31993D0115



Official Journal L 045 , 23/02/1993 P. 0027 - 0027
Finnish special edition: Chapter 1 Volume 3 P. 0008
Swedish special edition: Chapter 1 Volume 3 P. 0008


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tal-15 ta' Frar 1993

tagħti garanzija Komunitarja lil Bank Ewropew ta' l-Investiment kontra telf li jista' jirriżulta minn self għal proġetti ta' interest reċiproku f'ċerta pajjiżi terzi

(93/115/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 235 tiegħu,

Wara li kkunsidra il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Billi l-Kunsill tat-13 u l-14 ta' Mejju 1991 iddeċieda, fuq il-bażi ta' komunikazzjoni mill-Kummissjoni, dwar estenzjoni limitata ta' l-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment (EIB) f'dawk il-pajjiżi terzi li magħhom il-Komunità kkonkludiet ftehim ta' koperazzjoni;

Billi l-Kunsill tat-8 ta' Lulju 1991 ikkonferma dawn il-linji gwida;

Billi l-Kunsill tad-19 ta' Mejju 1992 iddeċieda fuq il-linji gwida li għandhom japplikaw għal self mill-EIB mogħtija f'pajjiżi terzi li magħhom il-Komunità kkonkludiet ftehim ta' koperazzjoni;

Billi l-Kunsill stieden lill-EIB, sabiex iqiegħed għad-disposizzjoni, skond l-istatuti u l-kriterji tas-soltu, self għal proġetti ta' interess reċiproku f'ċerta pajjiżi terzi koperti minn garanzija;

Billi Fond ta' Garanzija għandu jitwaqqaf kemm jista' jkun malajr sabiex ikun hemm garanzija baġitjarja għal self Komunitarju mogħti lil pajjiżi terzi, skond il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-11 u tat-12 ta' Diċembru 1992,

IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Komunità għandha tiggarantixxi b'mod sħiħ lill-Bank Ewropew ta' l-Investiment f'każijiet fejn il-Bank ma jirċeviex il-ħlasijiet dovuti taħt kwalunkwe self mogħti skond il-kriterji tas-soltu lil dawk il-pajjiżi terzi li magħhom il-Komunità kkonkludiet ftehim ta' koperazzjoni. Limitu globali ta' 250 miljun ECU kull sena, għandu jkun determinat għal perjodu ta' tliet snin. Għal dan il-għan il-EIB u l-Kummissjoni għandhom jifthemu fuq il-proċeduri għall-implimentazzjoni tal-garanzija.

Artikolu 2

Kull sitt xhur il-Kummissjoni għandha tinforma lil Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-ritmu ta' teħid ta' self taħt il-garanzija. Għal dan il-għan, il-Bank għandu jgħaddi lill-Kummissjoni d-dettalji kollha neċessarji għal informazzjoni kompluta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Darba f'sena, il-Kummissjoni għandha tgħaddi lil Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport li għandu jinkludi evalwazzjoni ta' l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

Magħmul fi Brussel, fil-15 ta' Frar 1993.

F'isem il-Kunsill

Il-President

M. Jelved

[1] ĠU C 172, tat-8.7.1992, pġ. 6.

[2] ĠU C 21, tal-25.1.1993.

--------------------------------------------------