkonċerna l-eliminazzjoni tat-taxxa doppja. Fil-fatt, il-kwistjoni li għandha tiġi riżolta hija fformulata fis-sens ta’ “kwistjoni ta’ tilwim”, li hija taqsira użata fl-Artikolu 1 tad-Direttiva MST sabiex tiddeskrivi kwistjoni li tagħti lok għal tilwima li tirriżulta mill-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ ftehimiet dwar it-taxxa.
67. F’dan il-kuntest, l-inklużjoni tar-regola fl-Artikolu 16(7) tad-Direttiva MST tikkumpensa għat-twessiegħ tal-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema għas-soluzzjoni tat-tilwim bil-possibbiltà offruta lill-Istati Membri li jillimitaw l-istadju speċifiku quddiem il-Kummissjoni Konsultattiva għal każijiet ta’ “taxxa doppja”. Għalkemm l-Artikolu 16(7) ma fih ebda preċiżazzjoni addizzjonali dwar it-tifsira ta’ dawn it-termini, il-fatt li l-funzjoni tagħhom hija li jillimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ stadju ta’ soluzzjoni ta’ tilwim wieħed meta mqabbel ma’ stadju preċedenti jikkonferma li ma għandhomx jingħataw tifsira li tmur lil hinn minn dik li tirriżulta mill-kunsiderazzjoni testwali li tinsab fil-parti preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet.
68. Nixtieq inżid, bi qbil mal-Gvern Belġjan u dak Finlandiż, li l-konklużjoni li t-terminu “taxxa doppja” li jinsab fl-Artikolu 2(1)(c) u fl-Artikolu 16(7) tad-Direttiva MST jirreferi għat-taxxa doppja effettiva u mhux għal taxxa doppja ipotetika ma hijiex affettwata mill-fatt li, fil-proposta, il-Kummissjoni ssuġġerixxiet li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva futura “introjtu jew kapital fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni mit-taxxa jew li għalihom tapplika r-rata tat-taxxa żero skont ir-regoli nazzjonali” (33), filwaqt li din l-esklużjoni ma tinsabx fit-test adottat.
69. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju taqbel mal-pożizzjoni adottata mir-rikorrenti quddiemha (u fil-proċedura ineżami) li din il-bidla partikolari fil-proċess leġiżlattiv tfisser li l-kunċett ta’ taxxa doppja skont l-Artikolu 2(1)(c) tad-Direttiva MST huwa wiesa’ u jkopri wkoll sitwazzjonijiet li jinvolvu dħul li huwa suġġett għal żewġ kompetenzi fiskali paralleli mingħajr ma jiġi effettivament intaxxat darbtejn. Dan imbagħad ikun ifisser li d-deroga prevista fl-Artikolu 16(7) tad-Direttiva MST ma tistax tapplika fil-każ ta’ taxxa doppja ipotetika u li l-Istati Membri għandhom ukoll jagħtu aċċess għal Kummissjoni Konsultattiva meta din it-taxxa doppja ma tirriżultax f’taxxa li tinġabar darbtejn.
70. Sabiex nirrispondi għal dan l-argument, nirrileva li din il-bidla fil-proċess leġiżlattiv taffettwa l-kamp ta’ applikazzjoni ġenerali tas-sistema għas-soluzzjoni tat-tilwim, bir-riżultat li l-elementi ta’ dħul li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ eżenzjoni, eċċ., ma humiex esklużi mill-kwistjonijiet li jistgħu jkunu suġġetti għal dan il-mekkaniżmu. Madankollu, din il-bidla la taffettwa d-definizzjoni tat-taxxa doppja (li, barra minn hekk, baqgħet essenzjalment l-istess fit-testi proposti u adottati (34)) u lanqas il-bilanċ misjub fi ħdan is-sistema kkunsidrata fl-intier tagħha kif diġà ġie deskritt. B’mod partikolari, il-fatt li l-istadju tal-proċedura ta’ ftehim reċiproku huwa pjuttost wiesa’ ma jaffettwax id-definizzjoni iktar ristretta tal-istadju sussegwenti quddiem Kummissjoni Konsultattiva.
71. Dan il-kumment jagħlaq l-istħarriġ tiegħi tal-kuntest rilevanti li jikkonferma l-konklużjoni tal-eżami testwali espost iktar ’il fuq. Dak li fadalli nistħarreġ huma l-implikazzjonijiet tal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva MST.
3. Għanijiet imfittxija mid-Direttiva MST
72. Kif diġà osservat, id-Direttiva MST hija intiża għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwimiet relatati mal-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-trattati tat-taxxa. Minn diversi premessi ta’ din id-direttiva jirriżulta li s-soluzzjoni effettiva ta’ tali tilwim hija meħtieġa b’mod partikolari, kif tenfasizza r-rikorrenti, “[sabiex jiġu żgurati] ċ-ċertezza legali u ambjent favorevoli għan-negozju għall-investimenti sabiex jinkisbu sistemi tat-taxxa ġusti u effiċjenti fl-Unjoni” (35).
73. Ċertament, il-pożizzjoni li r-riferiment għat-taxxa doppja li jinsab fl-Artikolu 16(7) tad-Direttiva MST għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’, fis-sens li l-aċċess għal Kummissjoni Konsultattiva għandu jingħata wkoll fil-każ ta’ taxxa doppja ipotetika, tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija iktar ’il fuq. Dan iżid iċ-ċertezza legali għall-kontribwenti, peress li jekk l-Istati Membri jiġu obbligati jsolvu nuqqas ta’ qbil fir-rigward ta’ interpretazzjoni irrispettivament minn kwalunkwe impatt ekonomiku effettiv, dan jiċċara kif każijiet simili se jiġu ttrattati fil-futur. Konsegwentement, dan jista’ jikkontribwixxi sabiex jitnaqqas in-numru ta’ tilwimiet rilevanti. Wara kollox, mid-deskrizzjoni tas-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali jirriżulta li, kif issostni r-rikorrenti, tilwima dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni tippersisti bejn l-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi u Latvjani, peress li ma setgħetx tiġi solvuta fl-istadju tal-proċedura ta’ ftehim reċiproku.
74. Madankollu, mill-interpretazzjoni testwali u kuntestwali tal-partijiet preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li d-definizzjoni ta’ taxxa doppja mogħtija fl-Artikolu 2(1)(c) tad-Direttiva MST (u msemmija fl-Artikolu 16(7) tad-Direttiva MST) tkopri każijiet ta’ taxxa doppja effettiva. Għalkemm, naturalment, l-għanijiet ġenerali msemmija iktar ’il fuq jibqgħu kompletament rilevanti, mill-analiżi tiegħi iktar ’il fuq jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni jfittixhom permezz tal-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim kif speċifikament maħsub u bbilanċjat (jiġifieri, għandu jitfakkar, bħala li għandu kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ li jista’ jiġi llimitat iktar fl-aħħar stadju). L-invokar tal-għanijiet ġenerali li ispiraw l-adozzjoni tad-Direttiva MST ma jistax għalhekk jipprevali fuq dawn il-karatteristiċi u dan il-bilanċ.
75. Barra minn hekk, meta ġiet adottata d-Direttiva MST, il-leġiżlatur tal-Unjoni enfasizza l-importanza li l-mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim ikunu mhux biss komprensivi u effettivi, iżda wkoll sostenibbli (36). Fil-fehma tiegħi, l-idea ta’ sostenibbiltà tirreferi, fil-kuntest ineżami, għall-karatteristiċi ta’ sistema għas-soluzzjoni tat-tilwim li jiżguraw il-kapaċità tagħha li tiffunzjona u li tipproduċi riżultati fit-termini applikabbli (fuq perijodu ta’ żmien twil). It-tfittxija ta’ dan l-għan hija kompletament allinjata mad-definizzjoni ta’ taxxa doppja bħala taxxa doppja effettiva, filwaqt li din id-definizzjoni hija l-parametru rilevanti li jagħmilha possibbli li stadju partikolari tas-sistema għas-soluzzjoni tat-tilwim jiġi llimitat għal sitwazzjonijiet fejn l-Istati Membri jfittxu li jipproteġu l-bażi tat-taxxa tagħhom (u fejn ir-riskju ta’ piż fiskali eċċessiv għall-kontribwent jista’ fil-fatt jimmaterjalizza).
76. Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jwassluni sabiex nikkonkludi li r-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li t-terminu “taxxa doppja” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(c) tad-Direttiva MST ma japplikax għal sitwazzjoni li fiha l-istess dħul ikun suġġett għas-sistemi fiskali ta’ żewġ Stati Membri, iżda jkun jibbenefika minn eżenzjoni mit-taxxa f’wieħed minnhom.
V. Konklużjoni
77. Nipproponi li, għat-tieni domanda magħmula mill-Administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, il-Latvja), il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta li ġejja:
L-Artikolu 2(1)(c) tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/1852 tal‑10 ta’ Ottubru 2017 dwar Mekkaniżmi għas-Soluzzjoni tat-Tilwim dwar it-Taxxa fl-Unjoni Ewropea
għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu “taxxa doppja” li jinsab f’din id-dispożizzjoni ma japplikax għal sitwazzjoni li fiha l-istess dħul ikun suġġett għas-sistemi fiskali ta’ żewġ Stati Membri, iżda jkun jibbenefika minn eżenzjoni mit-taxxa f’wieħed minnhom.
1 Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 Għall-użu tal-espressjoni “sovranità fil-qasam tat-taxxa diretta” ara s-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 1998, Gilly (C‑336/96, EU:C:1998:221, punt 48). Ninnota li l-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi wkoll, f’dan il-kuntest, għal “sovranità fiskali”. Ara, pereżempju, is-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2015, Bukovansky (C‑241/14, EU:C:2015:766, punti 37 u 38), u tal‑14 ta’ Novembru 2006, Kerckhaert u Morres (C‑513/04, EU:C:2006:713, punti 19 sa 23).
3 Ara, pereżempju, Reimer, E. u Rust, A., Klaus Vogel on Double Taxation Conventions, il-ħames edizzjoni, Wolters Kluwer Law International, Alphen aan den Rijn, 2022, p. 14, punti 2 u 3.
4 Skont il-premessa 1 tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/1852 tal‑10 ta’ Ottubru 2017 dwar Mekkaniżmi għas-Soluzzjoni tat-Tilwim dwar it-Taxxa fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 265, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva MST”) “[s]itwazzjonijiet li fihom Stati Membri differenti jinterpretaw jew japplikaw b’mod differenti d-dispożizzjonijiet ta’ ftehimiet u konvenzjonijiet bilaterali dwar it-taxxa jew [il-Konvenzjoni tal-Unjoni dwar l-Arbitraġġ] jistgħu joħolqu ostakli tat-taxxa serji għan-negozji li joperaw b’mod transkonfinali. […]”. It-terminu “Konvenzjoni tal-Unjoni dwar l-Arbitraġġ” jirreferi għall-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni Tat-Taxxa Doppja in Konnessjoni ma’ l-Aġġustament tal-Qligħ ta’ Intrapriżi Assoċjati (90/436/KEE, ĠU 2005, C 160, p. 11).
5 Il-premessa 3 tad-Direttiva MST tipprevedi li “[l]-mekkaniżmi attwalment previsti fi trattati bilaterali dwar it-taxxa u fil-Konvenzjoni tal-Unjoni dwar l-Arbitraġġ jistgħu ma jiksbux is-soluzzjoni effettiva ta’ tali tilwim fil-ħin fil-każijiet kollha. […]”.
6 Konvenzjoni bejn ir-Repubblika tal-Latvja u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-Ħelsien mit-Taxxa Doppja u l-Prevenzjoni tal-Frodi Fiskali (Latvijas Vēstnesis, 1994, Nru 151), iffirmata f’Den Haag fl‑14 ta’ Marzu 1994 u fis-seħħ mid‑29 ta’ Jannar 1995).
7 Huwa jgħaddi mbagħad biex jgħid li “t-terminu jinkludi fi kwalunkwe każ il-proprjetà aċċessorja għall-proprjetà immobbli, il-bhejjem u t-tagħmir użat fl-agrikoltura u fil-forestrija; id-drittijiet li għalihom japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-dritt ordinarju dwar il-proprjetà immobbli, il-bini, l-użufrutt fuq il-proprjetà immobbli u d-drittijiet għal pagamenti varjabbli jew fissi bħala korrispettiv għall-isfruttament ta’, jew għad-dritt li jiġu sfruttati, id-depożiti minerali, is-sorsi u riżorsi naturali oħra. […]”
8 Skont il-punt 2 tal-Artikolu 5(1) flimkien mal-Artikolu 5(2) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji.
9 Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li l-kundizzjonijiet huma dawn li ġejjin: (i) il-parteċipazzjoni finanzjarja tkun ta’ mill-inqas 5 %; u (ii) is-sussidjarja ma tkunx miżmuma biss bħala investiment tal-portafoll; (iii) is-sussidjarja hija suġġetta għal rata ta’ taxxa effettiva raġonevoli, ibbażata fuq il-prinċipji fiskali tal-Pajjiżi l-Baxxi; jew (iv) inqas minn 50 % tal-assi tas-sussidjarja huma assi hekk imsejħa “passivi”. Dawn il-kundizzjonijiet ma humiex diskussi f’iktar dettall fid-digriet tar-rinviju.
10 Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑30 ta’ Ottubru 2025, Attal et Associés (C‑321/24, EU:C:2025:836, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata), il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott f’Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (Direttiva 2016/1164 – Taxxa Doppja) (C‑524/23, EU:C:2025:381, punt 1).
11 Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑12 ta’ Marzu 2026, Marhaux (C‑150/25, EU:C:2026:188, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal‑25 ta’ Frar 2021, Société Générale (C‑403/19, EU:C:2021:136, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2006, Kerckhaert u Morres (C‑513/04, EU:C:2006:713, punti 19 u 20).
12 Kif miġbur fil-qosor fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża L‑Awstrija vs Il‑Ġermanja (C‑648/15, EU:C:2017:311, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2026, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (Direttiva 2016/1164 – Taxxa Doppja) (C‑524/23, EU:C:2026:111, punti 100 u 101), li tikkonċerna sitwazzjoni fejn teżisti miżura ta’ armonizzazzjoni.
13 OECD, Model Tax Convention on Income and on Capital 2017 (Full Version), OECD Publishing, 2019, p. I-1, paragrafu 1 (iktar ’il quddiem il-“Mudell tal-OECD tal‑2017”). Ara wkoll United Nations Model Tax Convention 2025, United Nations, New York, 2025, p. iv, paragrafu 6 (iktar ’il quddiem il-“Mudell tan-NU tal‑2025”).
14 Kif jindika t-titolu sħiħ ta’ dawn it-trattati, li ta’ spiss jirreferi għall-eliminazzjoni tat-taxxa doppja u għall-prevenzjoni tal-frodi fiskali (jew termini simili), kif jidher li huwa l-każ fir-rigwrad tal-Konvenzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u kif tirrifletti wkoll l-emenda tat-titolu ġenerali tal-mudelli suċċessivi tal-OECD. Ara l-Mudell tal-OECD tal‑2017, p. I‑7, punt 16.
15 Ara l-Mudell tal-OECD tal‑2017, p. I-7, punt 16.1, M‑5 u M‑6 u l-Mudell tan-NU tal‑2025, p. 104, punt 52. Ara wkoll il-Konvenzjoni Multilaterali dwar l-Implimentazzjoni tal-Miżuri Relatati mat-Trattati dwar it-Taxxa għall-Prevenzjoni tal-Erożjoni tal-Bażi u t-Trasferiment tal-Profitti, adottata taħt l-awspiċji tal-OECD fl‑2016, li għandha l-għan li temenda t-trattati eżistenti dwar it-taxxa biex jiġi indirizzat ir-riskju tal-frodi fiskali u tal-evitar tat-taxxa.
16 Ara, dwar il-kumplessitajiet tal-kunċetti rilevanti użati fil-ftehimiet dwar it-taxxa, pereżempju Helminen, M., “General report” on the notion of tax and the elimination of international double taxation or double non-taxation, Cahiers de droit fiscal international. Schriften zum internationalen Steuerrecht. Studies on international fiscal law, Vol. 101B, 2016, p. 17 sa 76.
17 Imsemmija fil-punt 18 iktar ’il fuq.
18 Imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 iktar ’il fuq.
19 Premessa 3 tad-Direttiva MST, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 iktar ’il fuq.
20 Meta mqabbla, b’mod partikolari, mal-Konvenzjoni tal-Unjoni dwar l-Arbitraġġ. Ara l-premessa 7 tad-Direttiva MST li skontha “[j]enħtieġ li l-mekkaniżmu mtejjeb għas-soluzzjoni tat-tilwim jibni fuq is-sistemi eżistenti fl-Unjoni, inkluż il-Konvenzjoni tal-Unjoni dwar l-Arbitraġġ. Madankollu, jenħtieġ li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jkun usa’ minn dak tal-Konvenzjoni tal-Unjoni dwar l-Arbitraġġ, li huwa limitat għal tilwim dwar prezzar ta’ trasferiment u l-attribuzzjoni tal-profitti lil stabbilimenti permanenti. […]” Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ftehimiet bilaterali speċifiċi dwar it-taxxa jista’ naturalment ikun usa’.
21 Il-kummentaturi ġibdu l-attenzjoni għall-effetti potenzjali li jistgħu jirriżultaw mill-applikabbiltà tal-Karta. Ara, pereżempju, Kokott, J., “Taxpayers’ rights”, European Taxation, Jannar 2020, Vol. 60, Nru 1, p. 3 sa 7.
22 Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill – Rapport ta’ implimentazzjoni dwar ir-rieżami tad-Direttiva MST, COM(2024) 494 final tat-28 ta’ Ottubru 2024, p. 1, jirrikonoxxi d-data limitata disponibbli fil-ħin li tħejja r-rapport biex jiġi evalwat it-tħaddim tad-Direttiva MST. Ara wkoll Kumitat Fiskali CFE, “Dikjarazzjoni ta’ Opinjoni FC 3/2020 dwar id-Direttiva dwar Mekkaniżmi għas-Soluzzjoni tat-Tilwim dwar it-Taxxa fl-Unjoni Ewropea”, 20 ta’ Marzu 2020.
23 Ara, dwar l-ewwel stadju, l-Artikolu 3 tad-Direttiva MST.
24 Ara, dwar it-tieni stadju, l-Artikolu 4 tad-Direttiva MST.
25 Artikolu 6(3) u Artikolu 14(1) tad-Direttiva MST. Għal raġunijiet ta’ kompletezza, għandu jingħad ukoll li skont l-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva MST, l-obbligu li tiġi stabbilita Kummissjoni Konsultattiva jitnissel ukoll meta l-ilment ikun ġie miċħud minn mill-inqas waħda mill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati, iżda mhux kollha (dan ix-xenarju ma huwiex rilevanti f’dan il-każ).
26 Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2026, Jautiva (C‑798/24, EU:C:2026:679, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). Nirrileva li, skont l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva MST, kwalunkwe terminu mhux iddefinit f’din id-direttiva għandu, essenzjalment u sakemm il-kuntest ma jeżiġix mod ieħor, ikollu t-tifsira li huwa għandu f’dan il-mument skont il-ftehim dwar it-taxxa doppja applikabbli rilevanti jew, fl-assenza ta’ dan, skont id-dritt tal-Istat Membru kkonċernat. Peress li l-kunċett inkwistjoni hawnhekk huwa ddefinit fid-Direttiva MST, dan għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu, kif għadni kif spjegajt.
27 Il-Mudell tal-OECD tal‑2017, p. I‑1, punt 1. Fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew - Taxxa Doppja fis-Suq Uniku, COM(2011) 712 final tal‑11 ta’ Novembru 2011, p. 4, it-taxxa doppja hija wkoll iddefinita bħala “impożizzjoni ta’ taxxi komparabbli minn żewġ ġurisdizzjonijiet fiskali (jew aktar) fir-rigward tal-istess dħul jew kapital taxxabbli”. Ara wkoll id-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni - Evalwazzjoni tal-impatt – li jakkumpanja d-dokument “Proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim dwar it-taxxa doppja fl-Unjoni Ewropea”, SWD(2016) 343 final tal-25 ta’ Ottubru 2016, p. 5, punt 2.1. u p. 62. Għall-finijiet ta’ kompletezza, id-definizzjoni mogħtija fil-punt 54 tirreferi għall-hekk imsejħa taxxa doppja ġuridika internazzjonali (rilevanti fil-kawża ineżami), li ġeneralment hija distinta mit-taxxa doppja ekonomika internazzjonali peress li din tal-aħħar tiddeskrivi s-sitwazzjoni ta’ żewġ persuni differenti taxxabbli għall-istess dħul jew kapital (il-Mudell tal-OECD tal‑2017, p. C(23)-1.
28 Ara wkoll is-sentenzi tat‑30 ta’ April 2020, Istituto nazionale della previdenza sociale (C‑168/19 u C‑169/19, EU:C:2020:338, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat‑12 ta’ Mejju 1998, Gilly (C‑336/96, EU:C:1998:221, punt 46).
29 Enfasi miżjuda minni.
30 Ara l-premessi 2 u 6 tad-Direttiva MST. It-tieni premessa tipprovdi li “[...] huwa meħtieġ li jkun hemm mekkaniżmi fl-Unjoni li jiżguraw is-soluzzjoni effettiva ta’ tilwim dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ tali trattati bilaterali dwar it-taxxa u l-Konvenzjoni tal-Unjoni dwar l-Arbitraġġ, b’mod partikolari tilwim li jwassal għal taxxa doppja”. Skont il-premessa 6 tad-Direttiva MST “[j]enħtieġ li s-soluzzjoni ta’ tilwim tapplika għal interpretazzjoni u applikazzjoni differenti tat-trattati bilaterali dwar it-taxxa u tal-Konvenzjoni tal-Unjoni dwar l-Arbitraġġ - b’mod partikolari għal interpretazzjoni u applikazzjoni differenti li jwasslu għat-taxxa doppja. [...]”
31 Ara, b’mod partikolari, id-dokument ta’ laqgħa mill-Presidenza għall-Grupp ta’ Ħidma dwar Kwistjonijiet ta’ Taxxa (Taxxa Diretta – Soluzzjoni tat-Tilwim) dwar id-Direttiva dwar Mekkaniżmu għas-Soluzzjoni tat-Tilwim: Test ta’ kompromess għall-artikoli kollha, fid-dawl tal-laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma dwar Kwistjonijiet ta’ Taxxa (Taxxa diretta – Soluzzjoni tat-tilwim) nhar is‑27 ta’ April 2017, WK 4620/2017 INIT tal‑21 ta’ April 2017, abbozz tal-Artikolu 15(7). Nirrileva li d-Direttiva MST ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 115 TFUE li jipprevedi li, “[m]ingħajr preġudizzju għall-Artikolu 114, il-Kunsill għandu, waqt li jaġixxi unanimament skond il-proċedura leġislattiva speċjali u wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, joħroġ direttivi għall-approssimazzjoni ta’ dawk il-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li direttament jaffettwaw l-istabbiliment jew l-operazzjoni tas-suq intern”.
32 Fir-rigward tat-taxxi elenkati fl-Anness I propost. Ara l-abbozz tal-Artikolu 1 tal-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim dwar it-taxxa doppja fl-Unjoni Ewropea, COM(2016)686 final tal‑25 ta’ Ottubru 2016.
33 It-tielet paragrafu tal-abbozz tal-Artikolu 1 tal-proposta msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti kien jipprevedi li d-direttiva futura “ma tapplika għall-ebda introjtu jew kapital fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni mit-taxxa jew li għalihom tapplika r-rata tat-taxxa żero skont ir-regoli nazzjonali”.
34 Suġġetta, b’mod partikolari, għall-bidla relatata mal-emenda tad-definizzjoni inizjali tal-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema għas-soluzzjoni tat-tilwim kif tapplika għat-taxxi elenkati f’anness, kif osservat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
35 Il-premessa 5 tad-Direttiva MST tipprovdi li “[h]uwa kruċjali li jiġi introdott qafas effettiv u effiċjenti għas-soluzzjoni tat-tilwim dwar it-taxxa li jiżgura ċ-ċertezza legali u ambjent favorevoli għan-negozju għall-investimenti sabiex jinkisbu sistemi tat-taxxa ġusti u effiċjenti fl-Unjoni. [...]”. Ara wkoll il-premessa 1 imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 iktar ’il fuq, u l-premessi 2 u 7, imsemmija rispettivament fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 30 u 20 iktar ’il fuq.
36 Skont il-premessa 4 ta’ din id-direttiva, “[f]l-ispirtu ta’ sistema ta’ tassazzjoni ġusta, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim ikunu komprensivi, effettivi u sostenibbli. […]”.