European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1728

11.8.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1728

tat-8 ta’ Awwissu 2025

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 fir-rigward tal-proċeduri għall-ħruġ jew it-tfassil tal-provi tal-oriġini

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 66, il-punt (a), tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-16-il laqgħa tiegħu tas-7 ta’ Diċembru 2023, il-Kumitat Konġunt tal-Konvenzjoni reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (il-“Kumitat Konġunt”) adotta d-Deċiżjoni Nru 1/2023 (2) dwar ir-regoli tal-oriġini preferenzjali pan-Ewro-Mediterranji dwar l-emendar tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli tal-oriġini preferenzjali pan-Ewro-Mediterranji (il-“Konvenzjoni PEM”). Dik id-Deċiżjoni daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2025.

(2)

Fis-17-il laqgħa tiegħu tat-12 ta’ Diċembru 2024, il-Kumitat Konġunt adotta d-Deċiżjoni Nru 2/2024 (3) li temenda d-Deċiżjoni Nru 1/2023 sabiex jiġu inklużi d-dispożizzjonijiet tranżizzjonali fl-emendi tal-Konvenzjoni PEM li kellhom ikunu applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2025.

(3)

Id-dispożizzjonijiet tranżizzjonali huma applikabbli għal perjodu ta’ sena mill-1 ta’ Jannar 2025, u jipprevedu l-applikazzjoni tar-regoli tal-oriġini tal-Konvenzjoni PEM, fil-verżjoni oriġinali tagħha (4), u r-regoli tal-oriġini tal-Konvenzjoni PEM, kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 1/2023.

(4)

Dawk iż-żewġ settijiet ta’ regoli huma applikabbli b’mod parallel, u joħolqu żewġ żoni distintivi ta’ kumulazzjoni. Għalhekk, sabiex l-esportatur ikun jista’ jiddetermina l-istatus oriġinarju tal-merkanzija għal dawk il-materjali li qed jissodisfaw iż-żewġ settijiet ta’ regoli tal-oriġini, il-fornitur jenħtieġ li jagħti indikazzjoni tal-qafas legali użat għad-determinazzjoni tal-oriġini tal-merkanzija fid-dikjarazzjoni tal-fornitur. Id-dikjarazzjoni tal-fornitur fl-Annessi 22-15 sa 22-18 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (5) jenħtieġ li tiġi emendata kif xieraq.

(5)

F’konformità mal-Artikolu 61(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447, il-fornituri jistgħu jipprovdu d-dikjarazzjonijiet tagħhom tal-fornitur fi kwalunkwe ħin, anki wara li l-merkanzija tkun ġiet ikkonsenjata, u skont l-Artikolu 62(2), il-punt (b), ta’ dak ir-Regolament, id-dikjarazzjonijiet tal-fornitur għal perjodu fit-tul iridu jitfasslu għal konsenji mibgħuta matul perjodu ta’ żmien li ma jistax ikun aktar minn 12-il xahar qabel jew aktar minn 6 xhur wara d-data tal-ħruġ tad-dikjarazzjoni tal-fornitur għal perjodu fit-tul. Sabiex jintużaw id-dikjarazzjonijiet tal-fornitur li jkunu ħarġu qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament għall-istokkijiet ta’ materjali kostitwiti wara l-1 ta’ Jannar 2025, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika b’mod retroattiv mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Nru 2/2024.

(6)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 jiġi emendat kif xieraq.

(7)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 61 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1a, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-fornituri għandhom jispeċifikaw il-qafas legali użat biex tiġi ddeterminata l-oriġini tal-merkanzija. Għad-dikjarazzjonijiet tal-fornitur imfassla sal-31 ta’ Diċembru 2025, meta ma jkunx speċifikat tali qafas legali, id-dikjarazzjoni tal-fornitur għandha titqies awtomatikament li tiddikjara li ntużaw ir-regoli tal-oriġini tal-Konvenzjoni PEM, fil-verżjoni oriġinali tagħha, biex tiġi ddeterminata l-oriġini tal-merkanzija.”;

(b)

il-paragrafu 1b huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1b.   Għall-fini tal-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni PEM, l-esportatur jista’ juża d-dikjarazzjonijiet tal-fornitur bħala dokumenti ta’ sostenn biex japplika għall-ħruġ ta’ ċertifikat tal-moviment jew għat-tfassil ta’ dikjarazzjoni tal-oriġini f’konformità mar-regoli tal-oriġini tal-Konvenzjoni PEM, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 1/2023 (*1), meta d-dikjarazzjonijiet tal-fornitur jiddikjaraw l-istatus oriġinarju f’konformità mar-regoli tal-oriġini tal-Konvenzjoni PEM, fil-verżjoni oriġinali tagħha, għall-prodotti klassifikati skont il-Kapitoli 1, 3, 16 (għall-prodotti tas-sajd ipproċessati) u 25 sa 97 tas-Sistema Armonizzata.

L-esportatur għandu jieħu l-passi neċessarji kollha biex jiżgura li l-kundizzjonijiet għall-kumulazzjoni u l-ħruġ jew it-tfassil tal-prova tal-oriġini jiġu ssodisfati skont sett speċifiku ta’ regoli tal-oriġini.

(*1)  Id-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat Konġunt tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli tal-oriġini preferenzjali pan-Ewro-Mediterranji tas-7 ta’ Diċembru 2023 dwar l-emendar tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli tal-oriġini preferenzjali pan-Ewro-Mediterranji (ĠU L, 2024/390, 19.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/390/oj).” "

(2)

L-Artikolu 62 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1a, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-fornituri għandhom jispeċifikaw il-qafas legali użat biex tiġi ddeterminata l-oriġini tal-merkanzija. Għad-dikjarazzjonijiet tal-fornitur imfassla sal-31 ta’ Diċembru 2025, meta ma jkunx speċifikat tali qafas legali, id-dikjarazzjoni tal-fornitur għandha titqies awtomatikament li tiddikjara li ntużaw ir-regoli tal-oriġini tal-Konvenzjoni PEM, fil-verżjoni oriġinali tagħha, biex tiġi ddeterminata l-oriġini tal-merkanzija.”;

(b)

il-paragrafu 1b huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1b.   Għall-fini tal-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni PEM, l-esportatur jista’ juża d-dikjarazzjonijiet tal-fornitur bħala dokumenti ta’ sostenn biex japplika għall-ħruġ ta’ ċertifikat tal-moviment jew għat-tfassil ta’ dikjarazzjoni tal-oriġini f’konformità mal-Konvenzjoni PEM, kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 1/2023, meta d-dikjarazzjonijiet tal-fornitur jiddikjaraw l-istatus oriġinarju f’konformità mar-regoli tal-oriġini tal-Konvenzjoni PEM, fil-verżjoni oriġinali tagħha, għall-prodotti klassifikati skont il-Kapitoli 1, 3, 16 (għall-prodotti tas-sajd ipproċessati) u 25 sa 97 tas-Sistema Armonizzata.

L-esportatur għandu jieħu l-passi neċessarji kollha biex jiżgura li l-kundizzjonijiet għall-kumulazzjoni u l-ħruġ jew it-tfassil tal-prova tal-oriġini jiġu ssodisfati skont sett speċifiku ta’ regoli tal-oriġini.”

;

(3)

L-Annessi 22-15 sa 22-18 huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2025.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Awwissu 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/952/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat Konġunt tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli tal-oriġini preferenzjali pan-Ewro-Mediterranji tas-7 ta’ Diċembru 2023 dwar l-emendar tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli tal-oriġini preferenzjali pan-Ewro-Mediterranji (ĠU L, 2024/390, 19.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/390/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni Nru 2/2024 tal-Kumitat Konġunt tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-Regoli Preferenzjali tal-Oriġini Pan-Ewro-Mediterranji tat-12 ta’ Diċembru 2024 li temenda d-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat Konġunt sabiex jiġu inklużi dispożizzjonijiet tranżizzjonali għall-emendi tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli tal-oriġini preferenzjali pan-Ewro-Mediterranji applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2025 (ĠU L, 2025/17, 9.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/17/oj).

(4)   ĠU L 54, 26.2.2013.

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/2447/oj).


ANNESS

L-Annessi 22-15 sa 22-18 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 huma emendati kif ġej:

(1)

fl-Anness 22-15, in-nota (3) f’qiegħ il-paġna hija sostitwita b’dan li ġej:

“(3)

Il-pajjiż, il-grupp ta’ pajjiżi jew it-territorju kkonċernat. Meta l-oriġini preferenzjali ta’ prodott minn pajjiż, grupp ta’ pajjiżi jew territorju tista’ tinkiseb f’konformità ma’ aktar minn regola tal-oriġini waħda, il-fornituri għandhom jispeċifikaw il-qafas legali użat biex tiġi ddeterminata l-oriġini tal-merkanzija.

Meta pajjiż, grupp ta’ pajjiżi jew territorju jkun Parti Kontraenti għall-Konvenzjoni PEM, u meta ma jkunx speċifikat qafas legali, id-dikjarazzjonijiet tal-fornitur imfassla sal-31 ta’ Diċembru 2025, awtomatikament għandhom jitqiesu li jiddikjaraw li ntużaw ir-regoli tal-oriġini tal-Konvenzjoni PEM, fil-verżjoni oriġinali tagħha, biex tiġi ddeterminata l-oriġini tal-merkanzija.”;

(2)

fl-Anness 22-16, in-nota (5) f’qiegħ il-paġna hija sostitwita b’dan li ġej:

“(5)

Il-pajjiż, grupp ta’ pajjiżi jew territorju kkonċernat. Meta l-oriġini preferenzjali ta’ prodott minn pajjiż, grupp ta’ pajjiżi jew territorju tista’ tinkiseb f’konformità ma’ aktar minn regola tal-oriġini waħda, il-fornituri għandhom jispeċifikaw il-qafas legali użat biex tiġi ddeterminata l-oriġini tal-merkanzija.

Meta pajjiż, grupp ta’ pajjiżi jew territorju jkun Parti Kontraenti għall-Konvenzjoni PEM, u meta ma jkunx speċifikat qafas legali, id-dikjarazzjonijiet tal-fornitur imfassla sal-31 ta’ Diċembru 2025, awtomatikament għandhom jitqiesu li jiddikjaraw li ntużaw ir-regoli tal-oriġini tal-Konvenzjoni PEM, fil-verżjoni oriġinali tagħha, biex tiġi ddeterminata l-oriġini tal-merkanzija.”;

(3)

fl-Anness 22-17, in-nota (5) f’qiegħ il-paġna hija sostitwita b’dan li ġej:

“(5)

Għandha timtela biss jekk hija rilevanti. Il-pajjiż, il-grupp ta’ pajjiżi jew it-territorju kkonċernat. Meta l-oriġini preferenzjali ta’ prodott minn pajjiż, grupp ta’ pajjiżi jew territorju tista’ tinkiseb f’konformità ma’ aktar minn regola tal-oriġini waħda, il-fornituri għandhom jispeċifikaw il-qafas legali użat biex tiġi ddeterminata l-oriġini tal-merkanzija.

Meta pajjiż, grupp ta’ pajjiżi jew territorju jkun Parti Kontraenti għall-Konvenzjoni PEM, u meta ma jkunx speċifikat qafas legali, għad-dikjarazzjonijiet tal-fornitur imfassla sal-31 ta’ Diċembru 2025, awtomatikament jitqies li jiddikjara li ntużaw ir-regoli tal-oriġini tal-Konvenzjoni PEM, fil-verżjoni oriġinali tagħha, biex tiġi ddeterminata l-oriġini tal-merkanzija.”;

(4)

fl-Anness 22-18, in-nota (6) f’qiegħ il-paġna hija sostitwita b’dan li ġej:

“(6)

Għandha timtela biss jekk hija rilevanti. Il-pajjiż, il-grupp ta’ pajjiżi jew it-territorju kkonċernat. Meta l-oriġini preferenzjali ta’ prodott minn pajjiż, grupp ta’ pajjiżi jew territorju tista’ tinkiseb f’konformità ma’ aktar minn regola tal-oriġini waħda, il-fornituri għandhom jispeċifikaw il-qafas legali użat biex tiġi ddeterminata l-oriġini tal-merkanzija.

Meta pajjiż, grupp ta’ pajjiżi jew territorju jkun Parti Kontraenti għall-Konvenzjoni PEM, u meta ma jkunx speċifikat qafas legali, id-dikjarazzjonijiet tal-fornitur imfassla sal-31 ta’ Diċembru 2025, awtomatikament għandhom jitqiesu li jiddikjaraw li ntużaw ir-regoli tal-oriġini tal-Konvenzjoni PEM, fil-verżjoni oriġinali tagħha, biex tiġi ddeterminata l-oriġini tal-merkanzija.”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1728/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)