Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
12 ta’ Novembru 2026 (*)
“Rikors għal annullament – Direttiva (UE) 2023/1791 – Effiċjenza enerġetika – Emenda tar-Regolament (UE) 2023/955 – Bażi legali tad-Deċiżjoni 2023/1791 – Determinazzjoni – Teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti ta’ din id-direttiva – Punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE – Artikolu 194(2) TFUE – Miżuri li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-għażla ta’ Stat Membru bejn sorsi differenti ta’ enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija tiegħu – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Regolarità tal-analiżi tal-impatt tad-Direttiva 2023/1791 – Natura xierqa ta’ din id-direttiva fid-dawl tal-għanijiet imfittxija – Teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni speċifika tal-Istati Membri”
Fil-Kawża C‑771/23,
li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fl‑14 ta’ Diċembru 2023,
Ir‑Repubblika tal‑Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, bħala aġent,
rikorrenti,
sostnuta minn:
L-Ungerija, irrappreżentata minn M. Z. Fehér u K. Szíjjártó, bħala aġenti,
intervenjenti,
vs
Il‑Parlament Ewropew, irrappreżentat minn O. Denkov u W. D. Kuzmienko, bħala aġenti,
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat inizjalment minn R. Boucquey, J. Himmanen, A. Maceroni u A. Sikora-Kalėda, bħala aġenti, sussegwentement minn R. Boucquey, J. Himmanen u A. Maceroni, bħala aġenti, u fl-aħħar nett minn J. Himmanen u A. Maceroni u K. Pleśniak bħala aġenti,
konvenuti,
sostnuti minn:
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. De Meester, D. Milanowska u M. Owsiany-Hornung, bħala aġenti,
intervenjenti,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tieni Awla, Z. Csehi, M. Gavalec (Relatur) u F. Schalin, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Emiliou,
Reġistratur: V. Di Bucci,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla d-Direttiva (UE) 2023/1791 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑13 ta’ Settembru 2023 dwar l-effiċjenza enerġetika u li temenda r-Regolament (UE) 2023/955 (ĠU 2023, L 231, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva kkontestata”).
Il-kuntest ġuridiku
It-Trattat UE
2 Skont l-Artikolu 5(4) TUE:
“Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, il-kontenut u l-forma ta’ l-azzjoni ta’ l-Unjoni [Ewropea] m’għandhomx jeċċedu dak li jkun meħtieġ sabiex jitwettqu l-objettivi tat-Trattati.
[...] ”
It-Trattat FUE
3 L-Artikolu 191(3) TFUE jipprovdi:
“Fil-preparazzjoni tagħha tal-politika dwar l-ambjent, l-Unjoni għandha tieħu in konsiderazzjoni:
– i xjentifiċi u tekniċi eżistenti;
– kondizzjonijiet ambjentali fir-reġjuni differenti ta' l-Unjoni;
– vantaġġi u l-piżijiet li jistgħu jirriżultaw minn azzjoni jew nuqqas ta’ azzjoni;
– iżvilupp ekonomiku u soċjali ta' l-Unjoni in ġenerali u l-iżvilupp bilanċjat tar-reġjuni tagħha.”
4 Il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE huwa fformulat kif ġej:
“B’deroga għall-proċedura ta’ deċizjoni prevista fil-paragrafu 1 u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 114, il-[Kunsill tal-Unjoni Ewropea], waqt li jaġixxi b’mod unanimu skond il-proċedura leġislattiva speċjali u wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [Ewropew (KESE)] u l-Kumitat [Ewropew] tar-Reġjuni [(KtR)], għandu jadotta:
[...]
c) miżuri li jaffettwaw b’mod sinifikanti l-għażla ta’ Stat Membru bejn fonti differenti ta’ enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista ta’ l-enerġija.”
5 L-Artikolu 194(2) TFUE jipprevedi:
“Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet oħra tat-Trattati, il-[Parlament] u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa għall-kisba ta' l-objettivi previsti fil-paragrafu 1. Dawn il-miżuri għandhom jiġu adottati wara konsultazzjoni mal-[KESE] u mal-[KtR].
Dawn m’għandhomx jolqtu d-dritt ta’ Stat Membru li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-isfruttament tar-riżorsi ta’ enerġija tiegħu, l-għażla tiegħu bejn riżorsi differenti ta’ enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista ta’ enerġija tiegħu, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 192(2)(c).”
6 Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE:
“L-atti legali għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet li fuqhom ikunu bbażati u għandhom jirriferu għal kwalunkwe proposta, inizjattiva, rakkomandazzjoni, talba jew opinjoni prevista fit-Trattati.”
Id-Direttiva 2012/27/UE
7 Il-premessa 10 tad-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU 2012, L 315, p. 1, rettifika fil-ĠU 2013, L 113, p. 24), kienet tipprovdi:
“[...] jeħtieġ li l-qafas legali tal-Unjoni għall-effiċjenza fl-enerġija jiġi aġġornat b'Direttiva li jkollha l-għan kumplessiv tal-mira għall-effiċjenza fl-enerġija li jiġi ffrankat 20 % mill-konsum tal-enerġija primarja tal-Unjoni sal-2020, u li jsir iktar titjib fl-effiċjenza fl-enerġija wara l-2020. Għal dan il-għan, din id-Direttiva għandha tistabbilixxi qafas komuni sabiex tkun promossa l-effiċjenza fl-enerġija fi ħdan l-Unjoni u għandha tistabbilixxi azzjonijiet speċifiċi ħalli jiġu implimentati wħud mill-proposti inklużi fil-Pjan għall-Effiċjenza fl-Enerġija 2011 u jintlaħqu l-potenzjali sinifikanti mhux imwettqa ta’ ffrankar tal-enerġija li tidentifika.”
8 L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett u ambitu”, kien jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas komuni ta’ miżuri għall-promozzjoni tal-effiċjenza fl-enerġija fi ħdan l-Unjoni sabiex ikun żgurat li sal-2020 tintlaħaq il-mira ewlenija għall-effiċjenza fl-enerġija ta’ 20 % u sabiex titwitta t-triq għal iktar titjib fl-effiċjenza fl-enerġija lil hinn minn dik id-data.
Hija tistabbilixxi regoli mfassla sabiex ineħħu l-ostakli fis-suq tal-enerġija u sabiex jegħlbu n-nuqqasijiet tas-swieq li jimpedixxu l-effiċjenza fil-provvista u fl-użu tal-enerġija, u tipprovdi sabiex ikunu stabbiliti miri nazzjonali indikattivi għall-effiċjenza fl-enerġija għall-2020.”
Id-Direttiva 2012/27, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/2002
9 L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2012/27, kif emendat bid-Direttiva (UE) 2018/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 (ĠU 2018, L 328, p. 210), kien jipprevedi:
“Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas komuni ta' miżuri għall-promozzjoni tal-effiċjenza fl-enerġija fi ħdan l-Unjoni sabiex jiġi żgurat li l-mira ewlenija tal-Unjoni ta' 20 % effiċjenza fl-enerġija għall-2020 u l-mira ewlenija tagħha ta' mill-inqas 32.5 % effiċjenza fl-enerġija għall-2030 jintlaħqu u jwittu t-triq għal aktar titjib fl-effiċjenza fl-enerġija wara dawk id-dati.
Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli mfassla sabiex ineħħu l-ostakli fis-suq tal-enerġija u sabiex jegħlbu n-nuqqasijiet tas-swieq li jimpedixxu l-effiċjenza fil-provvista u fl-użu tal-enerġija, u tipprevedi li jiġu stabbiliti miri nazzjonali indikattivi għall-effiċjenza fl-enerġija għall-2020 u l-2030.
Din id-Direttiva tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-prinċipju'l-effiċjenza fl-enerġija l-ewwel.”
Id-Direttiva 2018/2002
10 Il-premessi 1, 5, 6 u 45 tad-Direttiva 2018/2002 kienu jipprovdu:
“(1) [...] It-titjib fl-effiċjenza fl-enerġija matul il-katina kollha tal-enerġija, inklużi l-ġenerazzjoni, it-trażmissjoni, id-distribuzzjoni u l-użu finali tal-enerġija, ser ikun ta' benefiċċju għall-ambjent, itejjeb il-kwalità tal-arja u s-saħħa pubblika, inaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet serra [(iktar ’il quddiem il-“GES”)], itejjeb is-sigurtà tal-enerġija bit-tnaqqis tad-dipendenza mill-importazzjonijiet tal-enerġija minn barra l-Unjoni, jaqtal-ispejjeż tal-enerġija għall-unitajiet domestiċi u għall-kumpanniji, jgħin biex itaffi l-faqar enerġetiku u jwassal għal żieda fil-kompetittività, aktar impjiegi u żieda fl-attività ekonomika fl-ekonomija kollha, u b'hekk itejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini. Dan huwa konformi mal-impenji tal-Unjoni magħmula fil-qafas tal-Unjoni tal-Enerġija u l-aġenda tal-klima globali stabbilita mill-Ftehim ta’ Pariġi [, adottat fit‑12 ta’ Diċembru 2015, abbażi tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (ĠU 2016, L 282, p. 4, iktar ’il quddiem il-‘Ftehim ta’ Pariġi’), approvat f’isem l-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1841 tal‑5 ta’ Ottubru 2016 (ĠU 2016, L 282, p. 1),] wata l-21 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima [li impenjat ruħha] li żżomm iż-żieda fit-temperatura medja globali sew taħt iż-2 °C 'il fuq mil-livelli preindustrijali u li tagħmel sforzi biex iż-żieda fit-temperatura tiġi limitata għal 1,5 C iktar mil-livelli preindustrijali.
[...]
(5) Il-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta' Ottubru 2014 appoġġa mira ta' 27 % ta' effiċjenza fl-enerġija għall-2030 fil-livell tal-Unjoni, li għandha tiġi riveduta sal-2020 b'kont meħud ta' mira ta' livell tal-Unjoni ta' 30 %. Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2015 intitolata ‘Lejn Unjoni Ewropea tal-Enerġija’, il-[Parlament] stieden lill-[Kummissjoni Ewropea] biex tivvaluta, addizzjonalment, il-vijabbiltà ta' mira ta' 40 % għall-effiċjenza enerġetika għall-istess perjodu taż-żmien. Għalhekk huwa xieraq li d-Direttiva 2012/27/UE tiġi emendata, biex tiġi adattata għall-perspettiva tal-2030.
(6) Il-ħtieġa li l-Unjoni tilħaq il-miri tagħha tal-effiċjenza fl-enerġija fil-livell tal-UE, espressi f'konsum primarju u/jew finali tal-enerġija, tenħtieġ li tiġi stabbilita b'mod ċar fil-forma ta' mira ta' mill-inqas 32,5 % għall-2030. [...]
[...]
(45) Minħabba li l-għanijiet ta' din id-Direttiva, jiġifieri li jintlaħqu l-miri tal-Unjoni ta' 20 % ta' effiċjenza fl-enerġija sal-2020 u ta' mill-inqas 32,5 % sal-2030 u li titwitta t-triq lejn aktar titjib tal-effiċjenza fl-enerġija wara dawk id-dati, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-[TUE]. F'konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.”
Id-Direttiva kkontestata
11 Mill-kunsiderazzjonijiet tad-Direttiva kkontestata jirriżulta li din ġiet adottata abbażi tat-“Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari [tal-]Artikolu 194(2) tiegħu”.
12 Il-premessi 7 sa 9, 14, 15, 24, 27, 28, 30 u 152 ta’ din id-direttiva jipprovdu:
“(7) Fil-komunikazzjoni tagħha tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar ‘Pjaneta Nadif għal kulħadd - Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima’, il-Kummissjoni ddikjarat li l-effiċjenza enerġetika hija qasam ewlieni ta’ azzjoni, li mingħajru d-dekarbonizzazzjoni sħiħa tal-ekonomija tal-Unjoni ma tistax tinkiseb. Il-ħtieġa li jinħatfu opportunitajiet tal-iffrankar tal-enerġija kosteffettiv wasslet għall-politika attwali tal-Unjoni dwar l-effiċjenza enerġetika. F’Diċembru 2018, iddaħħlet mira ewlenija ġdida tal-Unjoni għall-effiċjenza enerġetika sal-2030 ta’ mill-inqas 32,5 %, meta mqabbla mal-użu tal-enerġija previst fl‑2030, bħala parti mill-Pakkett Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha, li kellu l-għan li jqiegħed l-effiċjenza enerġetika qabel kollox, jikseb tmexxija globali fl-enerġiji rinnovabbli u jagħti offerta ġusta lill-konsumaturi.
(8) Il-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-[Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas‑17 ta’ Settembru 2020, intitolat ‘It-tisħiħ tal-ambizzjoni klimatika tal-Ewropa għall‑2030 Ninvestu f’futur newtrali għall-klima għall-benefiċċju tal-popli tagħna’ (iktar ’il quddiem il-‘pjan dwar il-mira klimatika’)] wriet li, biex tinkiseb iż-żieda fl-ambizzjoni klimatika, it-titjib fl-effiċjenza enerġetika jeħtieġ li jiżdied b’mod sinifikanti mil-livell attwali ta’ 32,5 %.
(9) Żieda fil-mira tal-effiċjenza enerġetika tal-Unjoni għall-2030 tista’ tnaqqas il-prezzijiet tal-enerġija u tkun kruċjali fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-[GES], akkumpanjata minn żieda u adozzjoni tal-elettrifikazzjoni, l-idroġenu, l-e-fjuwils u teknoloġiji rilevanti oħra meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika, inkluż fis-settur tat-trasport. Anke bit-tkabbir rapidu fil-ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika tista’ tnaqqas il-ħtieġa ta’ kapaċità ġdida ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija u tal-kostijiet marbuta mal-ħżin, it-trażmissjoni u d-distribuzzjoni. Iż-żieda fl-effiċjenza enerġetika hija partikolarment importanti wkoll għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni bi tnaqqis tad-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjoni tal-fjuwils mill-pajjiżi terzi. L-effiċjenza enerġetika hija waħda mill-aktar miżuri nodfa u kosteffiċjenti li biha tiġi indirizzata dik id-dipendenza.
[...]
(14) Il-livell ogħla ta’ ambizzjoni jeħtieġ promozzjoni aktar soda tal-miżuri kosteffettivi tal-effiċjenza enerġetika fl-oqsma kollha tas-sistema tal-enerġija u fis-setturi rilevanti kollha, meta l-attività tkun taffettwa d-domanda għall-enerġija, bħas-setturi tat-trasport, tal-ilma u tal-agrikoltura. Bit-titjib fl-effiċjenza enerġetika tul il-katina kollha tal-enerġija, inkluż il-ġenerazzjoni, it-trażmissjoni, id-distribuzzjoni u l-użu finali tal-enerġija, se jgawdi l-ambjent, jitjiebu l-kwalità tal-arja u s-saħħa pubblika, jonqsu l-emissjonijiet tal-[GES], tiżdied is-sigurtà tal-enerġija bit-tnaqqis tal-ħtieġa tal-importazzjoni tal-enerġija, b’mod partikolari tal-fjuwils fossili, jonqsu l-kostijiet tal-enerġija għall-unitajiet domestiċi u għall-kumpaniji, jitwieżnu l-persuni fil-faqar enerġetiku, u tingħata spinta lill-kompetittività, lill-impjiegi u lill-attività ekonomika fl-ekonomija kollha. It-titjib fl-effiċjenza enerġetika b’hekk itejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini, filwaqt li jikkontribwixxi għat-trasformazzjoni tar-relazzjonijiet tal-enerġija tal-Unjoni ma’ pajjiżi terzi sħab lejn il-kisba tan-newtralità klimatika. Dan jikkonforma mal-impenji tal-Unjoni li saru fil-qafas tal-Unjoni tal-Enerġija u l-aġenda dinjija dwar il-klima stabbiliti mill-Ftehim ta’ Pariġi. It-titjib tal-prestazzjoni tal-enerġija ta’ diversi setturi għandu l-potenzjal li jrawwem ir-riġenerazzjoni urbana, inkluż it-titjib tal-bini, u l-bidliet fix-xejriet tal-mobilità u l-aċċessibbiltà, filwaqt li jippromwovi għażliet aktar effiċjenti, sostenibbli u affordabbli.
(15) Din id-Direttiva tagħmel pass ‘il quddiem lejn in-newtralità klimatika sal-2050, li permezz tagħha l-effiċjenza enerġetika tiġi ttrattata bħala sors ta’ enerġija minnha nnifisha. Il-prinċipju ‘l-Effiċjenza Enerġetika tiġi l-Ewwel’ huwa prinċipju kumplessiv li jenħtieġ li jitqies fis-setturi kollha, lil hinn mis-sistema tal-enerġija fil-livelli kollha, inkluż fis-settur finanzjarju. Is-soluzzjonijiet tal-effiċjenza enerġetika jenħtieġ li jitqiesu bħala l-ewwel għażla fid-deċiżjonijiet ta’ politika, tal-ippjanar u tal-investiment meta jiġu stabbiliti regoli ġodda għan-naħa tal-provvista u għal oqsma oħra ta’ politika. Filwaqt li l-prinċipju ‘l-Effiċjenza Enerġetika tiġi l-Ewwel’ jenħtieġ li jiġi applikat mingħajr preġudizzju għal obbligi legali, objettivi u prinċipji oħra, tali obbligi, objettivi u prinċipji jenħtieġ li ma jxekklux l-applikazzjoni tiegħu jew iwasslu għal eżenzjonijiet mill-applikazzjoni tal-prinċipju. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tiżgura li l-effiċjenza enerġetika u r-rispons tad-domanda jkunu jistgħu jikkompetu b’termini ekwi mal-kapaċità tal-ġenerazzjoni. Irid isir titjib fl-effiċjenza enerġetika kull meta dan ikun iżjed kosteffettiv minn soluzzjonijiet ekwivalenti fuq in-naħa tal-provvista. Dak jenħtieġ jgħin biex jiġu sfruttati d-diversi benefiċċji tal-effiċjenza enerġetika għall-Unjoni, b’mod partikolari għaċ-ċittadini u għan-negozji. L-implimentazzjoni ta’ miżuri li jtejbu l-effiċjenza enerġetika jenħtieġ li tkun prijorità wkoll biex jittaffa l-faqar enerġetiku.
[...]
(24) Din id-Direttiva hija parti minn qafas ta’ politika usa’ tal-politiki dwar l-effiċjenza enerġetika li jindirizzaw il-potenzjali tal-effiċjenza enerġetika f’oqsma ta’ politika speċifiċi [...].
[...]
(27) Fil-komunikazzjoni tagħha tat‑28 ta’ Novembru 2018 dwar ‘Pjaneta Nadifa għall-kulħadd Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima’, il-Kummissjoni tipprojetta li l-mira tal-effiċjenza enerġetika tal-Unjoni ta’ 32.5 % għall‑2030 u l-istrumenti ta’ politika l-oħra tal-qafas eżistenti jwasslu għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ [GES] ta’ madwar 45 % sal‑2030. Għal ambizzjoni klimatika ogħla ta’ tnaqqis ta’ 55 % fl-emissjonijiet tal-[GES] sal-2030, il-valutazzjoni tal-impatt tal-Pjan dwar il-Mira Klimatika stħarrġet liema livell ta’ sforzi jkun meħtieġ fl-oqsma ta’ politika differenti. Din tikkonkludi li, fir-rigward tax-xenarju bażi, għal kisba kostottimali tal-mira tal-emissjonijiet tal-[GES], il-konsum tal-enerġija primarju u l-konsum tal-enerġija finali jridu jonqsu b’mill-inqas 39 sa 41 % u 36 sa 37 % rispettivament.
(28) Il-mira tal-effiċjenza enerġetika tal-Unjoni kienet inizjalment stabbilita u kkalkulata bl-użu tal-projezzjonijiet tax-Xenarju ta’ Referenza tal-UE tal-2007 għall-2030 bħala xenarju bażi. Il-bidla fil-metodoloġija tal-kalkolu tal-bilanċ tal-enerġija tal-[Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea (Eurostat)] u t-titjib fil-projezzjonijiet tal-immudellar sussegwenti jeżiġu bidla fix-xenarju bażi. Għaldaqstant, bl-istess approċċ kif ġiet definita l-mira, jiġifieri t-tqabbil tagħha mal-projezzjonijiet futuri tax-xenarju bażi, l-ambizzjoni tal-mira tal-effiċjenza enerġetika tal-Unjoni għall-2030 hija stabbilita bi tqabbil mal-projezzjonijiet tax-Xenarju ta’ Referenza tal-UE tal-2020 għall-2030 li jirriflettu l-kontributi nazzjonali mill-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima. B'dak ix-xenarju bażi aġġornat, l-Unjoni jeħtieġ tkompli żżid l-ambizzjoni tagħha tal-effiċjenza enerġetika b'mill-inqas 11,7 % fl-2030 meta mqabbla mal-livell tal-isforzi fix-Xenarju ta' Referenza tal-UE tal-2020. Il-mod ġdid kif jiġi espress il-livell ta’ ambizzjoni għall-miri tal-Unjoni ma jaffettwax il-livell reali tal-isforzi meħtieġ u jikkorrispondi għal tnaqqis ta’ 40,5 % għall-konsum tal-enerġija primarja u ta’ 38 % għall-konsum tal-enerġija finali meta mqabbel mal-projezzjonijiet tax-Xenarju ta’ Referenza tal-UE tal-2007 għall-2030.
[...]
(30) Il-ħtieġa li l-Unjoni żżid l-effiċjenza enerġetika tagħha jenħtieġ li tiġi espressa fil-konsum tal-enerġija primarja u l-konsum tal-enerġija finali, li jrid jinkiseb fl-2030, b'indikazzjoni tal-livell ta' sforzi addizzjonali meħtieġ meta mqabbel mal-miżuri fis-seħħ jew ippjanati fil-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima. Ix-Xenarju ta’ Referenza tal-UE tal-2020 jipprojetta 864 [miljun tunnellata tal-ekwivalenti taż-żejt (Mtoe)] ta’ konsum tal-enerġija finali u 1 124 Mtoe ta’ konsum tal-enerġija primarja li jrid jintlaħaq fl-2030 (minbarra l-enerġija ambjentali u inkluż l-avjazzjoni internazzjonali). Tnaqqis addizzjonali ta’ 11,7 % jwassal għal 763 Mtoe u 992,5 Mtoe fl-2030. Meta mqabbel mal-livelli fl-2005, dan ifisser li l-konsum tal-enerġija finali fl-Unjoni jenħtieġ li jitnaqqas b’madwar 25 % u l-konsum tal-enerġija primarja jenħtieġ li jitnaqqas b’madwar 34 %. Ma hemm l-ebda mira vinkolanti fil-livell tal-Istati Membri fil-perspettivi tal-2020 u tal-2030, u l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu l-kontributi tagħhom biex tintlaħaq il-mira tal-effiċjenza enerġetika tal-Unjoni filwaqt li jqisu l-formula prevista f'din id-Direttiva. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu liberi li jistabbilixxu l-objettivi nazzjonali tagħhom abbażi tal-konsum tal-enerġija primarja jew il-konsum tal-enerġija finali jew tal-iffrankar tal-enerġija primarja jew l-iffrankar tal-enerġija finali, jew abbażi tal-intensità tal-enerġija. Din id-Direttiva temenda l-mod li bih l-Istati Membri jenħtieġ li jesprimu l-kontributi nazzjonali tagħhom għall-mira tal-Unjoni. Il-kontributi tal-Istati Membri għall-mira tal-Unjoni jenħtieġ li jiġu espressi fil-konsum tal-enerġija primarja u l-konsum tal-enerġija finali biex ikunu żgurati l-konsistenza u l-monitoraġġ tal-progress. Evalwazzjoni regolari tal-progress lejn il-kisba tal-miri tal-Unjoni għall-2030 hija meħtieġ u hija prevista fir-Regolament (UE) 2018/1999 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2018, L 328, p. 1)].
[...]
(152) Minħabba li l-objettivi ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li tintlaħaq il-mira tal-effiċjenza enerġetika tal-Unjoni u li titwitta t-triq lejn aktar titjib fl-effiċjenza enerġetika u lejn in-newtralità klimatika, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 [TUE]. F'konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.”
13 L-Artikolu 1 tad-Direttiva kkontestata, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:
“1. Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas komuni ta’ miżuri li jippromwovu l-effiċjenza enerġetika fl-Unjoni biex ikun żgurat li l-miri tal-effiċjenza enerġetika tal-Unjoni jintlaħaqu u tippermetti aktar titjib fl-effiċjenza enerġetika. L-għan ta’ dak il-qafas komuni huwa li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[, tat‑30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (‘il-Liġi Ewropea dwar il-Klima’) (ĠU 2021, L 243, p. 1),] u għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni billi titnaqqas id-dipendenza tagħha fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija, inkluż il-fjuwils fossili.
Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli mfassla biex jimplimentaw l-effiċjenza enerġetika bħala prijorità fost is-setturi kollha, ineħħu l-ostakli fis-suq tal-enerġija u jxejnu l-fallimenti tas-suq li jxekklu l-effiċjenza fil-provvista, fit-trażmissjoni, fil-ħżin u fl-użu tal-enerġija. Barra minn hekk, din tipprevedi li jiġu stabbiliti kontributi nazzjonali indikattivi tal-effiċjenza enerġetika għall-2030.
Din id-Direttiva tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-prinċipju “l-Effiċjenza Enerġetika tiġi l-Ewwel”, u b’hekk tikkontribwixxi wkoll biex l-Unjoni tkun soċjetà inklużiva, ġusta u prospera b’ekonomija moderna, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u kompetittiva.
2. Ir-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Direttiva huma rekwiżiti minimi u ma għandhom jipprevjenu lill-ebda Stat Membru milli jżomm jew jintroduċi miżuri iktar stretti. Dawn il-miżuri għandhom jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni. Meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi miżuri aktar stretti, l-Istat Membru għandu jinnotifika din il-leġiżlazzjoni lill-Kummissjoni.”
14 Il-punt 46 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jiddefinixxi t-“tisħin u tkessiħ distrettwali effiċjenti” bħala sistema ta’ tisħin jew tkessiħ distrettwali li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 26 tal-imsemmija direttiva.
15 L-Artikolu 4 tal-istess direttiva, bit-titolu “Miri tal-effiċjenza enerġetika”, huwa fformulat kif ġej:
“1. L-Istati Membri għandhom kollettivament jiżguraw tnaqqis fil-konsum tal-enerġija ta’ mill-inqas 11,7 % fl-2030 meta mqabbel mal-projezzjonijiet tax-Xenarju ta’ Referenza tal-UE tal-2020 biex il-konsum tal-enerġija finali tal-Unjoni jammonta għal mhux aktar minn 763 Mtoe. L-Istati Membri għandhom jagħmlu sforzi biex jikkontribwixxu kollettivament għall-mira indikattiva u tal-konsum tal-enerġija primarja tal-Unjoni li tammonta għal mhux aktar minn 992,5 Mtoe fl-2030.
2. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi l-kontributi nazzjonali indikattivi tal-effiċjenza enerġetika bbażati fuq il-konsum tal-enerġija finali biex kollettivament jissodisfaw il-mira vinkolanti tal-Unjoni tal-konsum finali tal-enerġija msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u għandu jagħmel sforzi biex jikkontribwixxi b'mod kollettiv għall-mira indikattiva tal-konsum primarju tal-enerġija tal-Unjoni msemmija f'dak il-paragrafu 1. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk il-kontributi lill-Kummissjoni, flimkien ma’ trajettorja indikattiva għal dawk il-kontributi, bħala parti mill-aġġornamenti tal-pjanijiet nazzjonali integrati tagħhom għall-enerġija u l-klima ppreżentati skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament [2018/1999], u tal-pjanijiet nazzjonali integrati tagħhom dwar l-enerġija u l-klima nnotifikati skont l-Artikolu 3 l-Artikoli 7 sa 12 ta’ dak ir-Regolament. Meta jagħmlu dan, l-Istati Membri għandhom jesprimu wkoll il-kontributi tagħhom f'termini ta' livell assolut ta' konsum tal-enerġija primarja fl-2030. Meta jistabbilixxu l-kontributi nazzjonali indikattivi tagħhom għall-effiċjenza enerġetika, l-Istati Membri għandhom iqisu r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu u jispjegaw kif, u abbażi ta' liema data, ġew ikkalkulati l-kontributi. Għal dak l-għan, huma jistgħu jużaw il-formula stabbilita fl-Anness I għal din id-Direttiva.
L-Istati Membri għandhom jipprovdu s-sehem tal-konsum tal-enerġija primarja u l-konsum tal-enerġija finali tas-setturi tal-użu finali tal-enerġija, kif definit fir-Regolament (KE) Nru 1099/2008 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 dwar l-istatistika dwar l-enerġija (ĠU 2008, L 304, p. 1)], inkluż tal-industrija, residenzjali, tas-servizzi u tat-trasport, fil-kontributi nazzjonali tagħhom tal-effiċjenza enerġetika. L-Istati Membri għandhom jindikaw ukoll il-projezzjonijiet għall-konsum tal-enerġija [fit-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT)].
3. Meta jistabbilixxu l-kontributi nazzjonali indikattivi tagħhom tal-effiċjenza enerġetika msemmija fil-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom iqisu:
(a) il-il-mira takonsum finali tal-enerġija tal-Unjoni fl-2030 ta’ mhux aktar minn 763 Mtoe u l-mira tal-konsum tal-enerġija primarja ta’ mhux aktar minn 992.5 Mtoe, kif provdut fil-paragrafu 1;
(b) il-miżuri previsti f’din id-Direttiva;
(c) miżuri oħra li jippromwovu l-effiċjenza enerġetika fl-Istati Membri u fil-livell tal-Unjoni;
(d) kwalunkwe fattur rilevanti li jaffettwa l-isforzi tal-effiċjenza:
[...]
(e) ċirkostanzi nazzjonali oħra li jaffettwaw il-konsum tal-enerġija, b'mod partikolari:
(i) il-[prodott domestiku gross (PDG)] u l-evoluzzjoni u l-previżjoni demografika;
(ii) bidliet fl-importazzjonijiet u fl-esportazzjonijiet tal-enerġija, żviluppi fit-taħlita tal-enerġija u l-użu ta’ fjuwils sostenibbli ġodda;
(iii) l-iżvilupp tas-sorsi kollha tal-enerġiji rinnovabbli, l-enerġija nukleari, il-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju;
(iv) id-dekarbonizzazzjoni tal-industriji intensivi fl-enerġija;
(v) il-livell ta’ ambizzjoni fil-pjanijiet nazzjonali ta’ dekarbonizzazzjoni jew tan-newtralità klimatika;
(vi) potenzjal ekonomiku ta’ ffrankar tal-enerġija;
(vii) il-kundizzjonijiet klimatiċi attwali u t-tbassir tat-tibdil fil-klima.
4. Meta japplikaw ir-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 3, Stat Membru għandu jiżgura li l-kontribut tiegħu f’Mtoe ma jkunx aktar minn 2,5 % ‘il fuq minn dak li kien ikun kieku rriżulta mill-formula stabbilita fl-Anness I.
5. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta li l-kontribut kollettiv tal-Istati Membri jkun tal-anqas ugwali għall-mira vinkolanti tal-Unjoni għall-konsum finali tal-enerġija stabbilita fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Meta l-Kummissjoni tikkonkludi li dan mhuwiex biżżejjed, bħala parti mill-valutazzjoni tagħha tal-abbozz tal-pjanijiet nazzjonali aġġornati dwar l-enerġija u l-klima skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament [2018/1999] jew sa mhux aktar tard mill-1 ta' Marzu 2024, filwaqt li tqis ix-Xenarju ta' Referenza tal-UE aġġornat tal-2020 skont dan il-paragrafu, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lil kull Stat Membru kontribut nazzjonali indikattiv ikkoreġut tal-effiċjenza enerġetika għall-konsum finali tal-enerġija abbażi ta’:
(a) il-bqija tat-tnaqqis kollettiv tal-konsum finali tal-enerġija meħtieġ biex tintlaħaq il-mira vinkolanti tal-Unjoni stabbilita fil-paragrafu 1;
(b) l-intensità relattiva tal-[GES] għal kull unità tal-PDG fl-2019 fost l-Istati Membri kkonċernati;
(c) il-PDG ta’ dawk l-Istati Membri fl‑2019.
Qabel ma tapplika l-formula fl-Anness I għall-mekkaniżmu stabbilit f'dan il-paragrafu u sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni għandha taġġorna x-Xenarju ta’ Referenza tal-UE tal-2020 abbażi tal-aħħar data tal-Eurostat irrappurtata mill-Istati Membri, f’konformità mal-Artikolu 4(2)(b) u l-Artikolu 14 tar-Regolament [2018/1999].
Minkejja l-Artikolu 37 ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri li jixtiequ jaġġornaw il-kontributi nazzjonali indikattivi tagħhom tal-effiċjenza enerġetika skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, bl-użu tax-Xenarju ta’ Referenza tal-UE aġġornat tal-2020, għandhom jinnotifikaw il-kontribut nazzjonali indikattiv aġġornat tagħhom tal-effiċjenza enerġetika sa mhux aktar tard mill‑1 ta’ Frar 2024. Meta Stat Membru jkun jixtieq jaġġorna l-kontribut nazzjonali indikattiv tiegħu tal-effiċjenza enerġetika, huwa għandu jiżgura li l-kontribut tiegħu f’Mtoe ma jkunx aktar minn 2.5 % ogħla minn dak li kien ikun kieku rriżulta mill-formula stabbilita fl-Anness I bl-użu tax-Xenarju ta’ Referenza tal-UE aġġornat tal-2020.
L-Istati Membri li lilhom ikun ġie ppreżentat kontribut nazzjonali indikattiv ikkoreġut tal-effiċjenza enerġetika mill-Kummissjoni għandhom jaġġornaw il-kontributi indikattivi nazzjonali tal-effiċjenza enerġetika tagħhom skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, bil-kontribut nazzjonali indikattiv ikkoreġut tal-effiċjenza enerġetika għall-konsum finali tal-enerġija flimkien ma’ aġġornament tat-trajettorja indikattiva tagħhom għal dawk il-kontributi u, meta applikabbli, il-miżuri addizzjonali tagħhom, bħala parti mill-aġġornamenti tal-pjanijiet nazzjonali integrati tagħhom dwar l-enerġija u l-klima ppreżentati skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament [2018/1999]. Il-Kummissjoni għandha, f’konformità ma’ dak ir-Regolament, tirrikjedi li l-Istati Membri, mingħajr dewmien, jippreżentaw il-kontribut indikattiv ikkoreġut tagħhom tal-effiċjenza enerġetika u, meta applikabbli, il-miżuri addizzjonali tagħhom biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu stabbilit f’dan il-paragrafu.
Meta Stat Membru jkun innotifika kontribut nazzjonali indikattiv għall-konsum finali tal-effiċjenza enerġetika għall-konsum finali tal-enerġija f’Mtoe daqs jew anqas minn dak skont il-formula stabbilit fl-Anness I, il-Kummissjoni ma għandhiex temenda dak il-kontribut.
Meta tapplika l-mekkaniżmu stabbilit f’dan il-paragrafu, il-Kummissjoni għandha tiżgura li ma jkun fadal l-ebda differenza bejn is-somma tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri kollha u l-mira vinkolanti tal-Unjoni stabbilita fil-paragrafu 1.
6. Meta l-Kummissjoni tikkonkludi, abbażi tal-valutazzjoni tagħha skont l-Artikolu 29(1) u (3) tar-Regolament [2018/1999], li ma sarx biżżejjed progress biex jintlaħqu l-kontributi tal-effiċjenza enerġetika, l-Istati Membri li jaqbżu t-trajettorji indikattivi tagħhom għall-konsum finali tal-enerġija msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiżguraw li jiġu implimentati miżuri addizzjonali fi żmien sena mid-data tal-irċevuta tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni biex ikun żgurat li jissokta l-perkors it-tajjeb biex jiksbu l-kontributi tagħhom tal-effiċjenza enerġetika. Għalkemm ma għandhomx ikunu limitati għalihom, dawk il-miżuri addizzjonali għandhom jinkludu tal-anqas waħda mill-miżuri li ġejjin:
(a) il-miżuri nazzjonali li jipprovdu ffrankar tal-enerġija addizzjonali, inkluż b'assistenza aktar b’saħħitha għall-iżvilupp tal-proġetti li jimplimentaw miżuri ta' investiment fl-effiċjenza enerġetika;
(b) iż-żieda tal-obbligu tal-iffrankar tal-enerġija stabbilit fl-Artikolu 8 ta’ din id-Direttiva;
(c) l-aġġustament tal-obbligu għas-settur pubbliku;
(d) l-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja volontarja lill-fond nazzjonali għall-effiċjenza enerġetika msemmi fl-Artikolu 30 ta’ din id-Direttiva jew strument ta’ finanzjament ieħor maħsub għall-effiċjenza enerġetika, meta l-kontribuzzjonijiet finanzjarji annwali għandhom ikunu daqs l-investimenti meħtieġa biex tintlaħaq it-trajettorja indikattiva.
Meta l-konsum finali tal-enerġija ta’ Stat Membru jkun ‘il fuq mit-trajettorja indikattiva tiegħu għall-konsum finali tal-enerġija msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, dan għandu jinkludi fir-rapport ta’ progress nazzjonali integrat tiegħu għall-enerġija u l-klima ippreżentat skont l-Artikolu 17 tar-Regolament [2018/1999] spjegazzjoni dwar il-miżuri li ser jieħu biex ikopri d-diskrepanza sabiex jiżgura li jilħaq il-kontributi nazzjonali tiegħu tal-effiċjenza enerġetika u l-ammont ta’ ffrankar tal-enerġija li mistenni jinkiseb.
Il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk il-miżuri nazzjonali msemmija f’dan il-paragrafu humiex biżżejjed biex jintlaħqu l-miri tal-effiċjenza enerġetika tal-Unjoni. Jekk il-miżuri nazzjonali jitqiesu insuffiċjenti, il-Kummissjoni għandha, skont kif ikun xieraq, tipproponi miżuri u teżerċita s-setgħat tagħha fil-livell tal-Unjoni biex tiżgura, b’mod partikolari, li jintlaħqu l-miri tal-effiċjenza enerġetika tal-Unjoni għall-2030.
7. Sal-31 ta’ Diċembru 2026, il-Kummissjoni għandha tivvaluta kull bidla metodoloġika fid-data rrapportata skont ir-Regolament (KE) [Nru 1099/2008], fil-metodoloġija tal-kalkolu tal-bilanċ tal-enerġija, u fil-mudelli tal-enerġija għall-użu Ewropew tal-enerġija u, jekk ikun meħtieġ, tipproponi aġġustamenti tekniċi fil-kalkolu tal-miri tal-Unjoni għall-2030 bil-ħsieb li jinżamm il-livell ta’ ambizzjoni stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.”
16 Il-Kapitolu II tad-Direttiva kkontestata, intitolat “Ir-rwol eżemplari tas-settur pubbliku”, jinkludi l-Artikoli 5 sa 7 tagħha.
17 L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, intitolat “Is-settur pubbliku fuq quddiem nett fl-effiċjenza enerġetika”, jipprovdi fil-paragrafu (1) tiegħu:
“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsum totali finali tal-enerġija tal-korpi pubbliċi kollha flimkien jitnaqqas b'mill-inqas 1,9 % kull sena, meta mqabbel mal-2021.
[...]”
18 Il-Kapitolu III tal-imsemmija direttiva, intitolat “L-effiċjenza fl-użu tal-enerġija”, jinkludi l-Artikoli 8 sa 20 tagħha.
19 L-Artikolu 8 tad-direttiva kkontestata, intitolat “Obbligi tal-iffrankar tal-enerġija”, jipprovdi:
“1. L-Istati Membri għandhom jiksbu ffrankar tal-enerġija kumulattiv fl-użu finali tal-anqas ekwivalenti għal:
(a) iffrankar ġdid kull sena mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020 ta’ 1,5 % tal-bejgħ annwali tal-enerġija lil klijenti finali skont il-volum, b’medja tal-aktar tliet snin riċenti qabel l-1 ta’ Jannar 2013. Il-bejgħ tal-enerġija, bil-volum, użata fit-trasport jista’ jiġi eskluż parzjalment jew għalkollox minn dak il-kalkolu;
(b) iffrankar ġdid kull sena mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2030 ta’:
(i) 0,8 % tal-konsum tal-enerġija finali annwali mill-1 ta' Jannar 2021 sal-31 ta' Diċembru 2023, b'medja tal-aktar tliet snin reċenti qabel l-1 ta' Jannar 2019;
(ii) 1,3 % tal-konsum tal-enerġija finali annwali mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-31 ta’ Diċembru 2025, b’medja tal-aktar tliet snin reċenti qabel l-1 ta’ Jannar 2019;
(iii) 1,5 % tal-konsum tal-enerġija finali annwali mill-1 ta’ Jannar 2026 sal-31 ta’ Diċembru 2027, b’medja tal-aktar tliet snin reċenti qabel l-1 ta’ Jannar 2019;
(iv) 1,9 % tal-konsum tal-enerġija finali annwali mill-1 ta’ Jannar 2028 sal-31 ta’ Diċembru 2030, b’medja tal-aktar tliet snin reċenti qabel l-1 ta’ Jannar 2019.
[...]
L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif iqassmu f’fażijiet il-kwantità kkalkulata ta’ ffrankar ġdid fuq kull perjodu msemmi fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu, sakemm l-iffrankar kumulattiv totali meħtieġ fl-użu finali tal-enerġija jkun intlaħaq sal-aħħar ta’ kull perjodu ta’ obbligu.
[...]
2. L-Istati Membri għandhom jiksbu l-ammont ta’ ffrankar tal-enerġija meħtieġ skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu billi jistabbilixxu skema tal-obbligi tal-effiċjenza enerġetika kif imsemmi fl-Artikolu 9 jew billi jadottaw miżuri ta’ politika alternattivi kif imsemmi fl-Artikolu 10. L-Istati Membri jistgħu jikkombinaw skema tal-obbligi tal-effiċjenza enerġetika ma’ miżuri ta’ politika alternattivi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iffrankar tal-enerġija miksub mill-miżuri ta’ politika msemmijin fl-Artikoli 9 u 10 u l-Artikolu 30(14) jiġi kkalkulat skont l-Anness V.
3. L-Istati Membri għandhom jimplimentaw skemi tal-obbligi tal-effiċjenza enerġetika, miżuri ta’ politika alternattivi, jew taħlita tat-tnejn, jew programmi jew miżuri ffinanzjati minn fond nazzjonali għall-effiċjenza enerġetika, bħala prijorità fost, iżda mhux limitata għal, il-persuni affettwati mill-faqar enerġetiku, il-klijenti vulnerabbli, l-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx u, meta applikabbli, il-persuni li jgħixu f’akkomodazzjoni soċjali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri ta’ politika implimentati skont dan l-Artikolu ma jkollhom l-ebda effett negattiv fuq dawk il-persuni. Meta applikabbli, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-aħjar użu possibbli tal-finanzjament, inkluż il-finanzjament pubbliku, il-faċilitajiet ta' finanzjament stabbiliti fil-livell tal-Unjoni, u d-dħul mill-kwoti skont l-Artikolu 24(3), il-punt (b), biex jitneħħew l-effetti negattivi u tkun żgurata tranżizzjoni tal-enerġija ġusta u inklużiva.
Għall-fini tal-kisba tal-iffrankar tal-enerġija meħtieġa skont il-paragrafu 1 u mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2019/943 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (ĠU 2019, L 158, p. 54)] u d-Direttiva (UE) 2019/944 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU 2019, L 158, p. 125)], l-Istati Membri għandhom, għall-fini tat-tfassil ta’ dawn il-miżuri ta’ politika, jikkunsidraw u jippromwovu r-rwol tal-komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli u tal-komunitajiet tal-enerġija taċ-ċittadini fil-kontribut għall-implimentazzjoni ta’ dawk il-miżuri ta’ politika.
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jiksbu sehem tal-ammont meħtieġ ta’ ffrankar tal-enerġija kumulattiv fl-użu finali fost il-persuni affettwati mill-faqar enerġetiku, il-klijenti vulnerabbli, persuni f’unitajiet domestiċi b’introjtu baxx u, meta applikabbli, il-persuni li jgħixu f’akkomodazzjoni soċjali. Dan is-sehem għandu tal-anqas ikun daqs il-proporzjon tal-unitajiet domestiċi fil-faqar enerġetiku kif ivvalutat fil-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima tagħhom stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 3(3), il-punt (d), tar-Regolament [2018/1999]. Fil-valutazzjoni tagħhom tas-sehem tal-faqar enerġetiku fil-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-enerġija u l-klima, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw l-indikaturi li ġejjin:
(a) l-inabbiltà li d-dar tinżamm sħuna kif xieraq (Eurostat, SILC [ilc_mdes01]);
(b) l-arretrati fuq il-kontijiet tal-utilità (Eurostat, SILC, [ilc_mdes07]);
(c) il-popolazzjoni totali ta' nies li jgħixu f'abitazzjoni b'saqaf iqattar, ħitan, art jew pedamenti umdi jew tmermir fl-oqfsa tat-twieqi jew fl-art (Eurostat, SILC [ilc_mdho01]);
(d) ir-rata tar-riskju ta’ faqar (stħarriġ ta’ Eurostat, SILC u ECHP [ilc_li02]) (punt ta’ limitu: 60 % tal-introjtu medjan ekwivalizzat wara t-trasferimenti soċjali).
Jekk Stat Membru ma nnotifikax is-sehem ta’ unitajiet domestiċi fil-faqar enerġetiku kif ivvalutat fil-pjan nazzjonali għall-enerġija u l-klima tiegħu, is-sehem tal-ammont meħtieġ ta’ ffrankar tal-enerġija kumulattiv fl-użu finali fost il-persuni affettwati mill-faqar enerġetiku, il-klijenti vulnerabbli, persuni f’unitajiet domestiċi b’introjtu baxx u, meta applikabbli, il-persuni li jgħixu f’akkomodazzjoni soċjali, għandu jkun tal-anqas daqs is-sehem medju aritmetiku tal-indikaturi msemmija fit-tielet subparagrafu għas-sena 2019 jew, jekk mhux disponibbli għall-2019, għall-estrapolazzjoni lineari tal-valuri tagħhom għall-aħħar tliet snin disponibbli.
[...]
10. L-Istati Membri għandhom jiddeskrivu fl-aġġornamenti tal-pjanijiet nazzjonali integrati tagħhom għall-enerġija u l-klima ppreżentati skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament [2018/1999], fil-pjanijiet nazzjonali integrati sussegwenti tagħhom għall-enerġija u l-klima nnotifikati skont l-Artikolu 3 u l-Artikoli 7 sa 12 [ta’ dan ir-regolament] u f’konformità mal-Anness III tar-Regolament (UE) 2018/1999, u fir-rapporti ta’ progress rispettivi, il-kalkolu tal-ammont tal-iffrankar tal-enerġija li jrid jinkiseb tul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2030 u għandhom, jekk ikun rilevanti, jispjegaw kif ġew stabbiliti r-rata ta’ ffrankar annwali u x-xenarju bażi tal-kalkolu u kif, u sa liema punt, l-għażliet imsemmija fil-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu ġew applikati.
11. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-ammont tal-iffrankar tal-enerġija meħtieġ imsemmi fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), u l-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, deskrizzjoni tal-miżuri ta’ politika li jridu jiġu implimentati biex jinkiseb l-ammont totali meħtieġ ta’ ffrankar tal-enerġija kumulattiv fl-użu finali, u l-metodoloġiji tal-kalkolu tagħhom skont l-Anness V għal din id-Direttiva, bħala parti mill-aġġornamenti tal-pjanijiet nazzjonali integrati tagħhom għall-enerġija u l-klima ppreżentati skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament [2018/1999], u bħala parti mill-pjanijiet nazzjonali integrati tagħhom għall-enerġija u l-klima nnotifikati skont l-Artikolu 3 u l-Artikoli 7 sa 12 [ta’ dan ir-regolament]. L-Istati Membri għandhom jużaw il-mudell tar-rappurtar mogħti lill-Istati Membri mill-Kummissjoni.
12. Meta, abbażi tal-valutazzjoni tar-rapporti ta’ progress nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima skont l-Artikolu 29 tar-Regolament [2018/1999], jew tal-abbozz jew l-aġġornament finali tal-aħħar pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima ppreżentat skont l-Artikolu 14 [ta’ dan ir-regolament], jew tal-valutazzjoni tal-abbozz u tal-verżjoni finali sussegwenti tal-pjanijiet nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima ppreżentati skont l-Artikolu 3 u l-Artikoli 7 sa 12 tar-Regolament (UE) 2018/1999, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri ta’ politika tagħhom ma jiżgurawx il-kisba tal-ammont meħtieġ ta’ ffrankar tal-enerġija kumulattiv fl-użu finali sa tmiem il-perjodu ta’ obbligu, il-Kummissjoni tista’ toħroġ rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 34 [tal-istess regolament]. għall-Istati Membri li l-miżuri ta’ politika tagħhom jidhrilha li mhumiex biżżejjed biex jissodisfaw l-obbligi tal-iffrankar tal-enerġija tagħhom.
13. Meta Stat Membru ma jkunx kiseb l-iffrankar tal-enerġija kumulattiv meħtieġ fl-użu finali sa tmiem kull perjodu ta’ obbligu stabbilit fil-paragrafu 1, dan għandu jikseb l-iffrankar tal-enerġija pendenti flimkien mal-iffrankar tal-enerġija kumulattiv fl-użu finali meħtieġ sa tmiem il-perjodu ta’ obbligu ta’ wara.
Alternattivament, meta Stat Membru jkun kiseb iffrankar tal-enerġija kumulattiv fl-użu finali ogħla mil-livell meħtieġ sa tmiem kull perjodu ta’ obbligu stabbilit fil-paragrafu 1, huwa għandu jkun intitolat li jġorr l-ammont eliġibbli ta’ mhux aktar minn 10 % ta’ tali eċċess fil-perjodu ta’ obbligu li jmiss mingħajr ma jiżdied l-impenn fil-mira.
14. Bħala parti mill-aġġornamenti tal-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima ppreżentati skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament [2018/1999],, ir-rapporti ta’ progress nazzjonali rilevanti tagħhom dwar l-enerġija u l-klima ppreżentati skont l-Artikolu 17 ta’ dak ir-Regolament, u l-pjanijiet nazzjonali integrati sussegwenti tagħhom dwar l-enerġija u l-klima nnotifikati skont l-Artikolu 3 u l-Artikoli 7 sa 12 ta’ dak ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom juru, inkluż, fejn xieraq, b’evidenza u kalkoli:
(a) li meta kien hemm duplikazzjoni tal-impatt tal-miżuri ta’ politika jew ta’ azzjonijiet individwali, dan l-iffrankar tal-enerġija ma ngħaddx darbtejn;
(b) kif l-iffrankar tal-enerġija miksub skont il-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), ta’ dan l-Artikolu, jikkontribwixxi għall-kisba tal-kontribut nazzjonali tagħhom skont l-Artikolu 4;
(c) li l-miżuri ta’ politika huma stabbiliti biex jissodisfaw l-obbligu tal-iffrankar tal-enerġija tagħhom, imfassla skont dan l-Artikolu, u li dawk il-miżuri ta’ politika huma eliġibbli u xierqa biex jiżguraw il-kisba tal-ammont meħtieġ ta’ ffrankar tal-enerġija kumulattiv fl-użu finali sa tmien kull perjodu ta’ obbligu.”
20 L-Artikolu 12 tad-Direttiva kkontestata, intitolat “Ċentri tad-data”, jipprevedi:
“1. Sal-15 ta’ Mejju 2024, u kull sena wara, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li s-sidien u l-operaturi taċ-ċentri tad-data fit-territorju tagħhom b'domanda għall-potenza tat-teknoloġija informatika (IT) installata ta’ mill-inqas 500 [kilowatt (kW)], jagħmlu l-informazzjoni stipulata fl-Anness VII disponibbli għall-pubbliku, għajr informazzjoni soġġetta għal-liġi tal-Unjoni u nazzjonali li jipproteġu s-sigrieti kummerċjali u tan-negozju u l-kunfidenzjalità.
[...]
3. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi bażi tad-data Ewropea dwar iċ-ċentri tad-data li tinkludi informazzjoni kkomunikata miċ-ċentri tad-data obbligati f’konformità mal-paragrafu 1. Il-bażi tad-data Ewropea għandha tkun disponibbli għall-pubbliku f’livell aggregat.
4. L-Istati Membri għandhom iħeġġu lis-sidien u l-operaturi taċ-ċentri tad-data fit-territorju tagħhom b’domanda tal-potenza tal-IT installata ugwali jew akbar minn 1 [megawatt (MW)], jikkunsidraw l-aħjar prattiki msemmija fl-aħħar verżjoni tal-Kodiċi ta' Kondotta Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika fiċ-Ċentri tad-Data.
5. Sal-15 ta’ Mejju 2025, il-Kummissjoni għandha tivvaluta d-data disponibbli dwar l-effiċjenza enerġetika taċ-ċentri tad-data ppreżentata lilha skont il-paragrafi 1 u 3 u għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, akkumpanjat, fejn xieraq, minn proposti leġiżlattivi li jkun fihom aktar miżuri biex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika, inkluż dwar l-istabbiliment ta’ standards minimi ta’ prestazzjoni u valutazzjoni dwar il-fattibbiltà tat-tranżizzjoni lejn ċentri ta' emissjonijiet netti żero, f’konsultazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati rilevanti. Dawn il-proposti jistgħu jistabbilixxu perjodu ta’ żmien li fih iċ-ċentri tad-data eżistenti għandhom ikunu obbligati jilħqu l-prestazzjoni minima.”
21 L-Artikolu 24 tad-Direttiva kkontestata, intitolat “Nagħtu s-setgħa u l-protezzjoni lill-klijenti vulnerabbli u ntaffu l-faqar enerġetiku”, jipprovdi:
“1. Mingħajr preġudizzju għall-politiki ekonomiċi u soċjali nazzjonali tagħhom, u għall-obbligi tagħhom skont il-liġi tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jagħtu s-setgħa u jipproteġu lill-persuni affettwati mill-faqar enerġetiku, lill-klijenti vulnerabbli, lill-persuni li ġejjin minn familji b’introjtu baxx u, meta applikabbli, lill-persuni li jgħixu f’akkomodazzjoni soċjali.
[...]
3. Biex jgħinu lill-persuni affettwati mill-faqar enerġetiku, lill-klijenti vulnerabbli, lill-persuni li ġejjin minn familji b’introjtu baxx u, meta applikabbli, lill-persuni li jgħixu f’akkomodazzjoni soċjali, l-Istati Membri għandhom, meta applikabbli:
(a) jimplimentaw miżuri li jtejbu l-effiċjenza enerġetika biex itaffu l-effetti distribuzzjonali minn politiki u miżuri oħra, bħall-miżuri tat-tassazzjoni implimentati skont l-Artikolu 10 ta' din id-Direttiva, jew l-applikazzjoni tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet għas-setturi tal-bini u t-trasport f'konformità mad-[Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631)];
(b) jagħmlu l-aħjar użu possibbli mill-finanzjament pubbliku disponibbli fil-livell tal-Unjoni u nazzjonali, inkluż meta applikabbli, mill-kontribuzzjoni finanzjarja li l-Istati Membri jirċievu mill-Fond Soċjali għall-Klima skont l-Artikoli 9 u 14 tar-[Regolament (UE) 2023/955 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑10 ta’ Mejju 2023 li jistabbilixxi Fond Soċjali għall-Klima u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1060 (ĠU 2023, L 130, p. 1, rettifika fil-ĠU L, 2025/90562)], u mid-dħul minn irkanti bl-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet skont [is-sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tal-Unjoni Ewropea] f’konformita’ mad-[Direttiva 2003/87], għal investimenti f’miżuri li jtejbu l-effiċjenza enerġetika bħala azzjonijiet ta’ prijorità;
[...]”
22 Il-Kapitolu V tad-Direttiva kkontestata, intitolat “L-effiċjenza fil-provvista tal-enerġija”, jinkludi l-Artikoli 25 sa 27 tagħha.
23 Skont l-Artikolu 26 ta’ din id-direttiva, intitolat “Provvista tat-tisħin u tat-tkessiħ”:
“1. Biex jiġi żgurat konsum aktar effiċjenti tal-enerġija primarja u jiżdied is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-provvista tat-tisħin u t-tkessiħ li tidħol fin-network, sistema ta' tisħin u tkessiħ distrettwali effiċjenti għandha tissodisfa l-kriterji li ġejjin:
(a) sal-31 ta' Diċembru 2027, sistema li tuża mill-inqas 50 % ta’ enerġija rinnovabbli, 50 % ta’ sħana mormija, 75 % ta' sħana koġenerata jew 50 % ta’ kombinament ta’ dawn it-tipi ta’ enerġija u sħana;
(b) mill-1 ta’ Jannar 2028, sistema li tuża mill-inqas 50 % ta’ enerġija rinnovabbli, 50 % ta’ sħana mormija, 50 % ta’ enerġija rinnovabbli u ta’ sħana mormija, 80 % ta’ sħana koġenerata ta’ effiċjenza għolja jew mill-anqas kombinament ta’ din l-enerġija termali li tidħol fin-network fejn is-sehem tal-enerġija rinnovabbli jkun mill-inqas 5 % u s-sehem totali ta’ enerġija rinnovabbli, ta’ sħana mormija jew ta’ sħana koġenerata ta’ effiċjenza għolja jkun mill-inqas 50 %;
(c) mill-1 ta' Jannar 2035, sistema li tuża mill-inqas 50 % ta' enerġija rinnovabbli, 50 % ta’ sħana mormija jew 50 % ta’ enerġija rinnovabbli u ta’ sħana mormija, jew sistema, fejn is-sehem totali ta’ enerġija rinnovabbli, ta’ sħana mormija jew ta’ sħana koġenerata ta’ effiċjenza għolja jkun mill-inqas 80 % u barra minn hekk is-sehem totali ta’ enerġija rinnovabbli jew sħana mormija jkun mill-inqas 35 %;
(d) mill-1 ta’ Jannar 2040, sistema li tuża mill-inqas 75 % ta’ enerġija rinnovabbli, 75 % ta’ sħana mormija jew 75 % ta’ enerġija rinnovabbli u ta’ sħana mormija, jew sistema li tuża mill-inqas 95 % ta’ enerġija rinnovabbli, ta’ sħana mormija u ta’ sħana koġenerata ta’ effiċjenza għolja u barra minn hekk is-sehem totali ta’ enerġija rinnovabbli jew sħana mormija jkun mill-inqas 35 %;
(e) mill-1 ta' Jannar 2045, sistema li tuża mill-inqas 75 % ta’ enerġija rinnovabbli, 75 % ta' sħana mormija jew 75 % ta’ enerġija rinnovabbli u ta’ sħana mormija;
(f) mill-1 ta’ Jannar 2050, sistema li tuża enerġija rinnovabbli biss, sħana mormija biss, jew kombinazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli u sħana mormija biss.
2. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu wkoll, bħala alternattiva għall-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, kriterji ta’ prestazzjoni tas-sostenibbiltà bbażati fuq l-ammont ta’ emissjonijiet tal-[GES] mis-sistema ta’ tisħin u tkessiħ distrettwali għal kull unità ta’ sħana jew kesħa kkonsenjata lill-klijenti, filwaqt li jitqiesu l-miżuri implimentati biex jiġi ssodisfat l-obbligu skont l-Artikolu 24(4) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU 2018, L 328, p. 82, rettifiki fil-ĠU 2020, L 311, p. 11, fil-ĠU 2022, L 41, p. 37, fil-ĠU 2021, L 224, p. 42 u fil-ĠU L, 2025/90854)]. Meta jintgħażlu dawk il-kriterji, sistema effiċjenti ta’ tisħin u tkessiħ distrettwali għandu jkollha l-ammont massimu ta’ emissjonijiet tal-[GES] għal kull unità ta’ sħana jew kesħa kkonsenjata lill-klijenti:
(a) sal-31 ta’ Diċembru 2025: 200 gramma/kWh;
(b) mill-1 ta’ Jannar 2026: 150 gramma/kWh;
(c) mill-1 ta’ Jannar 2035: 100 gramma/kWh;
(d) mill-1 ta’ Jannar 2045: 50 gramma/kWh;
(e) mill-1 ta’ Jannar 2050: 0 grammi/kWh.
3. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li japplikaw il-kriterji ta’ emissjonijiet tal-[GES] għal kull unità ta’ sħana jew kesħa għal kwalunkwe perjodu partikolari msemmi fil-paragrafu 2, il-punti (a) sa (e), ta’ dan il-Artikolu. Jekk jagħżlu li jagħmlu dan, huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni sal-11 ta’ Jannar 2024 għall-perjodu msemmi fil-paragrafu 2, il-punt (a), ta’ dan l-Artikolu u mill-inqas sitt xhur qabel il-bidu tal-perijodi rilevanti msemmija fil-paragrafu 2, il-punti (b) sa (e) ta’ dan l-Artikolu. Din in-notifika għandha tinkludi l-miżuri implimentati biex jiġi ssodisfat l-obbligu skont l-Artikolu 24(4) tad-Direttiv [2018/2001] jekk dawn ma jkunux diġà ġew innotifikati fl-aħħar aġġornament tal-pjan nazzjonali integrat tagħhom għall-enerġija u l-klima.
4. Biex sistema ta’ tisħin u tkessiħ distrettwali tikkwalifika bħala effiċjenti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn tkun mibnija jew l-unitajiet tal-provvista tagħha jiġu rinnovati b’mod sostanzjali, is-sistema ta’ tisħin jew tkessiħ distrettwali tissodisfa l-kriterji mogħtija fil-paragrafu 1 jew 2 li jkunu applikabbli fil-mument meta tibda jew meta jissokta l-operat tagħha wara r-rinnovazzjoni. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta tinbena sistema ta’ tisħin u tkessiħ distrettwali jew meta l-unitajiet tal-provvista tagħha jiġu rinnovati b'mod sostanzjali:
(a) ma jkun hemm ebda żieda fl-użu ta’ fjuwils fossili għajr gass naturali fis-sorsi ta' sħana eżistenti meta mqabbel mal-konsum annwali medju tul it-tliet snin kalendarji preċedenti ta’ operat sħiħ qabel ir-rinnovazzjoni; u
(b) kwalunkwe sors ġdid ta’ sħana f’dik is-sistema ma jużax fjuwils fossili, għajr gass naturali, jekk din tinbena jew tiġi rinnovata b’mod sostanzjali sal-2030.
5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li mill-1 ta’ Jannar 2025 u kull ħames snin sussegwenti, l-operaturi tas-sistemi kollha eżistenti tat-tisħin u tat-tkessiħ distrettwali b'output totali tas-sħana u tal-kesħa li jaqbeż il-5 MW u li ma jissodisfawx il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1, il-punti (b) sa (e), iħejju pjan biex jiżguraw konsum aktar effiċjenti tal-enerġija primarja, inaqqsu t-telf mid-distribuzzjoni u jżidu s-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-provvista tat-tisħin u t-tkessiħ. Il-pjan għandu jinkludi miżuri biex jintlaħqu l-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1, il-punti (b) sa (e), u għandu jeħtieġ l-approvazzjoni mill-awtorità kompetenti.
[...]
13. Abbażi tal-valuri ta’ referenza armonizzati tal-effiċjenza msemmija fl-Anness III, il-punt (d), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-oriġini tal-elettriku ġġenerat minn koġenerazzjoni ta’ effiċjenza għolja tista’ tiġi ggarantita skont kriterji oġġettivi, trasparenti u nondiskriminatorji stabbiliti minn kull Stat Membru. Dawn għandhom jiżguraw li dik il-garanzija tal-oriġini tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness XII, u li tkun tinkludi mill-inqas l-informazzjoni speċifikata fih. L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu b’mod reċiproku l-garanziji tal-oriġini tagħhom, esklużivament bħala prova tal-informazzjoni msemmija f’dan il-paragrafu. Kwalunkwe rifjut ta’ rikonoxximent ta’ garanzija tal-oriġini bħala prova ta’ din ix-xorta, b’mod partikolari għal raġunijiet relatati mal-prevenzjoni tal-frodi, għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi, trasparenti u nondiskriminatorji. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'dan ir-rifjut u jistipulaw ir-raġunijiet għalih. Fil-każ ta’ rifjut ta’ rikonoxximent ta’ garanzija tal-oriġini, il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni biex teżiġi li l-parti rifjutanti tirrikonoxxiha, b’mod partikolari b’rabta ma’ kriterji oġġettivi, trasparenti u nondiskriminatorji li abbażi tagħhom ikun dak ir-rikonoxximent.
[...]”
24 L-Artikolu 33 tad-Direttiva kkontestata, intitolat “Atti delegati”, jipprovdi, fil-paragrafi 3 tiegħu:
“Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 34 biex tissupplimenta din id-Direttiva billi tistabbilixxi, wara konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, skema komuni tal-Unjoni għall-klassifikazzjoni tas-sostenibbiltà taċ-ċentri tad-data li jinsabu fit-territorju tagħha. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-ewwel att delegat bħal dan sal-31 ta’ Diċembru 2023. L-iskema komuni tal-Unjoni għandha tistabbilixxi d-definizzjoni ta’ indikaturi tas-sostenibbiltà taċ-ċentri tad-data u għandha tistabbilixxi l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni u l-metodoloġija biex dawn jitkejlu.”
25 L-Anness III ta’ din id-direttiva, intitolat “Metodoloġija biex tiġi ddeterminata l-effiċjenza tal-proċess tal-koġenerazzjoni”, jipprevedi:
“Il-valuri użati għall-kalkolu tal-effiċjenza tal-koġenerazzjoni, u tal-iffrankar tal-enerġija primarja għandhom jiġu ddeterminati abbażi tal-operazzjoni mistennija jew attwali tal-unità waqt kundizzjonijiet tal-użu normali.
(a) Koġenerazzjoni ta’ effiċjenza għolja
Għall-fini ta’ din id-Direttiva, il-koġenerazzjoni ta’ effiċjenza għolja għandha tissodisfa dawn il-kriterji li ġejjin:
– il-produzzjoni tal-koġenerazzjoni mill-unitajiet tal-koġenerazzjoni għandhom jipprovdu ffrankar tal-enerġija primarja kkalkolat skont il-punt (b) ta' mill-inqas 10 % meta mqabbla mar-referenzi għal produzzjoni separata tas-sħana u tal-elettriku;
– il-produzzjoni minn unitajiet ta’ skala żgħira u tal-mikrokoġenerazzjoni li jipprovdu ffrankar tal-enerġija primarja jistgħu jikkwalifikaw bħala koġenerazzjoni ta’ effiċjenza għolja;
– għall-unitajiet tal-koġenerazzjoni li jinbnew jew jiġu rinnovati sostanzjalment wara t-traspożizzjoni ta' dan l-Anness, l-emissjonijiet diretti tad-diossidu tal-karbonju [(CO2)] mill-produzzjoni tal-koġenerazzjoni alimentata bil-fjuwils fossili, huma inqas minn 270 [gramma (g) ta’] CO 2 għal kull 1 kWh ta' output ta' enerġija mill-ġenerazzjoni kkombinata (inkluż tisħin/tkessiħ, potenza u enerġija mekkanika);
– unitajiet ta’ koġenerazzjoni li jkunu qed joperaw qabel l-10 ta’ Ottubru 2023, jistgħu jidderogaw minn dan ir-rekwiżit sal-1 ta’ Jannar 2034 dment li jkollhom pjan li jnaqqsu progressivament l-emissjonijiet biex jilħqu l-limitu ta’ inqas minn 270 gCO2 għal kull 1 kWh sal-1 ta’ Jannar 2034 u dment li jkunu nnotifikaw dan il-pjan lill-operaturi rilevanti u lill-awtoritajiet kompetenti.
Meta unità tal-koġenerazzjoni tinbena jew tiġi rinnovata sostanzjalment, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda żieda fl-użu tal-fjuwils fossili għajr il-gass naturali f’sorsi tas-sħana eżistenti mqabbla mal-konsum annwali medjat għat-tliet snin kalendarji preċedenti ta’ operazzjoni sħiħa qabel ir-rinnovazzjoni, u li kwalunkwe sors tas-sħana ġdid f’dik is-sistema ma jużax fjuwils fossili għajr il-gass naturali.
[...]”
26 Skont l-Anness VII tad-Direttiva kkontestata, dwar ir-“Rekwiżiti minimi għall-monitoraġġ u l-pubblikazzjoni tal-prestazzjoni tal-enerġija taċ-ċentri tad-data”:
“L-informazzjoni minima li ġejja għandha tiġi mmonitorjata u ppubblikata fir-rigward tar-rendiment tal-enerġija taċ-ċentri tad-data msemmija fl-Artikolu 12:
(a) l-isem taċ-ċentru tad-data, l-isem tas-sid u l-operaturi taċ-ċentru tad-data, id-data li fiha ċ-ċentri tad-data beda t-tħaddim tiegħu u l-muniċipalità fejn huwa bbażat iċ-ċentru tad-data;
(b) l-erja tal-art taċ-ċentru tad-data, il-potenza installata, it-traffiku tad-data incoming u outgoing annwali, u l-ammont ta’ data maħżuna u pproċessata fiċ-ċentru tad-data;
(c) il-prestazzjoni, matul l-aħħar sena kalendarja sħiħa, taċ-ċentru tad-data f’konformità mal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni dwar, fost l-oħrajn, il-konsum tal-enerġija, l-użu tal-enerġija, il-punti stabbiliti tat-temperatura, l-użu tas-sħana mormija, l-użu tal-ilma u l-użu tal-enerġija rinnovabbli, bl-użu bħala bażi, meta applikabbli, tas-CEN/CENELEC EN 50600-4 ‘Teknoloġija tal-informazzjoni - Faċilitajiet u infrastrutturi taċ-ċentru tad-data’, sad-dħul fis-seħħ tal-att delegat adottat skont l-Artikolu 33(3).”
Il-Ftehim dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet
27 Il-punti 12 sa 16 tal-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (ĠU 2016, L 123, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet”), li jinsabu fil-Kapitolu III tiegħu, intitolat “Għodod għat-tfassil aħjar tal-liġijiet”, jipprovdu:
“12. It-tliet Istituzzjonijiet jaqblu dwar il-kontribut pożittiv tal-valutazzjonijiet tal-impatt fit-titjib tal-kwalità tal-leġislazzjoni tal-Unjoni.
Il-valutazzjonijiet tal-impatt huma għodda biex tgħin lit-tliet Istituzzjonijiet jieħdu deċiżjonijiet abbażi ta’ informazzjoni tajba u mhumiex sostitut għal deċiżjonijiet politiċi fil-proċess demokratiku tat-teħid ta' deċiżjonijiet. Il-valutazzjonijiet tal-impatt ma għandhomx iwasslu għal dewmien żejjed fil-proċess tat-tfassil tal-liġijiet jew jippreġudikaw il-kapaċità tal-koleġislatur li jipproponi emendi.
Il-valutazzjonijiet tal-impatt jeħtieġ li jkopru l-eżistenza, l-iskala u l-konsegwenzi ta’ problema u l-kwistjoni dwar jekk hix meħtieġa azzjoni mill-Unjoni jew le. Huma jeħtieġ li jidentifikaw soluzzjonijiet alternattivi u, fejn possibbli, l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali fuq perijodu qasir u fit-tul, filwaqt li jivvalutaw l-impatti ekonomiċi, ambjentali u soċjali b’mod integrat u bbilanċjat u jużaw kemm l-analiżi kwalitattiva kif ukoll kwantitattiva. Il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità għandhom jiġu rrispettati b'mod sħiħ, hekk kif għandhom jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali. Il-valutazzjonijiet tal-impatt jeħtieġ li jindirizzaw ukoll, kull meta possibbli, ‘kemm tqum in-non-Ewropa’ u l-impatt fuq il-kompetittività u l-piżijiet amministrattivi tal-għażliet differenti, b’kunsiderazzjoni partikolari għall-[impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs)] (‘Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir’), l-aspetti diġitali u l-impatt territorjali. Il-valutazzjonijiet tal-impatt jeħtieġ li jkunu bbażati fuq informazzjoni preċiża, oġġettiva u kompluta u li jkunu proporzjonati fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-enfasi tagħhom.
13. Il-Kummissjoni ser tagħmel valutazzjonijiet tal-impatt tal-inizjattivi leġislattivi u mhux leġislattivi, l-atti delegati u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tagħha li jkunu mistennija jkollhom impatti ekonomiċi, ambjentali jew soċjali sinifikanti. Bħala regola ġenerali, l-inizjattivi inklużi fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni jew fid-dikjarazzjoni konġunta ser ikunu akkumpanjati minn valutazzjoni tal-impatt.
Fil-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt tagħha stess, il-Kummissjoni ser twettaq konsultazzjoni li tkun wiesgħa kemm jista’ jkun. Il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju tal-Kummissjoni ser iwettaq kontroll tal-kwalità oġġettiv tal-valutazzjonijiet tal-impatt tagħha. Ir-riżultati finali tal-valutazzjonijiet tal-impatt ser ikunu disponibbli għall-Parlament [...], il-Kunsill u l-Parlamenti nazzjonali, u ser ikunu ppubblikati flimkien mal-opinjoni(jiet) tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju meta tiġi adottata l-inizjattiva tal-Kummissjoni.
14. Il-Parlament [...] u l-Kunsill, meta jikkunsidraw il-proposti leġislattivi tal-Kummissjoni, ser jieħdu kont sħiħ tal-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni. Għal dan l-għan, il-valutazzjonijiet tal-impatt għandhom jiġu ppreżentati b’tali mod li jiffaċilitaw il-kunsiderazzjoni mill-[Parlament] u l-Kunsill tal-għażliet li tkun għamlet il-Kummissjoni.
15. Meta jqisu li dan ikun xieraq u meħtieġ għall-proċess leġislattiv, il-Parlament [...] u l-Kunsill ser iwettqu valutazzjonijiet tal-impatt fir-rigward tal-emendi sostanzjali tagħhom għall-proposta tal-Kummissjoni. Bħala regola ġenerali, il-Parlament [...] u l-Kunsill ser jieħdu l-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni bħala l-punt tat-tluq għall-ħidma ulterjuri tagħhom. Id-definizzjoni ta’ emenda ‘sostanzjali’ għandha tiġi ddeterminata mill-Istituzzjoni rispettiva.
16. Il-Kummissjoni tista’, b’inizjattiva tagħha stess jew fuq stedina mill-Parlament [...] jew il-Kunsill, tikkomplementa l-valutazzjoni tal-impatt tagħha stess jew twettaq ħidma analitika oħra li tqis meħtieġa. Meta tagħmel dan, il-Kummissjoni ser tieħu kont tal-informazzjoni kollha disponibbli, l-istadju li ntlaħaq fil-proċess leġislattiv u l-ħtieġa li jiġi evitat dewmien żejjed f’dak il-proċess. Il-koleġislaturi ser jieħdu kont sħiħ ta’ kwalunkwe element addizzjonali provdut mill-Kummissjoni f’dak il-kuntest.”
It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
28 Ir-Repubblika tal-Polonja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tannulla d-Direttiva kkontestata kollha kemm hi u
– tikkundanna lill-Parlament u lill-Kunsill għall-ispejjeż.
29 Il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tiċħad ir-rikors u
– tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.
30 Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu bħala infondat u
– tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.
31 Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑12 ta’ April 2024, l-Ungerija ġiet ammessa sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Repubblika tal-Polonja.
32 Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑17 ta’ April 2024, il-Kummissjoni ġiet ammessa sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Parlament u tal-Kunsill.
Fuq ir-rikors
33 Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja tinvoka żewġ motivi, ibbażati fuq il-ksur, l-ewwel wieħed, tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE, ikkunsidrat flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 194(2) TFUE, u t-tieni wieħed, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, stabbilit fl-Artikolu 5(4) TUE, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 296 u mal-Artikolu 191(3) TFUE.
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE, ikkunsidrat flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 194(2) TFUE
L-argumenti tal-partijiet
34 Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, tqis li, billi adotta d-Direttiva kkontestata abbażi tal-Artikolu 194(2) TFUE, il-leġiżlatur tal-Unjoni kiser il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE.
35 Hija tfakkar li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 194(2) TFUE, il-miżuri adottati skont din id-dispożizzjoni ma jaffettwawx id-dritt ta’ Stat Membru li jiddetermina l-kundizzjonijiet għall-isfruttament tar-riżorsi tal-enerġija tiegħu, l-għażla tiegħu bejn sorsi differenti ta’ enerġija kif ukoll l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija tiegħu, bla ħsara għall-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE. Għaldaqstant, meta l-miżuri adottati fil-livell tal-Unjoni jistgħu jaffettwaw id-dritt ta’ Stat Membru li jiddetermina l-kundizzjonijiet għall-isfruttament tar-riżorsi tal-enerġija tiegħu, l-għażla tiegħu bejn sorsi differenti ta’ enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija tiegħu, għandu jiġi applikat, għall-finijiet tal-adozzjoni tagħhom, il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE.
36 Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-applikazzjoni progressiva tal-kriterji li jikkaratterizzaw in-networks ta’ tisħin jew ta’ tkessiħ distrettwali effiċjenti, prevista fl-Artikolu 26(1) tad-Direttiva kkontestata, flimkien mal-applikazzjoni tal-kriterji previsti fl-Anness III ta’ din id-direttiva għad-definizzjoni tal-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja, tillimita r-rwol tal-koġenerazzjoni minn fjuwils fossili u żżid il-parti tal-enerġiji rinnovabbli fil-provvista ta’ dawn in-networks, filwaqt li taffettwa t-taħlita tal-enerġija tal-Istati Membri. Hija żżid li għalkemm il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 26 jippermetti lill-Istati Membri jagħżlu, minflok il-kriterji stabbiliti fl-imsemmi paragrafu 1, kriterji ta’ prestazzjoni fil-qasam tas-sostenibbiltà bbażati fuq il-kwantità ta’ emissjonijiet ta’ GES tan-network ta’ tisħin u ta’ tkessiħ distrettwali għal kull unità ta’ sħana jew ta’ kesħa pprovduta lill-klijenti, dawn il-kriterji l-oħra huma indirettament marbuta mal-istruttura tal-fjuwils tas-sistema ta’ tisħin urbani kkonċernata, b’tali mod li l-osservanza tal-imsemmija kriterji timplika wkoll l-eliminazzjoni tal-fjuwils fossili għall-benefiċċju tal-enerġija rinnovabbli jew tas-sorsi ta’ sħana residwa.
37 Ir-Repubblika tal-Polonja tirrileva, b’mod partikolari, li l-kundizzjoni dwar il-livell awtorizzat ta’ emissjonijiet diretti ta’ CO2 mill-koġenerazzjoni minn fjuwils fossili ttellef, wara s-sena 2034, jew qabel fil-każ li ma jiġix innotifikat pjan xieraq, lin-networks ta’ sħana distrettwali li jiddependu fuq l-impjanti li jaħdmu bil-faħam eżistenti, l-istatus tagħhom ta’ sistemi ta’ sħana effiċjenti. Il-limitu massimu tal-emissjonijiet ta’ CO2 awtorizzati, bħala kriterju tal-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja, jikkostitwixxi għalhekk indħil dirett fit-taħlita tal-enerġija tal-Istati Membri. Dan jiddetermina t-tip ta’ fjuwil li jista’ jintuża billi jeskludi l-faħam, filwaqt li l-koġenerazzjoni tiġi pperċepita bħala t-teknoloġija ta’ produzzjoni l-iktar effiċjenti. L-emenda imposta għat-taħlita tal-fjuwils taffettwa għalhekk iktar minn 60 % tat-tisħin ipprovdut lill-klijenti Pollakki.
38 Ir-Repubblika tal-Polonja tenfasizza, barra minn hekk, il-limiti tat-teknoloġiji li jippermettu li jiġi implimentat il-proċess ta’ tranżizzjoni enerġetika tan-networks ta’ tisħin distrettwali, fosthom l-użu tal-bijomassa, kif ukoll l-importanza tal-ispejjeż għoljin iġġenerati mid-Direttiva kkontestata minħabba s-suċċessjoni ta’ skadenzi qosra ħafna dwar l-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ network ta’ tisħin distrettwali effiċjenti fis-sens ta’ din id-direttiva.
39 Minn dan jirriżulta riskju reali ta’ dewmien, jew saħansitra ta’ waqfien, tat-tranżizzjoni intiża sabiex tinkiseb in-newtralità klimatika, minħabba nuqqas ta’ mezzi ta’ finanzjament u minħabba limitazzjonijiet f’dan il-qasam jew restrizzjonijiet imposti fuq ċerti sorsi ta’ enerġija. Is-soluzzjonijiet adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni jistgħu jwasslu għal diversi fallimenti ta’ impriżi fis-settur tat-tisħin. Fl-aħħar mill-aħħar, huma l-klijenti finali li jkollhom ibatu spejjeż ta’ tranżizzjoni enormi, inklużi l-ispejjeż mhux rekuperabbli, bir-riskju li jwasslu għal problemi soċjali.
40 Konsegwentement, peress li d-Direttiva kkontestata taffettwa b’mod sinjifikattiv l-għażla tagħha bejn sorsi differenti ta’ enerġija kif ukoll l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija tagħha, hija kellha tkun ibbażata fuq il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE.
41 Bi tweġiba għall-argumenti tal-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Polonja tqis, qabelxejn, li l-applikabbiltà tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE tiddependi mill-effetti tal-att ikkonċernat u li, għal dan l-għan, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti kollha ta’ dan l-att. Barra minn hekk, peress li din id-dispożizzjoni tinkludi espressament l-effett tal-att bħala kriterju għall-applikabbiltà tiegħu, ikun contra legem li dan il-kriterju jiġi ssostitwit b’dak tal-iskop u tal-kontenut tal-att.
42 Sussegwentement, hija tqis li għalkemm id-Direttiva kkontestata tħassar u tissostitwixxi d-Direttiva 2012/27, adottata abbażi tal-Artikolu 194(2) TFUE, minn dan ma jistax, madankollu, jiġi dedott li l-att emendatorju għandu jkun ibbażat fuq l-istess bażi legali bħall-att emendat, iktar u iktar peress li d-Direttiva 2012/27 u d-Direttiva kkontestata, li t-tieni waħda wettqet riformulazzjoni tal-ewwel waħda, ġew adottati f’ċirkustanzi politiċi, ekonomiċi u legali differenti.
43 Fl-aħħar nett, l-iskop doppju tad-Direttiva kkontestata, jiġifieri, minn naħa, l-implimentazzjoni tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima, adottata abbażi tal-Artikolu 192(1) TFUE, li għandha b’mod ċar għan ambjentali, u, min-naħa l-oħra, it-tnaqqis tad-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija, b’mod partikolari ta’ fjuwils fossili, jikkorrobora li l-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE kellu jkun il-bażi legali għall-adozzjoni tad-Direttiva kkontestata.
44 Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mill-Kummissjoni, iqisu li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
45 Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, essenzjalment, li d-Direttiva kkontestata kellha tiġi addotata fuq il-bażi tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE, u mhux abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE.
46 F’dan ir-rigward għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li l-għażla tal-bażi legali ta’ att ma tistax tiddependi biss mill-konvinzjoni ta’ istituzzjoni fir-rigward tal-għan imfittex, iżda għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, bħall-għan u l-kontenut stess tal-att (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑26 ta’ Settembru 1987, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, 45/86, EU:C:1987:163, punt 11; tad‑29 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑338/01, EU:C:2004:253, punt 54 kif ukoll tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il-Kunsill, C‑157/21, EU:C:2022:98, punt 121).
47 Barra minn hekk, jekk l-għażla tal-bażi legali ta’ miżura leġiżlattiva kellha tiddependi mill-evalwazzjoni tal-impatt probabbli tagħha, li, min-natura tagħha, hija ta’ natura spekulattiva, tkun biss analiżi a posteriori li tippermetti li jkunu magħrufa l-effetti reali u konkreti ta’ tali miżura. Għaldaqstant, din l-evalwazzjoni bl-ebda mod ma tista’ tikkostitwixxi element oġġettiv li jista’ jkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑5/16, EU:C:2018:483, punt 41).
48 F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta, barra minn hekk, li l-validità ta’ att tal-Unjoni ma tistax tiddependi minn kunsiderazzjonijiet retrospettivi dwar il-livell ta’ effikaċja tiegħu (sentenzi tas‑7 ta’ Frar 1973, Schroeder, 40/72, EU:C:1973:14, punt 14; tal‑5 ta’ Ottubru 1994, Crispoltoni et, C‑133/93, C‑300/93 u C‑362/93, EU:C:1994:364, punt 43, kif ukoll tat‑12 ta’ Lulju 2001, Jippes et, C‑189/01, EU:C:2001:420, punt 84).
49 Minn dan isegwi li l-evalwazzjoni tal-effett mistenni ta’ att tal-Unjoni tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni biss fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-għan jew tal-kontenut ta’ dan l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑5/16, EU:C:2018:483, punt 42).
50 It-tieni nett, l-għażla tal-bażi legali ta’ att tista’ tkun ibbażata wkoll fuq il-kuntest li jaqa’ fih, peress li dan il-kuntest jista’ jipprovdi kjarifika dwar l-għan imfittex minn dan l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2014, Ir‑Renju Unit vs Il‑Kunsill, C‑656/11, EU:C:2014:97, punt 50; tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑482/17, EU:C:2019:1035, punt 32; tat‑8 ta’ Diċembru 2020, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑620/18, EU:C:2020:1001, punt 39, kif ukoll tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑157/21, EU:C:2022:98, punt 122).
51 Fuq dan il-punt, għandha ssir distinzjoni bejn att analogu għal att preeżistenti u att li jemenda att diġà eżistenti. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta li l-bażi legali ta’ att għandha tiġi ddeterminata b’mod awtonomu, fid-dawl tal-għan u tal-kontenut tiegħu stess, u mhux fid-dawl tal-bażi legali użata għall-adozzjoni ta’ atti oħra tal-Unjoni li jkollhom, skont il-każ, karatteristiċi simili (sentenza tal‑10 ta’ Jannar 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑178/03, EU:C:2006:4, punt 55, kif ukoll tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑5/16, EU:C:2018:483, punt 49). Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ att li jemenda leġiżlazzjoni eżistenti, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-identifikazzjoni tal-bażi legali ta’ dan l-att emendatorju, il-leġiżlazzjoni li huwa jemenda u, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut tiegħu (sentenzi tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑482/17, EU:C:2019:1035, punt 42, kif ukoll tat‑8 ta’ Diċembru 2020, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑620/18, EU:C:2020:1001, punt 40).
52 It-tielet nett, jekk l-eżami ta’ att tal-Unjoni juri li dan ikollu diversi skopijiet jew li jkollu diversi komponenti u jekk wieħed minn dawn l-iskopijiet jew minn dawn il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak prinċipali jew predominanti, filwaqt li l-oħrajn ikunu biss anċillari jew ikollhom biss portata estremament limitata, il-bażi legali sabiex jiġi adottat dan l-att jkollha tiġi ddeterminata skont dan l-iskop jew komponent prinċipali (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Frar 1999, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑42/97, EU:C:1999:81, punti 39 u 40; tat‑8 ta’ Diċembru 2020, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑620/18, EU:C:2020:1001, punt 38, kif ukoll tal‑21 ta’ Marzu 2024, Landeshauptstadt Wiesbaden, C‑61/22, EU:C:2024:251, punt 47). Barra min hekk, l-użu ta’ żewġ bażijiet legali ma huwiex possibbli meta l-proċeduri stabbiliti fir-rigward ta’ kull waħda minn dawn il-bażijiet legali jkunu inkompatibbli ma’ xulxin (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Ġunju 1991, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑300/89, EU:C:1991:244, punt 21; u tal‑25 ta’ Frar 1999, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑164/97 u C‑165/97, EU:C:1999:99, punt 14, kif ukoll tas‑6 ta’ Novembru 2008, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑155/07, EU:C:2008:605, punt 37).
53 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-kompetenza tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija, l-Artikolu 194 TFUE jelenka, fil-paragrafu 1 tiegħu, fost l-għanijiet imsemmija f’dan il-qasam, il-promozzjoni tal-“effiċjenza fl-enerġija u l-iffrankar fl-użu ta’ l-enerġija”. Dan l-Artikolu 194 jippreċiża, fil-paragrafu 2 tiegħu, li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu jistabbilixxi l-miżuri neċessarji sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet billi jieħu deċiżjoni skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, bla ħsara għall-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE. Din l-aħħar dispożizzjoni tipprevedi, b’deroga mill-Artikolu 192(1) TFUE, l-applikazzjoni ta’ proċedura leġiżlattiva speċjali li fiha l-Kunsill jiddeċiedi unanimament wara konsultazzjoni, b’mod partikolari, mal-Parlament.
54 Konformement mal-prinċipju stabbilit fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, peress li l-Artikolu 194(2) TFUE u l-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE jipprevedu żewġ proċeduri leġiżlattivi inkompatibbli, dawn ma jistgħux japplikaw flimkien. Barra minn hekk, peress li l-proċedura imposta minn din l-aħħar dispożizzjoni tikkostitwixxi deroga mir-regola ta’ prinċipju stabbilita fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 194(2) TFUE, hija ma tistax tiġi interpretata b’mod wiesa’, peress li jinħoloq riskju li jiġi stabbilit bħala regola l-użu ta’ proċedura leġiżlattiva speċjali li għandha n-natura ta’ eċċezzjoni prevista mit-Trattat FUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑5/16, EU:C:2018:483, punti 43 sa 45).
55 Konsegwentement, konformement mal-prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjonijiet, il-punt (c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE, ma jistax jikkostitwixxi l-bażi legali ta’ att tal-Unjoni ħlief jekk jirriżulta mill-għan u mill-kontenut tiegħu li r-riżultat tal-ewwel imfittex minn dan l-att ikun jaffettwa b’mod sinjifikattiv l-għażla ta’ Stat Membru bejn sorsi differenti ta’ enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija ta’ dan tal-aħħar (sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑5/16, EU:C:2018:483, punt 46).
56 F’dan il-każ, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kuntest tad-Direttiva kkontestata, għandu jiġi rrilevat li din twettaq riformulazzjoni tad-Direttiva 2012/27. Din tal-aħħar ġiet emendata diversi drabi u d-Direttiva kkontestata tintroduċi fiha emendi ġodda. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li d-Direttiva 2012/27 tifforma l-kuntest ġuridiku tad-Direttiva kkontestata. Għaldaqstant, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, huwa meħtieġ li tiġi identifikata l-bażi legali li fuqha kellha tiġi adottata d-Direttiva kkontestata u dan b’teħid inkunsiderazzjoni kemm tal-kuntest ikkostitwit mid-Direttiva 2012/27 kif ukoll tar-regoli li jirriżultaw mill-emendi li sarulha permezz tad-Direttiva kkontestata.
57 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li l-premessa 10 tad-Direttiva 2012/27 kienet tipprovdi li “[kien] jeħtieġ li l-qafas legali tal-Unjoni għall-effiċjenza fl-enerġija jiġi aġġornat b’Direttiva li jkollha l-għan kumplessiv tal-mira għall-effiċjenza fl-enerġija li jiġi ffrankat 20 % mill-konsum tal-enerġija primarja tal-Unjoni sal-2020, u li jsir iktar titjib fl-effiċjenza fl-enerġija wara l-2020.”
58 Sussegwentement, il-premessi 6 u 45 tad-Direttiva 2018/2002, li emendat id-Direttiva 2012/27, kienu jipprovdu, rispettivament, li “[kien hemm] ħtieġa li l-Unjoni tilħaq il-miri tagħha tal-effiċjenza fl-enerġija fil-livell tal-UE, espressi f’konsum primarju u/jew finali tal-enerġija, tenħtieġ li tiġi stabbilita b’mod ċar fil-forma ta' mira ta' mill-inqas 32,5 % għall-2030” u li din id-direttiva kienet intiża sabiex “jintlaħqu l-miri tal-Unjoni ta’ 20 % ta’ effiċjenza fl-enerġija sal-2020 u ta’ mill-inqas 32,5 % sal-2030 u li titwitta t-triq lejn aktar titjib tal-effiċjenza fl-enerġija wara dawk id-dati”.
59 Fl-aħħar nett, il-leġiżlatur tal-Unjoni indika, fil-premessa 28 tad-Direttiva kkontestata, li “l-ambizzjoni tal-mira tal-effiċjenza enerġetika tal-Unjoni għall-2030 hija stabbilita bi tqabbil mal-projezzjonijiet tax-Xenarju ta’ Referenza tal-UE tal-2020 għall-2030”, filwaqt li ppreċiża li “l-Unjoni jeħtieġ tkompli żżid l-ambizzjoni tagħha tal-effiċjenza enerġetika b'mill-inqas 11,7 % fl-2030 meta mqabbla mal-livell tal-isforzi fix-Xenarju ta' Referenza tal-UE tal-2020.”
60 Minn dan isegwi li d-Direttiva kkontestata, li ssegwi l-għan ta’ żieda fl-effiċjenza enerġetika fl-Unjoni, hija konformi mad-Direttivi 2012/27 u 2018/2002.
61 Il-paragun tal-Artikolu 1 tad-Direttiva kkontestata u tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2012/27, kif emendata bid-Direttiva 2018/2002, jikkonferma din il-konstatazzjoni. Fil-fatt, filwaqt li l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, intitolata “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni” tipprovdi li d-Direttiva kkontestata “tistabbilixxi qafas komuni ta’ miżuri li jippromwovu l-effiċjenza enerġetika fl-Unjoni biex ikun żgurat li l-miri tal-effiċjenza enerġetika [...] jintlaħaqu u tippermetti aktar titjib fl-effiċjenza enerġetika”, l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2012/27, kif emendata bid-Direttiva 2018/2002, kien diġà jistabbilixxi “qafas komuni ta' miżuri għall-promozzjoni tal-effiċjenza fl-enerġija fi ħdan l-Unjoni sabiex jiġi żgurat li l-mira ewlenija tal-Unjoni ta’ 20 % effiċjenza fl-enerġija għall-2020 u l-mira ewlenija tagħha ta’ mill-inqas 32.5 % effiċjenza fl-enerġija għall-2030, [billi twitti] t-triq għal aktar titjib fl-effiċjenza fl-enerġija wara dawk id-dati”.
62 Fit-tieni lok, fir-rigward tal-għan tad-Direttiva kkontestata, mill-Artikolu 1 tagħha jirriżulta li, filwaqt li jfittex li jippromwovi l-effiċjenza enerġetika tal-Unjoni, il-qafas komuni li hija tistabbilixxi huwa intiż ukoll li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima u għas-Sigurtà tal-Provvista tal-Enerġija tal-Unjoni billi jnaqqas id-dipendenza tagħha fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija, b’mod partikolari ta’ fjuwils fossili.
63 Barra minn hekk, il-premessi 7 sa 9, 14, 15, 24, 28 u 152 tad-Direttiva kkontestata jikkonfermaw li din għandha l-istess għan bħad-Direttiva 2012/27, kif emendata bid-Direttiva 2018/2002, jiġifieri li tiżdied l-effiċjenza enerġetika fl-Unjoni, filwaqt li tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi u tnaqqas l-emissjonijiet netti ta’ GES sas-sena 2030 meta pparagunati mal-livelli li ntlaħqu fl‑1990.
64 Qabelxejn, bħall-premessa 10 tad-Direttiva 2012/27 u l-premessa 45 tad-Direttiva 2018/2002, il-premessa 152 tad-Direttiva kkontestata tiddikjara li l-għan ta’ din id-direttiva huwa l-kisba tal-għan stabbilit mill-Unjoni li tiżdied l-effiċjenza enerġetika u li titħejja t-triq għal titjib ġdid fl-effiċjenza enerġetika. Barra minn hekk, il-premessa 24 tal-imsemmija direttiva tenfasizza li hija tagħmel parti mill-qafas iktar ġenerali tal-politiki favur l-effiċjenza enerġetika intiżi sabiex jiġu sfruttati l-possibbiltajiet ta’ tisħiħ tal-effiċjenza enerġetika f’oqsma ta’ politika speċifiċi.
65 Sussegwentement, bl-istess mod kif kien jirriżulta mill-premessa 5 tad-Direttiva 2018/2002 li d-Direttiva 2012/27 kellha tiġi emendata sabiex tiġi adattata sal‑2030, il-premessa 28 tad-Direttiva kkontestata tipprovdi, essenzjalment, li l-aġġornament tax-xenarju ta’ riferiment tal-Unjoni tal‑2020 jimplika li l-Unjoni għandha tkompli tgħolli l-ambizzjoni tagħha fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika fl‑2030. F’dan ir-rigward, il-premessa 14 ta’ din id-direttiva tipprovdi li l-livell ogħla ta’ ambizzjoni fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika jeħtieġ promozzjoni iktar b’saħħitha tal-miżuri favur effiċjenza enerġetika kosteffettiva fl-oqsma kollha tas-sistema tal-enerġija.
66 Fl-aħħar nett, il-premessa 1 tad-Direttiva 2018/2002 kienet tipprovdi, essenzjalment, li t-titjib fl-effiċjenza enerġetika tul il-katina tal-enerġija kollha ikun ta’ benefiċċju għall-ambjent, itejjeb il-kwalità tal-arja u s-saħħa pubblika, inaqqas l-emissjonijiet ta’ GES, u jtejjeb is-sigurtà tal-enerġija, li jkun b’mod partikolari, konformi mal-impenji meħuda mill-Unjoni fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Pariġi. Bl-istess mod, il-premessi 14 u 15 tad-Direttiva kkontestata jippreċiżaw li t-titjib fl-effiċjenza enerġetika jifforma parti mill-impenji meħuda mill-Unjoni fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Pariġi, u li din id-direttiva tikkostitwixxi “pass ‘il quddiem lejn in-newtralità klimatika sal‑2050”. Fl-istess kuntest, il-premessi 7 sa 9 tal-imsemmija direttiva jirrilevaw li “l-effiċjenza enerġetika hija qasam ewlieni ta’ azzjoni, li mingħajru d-dekarbonizzazzjoni sħiħa tal-ekonomija tal-Unjoni ma tistax tinkiseb”, li “biex tinkiseb iż-żieda fl-ambizzjoni klimatika, it-titjib fl-effiċjenza enerġetika jeħtieġ li jiżdied b’mod sinifikanti mil-livell [preċedenti]” u li “[ż]ieda fil-mira tal-effiċjenza enerġetika tal-Unjoni għall-2030 tista’ [...] tkun kruċjali fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-[GES]”.
67 Dawn l-għanijiet huma riflessi, fit-tielet lok, fil-kontenut tal-istess direttiva, fil-forma ta’ obbligi konkreti fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika u tal-iffrankar tal-enerġija.
68 Huwa għalhekk li, l-ewwel nett, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva kkontestata jimponi fuq l-Istati Membri, minn naħa, l-obbligu li jiżguraw kollettivament li jnaqqsu l-konsum tal-enerġija b’mill-inqas 11.7 % fl‑2030 meta pparagunat mal-projezzjonijiet tax-xenarju ta’ riferiment tal-Unjoni tal‑2020, sabiex il-konsum tal-enerġija finali tal-Unjoni ma jaqbiżx 763 Mtep u, min-naħa l-oħra, li jagħmlu ħilithom sabiex jikkontribwixxu, b’mod kollettiv, għall-kisba tal-mira indikattiva tal-konsum tal-enerġija primarja tal-Unjoni, li tikkonsisti f’li ma għandux jinqabeż 992.5 Mtep fl‑2030.
69 Barra minn hekk, f’dan il-qasam tal-effiċjenza enerġetika, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jagħti rwol ewlieni lis-settur pubbliku billi jimponi fuq l-Istati Membri fil-paragrafu (1) tal-Artikolu 5(1) ta’ din id-Direttiva, l-obbligu, li huwa wkoll ikkwantifikat, li jiżguraw li l-konsum tal-enerġija finali totali tal-organi pubbliċi kollha akkumulati jitnaqqas b’mill-inqas 1.9 % kull sena, meta pparagunat mas-sena 2021, filwaqt li l-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu 5 jistabbilixxu ċerti derogi tranżitorji.
70 It-tieni nett, l-Artikolu 8(1)(b) tad-Direttiva kkontestata jipprevedi, għal erba’ perijodi konsekuttivi li jinsabu bejn is-sena 2021 u s-sena 2030, li l-Istati Membri għandhom jiksbu ffrankar tal-enerġija akkumulat fl-istadju tal-użu finali mill-inqas ekwivalenti għal iffrankar annwali ġdid li jikkorrispondi għal kull wieħed minn dawn il-perijodi, rispettivament, għal 0.8 %, għal 1.3 %, għal 1.5 % u għal 1.9 % tal-konsum tal-enerġija finali annwali, ikkalkolat abbażi tal-medja tal-aħħar tliet snin qabel l‑1 ta’ Jannar 2019.
71 Mill-punti 57 sa 69 ta’ din is-sentenza jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva kkontestata ma humiex intiżi, bħala tali u prinċipalment, sabiex jadottaw miżuri li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-għażla ta’ Stat Membru bejn sorsi differenti ta’ enerġija kif ukoll l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija tiegħu. Dawn huma intiżi primarjament sabiex iżidu l-effiċjenza enerġetika fl-Unjoni, li hija waħda mill-għanijiet tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija msemmija fl-Artikolu 194(1) TFUE, u għandhom biss, l-iktar l-iktar, effetti indiretti u anċillari fuq l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija tal-Istati Membri (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Frar 1999, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑42/97, EU:C:1999:81, punt 63).
72 Issa, konformement mal-prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjonijiet u kif tfakkar mill-punt 55 ta’ din is-sentenza, il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE, ma jistax jikkostitwixxu l-bażi legali ta’ att tal-Unjoni ħlief jekk jirriżulta mill-għan u mill-kontenut tiegħu li r-riżultat ewlieni mfittex minn dan l-att jista’ jaffettwa b’mod sinjifikattiv l-għażla ta’ Stat Membru bejn sorsi differenti ta’ enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija ta’ dan tal-aħħar.
73 F’dan ir-rigward, l-argument ibbażat fuq l-iskop doppju tad-Direttiva kkontestata, invokat mir-Repubblika tal-Polonja, ma huwiex rilevanti. Fil-fatt, kif enfasizza l-Kunsill, is-sempliċi fatt li l-effiċjenza enerġetika u l-iffrankar tal-enerġija jistgħu jikkontribwixxu għat-twettiq tal-miri klimatiċi tal-Unjoni ma jbiddilx in-“natura” ta’ din id-direttiva, li tibqa’ miżura tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni, u mhux miżura ta’ politika ambjentali.
74 L-istess japplika għall-argumenti tar-Repubblika tal-Polonja, li jiffokaw, prinċipalment, fuq l-Artikolu 26 tad-Direttiva kkontestata. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-kriterji li għandha tissodisfa l-provvista ta’ tisħin u ta’ tkessiħ sabiex tiġi kklassifikata bħala “network ta’ tisħin u tkessiħ distrettwali effiċjenti” u tkun tista’, f’dan ir-rigward, tiżgura konsum ta’ enerġija primarja iktar effiċjenti. Issa, minbarra l-fatt li r-Repubblika tal-Polonja stess tirrikonoxxi, fir-rikors tagħha, li l-istatus ta’ “network ta’ tisħin distrettwali effiċjenti” ma huwiex obbligatorju, l-imsemmija dispożizzjoni ma tikkontestax il-konstatazzjoni, magħmula fil-punt 71 ta’ din is-sentenza, li abbażi tagħha d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva kkontestata, ikkunsidrati fl-intier tagħhom, ma għandhomx bħala tali u prinċipalment, l-għan li jadottaw miżuri li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-għażla ta’ Stat Membru bejn sorsi differenti ta’ enerġija kif ukoll l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija tiegħu.
75 Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allegazzjoni dwar ir-riperkussjonijiet soċjali negattivi li twassal għalihom id-Direttiva kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li din l-allegazzjoni ma hijiex issostanzjata. Fi kwalunkwe każ, minn din id-direttiva jirriżulta b’mod ċar li l-leġiżlatur tal-Unjoni aċċerta ruħu li l-implimentazzjoni tal-imsemmija direttiva ma jkollhiex effetti dannużi fuq il-persuni affettwati mill-faqar enerġetiku, il-klijenti vulnerabbli, l-unitajiet domestiċi bi dħul baxx jew il-persuni li jgħixu f’akkomodazzjoni soċjali.
76 Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva kkontestata jimponi espressament fuq l-Istati Membri l-obbligu li jimplimentaw mekkaniżmi ta’ obbligi fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika, miżuri alternattivi ta’ politika pubblika, jew taħlita tat-tnejn, jew inkella programmi jew miżuri ffinanzjati minn fond nazzjonali għall-effiċjenza enerġetika, favur dawn il-persuni. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 24 ta’ din id-direttiva, li huwa espressament iddedikat għall-protezzjoni tal-imsemmija persuni u għat-tnaqqis tal-faqar enerġetiku, jistabbilixxi sensiela ta’ miżuri li l-Istati Membri għandhom jieħdu favur l-istess persuni bħal, b’mod partikolari, miżuri fiskali iżda wkoll l-użu tal-fondi pubbliċi disponibbli fil-livell tal-Unjoni u fil-livell nazzjonali, inkluż, jekk ikun il-każ, il-kontribuzzjoni finanzjarja li l-Istati Membri jirċievu mill-Fond Soċjali għall-Klima konformement mar-Regolament 2023/955, kif ukoll id-dħul mill-irkant tal-kwoti fil-kuntest tal-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet skont is-sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-Unjoni konformement mad-Direttiva 2003/87.
77 Fir-rigward tal-kumplament tar-rikors, l-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Polonja fil-kuntest tal-ewwel motiv huma identiċi għal dawk ippreżentati fil-kuntest tat-tieni motiv, dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u, f’dan ir-rigward, jidhru li huma ineffettivi. Fil-fatt, anki li kieku kellu jitqies li d-Direttiva kkontestata tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità, tali ksur ta’ dan il-prinċipju ma jistax iqiegħed f’dubju l-għażla tal-bażi legali għall-adozzjoni ta’ din id-direttiva.
78 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jitqies li l-adozzjoni tad-Direttiva kkontestata ma setgħetx tkun ibbażata fuq il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE u li l-Parlament u l-Kunsill ġustament adottaw id-Direttiva kkontestata abbażi tal-Artikolu 194(2) TFUE.
79 Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 5(4) TUE, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 296 u mal-Artikolu 191(3) TFUE
80 Permezz tat-tieni motiv, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li, bl-adozzjoni tad-Direttiva kkontestata, il-Parlament u l-Kunsill kisru l-prinċipju ta’ proporzjonalità, imsemmi fl-Artikolu 5(4) TUE, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 296 TFUE u mal-Artikolu 191(3) TFUE.
81 Dan il-motiv għandu jinqasam fi tliet partijiet, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq il-ksur tal-obbligu li titwettaq analiżi tal-impatt suffiċjenti u ddettaljata tad-Direttiva kkontestata qabel l-adozzjoni tagħha, it-tieni waħda, fuq in-natura mhux xierqa ta’ din id-direttiva fid-dawl tal-għanijiet imfittxija minn dawn l-istituzzjonijiet bl-adozzjoni tal-imsemmija direttiva, u, it-tielet waħda, fuq l-allegazzjoni li ma ttieħditx inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni speċifika tal-Istati Membri waqt l-adozzjoni tal-istess direttiva.
Fuq l-ewwel parti
– L-argumenti tal-partijiet
82 Permezz tal-ewwel parti tat-tieni motiv, ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, issostni, fl-ewwel lok, li, fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, tal‑14 ta’ Lulju 2021, intitolat “Rapport dwar l-analiżi tal-impatt, li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-effiċjenza enerġetika” (iktar ’il quddiem l-“analiżi tal-impatt”), il-Kummissjoni ma eżaminatx b’mod suffiċjenti u ddettaljat l-impatt tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva kkontestata qabel l-adozzjoni tagħha minkejja li din timponi obbligi ġodda li ma humiex possibbli li jitwettqu fit-termini stabbiliti.
83 Il-leġiżlatur tal-Unjoni, bl-adozzjoni tad-Direttiva kkontestata, kiser, l-ewwel nett, l-Artikolu 5 tal-Protokoll (Nru 2) dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità, anness mat-Trattat UE u mat-Trattat FUE, sa fejn ma analizzax debitament l-implikazzjonijiet ta’ din id-direttiva, it-tieni nett, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, li jipprovdi li l-atti legali għandhom ikunu motivati u jirrigwardaw il-proposti, inizjattivi, rakkomandazzjonijiet, talbiet jew opinjonijiet previsti mit-Trattat, liema obbligu huwa ppreċiżat, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, bid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 ta’ dan il-Protokoll Nru 2, kif ukoll, it-tielet nett, l-Artikolu 191(3) TFUE, li jipprovdi li, fit-tfassil tal-politika tagħha fil-qasam tal-ambjent, l-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni d-data xjentifika u teknika disponibbli, il-kundizzjonijiet tal-ambjent fid-diversi reġjuni tal-Unjoni, il-vantaġġi u l-piżijiet li jistgħu jirriżultaw mill-azzjoni jew min-nuqqas ta’ azzjoni, mill-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-Unjoni kollha kemm hi u mill-iżvilupp ibbilanċjat tar-reġjuni tagħha.
84 Ir-Repubblika tal-Polonja tikkontesta, b’mod partikolari, l-assenza ta’ aġġornament tad-data li tinsab fl-analiżi tal-impatt fid-dawl tal-iżviluppi li seħħew matul il-proċess leġiżlattiv. Hija tindika, b’mod partikolari, li d-data li l-koleġiżlaturi ħadu inkunsiderazzjoni kienet relatata mal-għan ġenerali ta’ effiċjenza enerġetika tal-Unjoni, stabbilit inizjalment għal 9 %, u mhux għal 11.7 %, kif fl-aħħar stabbilit fl-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva.
85 Barra minn hekk, l-analiżi tal-impatt ma ppermettietx it-teħid inkunsiderazzjoni taż-żieda fil-livell tal-ambizzjonijiet dwar l-obbligi fil-qasam tal-iffrankar tal-enerġija, previsti fl-Artikolu 8 tal-istess direttiva.
86 Fit-tieni lok, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-Kummissjoni kellha tippreżenta analiżi ddettaljata tal-effett tad-Direttiva kkontestata fuq is-sitwazzjoni ta’ kull Stat Membru, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-konsegwenzi ekonomiċi u finanzjarji għall-impriżi tat-tisħin u għall-klijenti tagħhom.
87 Fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni, li tgħid li, konformement mal-punt 16 tal-Ftehim dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata taġġorna d-data li abbażi tagħha l-att ikkonċernat ġie adottat, ir-Repubblika tal-Polonja tqis li din l-affermazzjoni tikkonferma li l-prinċipju ta’ proporzjonalità nkiser minħabba l-adozzjoni tad-Direttiva kkontestata.
88 Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mill-Kummissjoni, iqisu li l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
89 Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 5(4) TUE, abbażi tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-kontenut u l-forma tal-azzjoni tal-Unjoni ma għandhomx jeċċedu dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattati.
90 Dan il-prinċipju jeżiġi li l-miżuri implimentati permezz tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jkunu xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni kkonċernata u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dawn jintlaħqu. Għalhekk, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva u l-inkonvenjenzi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati fid-dawl tal-għanijiet imfittxija (sentenzi tat‑13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et, C‑331/88, EU:C:1990:391, punt 13; tat‑13 ta’ Marzu 2019, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑128/17, EU:C:2019:194, punt 94, kif ukoll tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑482/17, EU:C:2019:1035, punt 76).
91 F’dak li jirrigwarda l-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-imsemmi prinċipju, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet lil-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lilu, setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa fl-oqsma fejn l-azzjoni tiegħu tinvolvi għażliet ta’ natura kemm politika kif ukoll ekonomika jew soċjali u fejn huwa mitlub iwettaq evalwazzjonijiet u valutazzjonijiet kumplessi, a fortiori meta dawn ikunu jistgħu jevolvu. Din is-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni tapplika għad-determinazzjoni tan-natura u tal-portata tal-miżuri li huwa jadotta, kif ukoll, sa ċertu punt, għall-konstatazzjoni tad-data bażika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 2010, Afton Chemical, C‑343/09, EU:C:2010:419, punti 28, 33 u 46; tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑5/16, EU:C:2018:483, punti 150, 151 u 170, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Il‑Litwanja et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (Pakkett dwar il-Mobbiltà), C‑541/20 sa C‑555/20, EU:C:2024:818, punti 219 u 242).
92 Konsegwentement, hija biss in-natura manifestament mhux xierqa ta’ miżura stabbilita f’wieħed minn dawn l-oqsma, fid-dawl tal-għan li dawn l-istituzzjonijiet riedu jiksbu, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura. Għaldaqstant, il-kwistjoni ma hijiex jekk miżura adottata f’tali qasam kinitx l-unika jew l-aħjar possibbli, peress li l-qorti tal-Unjoni ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika ma’ dik tal-leġiżlatur tal-Unjoni li lilu t-Trattati taw dan il-kompitu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 2001, Jippes et, C‑189/01, EU:C:2001:420, punti 82 u 83, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Il‑Litwanja et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (Pakkett dwar il-Mobbiltà), C‑541/20 sa C‑555/20, EU:C:2024:818, punt 242).
93 Madankollu, anki bis-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa tiegħu, il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu jibbaża l-għażla tiegħu fuq kriterji oġġettivi u għandu jeżamina jekk l-għanijiet imfittxija permezz tal-miżura magħżula jkunux tali li jiġġustifikaw konsegwenzi ekonomiċi negattivi, anki dawk sostanzjali, għal ċerti operaturi. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni, awturi tal-att inkwistjoni, għandhom ikunu f’pożizzjoni li jistabbilixxu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-att kien ġie adottat permezz ta’ eżerċizzju effettiv tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħhom, li jippreżumi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi u taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti tas-sitwazzjoni li l-imsemmi att kien intiż li jirregola. Minn dan jirriżulta li dawn l-istituzzjonijiet għandhom, tal-inqas, ikunu f’pożizzjoni li jipprovdu u jesponu b’mod ċar u inekwivoku d-data bażika li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex fuqha jkunu bbażati l-miżuri kkontestati tal-istess att u li fuqha jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħhom. F’dan ir-rigward, il-validità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-elementi li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu fil-mument tal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni u ma tistax tiddependi minn kunsiderazzjonijiet retrospettivi dwar il-livell ta’ effettività tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Frar 1973, Schroeder, 40/72, EU:C:1973:14, punt 14; tat‑12 ta’ Lulju 2001, Jippes et, C‑189/01, EU:C:2001:420, punt 84, kif ukoll tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑5/16, EU:C:2018:483, punti 152 u 153).
94 Fir-rigward ta’ din id-data bażika, għandu jitfakkar li l-forma tagħha hija irrilevanti. Il-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-analiżi tal-impatt, bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża, iżda wkoll kull sors ieħor ta’ informazzjoni (sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2019, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑128/17, EU:C:2019:194, punt 31, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Il-Litwanja et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (Pakkett dwar il-mobbiltà), C‑541/20 sa C‑555/20, EU:C:2024:818, punt 220).
95 Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li obbligu li titwettaq analiżi tal-impatt fiċ-ċirkustanzi kollha ma jirriżultax mill-kliem tal-punti 12 sa 15 tal-Ftehim dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. Fil-fatt, għalkemm dan il-ftehim jipprevedi, fil-punt 14 tiegħu, li, waqt l-eżami tal-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ l-analiżijiet tal-impatt tal-Kummissjoni, l-imsemmi ftehim jindika, fil-punt 12 tiegħu, li tali analiżijiet huma “għodda biex tgħin lit-tliet Istituzzjonijiet jieħdu deċiżjonijiet abbażi ta’ informazzjoni tajba u mhumiex sostitut għal deċiżjonijiet politiċi fil-proċess demokratiku tat-teħid ta' deċiżjonijiet.” Għaldaqstant, minkejja li huma obbligati jieħdu inkunsiderazzjoni l-analiżijiet tal-impatt tal-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill ma humiex marbuta bil-kontenut tagħhom, b’mod partikolari, fir-rigward tal-evalwazzjonijiet li jinsabu fihom (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Il-Litwanja et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (Pakkett dwar il-mobbiltà), C‑541/20 sa C‑555/20, EU:C:2024:818, punti 221 u 222).
96 Għalhekk, is-sempliċi fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni adotta miżuri differenti u, skont il-każ, iktar vinkolanti permezz tal-adozzjoni tad-Direttiva kkontestata, minn dawk irrakkomandati fl-analiżi tal-impatt ma huwiex tali li juri li huwa eċċeda manifestament il-limiti ta’ dak li kien neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex. Bl-istess mod, meta l-leġiżlatur tal-Unjoni jemenda elementi sostanzjali tal-proposta leġiżlattiva ppreżentata mill-Kummissjoni, il-punt 15 tal-Ftehim dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet ma jimponi fuq dan il-leġiżlatur ebda obbligu li jwettaq aġġornament tal-analiżi tal-impatt tal-Kummissjoni, peress li dan il-punt 15 jipprevedi biss il-possibbiltà li jitwettaq tali aġġornament meta l-Parlament u l-Kunsill “[i]qisu li dan ikun xieraq u meħtieġ għall-proċess leġislattiv” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Il‑Litwanja et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, (Pakkett dwar il-mobbiltà, C‑541/20 sa C‑555/20, EU:C:2024:818, punti 223 u 224).
97 Minn dan isegwi li, għalkemm it-tfassil ta’ analiżijiet tal-impatt jikkostitwixxi stadju tal-proċess leġiżlattiv li għandu, bħala regola ġenerali, iseħħ meta inizjattiva leġiżlattiva jista’ jkollha effett ekonomiku, ambjentali jew soċjali sinjifikattiv, l-ommissjoni ta’ tali analiżi tal-impatt, u għalhekk, a fortiori, l-assenza ta’ aġġornament tagħha ma tistax madankollu titqies li tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità meta l-leġiżlatur tal-Unjoni jkun jinsab f’sitwazzjoni partikolari li teħtieġ li tiġi evitata u jkollu biżżejjed elementi li jippermettulu jevalwa l-proporzjonalità tal-miżura adottata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Il‑Litwanja et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, (Pakkett dwar il-mobbiltà, C‑541/20 sa C‑555/20, EU:C:2024:818, punt 225).
98 F’dan ir-rigward, sabiex jeżerċita b’mod effettiv is-setgħa ta’ evalwazzjoni tiegħu, il-leġiżlatur tal-Unjoni jaf ikollu wkoll, matul il-proċedura leġiżlattiva, jieħu inkunsiderazzjoni d-data xjentifika u konstatazzjonijiet oħra li jkunu saru disponibbli, inklużi dokumenti xjentifiċi li jkunu ntużaw mill-Istati Membri fil-laqgħat tal-Kunsill u li ma jkunux miżmuma mill-Kunsill innifsu. Il-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ wkoll jieħu inkunsiderazzjoni informazzjoni li tinsab fid-dominju pubbliku u li hija aċċessibbli għal kull persuna jew impriża kkonċernata (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Il‑Litwanja et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, (Pakkett dwar il-mobbiltà, C‑541/20 sa C‑555/20, EU:C:2024:818, punt 226).
99 Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma huwiex obbligat li jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari ta’ Stat Membru meta l-att tal-Unjoni kkonċernat ikollu impatt fl-Istati Membri kollha u jippreżupponi li, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-għanijiet imfittxija minnu, jiġi żgurat bilanċ bejn l-interessi differenti involuti. Għaldaqstant, it-tfittxija ta’ tali bilanċ li tieħu inkunsiderazzjoni mhux is-sitwazzjoni partikolari ta’ Stat Membru wieħed, iżda dik tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni ma tistax, fiha nnifisha, titqies li tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità (sentenzi tat‑18 ta’ Ġunju 2015, L‑Estonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑508/13, EU:C:2015:403, punt 39; tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑5/16, EU:C:2018:483, punt 167, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Il‑Litwanja et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (Pakkett dwar il-Mobbiltà), C‑541/20 sa C‑555/20, EU:C:2024:818, punt 246).
100 Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li għandha tiġi eżaminata l-ewwel parti tat-tieni motiv.
101 Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argumenti tar-Repubblika tal-Polonja li d-data li tinsab fl-analiżi tal-impatt la kienet suffiċjenti jew suffiċjentement iddettaljata u lanqas ma kienet aġġornata fid-dawl tal-iżviluppi li seħħew matul il-proċess leġiżlattiv, b’mod partikolari fir-rigward tal-introduzzjoni tal-miri ta’ effiċjenza enerġetika u ta’ ffrankar tal-enerġija stabbiliti, rispettivament, fl-Artikolu 4 u fl-Artikolu 8 tad-Direttiva kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li din l-analiżi tal-impatt ma hijiex l-uniku sors ta’ informazzjoni meħuda inkunsiderazzjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni bħala bażi għall-miżuri kkontestati.
102 Fil-fatt, il-Parlament jinvoka, bħala sorsi oħra ta’ informazzjoni, l-ewwel nett, l-analiżi tal-impatt li takkumpanja l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2020) 562 final tas‑17 ta’ Settembru 2020 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, intitolata “It-tisħiħ tal-ambizzjoni klimatika tal-Ewropa għall-2030”, it-tieni nett, is-smigħ pubbliku organizzat mill-Parlament, tad‑9 ta’ Novembru 2021, dwar l-aspetti tal-enerġija tal-pakkett leġiżlattiv “Lesti għall-mira ta’ 55 %” (sensiela sħiħa ta’ miżuri u ta’ inizjattivi li jsaħħu lil xulxin li l-għan tagħhom huwa l-kisba tan-newtralità klimatika fl-Unjoni sal‑2050, imħabbra fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad‑19 ta’ Ottubru 2020, intitolata “Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2021 — Unjoni ta’ vitalità f’dinja ta’ fraġilità”), dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva 2012/27, u, it-tielet nett, il-“briefings” imħejjija mis-servizzi ta’ riċerka tal-Parlament, li analizzaw diversi sorsi ta’ informazzjoni dwar il-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni u l-għan tad-Direttiva kkontestata.
103 F’dak li jirrigwarda l-Kunsill, dan isemmi, minn naħa, dokument tal-Kummissjoni, tas‑17 ta’ Diċembru 2021, intitolat “Proposta għal riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-effiċjenza enerġetika – Il-mira ta’ effiċjenza enerġetika, ir-rabtiet tagħha mal-għanijiet l-oħra tal-pakkett leġiżlattiv ‘Lesti għall-mira ta’ 55 %’ u r-rwol tal-Artikolu 8”, u, min-naħa l-oħra, il-proposta tal-Kummissjoni COM(2022) 222 finali tat‑18 ta’ Mejju 2022 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva (UE) 2018/2001 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, id-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza enerġetika.
104 Issa, għandu jiġi kkonstatat, qabelxejn, li din l-aħħar proposta għal direttiva kellha diġà l-għan li temenda d-Direttiva 2012/27, billi tipprevedi, fl-Artikolu 3 tagħha, li “[l]-Istati Membri għandhom b’mod kollettiv jiżguraw tnaqqis fil-konsum tal-enerġija ta’ mill-inqas 13% fl‑2030 meta mqabbel mal-projezzjonijiet tax-Xenarju ta’ Referenza tal‑2020 biex il-konsum finali tal-enerġija tal-Unjoni ma jaqbiżx is-750 Mtoe u l-konsum primarju tal-enerġija tal-Unjoni ma jaqbiżx id-980 Mtoe fl‑2030.” Minn dan isegwi li, fid-Direttiva kkontestata, din id-data f’ċifri ġiet irriveduta biss kemxejn ’il fuq, sabiex tilħaq, rispettivament, 763 Mtep u 992.5 Mtep.
105 Mill-espożizzjoni tal-motivi tal-imsemmija proposta għal direttiva jirriżulta wkoll li “[i]t-tensjonijiet internazzjonali attwali wara l-invażjoni Russa fl-Ukrajna [...] u l-prezzijiet għaljin ħafna tal-enerġija komplew aggravaw il-ħtieġa li jitħaffu l-effiċjenza enerġetika”, li juri li l-evoluzzjoni tal-kuntest ġeopolitiku ttieħdet inkunsiderazzjoni mill-koleġiżlaturi tal-Unjoni fil-kuntest tal-adozzjoni tad-Direttiva kkontestata.
106 Sussegwentement, id-dokument tal-Kummissjoni, trażmess mill-Kunsill lid-diversi delegazzjonijiet tal-Istati Membri u msemmi fil-punt 103 ta’ din is-sentenza, kien jindika li r-riżultati ta’ mmudellar għax-xenarji ta’ politika kollha marbuta mal-pjan dwar il-mira klimatika sal‑2030 kienu juru li kellhom jiġu intensifikati l-isforzi fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika sabiex jintlaħqu 36 % sa 7 % għall-enerġija finali u 39 % sa 41 % għall-konsum tal-enerġija primarja meta pparagunati max-xenarju ta’ riferiment tal‑2007, sabiex l-Unjoni tkun tista’ tilħaq it-tnaqqis ta’ 55 % tal-emissjonijiet ta’ GES sas-sena 2030 b’mod kosteffettiv.
107 Fl-aħħar nett, l-elementi li jirriżultaw mid-dokumenti msemmija fl-erba’ punti preċedenti ta’ din is-sentenza huma riflessi b’mod fidil fil-premessi 27 u 28 tad-Direttiva kkontestata. Issa, ir-Repubblika tal-Polonja bl-ebda mod ma tikkontesta r-rilevanza ta’ dawn id-dokumenti u lanqas il-korrispondenza bejn l-elementi li jirriżultaw mill-imsemmija dokumenti u l-kontenut ta’ dawn il-premessi 27 u 28.
108 Barra minn hekk, filwaqt li, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Parlament u l-Kunsill jippreżentaw dokumenti ta’ natura li jissostanzjaw li, fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva dwar l-adozzjoni tad-Direttiva kkontestata, huma bbażaw l-għażliet politiċi tagħhom mhux biss fuq l-analiżi tal-impatt, iżda wkoll fuq sorsi oħra ta’ informazzjoni, ir-Repubblika tal-Polonja ma tikkontestax li dawn is-sorsi l-oħra ta’ informazzjoni ppermettew lill-koleġiżlaturi jiddeċiedu b’għarfien sħiħ tal-fatti. Barra minn hekk, dan l-Istat Membru ma jallegax li, minħabba t-teħid inkunsiderazzjoni tad-data minn sorsi oħra ta’ informazzjoni minbarra dik li tirriżulta mill-analiżi tal-impatt, dawn il-koleġiżlaturi qabżu l-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa tagħhom fl-adozzjoni tad-Direttiva kkontestata jew għamlu għażliet politiċi manifestament mhux xierqa fid-dawl tal-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva.
109 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, sabiex jeżerċitaw effettivament is-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħhom u sabiex jagħmlu l-għażliet politiċi tagħhom matul il-proċedura leġiżlattiva dwar l-adozzjoni tad-Direttiva kkontestata, il-koleġiżlaturi tal-Unjoni bbażaw ruħhom mhux biss fuq l-analiżi tal-impatt, iżda wkoll fuq sorsi oħra ta’ informazzjoni li ppermettulhom jieħdu inkunsiderazzjoni data suffiċjenti, iddettaljata u aġġornata.
110 Fir-rigward speċifikament tal-inklużjoni, matul il-proċess leġiżlattiv, tal-miri ta’ effiċjenza enerġetika u ta’ ffrankar tal-enerġija, stabbiliti, rispettivament, fl-Artikolu 4 u fl-Artikolu 8 tad-Direttiva kkontestata, għandu jitfakkar, kif jirriżulta mill-punt 96 ta’ din is-sentenza, li s-sempliċi fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ jadotta miżura iktar ambizzjuża minn dik irrakkomandata fl-analiżi tal-impatt ma jistax juri li huwa qabeż il-limiti ta’ dak li kien neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan segwit. Bl-istess mod, l-emenda ta’ ċerti elementi sostanzjali tal-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni ma timplikax l-obbligu li tiġi aġġornata l-analiżi tal-impatt imwettqa minn din l-istituzzjoni.
111 Konsegwentement, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tar-Repubblika tal-Polonja intiżi sabiex juru li l-analiżi tal-impatt ma kinitx suffiċjenti u ddettaljata u li d-data ta’ din l-analiżi tal-impatt ma kinitx tirrifletti l-iżviluppi li seħħew matul il-proċess leġiżlattiv.
112 Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argumenti tar-Repubblika tal-Polonja li permezz tagħhom hija ssostni li l-analiżi tal-impatt ma analizzatx l-impatt tad-Direttiva kkontestata fuq is-sitwazzjoni ta’ kull Stat Membru u, b’mod partikolari, li hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi ekonomiċi u finanzjarji ta’ din id-direttiva għall-impriżi tat-tisħin u l-klijenti tagħhom fil-Polonja, għandu jiġi rrilevat li l-għanijiet stabbiliti fl-imsemmija direttiva jikkostitwixxi r-responsabbiltà kollettiva tal-Istati Membri kollha. Fil-fatt, l-Artikoli 4 u 8 tal-istess direttiva jiddefinixxu, rispettivament, il-miri ta’ effiċjenza enerġetika li l-“Istati Membri għandhom b’mod kollettiv jiżguraw” li jintlaħqu u l-miri ta’ “ffrankar tal-enerġija kumulattiv” li dawn l-Istati Membri għandhom jilħqu.
113 Issa, kif tfakkar fil-punt 99 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma huwiex obbligat li jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari ta’ Stat Membru meta l-att tal-Unjoni kkonċernat ikollu impatt fl-Istati Membri kollha u jippreżupponi li, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-għanijiet imfittxija minnu, jiġi żgurat bilanċ bejn l-interessi differenti involuti. Għaldaqstant, it-tfittxija ta’ tali bilanċ, li jieħu inkunsiderazzjoni mhux is-sitwazzjoni partikolari ta’ Stat Membru wieħed, iżda dik tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni, ma tistax, fiha nnifisha, titqies li tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità .
114 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.
Fuq it-tieni parti
– L-argumenti tal-partijiet
115 Permezz tat-tieni parti tat-tieni motiv, ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, issostni li d-Direttiva kkontestata tistabbilixxi miri mhux realistiċi u għandha, minħabba f’hekk, titqies li ma hijiex xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni.
116 L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jimponi fuq l-Istati Membri obbligi ġodda fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika, li huma impossibbli li jitwettqu fit-termini previsti f’din id-dispożizzjoni. Fi kwalunkwe każ, l-eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi tinvolvi spejjeż ta’ investiment u amministrattivi eċċessivi. Fil-fehma tar-Repubblika tal-Polonja, il-miri stabbiliti f’dan l-Artikolu 4 għandhom jintlaħqu fuq perijodu itwal minn dak previst fih, jiġifieri perijodu bejn is-sena 2023 u s-sena 2030, u dan sabiex l-Istati Membri ma jiġux esposti għal konsegwenzi negattivi fuq il-livell makroekonomiku.
117 Fil-kuntest tal-argument tagħha dwar l-Artikolu 4 tad-Direttiva kkontestata, ir-Repubblika tal-Polonja tispjega li l-konsum tal-enerġija finali u l-konsum tal-enerġija primarja kellhom, fil-Polonja, fis-snin bejn l‑2012 sal‑2021, rispettivament, żieda ta’ 1.73 %, u ta’ 1.27 %, filwaqt li, skont dan l-Artikolu 4 u l-Anness I ta’ din id-direttiva, huwa meħtieġ, f’dan ir-rigward, għas-snin bejn l‑2021 sal‑2030, tnaqqis annwali medju, rispettivament, ta’ 2.89 % u ta’ 3.26 %. Issa, wara ż-żieda fil-konsum tal-enerġija fis-snin bejn l‑2012 sal‑2021, tali bidla fit-tendenza għas-snin bejn l‑2022 sal‑2030 hija impossibbli, b’mod partikolari fid-dawl tat-tkabbir tal-PDG tal-Polonja li, f’dan l-aħħar perijodu, għandu jvarja kull sena bejn 0.7 % u 3 %.
118 Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Polonja tqis li ma huwiex realistiku li jintalab minnha li twettaq l-obbligu, previst fl-Artikolu 12 tad-Direttiva kkontestata, fis-sens li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ċ-ċentri ta’ data nazzjonali jittrasferixxu l-informazzjoni dwar il-parametri tagħhom lejn id-database Ewropea dwar iċ-ċentri ta’ data stabbiliti mill-Kummissjoni, peress li din l-istituzzjoni damet sabiex tadotta l-att delegat xieraq li jispeċifika l-portata tal-informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata u sabiex ħolqot tali database Ewropea.
119 Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mill-Kummissjoni, iqisu li t-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
120 Kif tfakkar fil-punti 91 u 92 ta’ din is-sentenza, fl-oqsma fejn l-azzjoni tiegħu timplika għażliet ta’ natura kemm politika kif ukoll ekonomika jew soċjali, u fejn huwa mitlub iwettaq evalwazzjonijiet u evalwazzjonijiet kumplessi, il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa. Konsegwentement, il-legalità ta’ miżura adottata f’tali oqsma ma tiddependix fuq jekk din kinitx l-unika jew l-aħjar waħda possibbli. Hija biss in-natura manifestament mhux xierqa ta’ din tal-aħħar fid-dawl tal-għan li l-istituzzjonijiet kompetenti jridu jilħqu li tista’ taffettwa l-legalità ta’ din il-miżura.
121 Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 4 tad-Direttiva kkontestata, ikkunsidrat fid-dawl tal-premessa 30 tagħha, jiddefinixxi l-għan komuni ta’ tnaqqis tal-konsum tal-enerġija li l-Istati Membri għandhom jilħqu, mingħajr ma jipprevedi direttament miri individwali vinkolanti għal kull Stat Membru.
122 Fil-fatt, skont l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw b’mod kollettiv li jnaqqsu l-konsum tal-enerġija b’mill-inqas 11.7 % fl‑2030 meta pparagunat mal-projezzjonijiet tax-xenarju ta’ riferiment tal-Unjoni tal‑2020, sabiex il-konsum finali tal-enerġija tal-Unjoni ma jaqbiżx 763 Mtoe, u għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jikkontribwixxu kollettivament għat-twettiq tal-mira indikattiva tal-konsum tal-enerġija primarja tal-Unjoni li ma għandux jaqbeż id-992,5 Mtoe fl‑2030.
123 Bl-istess mod, skont il-paragrafu (2) tal-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi l-kontributi nazzjonali indikattivi tal-effiċjenza enerġetika bbażati fuq il-konsum tal-enerġija finali biex kollettivament jissodisfaw il-mira vinkolanti tal-Unjoni tal-konsum finali tal-enerġija u għandu jagħmel sforzi biex jikkontribwixxi, b’mod kollettiv, għall-mira indikattiva tal-konsum primarju tal-enerġija tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 4. Dan il-paragrafu 2 jipprovdi wkoll li kull Stat Membru għandu jinnotifika l-kontribut tiegħu lill-Kummissjoni, flimkien ma’ trajettorja indikattiva li tikkonċernah.
124 Ċertament, l-Istati Membri ma jistabbilixxux liberament il-kontributi nazzjonali indikattivi tagħhom fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika bbażata fuq il-konsum finali tal-enerġija.
125 Fil-fatt, qabelxejn, l-imsemmi artikolu jinkludi, fil-paragrafu 3 tiegħu, il-lista ta’ elementi li l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni meta jiffissaw il-kontributi nazzjonali indikattivi tagħhom fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika, filwaqt li jippreċiża, fil-paragrafu 4 tiegħu, li Stat Membru għandu jiżgura li l-kontribut tiegħu f’Mtep ma jaqbiżx b’iktar minn 2.5 % dak li kien ikun il-kontribut, li kieku dan kien ikkalkolat skont il-formula li tinsab fl-Anness I tad-Direttiva kkontestata.
126 Sussegwentement, mill-Artikolu 4(5) ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-Kummissjoni għandha tivverifika li l-kontribut kollettiv tal-Istati Membri tkun tal-inqas ugwali għall-mira vinkolanti tal-Unjoni fil-qasam tal-konsum tal-enerġija finali u li, fil-każ li hija tikkonkludi li dan ikun insuffiċjenti, din l-istituzzjoni għandha tissottometti lil kull Stat Membru kontribut nazzjonali indikattiv ikkorreġut, li abbażi tiegħu l-Istat Membru kkonċernat jaġġorna l-kontribut nazzjonali indikattiv tiegħu. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi li, bl-applikazzjoni tal-mekkaniżmu li huwa jipprevedi, il-Kummissjoni għandha tiżgura li ma jkun hemm ebda differenza bejn is-somma tal-kontributi nazzjonali tal-Istati Membri kollha u l-mira vinkolanti tal-Unjoni.
127 Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 4(6) tal-imsemmija direttiva, meta l-Kummissjoni tikkonkludi li ma jkunx sar biżżejjed progress biex jintlaħqu l-kontributi fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika, l-Istati Membri li jaqbżu t-trajettorji indikattivi tagħhom fil-qasam tal-konsum finali tal-enerġija għandhom jiżguraw li jimplimentaw miżuri addizzjonali biex jiksbu l-kontributi tagħhom fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika. Issa, meta l-miżuri nazzjonali jitqiesu insuffiċjenti, il-Kummissjoni għandha, skont kif ikun xieraq, tipproponi miżuri sabiex tiżgura, b’mod partikolari, li jintlaħqu l-miri tal-Unjoni għas-sena 2030 fir-rigward tal-effiċjenza enerġetika.
128 Madankollu, għalkemm id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tad-Direttiva kkontestata, kif esposti fit-tliet punti preċedenti ta’ din is-sentenza, jistgħu jeżerċitaw ċerta influwenza fuq il-marġni ta’ evalwazzjoni tal-Istati Membri fid-definizzjoni tal-kontributi nazzjonali indikattivi tagħhom fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika, xorta jibqa’ l-fatt li dawn id-dispożizzjonijiet ma jimponux il-livell tal-imsemmija kontributi nazzjonali. Huma jiddeterminaw l-għan tal-effiċjenza enerġetika b’mod globali, fil-livell tal-Unjoni, b’tali mod li din il-mira vinkolanti għandha tintlaħaq b’mod kollettiv mill-Istati Membri u mhux individwalment minn kull wieħed minnhom.
129 Għalhekk, billi tibbaża ruħha biss fuq is-sitwazzjoni tagħha stess sabiex issostni li d-Direttiva kkontestata tistabbilixxi, fir-rigward tagħha, miri mhux realistiċi, ir-Repubblika tal-Polonja ma tiħux inkunsiderazzjoni n-natura kollettiva tal-obbligi fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika u n-neċessità, li tirriżulta minn din l-għażla politika, li jinstab bilanċ bejn id-diversi interessi inkwistjoni. Issa, kif isostni, essenzjalment, il-Parlament, id-diversi elementi stabbiliti fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, bħan-natura indikattiva tal-kontributi nazzjonali, l-approċċ fi stadji għall-korrezzjoni potenzjali tagħhom u l-possibbiltà li dawn il-kontributi jiġu kkalkolati b’diversi modi, juru n-natura bbilanċjata tal-imsemmija għażla.
130 Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument li l-miri stabbiliti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva kkontestata għandhom jintlaħqu fuq perijodu itwal minn dak inkluż bejn is-sena 2023 u s-sena 2030, sabiex l-Istati Membri ma jiġux esposti għal konsegwenzi negattivi fuq il-livell makroekonomiku, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Polonja bl-ebda mod ma tispjega liema huma dawn il-konsegwenzi makroekonomiċi negattivi għall-Istati Membri, minbarra r-Repubblika tal-Polonja. Hija lanqas ma tipproponi d-data, wara s-sena 2030, li tista’ tippermetti t-twettiq ta’ dawn il-miri mingħajr ma l-Istati Membri jsofru tali konsegwenzi, peress li dan l-Istat Membru sempliċement jallega n-neċessità ta’ “perijodu itwal” minn dak inkluż bejn is-sena 2023 u s-sena 2030.
131 Għaldaqstant, dan l-argument ma jistax juri, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 92 u 99 ta’ din is-sentenza, in-natura manifestament mhux xierqa tal-għażla magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni fir-rigward tal-iffissar tat-terminu sabiex jintlaħqu l-miri stabbiliti f’dan l-Artikolu 4.
132 Fit-tielet lok, fir-rigward tan-natura allegatament mhux realistika tal-eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ monitoraġġ, previst fl-Artikolu 12 tad-Direttiva kkontestata, minħabba d-dewmien li l-Kummissjoni ħadet fl-adozzjoni ta’ att delegat xieraq li jippreċiża l-portata tal-informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata miċ-ċentri ta’ data nazzjonali kif ukoll fil-ħolqien ta’ database Ewropea, għandu jiġi indikat, minn naħa, li minn dan l-Artikolu 12 jirriżulta biss li l-proprjetarji u l-operaturi ta’ ċentri ta’ data li għandhom domanda tal-potenza tat-teknoloġija informatika installata ugwali jew ikbar minn 500 kW għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku l-informazzjoni msemmija fl-Anness VII ta’ din id-direttiva, sa mhux iktar tard mill‑15 ta’ Mejju 2024.
133 Issa, fir-rigward ta’ din l-informazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ monitoraġġ fir-rigward tal-informazzjoni msemmija fil-punti (a) u (b) ta’ dan l-Anness VII ma teħtieġx l-adozzjoni ta’ att delegat. Barra minn hekk, fir-rigward tal-informazzjoni stabbilita fil-punt (c) tal-imsemmi Anness VII, dan il-punt (c) isemmi espressament l-istandard li jista’ jittieħed bħala bażi sad-dħul fis-seħħ tal-att delegat adottat skont l-Artikolu 33(3) tal-imsemmija direttiva.
134 Min-naħa l-oħra, sa fejn l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva kkontestata jipprevedi l-implimentazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ database Ewropea dwar iċ-ċentri ta’ data, li tiġbor l-informazzjoni kkomunikata miċ-ċentri ta’ data nazzjonali, kif ukoll it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, f’livell aggregat, ta’ din id-database, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni ma tqiegħed ebda obbligu fuq l-Istati Membri u/jew fuq il-proprjetarji u l-operaturi taċ-ċentri ta’ data kkonċernati.
135 Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li l-adozzjoni ta’ att delegat kienet meħtieġa sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom u li tali att ma ġiex adottat mill-Kummissjoni fit-terminu stabbilit mill-Artikolu 33(3) tad-Direttiva kkontestata, li, skont ir-Repubblika tal-Polonja, irrenda diffiċli t-trasferiment tal-informazzjoni dwar il-prestazzjoni taċ-ċentri ta’ data nazzjonali lejn id-database Ewropea fuq iċ-ċentri ta’ data stabbiliti mill-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li dan l-Istat Membru bl-ebda mod ma spjega r-raġunijiet li għalihom dan id-dewmien għandu jwassal għall-annullament sħiħ ta’ din id-direttiva.
136 F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.
Fuq it-tielet parti
– L-argumenti tal-partijiet
137 Permezz tat-tielet parti tat-tieni motiv, ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, issostni li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva kkontestata ma jiħdux inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni speċifika ta’ kull Stat Membru.
138 L-ewwel nett, ir-Repubblika tal-Polonja tikkontesta t-tneħħija, meta pparagunata mad-Direttiva 2012/27, tal-possibbiltà għall-Istati Membri li jiffissaw huma stess il-kontributi nazzjonali indikattivi tagħhom fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika, sa fejn mill-Artikolu 4(3) sa (6) tad-Direttiva kkontestata jirriżulta li din tal-aħħar tawtorizza biss marġni ta’ devjazzjoni ta’ 2.5 % mill-valur tal-kontributi nazzjonali stabbilit mill-Kummissjoni abbażi tal-formula li tinsab fl-Anness I ta’ din id-direttiva.
139 Hija tfakkar li, skont l-Artikolu 4(6) tad-Direttiva kkontestata, meta, wara li tkun evalwat il-miżuri nazzjonali meħuda sabiex tintlaħaq il-mira nazzjonali fil-qasam tal-konsum finali tal-enerġija, il-Kummissjoni tqis li dawn ikunu insuffiċjenti, din l-istituzzjoni għandha tipproponi miżuri addizzjonali sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-miri tal-Unjoni għas-sena 2030 fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika. Issa, l-Istati Membri, li għandhom josservaw il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, ma jistgħux jinjoraw tali proposta tal-Kummissjoni.
140 Barra minn hekk, il-kontribut marbut mal-PDG per capita li jinsab fil-formula stabbilita fl-imsemmi Anness I ma jirriflettix, b’mod eżawrjenti, id-differenzi bejn l-Istati Membri u jikkostitwixxi sfida għar-Repubblika tal-Polonja sa fejn din għandha tnaqqas il-konsum tal-enerġija finali, filwaqt li żżomm żvilupp ekonomiku sodisfaċenti.
141 Hija tilmenta wkoll dwar il-fatt li, fid-definizzjoni tal-kontributi nazzjonali, ma huwiex possibbli li jittieħdu inkunsiderazzjoni la l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19 u lanqas dawk tal-gwerra ta’ aggressjoni mmexxija mill-Federazzjoni Russa kontra l-Ukraina. Issa, ir-Repubblika tal-Polonja tirrileva li, bħala ġara diretta tal-Ukraina, hija laqgħet iktar minn erba’ miljun refuġjat fl-ewwel xhur ta’ din il-gwerra, li miljun minnhom għadu jinsab fit-territorju tagħha, fatt li għandu effett inkontestabbli fuq iż-żieda fil-konsum tal-enerġija fit-territorju kollu tagħha, li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-metodu ta’ definizzjoni tal-mira ta’ effiċjenza enerġetika.
142 It-tieni nett, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-obbligi fil-qasam tal-iffrankar tal-enerġija, imsemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva kkontestata, huma intiżi sabiex titwettaq mira individwali vinkolanti ta’ ffrankar tal-enerġija fil-livell ta’ kull Stat Membru.
143 Hija tilmenta dwar il-fatt li, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-possibbiltà limitata ħafna li jiġi kkontabilizzat, sabiex tintlaħaq din il-mira, l-iffrankar tal-enerġija li jirriżulta mill-kombustjoni diretta tal-fjuwils fossili, li l-gass naturali jagħmel parti minnhom, dan l-iffrankar huwa kompletament injorat.
144 It-tielet nett, fir-rigward tal-kriterji ta’ effiċjenza enerġetika ta’ network ta’ tisħin u tkessiħ distrettwali, li jinsabu fl-Artikolu 26 tad-Direttiva kkontestata, u tal-kriterji ta’ definizzjoni ta’ koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja, li jinsabu fl-Anness III ta’ din id-direttiva, ir-Repubblika tal-Polonja tqis li r-ritmu sostnut tal-implimentazzjoni tagħhom, kif previst fl-imsemmija direttiva, huwa inaċċettabbli għal networks ta’ tisħin fuq skala kbira.
145 Dan l-Istat Membru jfakkar, minn naħa, li, konformement mal-kriterji previsti fl-Artikolu 26(1) tad-Direttiva kkontestata, mill‑1 ta’ Jannar 2035, il-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja ma hijiex, waħedha, determinanti sabiex tiġi ggarantita l-effiċjenza enerġetika tan-network ta’ tisħin distrettwali u li, mill‑1 ta’ Jannar 2045, din il-koġenerazzjoni ma jkollha ebda effett fuq din l-effiċjenza enerġetika.
146 Min-naħa l-oħra, hija tfakkar li limitu massimu tal-emissjonijiet diretti tad-diossidu tal-karbonju sa 270 g CO 2 għal 1 kW/h ta’ enerġija li tirriżulta mill-ġenerazzjoni kkombinata, inkluż is-sħana/il-kesħa, l-elettriku u l-enerġija mekkanika, huwa previst fil-punt (a) ta’ dan l-Anness III, bħala kriterju ta’ definizzjoni tal-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja, għall-unitajiet ta’ koġenerazzjoni mibnija jew sostanzjalment rinnovati wara t-traspożizzjoni tal-imsemmi Anness III u, sa mhux iktar tard mill‑1 ta’ Jannar 2034, sakemm ikollhom pjan intiż għat-tnaqqis progressiv tal-emissjonijiet sabiex jintlaħaq dan il-limitu, u għall-unitajiet ta’ koġenerazzjoni fis-servizz qabel l‑10 ta’ Ottubru 2023.
147 Ir-Repubblika tal-Polonja, filwaqt li tfakkar li, għal raġunijiet storiċi, is-settur tat-tisħin fil-Polonja ġie ddisinjat sabiex jintuża l-faħam, tqis li l-kriterji previsti fl-Artikolu 26 fl-Anness III tad-Direttiva kkontestata ma jippermettux iktar lin-networks ta’ tisħin distrettwali li jiddependu fuq l-impjanti li jaħdmu bil-faħam, li jitqiesu bħala networks ta’ tisħin “effiċjenti”, fis-sens tal-punt 46 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, u, fl-istess ħin, jiskoraġġixxu r-rinnovazzjonijiet ta’ dawn in-networks sabiex dawn jinqalbu mill-faħam għall-gass, minkejja li l-koġenerazzjoni mill-gass naturali llum tikkostitwixxi l-unika teknoloġija disponibbli għall-ikbar networks ta’ tisħin. Għalhekk, fir-rigward tal-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja, għandu jiġi introdott perijodu tranżitorju xieraq li jippermetti lill-Istati Membri jadattaw ruħhom għar-rekwiżiti l-ġodda sabiex jiġi evitat li n-networks ibbażati fuq din it-teknoloġija ma jibqgħux jitqiesu li huma effiċjenti, fis-sens tal-punt 46 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva.
148 Ir-Repubblika tal-Polonja żżid li l-osservanza tal-obbligi li jirriżultaw minn dawn il-kriterji l-ġodda previsti fl-Artikolu 26 fl-Anness III tad-Direttiva kkontestata ser twassal għal żieda qawwija fil-prezzijiet tat-tisħin u l-konsumaturi vulnerabbli jkollhom jagħżlu soluzzjonijiet ta’ tisħin li jniġġsu ħafna.
149 Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mill-Kummissjoni, iqisu li t-tielet parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
150 Fl-ewwel lok, sabiex turi li l-prinċipju ta’ proporzjonalità ma ġiex osservat fid-definizzjoni tal-kuntest tal-iffissar tal-kontributi nazzjonali indikattivi fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika, ir-Repubblika tal-Polonja tinvoka, l-ewwel nett, il-fatt li, skont l-Artikolu 4(3) sa (6) u l-Anness I tad-Direttiva kkontestata, kull Stat Membru għandu jiżgura li l-kontribut tiegħu f’Mtep ma jaqbiżx b’iktar minn 2.5 % dak li kien ikun il-kontribut, li kieku dan il-kontribut kien jirriżulta mill-formula li tinsab f’dan l-Anness I, u li, fil-każ li l-Kummissjoni tqis insuffiċjenti l-miżuri nazzjonali meħuda sabiex tintlaħaq il-mira nazzjonali fil-qasam tal-konsum finali tal-enerġija, hija għandha tipproponi lill-Istat Membru kkonċernat miżuri addizzjonali. It-tieni nett, hija ssostni li l-element relatat mal-PDG per capita, li jinsab fil-formula prevista fl-imsemmi Anness I, jikkostitwixxi sfida għar-Repubblika tal-Polonja fir-rigward tan-neċessità li jinżamm l-iżvilupp ekonomiku tagħha. It-tielet nett, hija ssostni li dan l-Artikolu 4(4) u (5) kif ukoll l-istess Anness I, sa fejn ma jippermettux li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19 u dawk tal-gwerra ta’ aggressjoni mmexxija mill-Federazzjoni Russa kontra l-Ukraina, jikkawżaw żieda fil-konsum tal-enerġija fil-Polonja.
151 Madankollu, billi tesponi dawn l-elementi, ir-Repubblika tal-Polonja sempliċement issostni li hija tirriskja li ġġarrab konsegwenzi ekonomiċi negattivi minħabba l-adozzjoni tad-Direttiva kkontestata, mingħajr ma tipproduċi l-prova tan-natura sproporzjonata ta’ dawn l-effetti fid-dawl tal-għanijiet leġittimi mfittxija minn din id-direttiva fil-livell tal-Unjoni. Hija lanqas ma tieħu inkunsiderazzjoni l-benefiċċji ekonomiċi li mistennija jirriżultaw mill-iffrankar tal-enerġija kopert mill-imsemmija direttiva.
152 Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-Repubblika tal-Polonja li, indipendentement mill-fatt li l-Artikolu 8 tad-Direttiva kkontestata jiddefinixxi l-mira ta’ ffrankar tal-enerġija li għandha tintlaħaq mill-Istati Membri kollha, l-obbligi fil-qasam tal-iffrankar tal-enerġija, imsemmija f’dan l-Artikolu 8, ifittxu t-twettiq ta’ mira individwali vinkolanti fil-livell ta’ kull Stat Membru, għandu jiġi rrilevat li r-Repubblika tal-Polonja ma tispjegax għal liema raġunijiet dawn l-obbligi, sa fejn jirrigwardaw kemm lilha stess kif ukoll l-Istati Membri l-oħra, huma, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 92 ta’ din is-sentenza, manifestament mhux xierqa fid-dawl tal-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva.
153 Bl-istess mod, ir-Repubblika tal-Polonja lanqas ma tispjega għal liema raġunijiet hija manifestament mhux xierqa, fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet, l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jillimita l-possibbiltà, sabiex tintlaħaq il-mira ta’ ffrankar tal-enerġija, li jiġi kkontabilizzat dak l-iffrankar tal-enerġija li jirriżulta mill-kombustjoni diretta tal-fjuwils fossili.
154 Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument imressaq mir-Repubblika tal-Polonja, li t-termini ta’ implimentazzjoni tal-kriterji ta’ effiċjenza enerġetika ta’ network ta’ tisħin u tkessiħ distrettwali, li jinsabu fl-Artikolu 26 tad-Direttiva kkontestata, u tal-kriterji ta’ definizzjoni ta’ koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja, li jinsabu fl-Anness III ta’ din id-direttiva, huma inadegwati fir-rigward tan-networks ta’ sħana fuq skala kbira, għandu jiġi rrilevat li dan l-Istat Membru ma jurix li dawn it-termini huma manifestament inadegwati fid-dawl tal-miri ta’ promozzjoni tal-effiċjenza enerġetika u ta’ ffrankar tal-enerġija, li d-Direttiva kkontestata tipprevedi li tilħaq.
155 Fil-fatt, ir-Repubblika tal-Polonja sempliċement tesponi d-diffikultajiet li jistgħu jirriżultaw mill-imsemmija termini ta’ implimentazzjoni għan-networks ta’ sħana fuq skala kbira li jinsabu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru biss.
156 Ir-Repubblika tal-Polonja lanqas ma tispeċifika l-karatteristiċi tal-perijodu tranżitorju “xieraq” li jippermettu lin-networks ta’ tisħin distrettwali li jiddependu fuq l-impjanti ta’ koġenerazzjoni bil-faħam u bil-gass jadattaw ruħhom għall-kriterji l-ġodda previsti fl-Artikolu 26 fl-Anness III tad-Direttiva kkontestata. B’dan il-mod, jidher li dan l-Istat Membru jikkritika, fir-realtà, l-assenza ta’ deroga applikabbli għan-networks ta’ tisħin distrettwali Pollakki li jiddependu fuq l-imsemmija impjanti.
157 Issa, kif tfakkar fil-punti 99 u 113 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma huwiex obbligat li jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari ta’ Stat Membru meta l-att tal-Unjoni kkonċernat ikollu impatt fl-Istati Membri kollha u jippreżupponi li, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-għanijiet imfittxija minnu, jiġi żgurat bilanċ bejn l-interessi differenti involuti. Għaldaqstant, it-tfittxija ta’ tali bilanċ, li jieħu inkunsiderazzjoni mhux is-sitwazzjoni partikolari ta’ Stat Membru wieħed, iżda dik tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni, ma tistax, fiha nnifisha, titqies li tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità .
158 Fir-rigward tal-affermazzjonijiet tar-Repubblika tal-Polonja, li l-kriterji previsti fl-Artikolu 26 fl-Anness III tal-imsemmija direttiva jiddisswadu lill-proprjetarji tan-networks ta’ tisħin distrettwali milli jwettqu r-rinnovazzjonijiet neċessarji sabiex jaqilbu mill-faħam għall-gass, iwasslu għal żieda qawwija fil-prezzijiet tat-tisħin u jwasslu lill-konsumaturi vulnerabbli jagħżlu soluzzjonijiet ta’ tisħin li jniġġsu ħafna, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li huma bbażati fuq ipoteżijiet ta’ natura spekulattiva. Għaldaqstant, dawn ma jistgħux, bħala tali, ikunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju.
159 Minn dan isegwi li t-tielet parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.
160 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi miċħud it-tieni motiv tar-Repubblika tal-Polonja bħala infondat u konsegwentement, għandu jiġi miċħud ir-rikors fl-intier tiegħu.
Fuq l-ispejjeż
161 Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Parlament u l-Kunsill talbu l-kundanna tar-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż u peress li din tal-aħħar tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata, minbarra għall-ispejjeż rispettivi tagħha, għal dawk sostnuti mill-Parlament u mill-Kunsill.
162 Skont l-Artikolu 140(1) ta’ dawn ir-regoli, li jipprovdi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, l-Ungerija u l-Kummissjoni għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż rispettivi tagħhom.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Ir-rikors huwa miċħud.
2) Ir-Repubblika tal-Polonja hija kkundannata, minbarra għall-ispejjeż rispettivi tagħha, għal dawk sostnuti mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
3) L-Ungerija u l-Kummissjoni Ewropea huma kkundannati għall-ispejjeż rispettivi tagħhom.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.