Official Journal L 160 , 17/06/1978 P. 0013 - 0024
Finnish special edition: Chapter 2 Volume 2 P. 0114
Greek special edition: Chapter 02 Volume 6 P. 0162
Swedish special edition: Chapter 2 Volume 2 P. 0114
Spanish special edition: Chapter 02 Volume 4 P. 0266
Portuguese special edition Chapter 02 Volume 4 P. 0266
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta' Ġunju 1978 li taċċetta f'isem il-Komunità tliet l-Annessi għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-simplifikazzjoni u l-armonizzazjoni ta' proċeduri doganali (78/528/KEE) IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, Billi, bid-Deċiżjoni 75/199/KEE [1], il-Komunità kkonkludiet il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-simplifikazzjoni u l-armonizzazjoni ta' proċeduri doganali u aċċettat l-Anness ta' dik il-Konvenzjoni dwar mħażen doganali; Billi l-Annessi ta' dik il-Konvenzjoni dwar formalitajiet doganali qabel ma tiġi ppreżentata d-dikjarazzjoni dwar l-oġġetti, l-ħażna temporanja ta' oġġetti u żoni ħielsa jistgħu jkunu aċċettati mill-Komunità; Billi huwa madankollu rakkomandabbli li l-aċċettazzjoni ta' dawn l-Annessi tkun suġġetta għal ċerti riservi sabiex jitqiesu l-ħtiġiet speċjali ta' l-unjoni tad-dwana, IDDEĊIEDA KIF ĠEJ: Artikolu 1 L-Annessi li ġejjin tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-proċeduri doganali huma b'dan aċċettati f'isem il-Komunità: - l-Anness A.1 dwar formalitajiet doganali qabel ma tiġi ppreżentata d-dikjarazzjoni dwar l-oġġetti, b'riservi dwar l-i standards 11 u 21; - l-Anness A.2 dwar il-ħażna temporanja ta' oġġetti, b'riservi dwar il-prattiċi rakkomandati 10, 13 u 21; - l-Anness F.1 dwar żoni ħielsa, b'riserva dwar l-i standard 21; It-testi ta' l-Annessi fuq imsemmija huma mehmuża ma' din id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Il-Kummisjsoni għanda tavża lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni Doganali dwar l-aċċettazzjoni ta' l-Annessi msemmija fl-Artikolu 1 suġġetta għar-riservi msemmija f'dak l-Artikolu. Magħmula fil-Lussemburgu, fis-6 ta' Ġunju 1978. Għall-Kunsill Il-President K. B. Andersen [1] ĠU L 100, tal-21.4.1975, p. 1. -------------------------------------------------- L-ANNESS KONVENZJONI INTERNAZZJONALI DWAR IS-SIMPLIFIKAZZJONI U L-ARMONIZZAZZJONI TAL-PROĊEDURI DOGANALI L-Annessi A.1, A.2 u F.1 L-ANNESS A.1 L-ANNESS DWAR FORMALITAJIET DOGANALI QABEL MA TIĠI PPREŻENTATA D-DIKJARAZZJONI DWAR L-OĠĠETTI INTRODUZZJONI Oġġetti jistgħu jkunu introdottti f'pajjiż b'ħafna metodi ta' trasport differenti. Sabiex jiġi salvagwardat id-dħul u jiġi assigurat il-qbil mal-leġislazzjoni nazzjonali, t-traportatur, wara li jkun introduċja l-oġġetti fit-territorju doganali, għandu jurihom, u l-mezzi ta' trasport li bihom jinġarru, lill-awtoritajiet tad-dwana mill-aktar fis possibbli. Id-dispożizzjonijiet neċessarji biex jikkontrollaw l-introduzzjoni ta' oġġetti fit-territorju doganali jiddependu, l-iżjed, fuq il-ġeografija tal-pajjiż u ċirkostanzi bħall-metodi ta' trasport prinċipali li jġibu oġġetti fil-pajjiż. F'ħafna każijiet l-uffiċċju tad-dwana li fih għandhom jintwerew l-oġġetti u fejn għandha tiġi ppreżentata d-dikjarazzjoni dwar l-oġġetti jkun qiegħed fil-post fejn l-oġġetti huma introdotti fit-territorju doganali; madankollu, f'każijiet oħra, dan l-uffiċċju tad-dwana jkun qiegħed ftit distanza bogħod minn dak il-post. Huwa essenzjali li l-awtorijatiet tad-dwana jkunu f'pożizzjoni li jikkontrollaw l-ġarr ta' oġġetti għall-uffiċċju tad-dwana fejn l-oġġetti għandhom jintwerew lid-dwana. L-interessi tad-dwana għandhom ikunu salvagwardati billi jiġu imposti obbligi fuq it-trasportatur permezz ta' regolamenti u b'mezzi ta' sorveljanza fiżika mid-dwana fuq il-mezzi tat-trasport u l-oġġetti introdotti fit-territorju doganali. Huwa importanti li dawn il-miżuri jikkawżaw inkonvenjenza minima lis-suq internazzjonali. Għal dan l-iskop il-formalitajiet kollha li għandhom jitwettqu mit-trasportatur għandhom ikunu kemm jista' jkun sempliċi u l-informazzjoni dwarhom għandha tkun disponibbli għall-persuni interessati kollha. Dan l-Anness ma jkoprix oġġetti li jaslu taħt proċedura doganali, eż, transitu internazzjonali doganali, oġġetti li jinġarru bil-posta jew fil-valiġġa ta' vjaġġatur jew il-ħażna temporanja ta' oġġetti, l-anqas ma jkopri ċerti formalitajiet oħra li jistgħu jkunu applikabbli f'każ ta' metodi ta' trasport partikolari, eż. il-preżentazzjoni ta' rapport mal-wasla ta' vapur TIFSIRIET Għall-finijiet ta' dan l-Anness: (a) il-kliem "formalitajiet doganali qabel ma tiġi ppreżentata d-dikjarazzjoni dwar l-oġġetti" ifissru l-operazzjonijiet kollha li għandhom isiru mill-persuna interessata u mid-dwana mill-mument li l-oġġetti huma introdotti fit-territorju doganali sal-mument meta l-oġġetti jitqiegħdu taħt proċedura doganali; Nota: Il-ħażna temporanja tista' titqies bħala proċedura doganali (b) il-kliem "territorju doganali" jfissru it-territorju li fih tapplika kompletament l-liġi tad-dwana ta' l-Istat; (ċ) il-kelma "trasportatur" tfisser il-persuna li fil-fatt tittrasporta l-oġġetti jew tkun inkarigata jew responsabbli għat-tħaddim tal-mezzi ta' trasport; (d) il-kliem "dazju ta' importazzjoni u taxxi" jfissru dazji ta' dwana u d-dazji, taxxi, u drittijiet oħra kollha u ħlasijiet oħra li jinġabru dwar jew in konnessjoni ma' l-importazzjoni ta' oġġetti, iżda ma jinkludux drittijiet u ħlasijiet li huma limitati fl-ammont għall-infiq approssimativ dwar servizzi mogħtija; (e) il-kliem "dikjarazzjoni dwar oġġetti" jfissru prospett magħmul fil-forma preskritta mid-dwana, li biha l-persuni interessati jindikaw il-proċedura doganali partikolari li għanda tiġi applikata għall-oġġetti u jagħtu d-dettalji li d-dwana teħtieġ li għandhom ikunu ddikjarati għall-applikazzjoni ta' dik il-proċedura; (f) il-kliem "kontroll tad-dwana" jfissru l-miżuri applikati biex tiġi żgurata konformità mal-liġijiet u r-regolamenti li d-dwana għandha r-responsabbiltà li tenforza; (g) il-kelma "persuna" tfisser kemm persuna fiżika kif ukoll naturali sakemm il-kuntest ma jitlobx xort'oħra. PRINĊIPJI 1. Standard Il-formalitajiet doganali ta' qabel ma ssir d-dikjarazzjoni dwar l-oġġetti għandhom ikunu regolati bid-dispożizzjonijiet ta' dan l-Anness. 2. Standard Il-leġislazzjoni nazzjonali għandha tispeċifika l-kondizzjonijiet li għandhom jiġu osservati u l-formalitajiet li għandhom jitwettqu dwar l-oġġetti li jġu introdotti fit-territorju doganali. 3. Standard L-oġġetti kollha li huma introdotti fit-territorju doganali, irrispettivament jekk jkunux soġġetti għal dazji ta' importazzjoni u taxxi, jkunu suġġetti għall-kontroll doganali. 4. Standard Il-formalitajiet doganali qabel ma tiġi ppreżentata d-dikjarazzjoni dwar l-oġġetti għandhom jitnaqqsu għall-minimu neċessarju biex tiġi żgurata konformità mal-liġijiet u regolamenti li d-dwana għandha r-responsabbiltà li tenforza. 5. Standard Il-formalitajiet doganali qabel ma tiġi ppreżentata d-dikjarazzjoni dwar l-oġġetti tapplika b'mod ugwali, irrispettivament mill-pajjiż ta' oriġini ta' l-oġġetti jew il-pajjiż minn fejn jkunu ġew. INTRODUZZJNI TA' OĠĠETTI FIT-TERRITORJU DOGANALI Postijiet li fihom l-oġġetti jistgħu jiġu introdotti fit-territorju doganali 6. Standard Il-leġislazzjoni nazzjonali għandha tispeċifika il- postijiet li fihom l-oġġetti jistgħu jiġu introdotti fit-territjorju doganali. Fid-deċiżjoni dwar dawn il-postijiet, il-fatturi li għandhom jitqiesu għandhom jinkludu il-ħtiġiet partikolari tal-kummerċ, l-industrija u t-trasport. Nota: Pajjiżi jistgħu jispeċifikaw għal dan il-għan ir-rotot doganali, jiġifieri, it-toroq, ferroviji, kanali ta' l-ilma u kull rotta oħra (linji ta' pajpijiet eċċ.) li għandhom jintużaw għall-importazzjoni ta' l-oġġetti. Obbligi tat-trasportatur 7. Standard Il-fatt li jkunu ġew introdotti oġġetti fit-territorju doganali jġorr miegħu l-obbligu tat-trasportatur li jgħaddihom direttament lil uffiċċju tad-dwana nominat jew post ieħor speċifikat mill-awtortajiet tad-dwana mingħajr ma jinbidlu n-natura jew l-ippakkjar tagħhom. 8. Standard Meta l-ġarr ta' l-oġġetti mil-post ta' l-introduzzjoni tagħhom fit-territorju doganali għall-uffiċċju tad-dwana nominat jew post ieħor speċifikat jiġi interrott b'aċċident jew forza maġġuri, it-trasportatur ikun meħtieġ li jieħu l-prekawzjonijiet biex l-oġġetti ma jidħlux f'ċirkolazzjoni mhux awtorizzata u li javża lid-dwana jew l-awtoritajiet kompetenti oħra dwar it-tip ta' aċċident jew ċirkostanza oħra li waqqfet il-vjaġġ. Kontroll doganali 9. Standard Il-kontrolli doganali dwar oġġetti importati għandhom ikunu ridotti għall-minimu. Noti: 1. Kontroll doganali jista' jinkludi li wieħed jitla' u jagħmel tfittxija fuq kull mezz ta' trasport. 2. L-awtoritajiet tad-dwana jkollhom is-setgħa li jieħdu miżuri ta' kontroll speċjail li huma applikati biss f'żoni speċifikati, per eżempju, fiż-żona tal-fruntiera. 3. Bħala regola mhux meħtieġ li jittieħdu miżuri ta' kontroll li jinvolvu l-ħatt ta' l-oġġetti, twaħħil ta' siġilli jew marki ta' identifikazzjoni fuq il-mezzi ta' trasport jew l-oġġetti jew il-ġarr ta' oġġetti taħt skorta tad-dwana. Madankollu, meta l-awtoritajiet tad-dwana jidhrilhom li dawk il-miżuri ta' kontroll huma indispensabbli, għandhom japplikaw dawk li jikkawżaw l-inqas inkonvenjenza kemm għad-dwana kif ukoll għat-trasportatur filwaqt li jiggarantixxu sigurtà adegwata. Siġilli doganali u marki ta' identifikazzjoni mwaħħla mill-awtoritajiet tad-dwana stranġieri jiġu normalment aċċettati sakemm ma jiġux kkunsidrati bħala mhux suffiċenti jew siguri. PREŻENTAZZJONI TA' OĠĠETTI LID-DWANA Dokumentazzjoni 10. Prattika rakkomandata Meta l-uffiċċju tad-dwana fejn għandhom jiġu ppreżentati l-oġġetti ma jkunx fil-post fejn l-oġġetti ġew introdotti fit-territorju doganali, ma jkun meħtieġ li jiġi ppreżentat l-ebda dokument lill-awtoritajiet tad-dwana f'dak il-post. Nota: Biex jiġu identifikati l-oġġetti, l-awtoritajiet tad-dwana jistgħu jesiġu l-preżentazzjoni ta' dokumenti kummerċjail, tat-trasport jew dokumenti oħra li jkunu magħhom 11. Standard Meta l-awtoritajiet tad-dwana jesiġu dokumentazzjoni rigward il-preżentazzjoni ta' oġġetti lid-dwana, din ma tkunx meħtieġa li jkun fiha aktar mill-informazzjoni neċessarja biex jiġu identifikati l-oġġetti u l-mezzi tat-trasport. Nota: L-informazzjoni hija normalment miksuba mid-dokumenti kummerċjali u tat-trasport, li l-kontenut tagħhom jista' jvarja minn metodu ta' trasport għal ieħor. L-awtoritajiet tad-dwana normalment ma jeħtieġux aktar minn deskrizzjoni ta' l-oġġetti u ta' l-ippakkjar (marki u numri, kwantità u xorta, piż) u l-identifikazzjoni tal-mezzi tat-trasport. Xi ftehim internazzjonali jippreskrivu l-informazzjoni massima li tista' tkun meħtieġa (eż. il-pajjiż jista' jkun Parti Kontraenti għall-Anness 9 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali jew il-Konvenzjoni dwar il-Faċilitazzjoni tat-Traffiku Marittimu Internazzjonali). 12. Prattika rakkomandata Meta d-dokumenti ppreżentati lid-dwana huma magħmula b'lingwa li mhijiex speċifikata għal din ir-raġuni jew b'lingwa li mhijiex lingwa tal-pajjiż li fih ġew introdotti l-oġġetti, ma għandhiex tintalab traduzzjoni tad-dettalji mniżżla f'dawk d-dokumenti bħala ħaġa naturali. Kompetenza u ħinijiet tax-xogħol ta' l-uffiċċji tad-dwana 13. Standard L-awtoritajiet tad-dwana għandhom jaħtru l-uffiċċji tad-dwana fejn l-oġġetti jistgħu jiġu ppreżentati lid-dwana. Fid-determinazzjoni tal-kompetenza ta' dawn l-uffiċċji u l-ħinijiet tax-xogħol tagħhom, il-fatturi li għandhom jitqiesu jinkludu l-ħtiġiet partikolari tal-kummerċ u l-industrija u tat-trasport. Noti: 1. F'ċerti pajjiżi l-kompetenza ta' l-uffiċċji tad- dwana hija determinata b'referenza għar-rotot tad-dwana u l-importanza tagħhom. 2. Fejn ikun meħtieġ il-kompetenza ta' ċerti uffiċċji tad-dwana jistgħu jkunu ristretti għal ċerti metodi ta' trasport jew għal ċerti kategoriji ta' oġġetti jew għal oġġetti kkonsenjati f'żoni speċifikati (eż. f'żona tal-fruntiera jew f'żona industrijali). 14. Prattika rakkomandata Meta jkun hemm uffiċċji tad-dwana korrispondenti fuq fruntiera komuni, l-awtoritajiet ta' dwana taż-żewġ pajjiżi interessati għandhom jqabblu l-ħinijiet tax-xogħol u l-kompetenza ta' dawk l-uffiċċji Nota: F'ċerti każijiet ġew stabbiliti kontrolli magħquda fi fruntiera komuni b'uffiċċji tad-dwana taż-żewġ pajjiżi istallati fl-istess post u xi drabi fl-istess bini. Wasla barra mill-ħinijiet tax-xogħol 15. Standard L-awtoritajiet tad-dwana għandhom jispeċifikaw il-prekawzjonijiet li għandhom jittieħdu mit-trasportatur biex l-oġġetti ma jidħlux f'ċirkolazzjoni mhux awtorizzata fit-territorju doganali meta jaslu fl-uffiċċju tad-dwana barra l-ħinijiet tax-xogħol. Nota: It-trasportatur jista' jkun meħtieġ li jżomm l-oġġetti f'post speċifiku jew fil-viċinanza ta' l-uffiċċju tad-dwana 16. Prattika rakkomandata Fuq talba tat-trasportatur, u għal raġunijiet meqjusa validi mill-awtoritajiet tad-dwana, dawn ta' l-aħħar għandhom, safejn possibbli, jippermettu li l-formalitajiet doganali qabel ma ssir id-dikjarazzjoni dwar l-oġġetti ssir barra l-ħinijiet tax-xogħol ta' l-uffiċċju ta' dwana; kull spiża li tiġġarrab dwar dan tista' tiġi addebitata lit-trasportatur. ĦATT Postijiet ta' ħatt 17. Standard Il-leġislazzjoni nazzjonali għandha tispeċifika l-postijiet li huma approvati għall-ħatt. 18. Prattika rakkomandata Fuq talba tal-persuna interessata, u għal raġunjiet meqjusa validi mill-awtoritajiet tad-dwana, dawn ta' l-aħħar għandhom jippermettu li oġġetti jinħattu f'post li ma jkunx dak approvat għall-ħatt; l-ispejjeż kollha li jinqalgħu jistgħu jiġu addebitati lill-persuna interessata. Nota: Oġġetti jistgħu jinħattu, skond iċ-ċirkostanzi, f'bini li jappartjeni lill-persuna interessata, f'bini b'apparat xieraq jew f'kull post li jaqa' taħt iż-żona ta' sorveljanza tad-dwana. Bidu tal-ħatt 19. Prattika rakkomandata Il-bidu tal-ħatt għandu jkun permess malajr kemm jista' jkun wara l-wasla tal-mezzi tat-trasport fil-post tal-ħatt. 20. Prattika rakkomandata Fuq talba tal-persuna interessata, u għal raġunjiet meqjusa validi mill-awtoritajiet tad-dwana, dawn ta' l-aħħar għandhom, sakemm dan hu permess miċ-ċirkostanzi amministrattivi, jippermettu li l-ħatt isir barra mill-ħinijiet tax-xogħol ta' l-uffiċċju tad-dwana; l-ispejjeż kollha li jinqalgħu jistgħu jiġu addebitati lill-persuna interessata. OĠĠETTI BI ĦSARA, MEQRUDA JEW MITLUFA 21. Standard Tingħata eżenzjoni totali jew parzjali, kif ikun il-każ, mill-ħlas ta' dazji ta' importazzjoni u taxxi, dwar oġġetti bi ħsara, meqruda jew mitlufa irrevokabilment b'aċċident jew forza maġġuri matul it-twettiq tal-formalitajiet doganali qabel ma ssir d-dikjarazzjoni dwar l-oġġetti sakemm il-fatti huma debitament stabbiliti għas-sodisfazzjon ta' l-awtoritajiet tad-dwana. Nota: Fuq talba tal-persuna interessata, il-biċċiet li jibqgħu mill-oġġetti koperti b'dan l-i standard jistgħu jiġu: (a) rilaxxati għal użu domestiku fl-istat eżistenti tagħhom bħallikieku kienu ġew importati f'dak l-istat; jew (b) esportati mill-ġdid; jew (ċ) magħmulha kummerċjalment bla valur taħt kontroll doganali, mingħajr spejjeż għad-dħul; jew (d) bil-kunsens ta' l-awtoritajiet tad-dwana, abbandunati ħielsa mill-ispejjeż kollha għad-dħul. RESPONSABBILTÀ GĦALL-PAGAMENT TA' DAZJI TA' IMPORTAZZJONI U TAXXI 22. Standard Il-legislazzjoni nazzjonali għanda tispeċifika l-persuna jew persuni responsabbli għall-ħlas ta' kull dazju ta' importazzjoni u taxxa dwar oġġetti introdotti fit-territorju doganali li ma jkunux ġew ippreżentati lid-dwana skond il-kondizzjonijiet u l-formalitajiet li għandhom jitwettqu qabel ma tiġi ppreżentata d-dikjarazzjoni dwar l-oġġetti. INFORMAZZJONI DWAR FORMALITAJIET DOGANALI QABEL MA TIĠI PREŻENTATA D-DIKJARAZZJONI DWAR L-OĠĠETTI 23. Standard L-awtoritajiet tad-dwana għandhom jiżguraw li l-informazzjoni rilevanti kollha dwar formalitajiet doganali qabel ma tiġi ppreżentata d-dikjarazzjoni dwar l-oġġetti hija disponibbli b'mod faċli lil kull persuna interessata. -------------------------------------------------- L-ANNESS A.2 L-ANNESS DWAR IL-ĦAŻNA TEMPORANJA TA' OĠĠETTI INTRODUZZJONI HUWA IMPORTANTI Li, mal-wasla, l-oġġetti jistgħu jinħattu mill-mezzi tat-trasport kemm jista' jkun malajr. Fir-rikonoxximent ta' dan il-fatt l-amminstrazzjonijiet tad-dwana introduċew arranġamenti li taħthom il-ħatt tat-tagħbija jista' jibda kemm jista' jkun malajr wara l-wasla b'minimu ta' formalitajiet sakemm jiġi salvagwardat l-introjtu. Għal varji raġunjiet jista' jgħaddi xi ftit ħin bejn il-wasla ta' l-oġġetti u l-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni dwar l-oġġetti rilevanti. F'dawn iċ-ċirkostanzi l-awtoritajiet tad-dwana jeħtieġu li l-oġġetti jinżammu taħt il-kontroll tad-dwana u għal din ir-raġuni ġeneralment jitqiegħdu f'żona speċifikata fejn jinħażnu sakemm issir d-dikjarazzjoni dwar l-oġġetti. Dawn iż-żoni jissejħu mħażen temporanji u jistgħu jikkonsistu f'bini jew spazji magħluqa jew mhux magħluqa. Id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Anness ma japplikawx għall-ħażna ta' oġġetti f'imħażen doganali jew f'żoni ħielsa. TIFSIRIET Għall-finijiet ta' dan l-Anness: (a) il-kliem "ħażna temporanja ta' oġġetti" ifissru l-ħażna ta' oġġetti taħt il-kontroll tad-dwana f'bini u fi spazji magħluqa jew mhux magħluqa speċifikati mid-dwana (hawn iżjed 'il quddiem imsejjħa mħażen temporanji) sakemm issir id-dikjarazzjoni dwar l-oġġetti; (b) il-kliem "dazji ta' importazzjoni u taxxi" jfissru dazji doganali u dazji, taxxi, u drittijiet oħra, u ħlasijiet oħra li jinġabru dwar jew li għandhom x'jaqsmu ma' l-importazzjoni ta' oġġetti, iżda ma tinkludux drittijiet u ħlasijiet li huma limitati fl-ammont għall-ispejjeż approssimattivi ta' servizzi mogħtija; (ċ) il-kliem "dikjarazzjoni dwar l-oġġetti" jfissru rendikont magħmul fil-forma preskritta mid-dwana, li bih il-persuni interessati jindikaw l-proċedura doganali li għandha tiġi applikata għall-oġġetti u jagħtu d-dettalji li d-dwana tesiġi li jkunu ddikjarati għall-applikazzjoni ta' dik il-proċedura; (d) il-kliem "kontroll tad-dwana" jfissru l-miżuri li jittieħdu biex jiġu osservati l-liġijiet u r-regolamenti li d-dwana għandha r-responsabbiltà li tenforza; (e) il-kelma "garanzija" tfisser dak li jassigura, għas-sodisfazzjon tad-dwana, li obbligu lejn id-dwana jiġi mwettaq. Garanzija hija mfissra bħala "ġenerali" meta tiżgura li jitwettqu l-obbligi li jinqalgħu minn diversi operazzjonijiet; (f) il-kelma "persuna" tfisser kemm persuna fiżika kif ukoll legali, sakemm il-kuntest ma jkunx jeħtieġ mod ieħor. PRINĊIPJI 1. Standard Il-ħażna temporanja ta' oġġetti għandha tkun regolata mid-dispożizzjonijiet ta' dan l-Anness. 2. Standard Il-leġislazzjoni nazzjonali għanda tispeċifika il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu osservati u l-formalitajiet li għandhom jitwettqu dwar oġġetti li jitqiegħdu f'maħżen temporanju. GĦAN 3. Standard L-awtoritajiet tad-dwana għandhom jawtorizzaw it-twaqqif ta' mħażen temporanji kull meta jidhrilhom li dan ikun meħtieġ biex jintlaħqu l-bżonnijiet tal-kummerċ u ta' l-industrija. Noti: 1. Skond id-dispożizzjonijiet tal-leġislazzjoni nazzjonali, mħażen temporanji jistgħu jkunu kkontrollati mill-awtoritajiet tad-dwana, minn awtoritajiet oħra jew minn persuni fiżiċi jew legali. 2. Mħażen temporanji jistgħu jkunu miftuħa għall-importaturi kollha u persuni oħra intitolati li jiddisponu minn oġġetti li jkunu importati, jew l-użu tagħhom jista' jkun ristrett għal persuni speċifikati. 4. Standard Il-ħażna temporanja tkun permessa rigward kull tip ta' oġġetti irrispettivament mill-kwantità, pajjiż ta' l-oriġini jew pajjiż mnejn waslu. Madankollu, oġġetti li jikkonstitwixxu periklu, li x'aktarx jaffettwaw oġġetti oħra jew li jeħtieġu stallazjonijiet speċjali għandhom jiddaħħlu biss f'imħażen temporanji mfassla speċifikament biex jirċievu dawk l-oġġetti. 5. Standard L-uniku dokument li hu meħtieġ meta l-oġġetti huma imqiegħdha f'maħżen temporanju għandu jkun dak użat biex jiddeskrivi l-oġġetti meta huma ppreżentati lid-dwana. AMMINISTRAZZJONI TA' MĦAŻEN TEMPORANJI 6. Standard Il-ħtiġiet dwar il-kostruzzjoni, it-tqassim u l-amministrazzjoni ta' mħażen temporanji u l-arranġamenti għall-ħażna ta' oġġetti, għall-kontrolli dwar kwantitajiet u kontabilità u għall-kontroll tad-dwana għandhom jiġu stabbiliti mill-awtoritajiet tad-dwana. Noti: 1. Għar-raġunijiet ta' kontroll id-dwana tista', b'mod partikolari: - jżżomm, jew teħtieġ li jinżammu, kontijiet ta' l-oġġetti mqiegħdha fil-maħżen temporanju (billi jintużaw jew reġistri speċjali jew d-dokumentazzjoni rilevanti); - jżżomm il-maħżen temporanju taħt superviżjoni permanenti jew intermittenti; - teħtieġ li maħżen temporanju jkun maqful doppju (maqful bis-serratura tal-persuna intertessata u bis-serratura tad-dwana); - tikkontrolla l-kwantitajiet ta' l-oġġetti fil-maħżen temporanju minn żmien għal żmien. 2. Normalment l-oġġetti huma meħtieġa li jkunu merfugħa f'bini magħluq. Madankollu, oġġetti kbar jew tqal u oġġetti b'dazju baxx li jikkonstitwixxu riskju ta' dħul baxx huma frekwentement merfugħa fi spazji mhux magħluqa taħt superviżjoni tad-dwana. 7. Standard Il-leġislazzjoni nazzjonali għandha tispeċifika l-persuna jew persuni għall-pagament ta' kull dazju ta' importazzjoni u taxxa dovuti fuq oġġetti mqiegħdha f'maħżen temporanju li ma jingħatax kont dwarhom għas-sodisfazzjon ta' l-awtoritajiet tad-dwana. 8. Standard Meta tkun meħtieġa garanzija mill-awtortità jew mill-persuna li tamministra maħżen temporanju, l-awtoritajiet tad-dwana għandhom jaċċettaw garanzija ġenerali. 9. Prattika rakkomandata L-ammont ta' kull garanzija għandu jkun kemm jista' jkun baxx meta jitqiesu d-dazji ta' importazzjoni u t-taxxi li jistgħu potenzjalment jiġu imposti 10. Prattika rakkomandata L-awtoritajiet tad-dwana għandhom jirrinunzjaw għall-garanzija meta l-maħżen temporanju qiegħed taħt superviżjoni tad-dwana adegwata, b'mod partikolari fejn jiġi maqful mid-dwana. OPERAZZJONIJIET ATWORIZZATI 11. Standard Kull persuna intitolata li tiddisponi minn oġġetti f'imħażen temporanji għanda, biex tipprepara d-dikjarazzjoni dwar l-oġġetti, tingħata permess li: (a) tinspezzjonahom (b) tiżinhom (ċ) tieħu kampjuni, mal-pagament tad-dazji ta' importazzjoni u taxxi fejn xieraq. 12. Standard Oġġetti f'maħżen temporanju jitħallew jgħaddu minn operazzjonijiet normali li jkunu neċessarji biex jiġu ppreservati fl-istat tagħhom mhux mibdul. Nota: L-operazzjonijiet normali neċessarji biex l-oġġetti jiġu ppreservati fl-istat tagħhom mhux mibdul jistgħu jinkludu t-tindif, it-tħabbit, it-tneħħija ta' trab, l-għażla u tiswija jew it-tibdil ta' pakki difettużi. 13. Prattika rakkomandata Oġġetti f'maħżen temporanju jkunu jistgħu, taħt dawk il-kondizzjonijiet kif jistgħu jiġu imposti mill-awtoritajiet tad-dwana, jgħaddu minn operazzjonijiet normali neċessarji biex jiffaċilitaw t-tneħħija tagħhom mill-maħżen u t-trasport tagħhom sussegwenti. Nota: Dawn l-operazzjonjiet jistgħu jinkludu l-għażla, t-tibriġ, l-użin, l-immarkar, it-tabellar. Jistgħu wkoll jinvolvu l-konsolidazzjoni ta' kunsinni differenti ta' oġġetti maħsubin għal trasport ieħor taħt dokument singolu ta' trasport u/jew dokument singolu doganali (groupage). TUL TA' ŻMIEN TAL-ĦAŻNA TEMPORANJA 14. Standard Meta l-leġislazzjoni nazzjonali tistabbilixxi limitu ta' żmien għall-ħażna temporanja, iż-żmien permess għandu jkun suffiċenti biex jippermetti lill-importatur jikkompleta l-formalitajiet neċessarji biex jqiegħed l-oġġetti taħt proċedura doganali. Nota: Il-limitu ta' żmien stabbilit jista' jvarja skond il-metodu ta' trasport użat, u fil-każ ta' oġġetti importati bil-baħar jista' jkun ta' tul ta' żmien konsiderevoli. 15. Prattika rakkomandata Fuq talba tal-persuna interessata, u għal raġunjiet meqjusa validi mill-awtoritajiet tad-dwana, dawn ta' l-aħħar għandhom jestendu l-perjodu ffissat inizjalment. DETERJORAMENT, ĦSARA, TELF, QERDA JEW ABBANDUN TA' L-OĠĠETTI 16. Standard Oġġetti deterjorati, mħassra, jew li ġratilhom ħsara b'aċċident jew b'forza maġġuri qabel ma jħallu l-maħżen temporanju għandhom jitħallew li jiġu rilaxxati bħallikieku kienu ġew importati fi stat deterjorat, mħassar jew mkisser. 17. Standard Oġġetti f'maħżen temporanju li jiġu meqruda jew mitlufa irrevokabilment b'aċċident jew b'forza maġġuri ma jkunux suġġetti għal dazji ta' importazzjoni u taxxi, sakemm din il-qerda jew dan it-telf jiġu debitament konfermati għas-sodisfazzjon ta' l-awtoritajiet tad-dwana. Kull skart jew fdalijiet li jibqa wara l-qerda jkunu suġġetti, jekk jittieħdu għal użu domestiku, għad-dazji ta' importazzjoni u t-taxxi li jkunu applikabbli għal skart jew fdalijiet imporati f'dak l-istat. 18. Standard Fuq talba tal-persuna intitolata li tiddisponi minnhom, l-oġġetti f'maħżen temporanju jistgħu jiġu abbandunati, kollha kemm huma jew parti minnhom, lill-erarju jew jinqerdu jew jinġiebu fi stat kummerċjalment bla valur taħt kontroll doganali, kif l-awtoritajiet tad-dwana jistgħu jiddeċiedu. Dak l-abbandun jew qerda ma għandhom jinvolvu lill-erarju f'ebda spiża. Kull skart jew fdalijiet li jibqa wara l-qerda jkunu suġġetti, jekk jittieħdu għal użu domestiku, għad-dazji ta' importazzjoni u t-taxxi li jkunu applikabbli għal skart jew fdalijiet imporati f'dak l-istat. TNEĦĦIJA MIL-MAĦŻEN TEMPORANJU 19. Standard Kull persuna li għanda d-dritt li tiddisponi mill-oġġetti tkun intitolata li tneħħihom mill-maħżen temporanju sakemm tosserva l-kondizzjonijiet u l-formalitajiet f'kull każ. Nota: L-awtoritajiet tad-dwana jistgħu jeħtieġu li l-persuna interessata tipprova d-dritt tagħha li tiddisponi mill-oġġetti. OĠĠETTI MHUX MNEĦĦIJA MILL-MAĦŻEN TEMPORANJU 20. Standard Il-leġislazzjoni nazzjonali għanda tispeċifika l-proċedura li għandha tkun mħarsa meta l-oġġetti ma jiġux mneħħija minn maħżen temporanju fiż-żmien stabbilit. 21. Prattika rakkomandata Meta oġġetti li ma ġewx mneħħija minn maħżen temporanju jinbiegħu mid-dwana, ir-rikavat mill-bejgħ, wara t-tnaqqis tad-dazju ta' importazzjoni u taxxi u d-drittijiet kollha u spejjez oħra, għandu jew jingħata lill-persuna(i) intotalta(i) li tirċevih/jirċevuh, meta dan huwa possibli, jew jinżamm għad-dispożizzjoni tagħhom għal-perjodu speċifiku. INFORMAZZJONI DWAR ĦAŻNA TEMPORANJA 22. Standard L-awtoritajiet tad-dwana għandhom jiżguraw li l-informazzjoni kollha rilevanti dwar il-ħażna temporanja ta' oġġetti tkun disponibbli b'mod faċli lil kull persuna interessata. -------------------------------------------------- ANNES F.1 L-ANNESS DWAR ŻONI ĦIELSA INTRODUZZJONI ĊERTU STATI ILHOM JIKKUNsidraw li hu neċessarju li jinkuraġġixxu l-iżvilupp tan-negozju barrani tagħhom, u tal-kummerċ internazzjonali b'mod ġenerali, billi jirrinunzjaw għad-dazji ta' importazzjoni u taxxi rigward oġġetti introdotti f'parti mit-territorju tagħhom fejn jiġu ġeneralment kkunsidrati bħala barra mit-territorju doganali. Oġġetti introdotti b'dan il-mod mhumiex suġġetti għall-kontroll doganali tas-soltu. Fl-Anness preżenti din il-parti tat-territorju hija msejħa "żona ħielsa" għalkemm f'ċerti pajjiżi hija magħrufa taħt varji ismijiet oħra, bħal "port ħieles", "maħżen ħieles". Tista' ssir distinzjoni bejn żoni ħielsa kummerċjali u industrijali. F'żoni ħielsa kummerċjali, l-operazzjonijiet permessi huma ġeneralment limitati għal dawk neċessarji biex l-oġġetti jiġu ppreservati u l-forom normali ta' maniġġar biex jittejbu l-ippakkjar jew il-kwalità kummerċjali tagħhom jew biex jiġu ppreparati għat-tagħbija. F'żoni ħielsa industrijali huma awtorizzati operazzjonijiet ta' pproċessar. Għalkemm oġġetti introdotti f'żoni ħielsa huma ġeneralment meqjusa, safejn għandhom x'jaqsmu dazji ta' importazzjoni u taxxi, bħala li huma 'l barra mit-territorju doganali, ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti mill-Istat interessat jistgħu jibqgħu applikabbli, ez. projbizzjonijiet u restrizzjonijiet li joħorġu mill-leġislazzjoni nazzjontali. Id-dwana twettaq ukoll ċerti kontrolli fiż-żona ħielsa biex tiżgura li l-operazzjonijet mwettqa huma skond il-ħtiġiet stabbiliti. Oġġetti introdotti f'żona ħielsa mit-territorju doganali normalment jikkwalifikaw għall-eżenzjoni minn jew ħlas lura ta' dazji ta' importazzjoni u taxxi jew dazji interni u taxxi mogħtija fil-waqt ta' l-esportazzjoni. Meta oġġetti li ma jkunux ġew pproċessati f'żona ħielsa jitħallew jiġu introdotti fit-territorju doganali għal użu domestiku, huma jiġu suġġetti għad-dazji ta' importazzjoni u taxxi, daqs li kieku kienu importati direttament minn barra. Madankollu, regoli speċjali ta' stima, stabbiliti fil-leġislazzjoni nazzjonali, huma applikabbli fil-każ ta' oġġetti minn barra li jkunu ġew pproċessati f'żona ħielsa jew fejn l-oġġetti utilizzati kienu ta' oriġini nazzjonai jew kienu ġew importati wara li jiħallsu d-dazji ta' importazzjoni u t-taxxi u kienu ingħataw eżenzjoni minn jew ħlas lura tad-dazji u taxxi meta kienu ġew introdotti fiż-żoni ħielsa. F'ċerti pajjiżi jingħataw faċilitajiet doganali komparabbli ma' dawk il-karatteristiċi ta' żoni ħielsa fit-territorju kollu, fil-kuntest ta' proċeduri doganali oħra bħall-magazzinaġġ doganali, ħlas lura ta' dazju, dħul temporanju għall-ipproċessar ġewwa il-pajjiż jew transitu mid-dwana. TIFSIRIET GĦall-finijiet ta' dan l-Anness: (a) il-kliem "żona ħielsa" jfissru parti minn territorju ta' Stat fejn l-oġġetti kollha introdotti huma ġeneralment meqjusa, rigward dazji ta' importazzjoni u taxxi, bħala li huma 'il barra mit-territorju doganali u mhumiex suġġetti għall-kontroll tad-dwana tas-soltu. Nota: Tista' ssir distinzjoni bejn żoni ħielsa kummerċjali u industrijali. F'żoni ħielsa kummerċjali, l-oġġetti huma ammessi sakemm isir disponiment minnhom sussegwentement u l-ipproċessar jew il-manifattura huma normalment projbiti. Oġġetti ammessi f'żoni ħielsa industrijali jistgħu jkunu suġġetti għal operazzjonijiet ta' ipproċessar awtorizzat; (b) il-kliem "territorju doganali" jfissru t-territorju li fih tapplika fl-intier tagħha l-liġI tad-dwana ta' Stat: (ċ) il-kliem "dazji ta' importazzjoni u taxxi" jfissru d-dazji tad-dwana u d-dazji, taxxi u drittijiet l-oħra kollha jew ħlasijiet oħra li jinġabru dwar jew li għandhom x'jaqsmu ma' l-importazzjoni ta' oġġetti, iżda ma jinkludux drittijiet u ħlasijiet li huma limitati fl-ammont għall-infiq approssimativ dwar servizzi mogħtija. (d) il-kliem "kontroll tad-dwana" jfissru l-miżuri meħuda biex jiġu osservati l-liġijiet u regolamenti li d-dwana għandha r-responsabbiltà li tenforza; (e) il-kelma "persuna" tfisser kemm persuna fiżika kif ukoll legali, sakemm il-kuntest ma jeħtieġx mod ieħor. PRINĊIPJU 1. Standard Ir-regolamenti tad-dwana applikabbli f'żoni ħielsa għandhom jkunu regolati bid-dispożizzjonijiet ta' dan l-Anness. TWAQQIF TA' ŻONI ĦIELSA 2. Standard Il-leġislazzjoni nazzjonali għanda tispeċifika l-ħtiġiet li għandhom x'jaqsmu mat-twaqqif ta' żoni ħielsa, t-tipi ta' oġġetti li jistgħu jidħlu f'dawk iż-żoni simili u x-xorta ta' operazzjonijiet li l-oġġetti jistgħu jkunu suġġetti għalihom f'dawk iż-żoni. Noti: 1. Żoni ħielsa huma ġeneralment mwaqqfa f'portijiet ta' baħar u ta' xmajjar, f'ajruporti, u f'postijiet b'vantaġġi ġeografiċi simili. 2. Skond d-dispożizzjonijiet tal-leġislazzjoni nazzjonali, żoni ħielsa jistgħu jkunu amministrati mill-awtoritajiet tad-dwana, minn awtoritajiet oħra jew minn persuni fiżiċi jew legali. 3. Standard Il-ħtiġiet dwar il-kostruzzjoni u t-tqassim ta' żoni ħielsa u l-arranġamenti għall-kontroll tad-dwana għandhom jiġu stabbiliti mill-awtoritajiet tad-dwana. Noti: 1. L-awtoritajiet tad-dwana jistgħu jesiġu li żoni ħielsa jkunu magħluqa; jistgħu wkoll jimponu restrizzjonijiet dwar mezzi ta' aċċess u jistabbilixxu l-ħinijiet tax-xogħol. 2. Għal raġunijiet ta' kontroll, l-awtoritajiet tad-dwana jistgħu, b'mod partikolari: - jżommu l-mezzi ta' aċċess għaż-żona ħielsa taħt superviżjoni permanenti jew intermittenti; - jeħtieġu li persuni li jintroduċu oġġetti f'żoni ħielsa jżommu kontijiet sabiex tkun tista' tiġi kontrollata ċ-ċirkolazzjoni ta' l-oġġetti; - jagħmlu verifiki għall-għarrieda fuq l-oġġetti ammessi biex jiżguraw li jkunu ġew suġġetti għal operazzjonijiet awtorizzati biss u li ma jkun ġie introdott l-ebda oġġett mhux awtorizzat. 4. Standard L-awtoritajiet tad- dwana jkollhom id-dritt li jwettqu kontrolli f'kull ħin fuq l-oġġetti maħżunin f'bini ta' xi persuna li tintroduċi oġġetti f'żona ħielsa. OĠĠETTI AMMESSI 5. Prattika rakkomandata L-ammissjoni f'żona ħielsa ma' għandhiex tkun suġġetta għall-kondizzjoni li l-oġġetti huma introdotti jew jiġu maħżunin fiż-żona fi kwantitajiet speċifikati. 6. Standard L-ammissjoni għal żona ħielsa tkun awtorizzata mhux biss għal oġġetti importati direttament minn barra iżda wkoll għal oġġetti miġjuba mit-territorju doganali ta' l-Istat interessat. Nota: Oġġetti miġjuba mit-territorju doganali ta' l-Istat interessat jistgħu jkunu oġġetti f'ċirkolazzjoni libera jew oġġetti mqiegħdha taħt proċedura li tippermetti ħelsien kondizzjonali mid-dazji ta' importazzjoni u taxxi jew proċedura ta' pproċessar. 7. Standard Oġġetti li huma ammissibbli f'żona ħielsa li huma intitolati għal eżenzjoni minn jew ħlas lura ta' dazji ta' importazzjoni u taxxi meta jiġu esportati għandhom jikwalifikaw għal dik l-eżenzjoni jew dak ilħlas lura minnufih wara li jkunu ġew introdotti fiż-żona ħielsa. 8. Standard Oġġetti li huma ammissibbli f'żona ħielsa li huma intitolati għal eżenzjoni minn jew ħlas lura ta' dazji interni u taxxi meta jiġu esportati għandhom jikwalifikaw għal dik l-eżenzjoni jew dak ilħlas lura minnufih wara li jkunu ġew introdotti fiż-żona ħielsa. Nota: Eżenzjoni jew ħlas lura huma ġeneralment mogħtijin minnufih wara l-introduzzjoni ta' l-oġġetti fiż-żona ħielsa. F'każijiet speċjali, l-eżenzjoni jew ilħlas lura jistgħu jkunu suġġetti għall-esportazzjoni ta' l-oġġetti mit-territorju nazzjonali. Eċċezzjonalment, tista' tintalab prova tal-wasla ta' l-oġġetti fil-pajjiż ta' destinazzjoni. 9. Standard L-ammissjoni f'żona ħielsa ma' għandhiex tiġi rifjutata għal raġunijiet biss tal-pajjiż ta' l-oriġini ta' l-oġġetti, l-pajjiż minn fejn waslu jew l-pajjiż tad-destinazzjoni tagħhom. 10. Standard L-ammissjoni f'żona ħielsa ta' oġġetti miġjuba minn barra ma' għandhiex tiġi rifjutata għar-raġunijiet biss li l-oġġetti huma suġġetti għal restrizzjonijiet jew projbizzjonijiet minbarra dawk imposti għal raġunijiet ta' moralità pubblika jew ordni pubbliku, sigurtà pubblika, iġjene jew saħħa pubblika, jew għal konsiderazzjonijiet veterinarji jew fitopatoloġiċi, jew li għandhom x'jaqsmu mal-protezzjoni ta' privattivi, marki tan-negozju (trade marks) u drittijiet ta' l-awtur. 11. Prattika rakkomandata Oġġetti li jikkostitwixxu xi periklu, li x'aktarx jaffettwaw oġġetti oħra jew li jeħtieġu stallazjonijiet speċjali, għandhom jkunu ammessi f'żoni ħielsa biss li huma speċjalment mfassla biex jirċevuhom. INTRODUZZJONI F'ŻONA ĦIELSA 12. Standard Meta għandu jiġi preżentat dokument fid-dwana rigward oġġetti introdotti f'żona ħielsa direttament minn barra, mingħajr ma jkollhom jaqsmu t-territorju doganali ta' l-Istat interessat, l-awtoritajiet tad-dwana ma għandhomx jeħtieġu aktar mill-produzzjoni ta' dokument kummerċjali jew uffiċjali (fattura kummerċjali, lista ta' merkanzija, nota ta' dispaċċ, eċċ.) li juri l-partikolaritajiet prinċipali ta' l-oġġetti in kwistjoni. 13. Prattika rakkomandata L-ammissjoni għal żona ħielsa ta' oġġetti miġjuba mit-territorju doganali ta' l-Istat interessat jew li qasmu dak it-territorju fi transitu ma' għandhiex tinvolvi l-kompletament ta' dokument ħlief id-dikjarazzjoni dwar l-oġġetti li hi normalment meħtieġa f'dak it-territorju biex jiġu koperti l-esportazzjoni, l-esportazzjoni mill-ġdid jew it-transitu ta' oġġetti. 14. Standard L-awtoritajiet tad-dwana ma' għandhomx jeħtieġu garanzija għall-ammissjoni ta' oġġetti f'żona ħielsa. 15. Standard Meta l-awtoritajiet tad-dwana jwettqu kontroll fuq oġġetti maħsuba għal introduzzjoni f'żona ħielsa, huma għandhom jieħdu dik l-azzjoni biss li tkun essenzjali biex jiġI żġurat li jiġu osservati l-liġijiet u r-regolamenti li d-dwana għandha r-responsabbiltà li tenforza. Nota: B'mod partikolari, d-dwana tista' tiżgura li l-oġġetti huma ta' tip li jista' jiġi introdott fiż- żona ħielsa u li kull projbizzjoni u restrizzjoni rilevanti ġew osservati. OPERAZZJONJIET AWTORIZZATI 16. Standard B'żieda mat-tagħbija, il-ħatt, it-trasbord u l-ħażna, oġġetti ammessi f'żona ħielsa kummerċjali jistgħu jgħaddu minn operazzjonijiet neċessarji biex jiġu ppreservati u l-forom normali ta' maniġġar biex jitjiebu l-ippakkjar u l-kwalità kummerċjali tagħhom jew biex jiġu ppreparati għat-tagħbija, bħad-diviżjoni ta' l-oġġetti f'lottijiet żgħar, raggruppament ta' pakki, sorteġġ u gradazzjoni, u ppakkjar mill-ġdid. 17. Standard L-operazzjonijiet ta' pproċessar li għalihom oġġetti ammessi f'żona ħielsa industrijali jistgħu jkunu suġġetti għandhom jkunu speċifikati mill-awtoritajiet kompetenti f'termini ġenerali u/jew fid-dettall f'regolament li jkun applikabbli fiż-żona ħielsa kollha jew fl-awtorizzazzjoni mogħtija lill-intrapriża li twettaq dawn l-operazzjonijiet. Nota: Id-dritt biex jitwettqu operazzjonjiet ta' pproċessar jista' jkun suġġett għall-kondizzjoni li l-operazzjonijiet proposti huma meqjusa mill-awtoritajiet kompetenti bħala vantaġġużi għall-ekonomija nazzjonali. OĠĠETTI KKONSMATI FIŻ-ŻONA ĦIELSA 18. Standard Il-leġislazzjoni nazzjonali għanda tenumera l-każijiet fejn oġġetti li għandhom jkunu kkonsmati fiż-żona ħielsa jistgħu jiġu ammessi mingħajr ħlas ta' dazji u taxxi u għandha tistabbilixxi l-ħtiġiet li għandhom jiġu osservati. Noti: 1. L-ammissjoni ħielsa tista' tingħata mhux biss għal dazji ta' importazzjoni u taxxi iżda wkoll għal dazji u taxxi interni. 2. Tista' ukoll tkun permessa l-ammissjoni ħielsa ta' apparat li jintuża biss fiż-żoni ħielsa għat-trasport, ħażna u pproċessar ta' oġġetti. TRASFERIMENT TA' PROPRJETÀ 19. Standard Għandu jkun permess it-trasferiment tal-proprjetà ta' oġġetti ammessi f'żona ħielsa. Nota: 1. Jista' jkun projbit il-bejgħ bl-imnut fiż-żoni ħielsa. 2. Oġġetti ammessi f'żoni ħielsa jistgħu jkunu użati għall-proviġġjonament ta' bastimenti u ajruplani. QERDA 20. Standard Oġġetti ammessi f'żona ħielsa jistgħu jiġu meqruda jew jinġiebu fi stat kummerċjalment bla valur taħt il-kontroll tad-dwana. TUL TA' PERMANENZA F'ŻONA ĦIELSA 21. Standard Ma għandhom jiġu imposti l-ebda limiti għall-permanenza ta' oġġetti f'żona ħielsa. TNEĦĦIJA MINN ŻONA ĦIELSA 22. Standard Meta dokument għandu jiġi ppreżentat lid-dwana rigward oġġetti li meta jitneħħew minn żona ħielsa huma mibgħuta direttament barra mingħajr ma jkollhom jaqsmu t-territorju doganali ta' l-Istat interessat, l-awtoritajiet tad-dwana ma' għandhomx jeħtieġu aktar mill-produzzjoni ta' dokument kummerċjali jew uffiċjali (fattura kummerċjali, lista ta' merkanzija, nota ta' dispaċċ, eċċ.) li juri d-dettalji prinċipali ta' l-oġġetti in kwistjoni. 23. Standard L-unika dikjarazzjoni meħtieġa għal oġġetti li huma jistgħu jkunu introdotti fit-territorju doganali ta' l-Istat interessat meta jitneħħew minn żona ħielsa għanda tkun d-dikjarazzjoni dwar oġġetti normalment meħtieġa għall-proċedura doganali li għaliha jkunu ġew assenjati dawk l-oġġetti. 24. Prattika rakkomandata Oġġetti li jistgġu jitneħħew minn żona ħielsa għat-territorju doganali ta' l-Istat interessat għandhom jkunu eliġibbli għall-ħelsien kondizzjonali jew proċeduri ta' pproċessar fis-seħħ taħt il-kondizzjonijiet applikabbli għal oġġetti importati direttament minn barra. 25. Standard Il-leġislazzjoni nazzjonali għanda tispeċifika l-mument li għandu jitqies għall-għan li jiġu determinati l-valur u l-kwantità ta' oġġetti li jistgħu jittieħdu għal użu domestiku meta jitneħħew minn żona ħielsa u r-rati ta' dazji ta' importazzjoni u taxxi applikabbli għalihom. 26. Standard Il-leġislazzjoni nazzjonali għanda tispeċifika r-regoli applikabbli għad-determinazzjoni ta' l-ammont ta' dazji ta' importazzjoni u taxxi li għandhom jitħallsu dwar oġġetti meħuda għal użu domestiku wara manipulazzjoni jew proċessar f'żona ħielsa. Noti: 1. L-ammont tad-dazji ta' importazzjoni u taxxi impost fuq oġġetti meħuda għal użu domestiku wara proċessar f'żona ħielsa jista' jkun limitat għall-ammont tad-dazji ta' importazzjoni u taxxi applikabbli għal oġġetti minn barra utilizzati, fl-istat li fih ġew introdotti fiż-żona ħielsa, b'zieda, fejn ġew utilizzati oġġetti ta' oriġini nazzjonali jew oġġetti importati mal-ħlas ta' dazji ta' importazzjoni u taxxi ta' importazzjoni, ma' l-ammont ta' kull eżenzjoni minn jew ħlas lura ta' dazji u taxxi interni jew dazji ta' importazzjoni u taxxi mogħtija meta dawk l-oġġetti kienu ġew introdotti fiż-żona ħielsa. 2. Tista' tiġi preskritta proċedura ta' stima speċjali meta apparat li kien użat biex jiġu pproċessati oġġetti f'żona ħielsa kien ġie ammess ħieles minn dazji ta' importazzjoni u taxxi. ABOLIZZJONI TA' ŻONA ĦIELSA 27. Standard F'każ ta' l-abolizzjoni ta' żona ħielsa, l-persuni interessati għandhom jingħataw żmien suffiċenti biex jirranġaw għad-disponiment ta' l-oġġetti tagħhom. INFORMAZZJONI DWAR ŻONI ĦIELSA 28. Standard L-awtoritajiet tad-dwana għandhom jiżguraw li l-informazzjoni kollha rilevanti dwar r-regolamenti tad-dwana applikabbli għal żoni ħielsa tkun disponibbli b'mod faċli għal kull persuna interessata. --------------------------------------------------