26.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 194/34


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-25 ta’ Lulju 2011

dwar iċ-ċaħda ta’ żewġ talbiet għar-reġistrazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti previst fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 [Eilenburger Sachsenquelle (DPO)], [Eilenburger Sanusquelle (DPO)]

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 5251)

(It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)

(2011/462/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Fil-5 ta’ Novembru 1999, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 (2), il-Ġermanja bagħtet lill-Kummissjoni żewġ talbiet għar-reġistrazzjoni taż-żewġ denominazzjonijiet tal-ilmijiet minerali msemmija fil-lista mogħtija fl-Anness. Madankollu, dawn id-denominazzjonijiet mhumiex inklużi fil-lista tal-ilmijiet minerali naturali rikonoxxuti mill-Istati Membri (3) skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 dwar l-isfruttament u t-tqegħid fis-suq ta’ ilmijiet minerali naturali (4). Għaldaqstant, dawn id-denominazzjonijiet ma jistgħux jiġu rikonoxxuti fis-suq intern bħala ilmijiet minerali li jistgħu jitqiegħdu fis-suq u għalhekk ma għandhomx jiġu rreġistrati.

(2)

Fil-kuntest tat-tagħrif ta’ hawn fuq, it-talbiet għar-reġistrazzjoni taż-żewġ denominazzjonijiet imsemmija fl-Anness għal din id-Deċiżjoni għandhom jiġu miċħuda.

(3)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti u d-Denominazzjonijiet Protetti tal-Oriġini,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

It-talbiet għar-reġistrazzjoni tad-denominazzjonijiet imsemmija fl-Anness għal din id-Deċiżjoni għandhom jiġu miċħuda.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kummissjoni

Dacian CIOLOŞ

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.

(2)   ĠU L 208, 24.7.1992, p. 1.

(3)   ĠU C 54, 7.3.2009, p. 7.

(4)   ĠU L 164, 26.6.2009, p. 45.


ANNESS

Ilmijiet minerali naturali u ilmijiet min-nixxigħat

IL-ĠERMANJA

Eilenburger Sachsenquelle

Eilenburger Sanusquelle