27.5.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 137/4


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 457/2008

tat-23 ta’ Mejju 2008

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti merkanziji fin-Nomenklatura Maqgħuda

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni tad-Dwana (1), u b’mod partikolari l-Artiklu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex tkun iggarantita l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, jeħtieġ li jkunu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-merkanzija li tissemma fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 iddefinixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli jgħoddu wkoll għal kull nomenklatura oħra li hija kompletament jew parzjalment ibbażata fuqha jew li żżid magħha xi subdivizjoni oħra u li hija mwaqqfa fuq proviżjonijiet speċifiċi tal-Komunità, bil-ħsieb li tkun applikata tariffa u miżuri oħra relatati mal-kummerċ fil-merkanzija.

(3)

Konformi ma’ dawk ir-regoli ġenerali, il-merkanzija deskritta fil-kolonna nru 1 ta’ l-iskeda mniżżla fl-Anness għandha tkun ikklassifikata fil-kodiċi NM indikata fil-kolonna nru 2, minħabba fir-raġunijiet imniżżla fil-kolonna nru 3 ta’ dik l-iskeda.

(4)

Huwa xieraq li ssir kundizzjoni li informazzjoni fuq tariffa li torbot maħruġa mill-awtoritajiet tad-dwana ta' l-Istati Membri dwar il-klassifikazzjoni ta' merkanzija fin-Nomenklatura Magħquda iżda li mhijiex skond dan ir-Regolament tista', għal perijodu ta' tliet xhur, tkompli tkun invokata mid-detentur, taħt l-Artiklu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi tad-Dwana tal-Komunità (2).

(5)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artiklu 1

Il-merkanzija deskritta fil-kolonna nru 1 ta’ l-iskeda mniżżla fl-Anness għandha tkun ikklassifikata fin-Nomenklatura Magħquda fil-kodiċi NM indikata fil-kolonna nru 2 ta' dik l-iskeda.

Artiklu 2

Informazzjoni fuq tariffa li torbot maħruġa mill-awtoritajiet tad-dwana ta' l-Istati Membri, li mhijiex skond dan ir-Regolament, tista' tkompli tkun invokata għal perijodu ta' tliet xhur skond l-Artiklu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.

Artiklu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 23 ta’ Mejju 2008.

Għall-Kummissjoni

László KOVÁCS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 360/2008 (ĠU L 111, 23.4.2008, p. 9).

(2)   ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi-NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

1.

Prodott li jikkonsisti minn pjanċa tal-kwarz miksija bil-kromju u b’materjal fotoreżistenti b’qisien kumplessivi ta’ 15 (T) × 15 (W) × 0.6 (F) ċm, (hekk imsejjaħ “photomask blank”).

Il-prodott għandu jkun espost u żviluppat biex isir “photomask” użat fil-produzzjoni ta’ mezzi tas-semikondutturi.

3701 99 00

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-Regoli Ġenerali 1, 3 (a) u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, u bil-kliem tal-kodiċi NM 3701 u 3701 99 00 .

Il-prodott għandu jkun ikklassifikat f’titlu 3701 għaliex huwa pjanċa fotografika mhux esposta, mgħottija b’materjal fotosensittiv (ara n-Noti ta’ Spjega għas-Sistema Armonizzata għal titlu 3701 ).

2.

Prodott li jikkonsisti minn pjanċa tal-kwarz miksija bil-kromju b’qisien kumplessivi ta’ 15 (T) × 15 (W) × 0.6 (F) ċm li fuqu jkunu prodotti d-disinni tad-dijagrammi taċ-ċirkwit bl-istess mod bħal fil-każ ta’ pjanċi fotografiċi esposti u żviluppati (hekk imsejjaħ “photomask”).

Il-prodott huwa użat fil-manifattura ta’ wejfers tas-semikondutturi għat-trasferiment b’mod fotografiku tad-dijagrammi taċ-ċirkwit fuq il-wejfers.

3705 90 90

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-Regoli Ġenerali 1, 3 (a) u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, Nota 2 tal-Kapitlu 37 kif ukoll bil-kliem tal-kodiċi NM 3705 , 3705 90 u 3705 90 90 .

Il-klassifikazzjoni f’titlu 8486 hija eskluża, minħabba li “photomask” mhix parti integrali minn magna użata għall-manifattura ta’ boules jew wejfers tas-semikundutturi, iżda għodda indipendenti konsumabbli u li jistgħu jinbidlu bejniethom b’attributi distintivi.

Il-prodott għandu jkun ikklassifikat f’titlu 3705 minħabba li huwa pjanċa fotografika esposta u żviluppata tat-tip użat għall-projezzjoni ta’ immaġini fissa fuq wejfer.

3.

Apparat maħsub biex iżid l-ammont ta’ dawl naturali f’kamra, li jikkonsisti minn lenti priżmatika forma ta’ koppla, sistema ta’ tubi u lentijiet ta’ tixrid.

L-apparat jaqbad id-dawl permezz ta’ koppla fuq il-bejt u jittrasferih għas-saqaf tal-kamra permezz tas-sistema riflettiva interna tiegħu, fejn id-dawl ikun imxerred.

9013 80 90

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u l-kliem tal-kodiċi NM 9013 , 9013 80 u 9013 80 90 .

Il-klassifikazzjoni f’titlu 9405 bħala lampa jew tagħmir tad-dawl hija eskluża minħabba li l-apparat ma joħloqx dawl iżda, jaqbad, jittrasferixxi u jxerred d-dawl tax-xemx billi juża mezzi ottiċi.

Għalhekk il-prodott għandu jkun ikklassifikat bħala apparat ottiku f’titlu 9013 .