|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/3944 |
16.7.2025 |
Pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni ta’ emenda standard approvata ta’ speċifikazzjoni tal-prodott ta’ indikazzjoni ġeografika, f’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 (1)
(C/2025/3944)
KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD
(Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2024/1143)
“Ciauscolo”
Nru tal-UE: PGI-IT-0557-AM01 — 29.4.2025
1. Isem il-prodott
“Ciauscolo”
2. Tip ta’ indikazzjoni ġeografika
|
☐ |
Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta (DOP) |
|
☒ |
Indikazzjoni Ġeografika Protetta (IĠP) |
|
☐ |
Indikazzjoni Ġeografika (IĠ) |
3. Settur
|
☒ |
Prodotti agrikoli |
|
☐ |
Inbejjed |
|
☐ |
Xarbiet spiritużi |
4. Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika
L-Italja
5. Awtorità tal-Istat Membru li tikkomunika l-emenda standard
Il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sovranità tal-Ikel u l-Forestrija - Dipartiment għas-Sovranità tal-Ikel u l-Isport Ekwestri
6. Kwalifika bħala emenda standard
Spjegazzjoni tar-raġuni għalfejn l-emenda/i taqa’/jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ emenda standard imsemmija fl-Artikolu 24(4) tar-Regolament (UE) 2024/1143
L-emendi tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott tal-IĠP:
|
— |
ma jinkludux bidla fl-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew tal-indikazzjoni ġeografika protetta, jew fl-użu ta’ dak l-isem; |
|
— |
ma jirriskjawx li jxejnu r-rabta maż-żona ġeografika msemmija fid-dokument uniku; jew |
|
— |
ma jinvolvux aktar restrizzjonijiet fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott. |
7. Deskrizzjoni tal-emenda/i standard approvata/i
1. Emenda tal-Artikolu 2
Emenda 1
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 2, il-paragrafu 1, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u l-punt 3.2 tad-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-emenda għandha l-għan li tissostitwixxi t-terminu “perżut” bit-terminu “koxxa”.
Raġuni: Is-sostituzzjoni hija meħtieġa minħabba li t-terminu “perżut” mhuwiex teknikament korrett peress li jirreferi għal prodott ippreservat u lest, filwaqt li, meta jintuża għall-materja prima, it-terminu “koxxa” jirreferi għal parti mill-anatomija tal-ħanżir.
L-emenda taffettwa d-dokument uniku.
2. Emenda tal-Artikolu 2
Emenda 2
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 2, il-paragrafu 2, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u l-punt 3.2 tad-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-emenda għandha l-għan li żżid il-kontenut massimu ta’ xaħam minn “42 %” għal “46 %”.
Raġuni: Iż-żieda tal-kontenut ta’ “xaħam” tal-prodott finali b’4 punti perċentwali ssaħħaħ il-karatteristika distintiva tal-prodott, jiġifieri l-irtubija tiegħu, li hija direttament proporzjonali għall-kontenut fattwali.
Din l-emenda ttejjeb il-kapaċità tal-prodott li jiddellek u ttejjeb il-ħajja tiegħu fuq l-ixkaffa, kif speċifikat fit-taqsima dwar ir-rabta mal-ambjent.
L-emenda taffettwa d-dokument uniku.
3. Emenda tal-Artikolu 2
Emenda 3
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 2, il-paragrafu 2, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u l-punt 3.2 tad-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-emenda għandha l-għan li żżid il-proporzjon massimu ta’ xaħam/proteini minn “2,80” għal “3,07”.
Raġuni: Din hija konsegwenza tat-talba biex jiżdied il-kontenut massimu ta’ xaħam minn “42 %” għal “46 %” (ara l-Emenda 2).
L-emenda taffettwa d-dokument uniku.
4. Emenda tal-Artikolu 3
Emenda 4
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 3, il-paragrafu 1, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u l-punt 4 tad-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-għan tal-emenda huwa li tneħħi l-muniċipalitajiet ta’ Acquacanina, Fiordimonte u Pievebovigliana mil-lista ta’ muniċipalitajiet fil-Provinċja ta’ Macerata u li żżid il-muniċipalità ta’ Valfornace.
Raġuni: L-emenda hija meħtieġa bħala riżultat tal-bidliet li ġejjin:
|
— |
l-inkorporazzjoni tal-muniċipalità ta’ Acquacanina fil-muniċipalità ta’ Fiastra skont il-Liġi Reġjonali Nru 25 tal-24 ta’ Ottubru 2016, ippubblikata fil-Bullettin Uffiċjali tar-Reġjun tal-Marche Nru 120 tat-3 ta’ Novembru 2016; |
|
— |
il-fużjoni tal-muniċipalitajiet ta’ Fiordimonte u Pievebovigliana biex jiffurmaw il-muniċipalità l-ġdida ta’ Valfornace skont il-Liġi Reġjonali Nru 69 tat-22 ta’ Diċembru 2016, ippubblikata fil-Bullettin Uffiċjali tar-Reġjun tal-Marche Nru 141, tad-29 ta’ Diċembru 2016. |
Ma hemm l-ebda bidla fiż-żona tal-produzzjoni.
L-emenda taffettwa d-dokument uniku.
5. Emenda tal-Artikolu 3
Emenda 5
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 3, il-paragrafu 1, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u l-punt 4 tad-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-għan tal-emenda huwa li tiddaħħal il-Provinċja ta’ Fermo, stabbilita bil-Liġi Nru 147/2004, fil-lista tal-provinċji u l-muniċipalitajiet tagħhom li jiffurmaw iż-żona tal-produzzjoni, b’xi muniċipalitajiet fiż-żona tal-produzzjoni li qabel kienu jappartjenu għall-Provinċja ta’ Ascoli Piceno li issa huma elenkati fil-Provinċja ta’ Fermo. Ma hemm l-ebda bidla fiż-żona tal-produzzjoni.
Raġuni: Xi muniċipalitajiet li kienu parti mill-Provinċja ta’ Ascoli Piceno issa huma parti mill-Provinċja ta’ Fermo, li ġiet stabbilita bil-Liġi Nru 147 tal-11 ta’ Ġunju 2004, ippubblikata fil-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika Taljana Nru 138 tal-15 ta’ Ġunju 2004, u saret kompletament operattiva bl-ewwel elezzjonijiet provinċjali tagħha (fis-6 u s-7 ta’ Ġunju 2009).
L-emenda taffettwa d-dokument uniku.
6. Emenda tal-Artikolu 5
Emenda 6
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 5, il-paragrafu 1, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u l-punt 3.3 tad-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-għan tal-emenda huwa li titħassar it-taqsima dwar il-“materja prima” u tiġi sostitwita b’lista ġdida ta’ materja prima li ġejja mir-razez u t-tipi ġenetiċi permessi.
Raġuni: L-emenda tar-rekwiżiti ġenetiċi hija bbażata fuq deskrizzjoni aktar dettaljata tar-razez tal-ħnieżer u t-tipi ġenetiċi permessi. L-oriġini tal-materja prima saret saħansitra aktar ċara fir-rigward tat-tip ġenetiku kemm tal-annimali rġiel kif ukoll tan-nisa għat-tnissil, filwaqt li l-kombinazzjonijiet kollha possibbli ta’ inkroċjar tar-razez jiġu ċċarati b’mod preċiż u jiġu stabbiliti restrizzjonijiet aktar stretti meta mqabbla mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott eżistenti. L-emenda tipprevedi valutazzjoni tar-razza u t-tip ġenetiku taż-żewġ annimali għat-tnissil biex jiġi vverifikat li huma kompatibbli mal-għażla tat-tliet razez ta’ referenza fil-Ktieb tal-Merħla Taljan. Peress li l-ommijiet jagħtu wkoll kontribut ġenetiku importanti, il-majjala issa wkoll trid tiġi vvalutata biex jiġi żgurat li jinżammu l-karatteristiċi tradizzjonali. Ġiet introdotta referenza għal-lista ta’ tipi ġenetiċi approvati sabiex jittejjeb il-kontroll fuq il-ħnieżer. Din il-lista se tiġi ppubblikata u aġġornata mill-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sovranità tal-Ikel u l-Forestrija.
L-emenda taffettwa d-dokument uniku.
7. Emenda tal-Artikolu 5
Emenda 7
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 5, il-paragrafi 3, 4, 5, 6, 7, 8, 9, 10, 11 u 12 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u l-punt 3.4 tad-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-għan tal-emenda huwa li titħassar it-taqsima dwar l-għalf mogħti lill-annimali mrobbija għall-produzzjoni tal-materja prima.
Raġuni: L-għalf użat mhuwiex responsabbli għad-definizzjoni tal-karatteristiċi tal-materja prima, b’mod partikolari fir-rigward tal-qatgħat użati għall-produzzjoni tal-IĠP “Ciauscolo”.
L-emenda taffettwa d-dokument uniku.
8. Emenda tal-Artikolu 5
Emenda 8
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 5, il-paragrafi 12 u 13, tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u l-punt 3.4 tad-Dokument Uniku.
Deskrizzjoni: L-għan tal-emenda huwa li titħassar ir-regola speċifika dwar is-supplimentar tar-razzjon tal-għalf b’minerali u vitamini kif ukoll ir-regoli ulterjuri dwar it-tagħlif u dwar il-metodi tat-tnissil użati għall-annimali mrobbija għall-produzzjoni tal-materja prima.
Raġuni: L-għalf użat u l-metodi tat-tnissil mhumiex responsabbli għad-definizzjoni tal-karatteristiċi tal-materja prima, b’mod partikolari fir-rigward tal-qatgħat użati għall-produzzjoni tal-IĠP “Ciauscolo”.
L-emenda taffettwa d-dokument uniku.
9. Emenda tal-Artikolu 5
Emenda 9
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 5, il-paragrafu 15, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u l-punt 3.3 tad-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-għan tal-emenda huwa li titneħħa l-età massima ta’ 15-il xahar għall-ħnieżer meqjusa xierqa għall-qatla.
Raġuni: Il-qatgħat użati għall-produzzjoni tas-salami tal-IĠP “Ciauscolo” mhumiex affettwati mill-età massima tat-trobbija u, fi kwalunkwe każ, il-piż tal-ħnieżer waqt il-qatla diġà huwa stabbilit fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott stess u fid-dokument uniku.
L-emenda taffettwa d-dokument uniku.
10. Emenda tal-Artikolu 5
Emenda 10
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 5, il-paragrafi 17 u 18, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u l-punt 3.3 tad-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-għan tal-emenda huwa li jinbidlu l-karatteristiċi tal-piż li għandhom jiġu ssodisfati mill-karkassi li minnhom jiġu l-qatgħat użati bħala materja prima.
Raġuni: L-emenda tneħħi l-parametru tal-piż ħaj medju għal kull lott ta’ ħnieżer, li huwa inqas preċiż, u tissostitwih bil-parametru tal-piż individwali tal-karkassa, ivverifikat b’mod oġġettiv u preċiż għal kull ħanżir waqt il-qatla. L-emenda tagħmilha possibbli li jiġi vverifikat b’mod aktar preċiż li kull ħanżir maqtul jissodisfa r-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà, mingħajr ebda bidla fil-karatteristiċi tal-ħnieżer użati bħala materja prima.
L-emenda taffettwa d-dokument uniku.
11. Emenda tal-Artikolu 5
Emenda 11
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 5, il-paragrafu 19, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u l-punt 3.2 tad-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-emenda għandha l-għan li tissostitwixxi t-terminu “perżut” bit-terminu “koxxa”.
Raġuni: Is-sostituzzjoni hija meħtieġa minħabba li t-terminu “perżut” mhuwiex teknikament korrett peress li jirreferi għal prodott ippreservat u lest, filwaqt li, meta jintuża għall-materja prima, it-terminu “koxxa” jirreferi għal parti mill-anatomija tal-ħanżir.
L-emenda taffettwa d-dokument uniku.
12. Emenda tal-Artikolu 5
Emenda 12
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 5, il-paragrafu 13, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u l-punt 3.2 tad-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-għan tal-emenda huwa li titħassar il-kelma “mitħun” mit-taqsima dwar l-ingredjenti.
Raġuni: L-emenda għandha l-għan li tħassar il-kelma “mitħun” minħabba li nstab li s-sempliċi żieda tat-tewm hija biżżejjed. Il-karatteristiċi organolettiċi (it-togħma u r-riħa) jinkisbu dment li jintuża t-tewm, irrispettivament mill-forma tiegħu.
L-emenda taffettwa d-dokument uniku.
13. Emenda tal-Artikolu 5
Emenda 13
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 5, il-paragrafu 28, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u l-punt 3.6 tad-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-għan tal-emenda huwa li tiżdied il-possibbiltà li tintuża “spaga ta’ fibra naturali oħra adattata għall-kuntatt mal-ikel” bħala alternattiva għall-“ispag tal-qanneb” fl-istadju tal-irbit.
Raġuni: L-emenda hija meħtieġa minħabba d-diffikultà oġġettiva li jinxtara spag tal-qanneb fis-suq. Il-possibbiltà li jingħalaq b’għoqda bi spaga ta’ fibra naturali simili għall-qanneb issolvi d-diffikultajiet imsemmija hawn fuq filwaqt li tirrispetta t-tradizzjoni.
L-emenda taffettwa d-dokument uniku.
14. Emenda tal-Artikolu 7
Emenda 14
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 7, il-paragrafu 1 tal-ispeċifikazzjoni tal-piżda ma tikkonċernax id-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-għan tal-emenda huwa li jiġi riformulat il-paragrafu 1 billi jiġi speċifikat li l-verifika tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott titwettaq mill-korp ta’ kontroll responsabbli għall-verifika tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott.
Raġuni: Id-dettalji tal-korp ta’ kontroll ġew aġġornati.
L-emenda ma taffettwax id-dokument uniku.
15. Emenda tal-Artikolu 8
Emenda 15
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 8, il-paragrafu 1, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u l-punt 3.6 tad-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-għan tal-emenda huwa li tiżdied forma ta’ ppakkjar flimkien ma’ dawk diġà msemmija, jiġifieri l-ippakkjar tal-IĠP “Ciauscolo” “mfettet’” f’pakketti bil-vakwu jew f’atmosfera modifikata.
Raġuni: L-emenda mitluba żżid forma oħra li fiha l-prodott jista’ jinbiegħ, f’konformità mad-domanda tas-suq għal stili differenti ta’ konsum li reċentement saret komuni fost il-konsumaturi.
Hija twieġeb ukoll id-domanda mis-settur tal-bejjiegħa bl-imnut il-kbar, maħsuba biex tħeġġeġ il-konsum, fir-rigward tal-esponiment, il-viżibbiltà, ix-xiri u l-ispejjeż tad-distribuzzjoni.
L-emenda taffettwa d-dokument uniku.
DOKUMENT UNIKU
1. Isem/Ismijiet
“Ciauscolo”
2. Stat Membru jew pajjiż terz
L-Italja
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda
|
— |
16 — PREPARATI TA’ LAĦAM, TA’ ĦUT JEW TA’ KRUSTAĊJI, MOLLUSKI JEW INVERTEBRATI AKKWATIĊI OĦRAJN, JEW TA’ INSETTI |
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt 1
Iċ-“Ciauscolo” huwa prodott magħmul mil-laħam tal-majjal, li fih taħlita tal-qatgħat li ġejjin (ikklassifikati mill-ikbar sal-iċken qatgħa skont l-użu): qatgħat miż-żaqq, sa 70 %; qatgħat mill-ispalla, sa 40 %; biċċiet tal-koxxa u tal-flett, sa 30 %. Il-karatteristika prinċipali taċ-“Ciauscolo” hija li jista’ jindilek, jiġifieri li jindilek faċilment fuq il-ħobż.
Iċ-“Ciauscolo” IĠP jiġi rilaxxat għall-konsum bħala ċilindru ta’ konsistenza ratba li jiżen bejn 400 g u 2 500 g, b’dijametru ta’ bejn 4,5 u 10 cm u tul ta’ bejn 15 u 45 cm.
Meta jinqata’, il-prodott huwa roża, uniformi u omoġenju u ma jintinx. Għandu riħa tipika, delikata, aromatika, distintiva u pikkanti (mat-taħlita jiżdiedu melħ, bżar iswed mitħun, inbid u tewm) b’togħma delikata u mielħa li qatt ma tkun aċiduża.
Iċ-“Ciauscolo” IĠP għandu l-karatteristiċi kimiċi li ġejjin:
pH: 4,8 jew ogħla.
Proteina: minimu ta’ 15,00 %.
Xaħam: bejn 32 % u 46 %.
Proporzjon ta’ ilma ma’ proteina: massimu ta’ 3,10.
Proporzjon ta’ xaħam ma’ proteina: massimu ta’ 3,07.
Fir-rigward tal-proprjetajiet mikrobijoloġiċi tal-prodott, il-batterji aerobiċi meżofiliċi, il-batterji tal-aċidu lattiku aċiduriku u l-batterji tal-aċidu lattiku li jiżviluppaw matul it-tqaddim iridu jaqbżu 1×107 unitajiet li jiffurmaw kolonji għal kull gramma.
3.3. Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
L-għalf mogħti lill-ħnieżer li l-laħam u x-xaħam tagħhom jikkostitwixxu l-materja prima użata għall-produzzjoni taċ-“Ciauscolo” IPĠ ma huwa suġġett għall-ebda kundizzjoni.
Il-qatgħat miż-żaqq u mill-ispalla u l-biċċiet tal-koxxa u tal-flett, użati fil-proporzjonijiet iddikjarati fl-Artikolu 2, iridu jiġu minn ħnieżer li huma l-frieħ ta’:
|
(a) |
ċingjali tar-razez tradizzjonali tal-Italian Large White, Italian Landrace u Italian Duroc, kif imtejba mill-Ktieb tal-Merħla Taljan, jew ta’ razza pura jew inkroċjata bejniethom, u l-majjali nisa li jkunu welldu tal-inqas darba tar-razez tradizzjonali Italian Large White u Italian Landrace, jew ta’ razza pura jew inkroċjata bejniethom; |
|
(b) |
ċingjali tar-razez tradizzjonali msemmija f’(a) u majjali nisa li jkunu welldu tal-inqas darba inkroċjati jew majjali nisa li jkunu welldu tal-inqas darba ta’ tipi ġenetiċi oħra sakemm dawn jitrabbew taħt skemi ta’ selezzjoni u/jew ta’ inkroċjar tar-razez li jinvolvu r-razez Large White, Landrace jew Duroc għall-produzzjoni ta’ ħnieżer tqal, li l-għanijiet tagħhom huma kompatibbli ma’ dawk tal-Ktieb tal-Merħla Taljan; |
|
(c) |
ċingjali u majjali nisa li jkunu welldu tal-inqas darba ta’ tipi ġenetiċi oħra sakemm dawn jitrabbew taħt skemi ta’ selezzjoni u/jew ta’ inkroċjar tar-razez li jinvolvu r-razez Large White, Landrace jew Duroc għall-produzzjoni ta’ ħnieżer tqal, li l-għanijiet tagħhom huma kompatibbli ma’ dawk tal-Ktieb tal-Merħla Taljan; |
|
(d) |
ċingjali ta’ tipi ġenetiċi l-oħra msemmija f’(c), u majjali nisa li jkunu welldu tal-inqas darba tar-razez tradizzjonali msemmija f’(a). |
Il-lista ta’ tipi ġenetiċi oħra approvati tiġi aġġornata perjodikament u ppubblikata mill-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sovranità tal-Ikel u l-Forestrija.
Dawn li ġejjin mhumiex eliġibbli: ħnieżer li jġorru karatteristiċi mhux favorevoli, b’referenza partikolari għall-ġene responsabbli għas-sindromu tal-istress (PSS, porcine stress syndrome); tipi ġenetiċi u annimali li altrimenti jitqiesu mhux konformi għall-finijiet ta’ din l-ispeċifikazzjoni tal-prodott; razez puri tar-razez ta’ Belgian Landrace, Hampshire, Piétrain, Duroc u Spotted Poland.
Il-ħnieżer jintbagħtu għall-qatla mhux qabel tmiem id-9 xahar.
Il-kundizzjoni ta’ saħħithom trid tkun perfetta. Iċ-ċangjali u l-majjali nisa li jkunu welldu tal-inqas darba ma jintbagħtux għall-qatla. Barra minn hekk, karkassi li ma jkunux ġew żvinati kif suppost jew li juru sinjali ċari ta’ mijopatija (PSE, DFD) jew sinjali ovvji ta’ infjammazzjoni jew trawma ma jistgħux jintużaw.
Il-qatgħat użati bħala materja prima jridu jiġu minn karkassi kklassifikati bħala H (Tqal) skont is-sistema tal-klassifikazzjoni tal-UE.
3.4. Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika definita
Il-produzzjoni u l-proċess ta’ maturazzjoni taċ-“Ciauscolo” IĠP iridu jsiru esklussivament fiż-żona ġeografika tal-produzzjoni deskritta fil-punt 4.
3.5. Regoli speċifiċi dwar l-imballaġġ, it-tfettit, it-taħkik, eċċ. tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat
Iċ-“Ciauscolo” IĠP irid jiġi ppakkjat fl-intestini naturali tal-ħnieżer jew tal-bovini. Iż-żewġt itruf tal-budellat jintrabtu bl-użu ta’ spag tal-qanneb jew spaga ta’ fibra naturali oħra adattata għall-kuntatt mal-ikel. Iċ-“Ciauscolo” IĠP jista’ jinbiegħ sfuż jew ippakkjat f’vakwu jew ippakkjat f’atmosfera modifikata, sħiħ, f’porzjonijiet jew fi ftieti li jissodisfaw il-kundizzjoni li ġejja: ħxuna minima ta’ 2 mm.
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat
L-isem “CIAUSCOLO”, segwit mill-kliem “Indicazione Geografica Protetta” [“Indikazzjoni Ġeografika Protetta”], irid jidher fuq it-tikketta b’ittri ċari u li ma jitħassrux, identifikabbli b’mod ċar minn kwalunkwe kliem ieħor fuq it-tikketta u segwit immedjatament mill-inizjali “IGP” [“IĠP”], li jridu jiġu tradotti fil-lingwa tal-pajjiż fejn jinbiegħ il-prodott, u/jew il-logo Komunitarju. Huwa permess l-użu ta’ ismijiet, ismijiet kummerċjali u logos privati, sakemm dawn ma jkollhomx skop ta’ tifħir jew ma jkunux tali li jqarrqu bix-xerrej u/jew bil-konsumatur. Huwa permess ukoll li jiġi indikat l-isem jew l-isem kummerċjali tal-irziezet tal-ħnieżer minn fejn oriġina l-prodott, sakemm il-materja prima tkun inkisbet esklussivament minn dawn il-farms. Huwa pprojbit li wieħed iżid kwalunkwe spjegazzjoni li mhijiex espressament ipprovduta f’dan l-artikolu. Il-kelma “CIAUSCOLO” trid tkun bit-Taljan.
4. Definizzjoni qasira taż-żona ġeografika
Iż-żona tal-produzzjoni taċ-“Ciauscolo” IĠP tinkludi għadd ta’ muniċipalitajiet fil-Provinċji ta’ Ancona, Macerata, Fermo u Ascoli Piceno. Din id-definizzjoni taż-żona tikkonsidra n-natura tradizzjonali tal-prodott u l-popolarità tiegħu fost il-familji li jaħdmu fl-agrikultura. Ma’ dan jiżdiedu l-kundizzjonijiet klimatiċi partikolari fiż-żona ddefinita, li għandha klima predominanti kontinentali, b’mod partikolari fl-għoljiet għoljin u fil-muntanji tal-muniċipalitajiet speċifikati fl-erba’ provinċji kkonċernati.
5. Rabta maż-żona ġeografika
5.1. Speċifiċità taż-żona ġeografika
Id-definizzjoni korretta taż-żona, li tkopri għadd ta’ muniċipalitajiet fil-Provinċji ta’ Ancona, Macerata, Fermo u Ascoli Piceno, tqis in-natura tradizzjonali tal-prodott u l-popolarità tiegħu fost il-familji li jaħdmu fl-agrikultura. Il-bdiewa, li kienu jgħixu fl-azjendi agrikoli b’mod permanenti, kienu jrabbu l-ħnieżer biex jipprovdu għall-bżonnijiet tal-familji tagħhom u tal-ażjenda. Spiss, minħabba li l-laħam kien għall-konsum personali minn żewġ familji, l-uniku ħanżir imrobbi kien jinqasam fi tnejn, nofs għall-bidwi u nofs għas-sid tal-art. Iċ-“Ciauscolo” kien prodott residwu li kien jifdal wara li jitneħħew l-qatgħat tal-aħjar kwalità. Waħda mill-partikolaritajiet taż-żona ddefinita sas-snin 1950 kienet l-eżistenza ta’ azjendi miżmuma fuq mezzadrija, li kellhom dimensjonijiet dejjem aktar żgħar (4-5 ettaru) minħabba li l-forza tax-xogħol agrikola żejda kkawżat frammentazzjoni akbar tal-azjendi tal-art. B’hekk il-farms kienu jrabbu ħanżir wieħed, peress li dan kien jista’ jitrabba flimkien mal-baqar u mal-produzzjoni tal-uċuh tar-raba’ u jgħin biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-ikel tagħhom. Minbarra dawn il-fatturi agroekonomiċi u storiċi relatati mal-ekonomija tal-muntanji, il-klima partikolari taż-żona, li fil-biċċa l-kbira tagħha hija kontinentali, għandha rwol importanti, b’mod partikolari fl-għoljiet għoljin u fil-muntanji. It-temp kiesaħ tax-xitwa, influwenzat mill-Muntanji Sibillini, għandu effett pożittiv fuq it-tqaddim u għalhekk fuq il-kwalitajiet taż-żamma tal-prodott.
5.2. Speċifiċità tal-prodott
L-applikazzjoni tar-reġistrazzjoni taċ-“Ciauscolo” bħala IĠP hija ġġustifikata mill-fama u r-reputazzjoni li għandu l-prodott. Iċ-“Ciauscolo” huwa magħruf għall-kapaċità unika li jindilek, li tiddistingwih minn zlazet oħra. B’differenza mill-prodotti l-oħra kollha magħmula mil-laħam, iċ-“Ciauscolo” ma jitqattax imma “jindilek” fuq il-ħobż u prodotti oħra simili u din il-karatteristika apprezzata ħafna hija konsegwenza tal-kompożizzjoni partikolari tat-taħlita tal-laħam, b’kontenut għoli ta’ xaħam, bil-mod kif il-laħam jiġi kkapuljat fin u t-tekniki speċjali użati għall-manufattura. Karatteristika oħra taċ-“Ciauscolo” li tiddistingwih f’għajnejn il-konsumatur hi l-fatt li jinħass artab.
5.3. Għad-DOP: rabta kawżali bejn il-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott u l-ambjent ġeografiku jew għall-IĠP: rabta kawżali bejn kwalità partikolari, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħrajn tal-prodott.
It-tekniki u l-metodi tal-ipproċessar, il-konservazzjoni u l-maturazzjoni li qed jintużaw illum biex jiġi mmanifatturat il-prodott tal-budellat magħruf bħala ċ-“Ciauscolo” ġejjin direttament mill-għarfien tradizzjonali użat mill-familji rurali u tar-raħħala fid-distrett ta’ Piceno. Il-qatla u l-ipproċessar domestiku ta’ ħnieżer minn dejjem kienu jservu ta’ okkażjoni għall-familji u l-ġirien biex jissoċjalizzaw u jinnegozjaw u biex il-bidwi jagħti rigali lis-sid (“padrone”) mhux fi flus. Dan minn dejjem kien avveniment soċjali tradizzjonali tax-xitwa u d-drawwiet relatati, il-folklor u d-drawwiet huma riflessi u miżmuma fil-kultura popolari. L-isem “ciaùscolo, ciavuscolo” jingħad li ġej minn “ciabusculum” jew ikla żgħira jew ħafifa li fiha jkun hemm kwantitajiet żgħar skont it-tradizzjoni rurali bejn l-ikla ta’ filgħodu u l-ikla ta’ nofsinhar jew bejn l-ikla ta’ nofsinhar u l-ikla ta’ filgħaxija. Hemm diversi dokumenti li jaffermaw l-użu tradizzjonali tal-isem “Ciauscolo” u jagħtu prova li l-prodott ilu preżenti fiż-żona definita għal bosta sekli. Bħala eżempju, f’estratt mill-“Prezzi dei generi” (Il-Prezz tal-Oġġetti tal-Ikel) ta’ Ottubru 1851, li jinsab fl-Arkivji Nutarili tal-Muniċipalità ta’ Camerino, fil-lista ta’ prodotti varji (qamħ, vitella, majjal, perżut, salami, zalzett, ħut imnixxef) hemm elenkat iċ-“Ciauscolo” u l-prezz tiegħu. Wieħed għandu jinnota li fid-dokument hemm iminiżżel l-istess isem preċiz li għalih hemm it-talba ta’ reġistrazzjoni bħala IĠP. Fi żminijiet aktar riċenti, il-fama tal-prodott tintwera bl-inklużjoni tal-isem u l-ispjegazzjoni preċiża fid-“Dizionario Zingarelli della lingua italiana” (Id-Dizzjunarju Zingarelli tal-Lingwa Taljana). Id-dizzjunarju jiddefinixxi ċ-“ciauscolo” bħala “zalzett artab ħafna, magħmul minn xaħam tal-majjal ta’ kwalità għolja u laħam ikkapuljat fin ħafna, b’togħma ta’ tewm u ħwawar, kemxejn affumikat, karatteristiku tal-Marche” u jsemmi l-oriġini tal-isem li tmur lura sal-1939. Finalment, il-fama taċ-“Ciauscolo” hija affermata wkoll bl-inklużjoni tal-isem fil-lista nazzjonali tal-oġġetti tal-ikel tradizzjonali mis-sena 2000 (Suppliment Ordinarju għall-Gazzetta Uffiċjali – Is-Serje Ġenerali Nru 194 tal-21 ta’ Awwissu 2000). Il-lista tikkataloga prodotti mmanifatturati fl-Italja sabiex jiġi evitat li l-għarfien ta’ prodotti bi tradizzjoni twila jisparixxi peress li ġenerazzjoni waħda tagħti post lill-oħra. L-inklużjoni tal-isem “Ciauscolo” fil-lista tar-Reġjun tal-Marche hija sinjal ċert tal-fama tal-prodott, peress li biex prodott jiġi inkluż trid tingħata prova li dan ilu jiġi prodott għal mill-inqas 25 sena.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott
(1) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 tat-30 ta’ Ottubru 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar ir-reġistrazzjoni u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, speċjalitajiet tradizzjonali garantiti u termini tal-kwalità mhux obbligatorji u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) Nru 664/2014 (ĠU L, 2025/27, 15.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/27/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3944/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)