SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

23 ta’ Jannar 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumatur – Prattiki kummerċjali żleali – Direttiva 2005/29/KE – Artikolu 7 – Ommissjonijiet qarrieqa – Stedina għax-xiri – Informazzjoni importanti – Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-konsumatur dwar kif jiġi kkalkolat il-prezz – Offerta ta’ provvista ta’ elettriku online – Simulatur ta’ tariffi – Indikazzjoni ta’ perċentwali ta’ żieda fil-prezz applikabbli għall-konsumatur”

Fil-Kawża C‑518/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Lulju 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Awwissu 2023, fil-proċedura

Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände - Verbraucherzentrale Bundesverband e.V.

vs

NEW Niederrhein Energie und Wasser GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn T. von Danwitz, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala President tas-Sitt Awla, A. Kumin (Relatur) u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għall-Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände - Verbraucherzentrale Bundesverband e.V., minn P. Wassermann, Rechtsanwalt,

–

għal NEW Niederrhein Energie und Wasser GmbH, minn T. Höch, Rechtsanwalt,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Kienapfel, P. Ondrůšek u I. Rubene, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) u (4) tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 86).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände – Verbraucherzentrale Bundesverband e.V. (l-Unjoni Federali taċ-Ċentri u tal-Assoċjazzjonijiet tal-Konsumaturi, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem l-“Unjoni Federali”) u NEW Niederrhein Energie und Wasser GmbH dwar reklamar allegatament qarrieqi għal offerta ta’ provvista ta’ elettriku.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Il-premessi 6, 7, 14 u 18 tad-Direttiva 2005/29 jistipulaw:

“(6)

Din id-Direttiva għalhekk tapprossima l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali, inkluż ir-reklamar żleali, li jagħmel ħsara b’mod dirett lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi u b’hekk jagħmel ħsara b’mod indirett lill-interessi ekonomiċi tal-kompetituri leġittimi. Konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, din id-Direttiva tħares lil konsumaturi mill-konsegwenzi ta’ prattiċi kummerċjali żleali bħal dawn fejn ikunu sostanzjali iżda tagħraf li f’ ċerti każijiet l-impatt fuq il-konsumatur jista’ jkun negliġibbli […]

(7)

Din id-Direttiva tindirizza prattiċi kummerċjali konnessi direttament ma’ l-influwenza fuq id-deċiżjonijiet transazzjonali tal-konsumaturi fir-rigward ta’ prodotti […]

[…]

(14)

Il-prattiċi kummerċjali li jqarrqu għandhom ikopru dawk il-prattiċi, inkluż ir-reklamar qarrieqi, li billi jqarrqu bil-konsumatur, iżommuh milli jagħmel għażla informata u b’hekk effiċjenti. B’konformità mal-liġijiet u prattiċi ta’ l-Istati Membri dwar ir-reklamar qarrieqi, din id-Direttiva tikklassifika prattiċi qarrieqa f’azzjonijiet qarrieqa u ommissjonijiet qarrieqa. Fir-rigward ta’ ommissjonijiet, din id-Direttiva tistabbilixxi numru limitat ta’ elementi ewlenin ta’ tagħrif li l-konsumatur għandu bżonn ikollu sabiex jagħmel deċiżjoni transazzjonali informata. Dan it-tagħrif m’għandux jiġi mogħti f’kull reklam, iżda biss fejn il-kummerċjant jagħmel stedina għax-xiri, li huwa kunċett definit b’mod ċar f’din id-Direttiva. L-approċċ ta’ armonizzazzjoni sħiħa adottat f’din id-Direttiva ma jeskludix lil Stati Membri milli jispeċifikaw fil-liġi nazzjonali tagħhom il-karatteristiċi ewlenin ta’ prodotti partikolari bħal, per eżempju, oġġetti ta’ kollezzjoni jew prodotti elettriċi, li l-ommissjoni tagħhom tkun importanti meta tiġi magħmula stedina għax-xiri […]

[…]

(18)

Huwa xieraq li l-konsumaturi kollha jiġu protetti minn prattiċi kummerċjali żleali; il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja madankollu sabet li […] meta tiddeċiedi każijiet dwar reklamar, ikun meħtieġ li teżamina l-effett fuq konsumatur ipotetiku tipiku. Konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, u sabiex tiġi permessa l-applikazzjoni effettiva tal-protezzjonijiet kontenuti fiha, din id-Direttiva tieħu bħala punt ta’ riferiment il-konsumatur medju, li huwa infurmat raġonevolment tajjeb u raġonevolment attent u kawt, billi tieħu kont ta’ fatturi soċjali, kulturali u lingwistiċi, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja iżda tinkludi disposizzjonijiet li l-għan tagħhom hija l-prevenzjoni ta’ l-isfruttament tal-konsumaturi li l-karatteristiċi tagħhom jagħmluhom partikolarment vulnerabbli għal prattiċi kummerċjali żleali […] L-eżami tal-konsumatur medju mhuwiex eżami statistiku. Il-qrati u l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jeżerċitaw il-fakoltà ta’ ġudizzju tagħhom, filwaqt li jittieħed kont tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiddeterminaw ir-reazzjoni tipika tal-konsumatur medju f’każ determinat”.

4

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

d)

‘prattiċi kummerċjali fin-negozju mal-konsumatur’ […] tfisser kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi;

[…]

i)

‘stedina għax-xiri’ tfisser komunikazzjoni kummerċjali li tindika karatteristiċi tal-prodott u l-prezz f’mod adegwat għall-mezzi ta’ komunikazzjoni kummerċjali li ntużaw u li għalhekk tippermetti l-konsumatur jagħmel xirja;

[…]”

5

L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1.   Prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa meta, fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha u tal-limitazzjonijiet tal-mezz ta’ komunikazzjoni, tħalli barra tagħrif importanti li l-konsumatur medju għandu bżonn, skond il-kuntest, sabiex jieħu deċiżjoni transazzjonali informata u għalhekk tikkawża jew x’aktarx tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra.

2.   Prattika kummerċjali għandha titqies wkoll bħala ommissjoni qarrieqa meta kummerċjant jaħbi jew jipprovdi b’manjiera mhux ċara, mhux intelliġibbli, ambigwa u/jew mhux f’waqtha dak it-tagħrif importanti msemmi fil-paragrafu 1, b’kont meħud tal-kwistjonijiet deskritti f’dak il-paragrafu, jew ma jonqos milli jidentifika l-intenzjoni kummerċjali wara l-prattika kummerċjali jekk din ma tkunx diġà apparenti mill-kuntest u fejn, fi kwalunkwe każ, din tikkawża jew x’aktarx tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra.

3.   Fejn il-mezz użat għall-komunikazzjoni tal-prattika kummerċjali jimponi limitazzjonijiet ta’ spazju jew ta’ żmien, għandu jittieħed kont ta’ dawn il-limitazzjonijiet u ta’ kwalunkwe miżuri meħuda mill-kummerċjant sabiex jagħmel it-tagħrif disponibbli għall-konsumaturi permezz ta’ mezzi oħra meta jiġi deċiż jekk xi tagħrif ġiex imħolli barra.

4.   F’każ ta’ stedina għax-xiri, it-tagħrif li ġej għandu jitqies bħala importanti, jekk ma jkunx diġà apparenti mill-kuntest:

[…]

(ċ)

il-prezz inklużi t-taxxi, jew fejn in-natura tal-prodott tfisser li l-prezz ma jistax b’mod raġonevoli jiġi kalkolat minn qabel, il-mod li bih il-prezz hu kalkolat, kif ukoll, fejn ikun xieraq, kull ammont ta’ ħlas addizzjonali għat-trasport ta’ merkanzija, ħlas ta’ kunsinna jew ħlas postali jew, fejn dawn l-ammonti ta’ ħlas ma jistgħux jiġu raġonevolment kalkolati minn qabel, il-fatt li tali ammonti ta’ ħlas addizzjonali jistgħu jkunu dovuti;

[…]”

Id‑dritt Ġermaniż

6

Il-Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb (il-Liġi li Tipprojbixxi l-Kompetizzjoni Żleali) tat‑3 ta’ Lulju 2004 (BGBl. 2010 I, p. 254), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fit‑28 ta’ Mejju 2022 applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“UWG”), hija intiża, b’mod partikolari, li tittrasponi fid-dritt Ġermaniż id-Direttiva 2005/29.

7

Skont l-Artikolu 5bis(1) u (3) tal-UWG:

“1.   Jaġixxi wkoll b’mod żleali kull min iqarraq b’konsumatur jew b’parteċipant ieħor fis-suq billi jħalli barra informazzjoni importanti

1)

li l-konsumatur jew parteċipant ieħor fis-suq jeħtieġ skont iċ-ċirkustanzi rilevanti sabiex jieħu deċiżjoni kummerċjali informata, u

2)

li l-ommissjoni tagħha tista’ twassal lill-konsumatur jew lil parteċipant ieħor fis-suq sabiex jieħu deċiżjoni kummerċjali li ma kienx jieħu f’ċirkustanzi oħra.

[…]

3.   Sabiex jiġi evalwat jekk informazzjoni importanti tħallietx barra, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni:

1)

limitazzjonijiet ta’ spazju u ta’ ħin minħabba l-mezz ta’ komunikazzjoni magħżul għall-prattika kummerċjali kif ukoll

2)

il-miżuri kollha meħuda mill-bejjiegħ jew fornitur sabiex jagħmel l-informazzjoni disponibbli għall-konsumatur jew għal parteċipant ieħor fis-suq permezz ta’ mezzi oħra għajr il-mezz ta’ komunikazzjoni magħżul għall-prattika kummerċjali”.

8

L-Artikolu 5ter(1) tal-UWG jipprovdi:

“Jekk prodotti jew servizzi jkunu offruti flimkien ma’ indikazzjoni tal-karatteristiċi tagħhom u tal-prezz tagħhom b’mod xieraq fid-dawl tal-mezz ta’ komunikazzjoni użat, b’tali mod li konsumatur medju jkun jista’ jikkonkludi t-tranżazzjoni, l-informazzjoni ċċitata sussegwentement għandha titqies bħala importanti fis-sens tal-Artikolu 5bis(1), sakemm din ma tkunx tirriżulta direttament mill-kuntest:

[…]

3)

il-prezz totali jew, fejn in-natura tal-prodott jew tas-servizz tkun tfisser li l-prezz ma jistax jiġi kkalkolat minn qabel, il-mod li bih il-prezz huwa kkalkolat, kif ukoll, fejn ikun xieraq, l-ispejjeż addizzjonali kollha għat-trasport, għall-kunsinna jew għall-posta jew, meta dawn l-ispejjeż ma jkunux jistgħu jiġu kkalkolati minn qabel, il-fatt li dawn l-ispejjeż jistgħu jkunu dovuti mill-konsumatur;

[…]”

Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

9

NEW Niederrhein Energie und Wasser, li teżerċita l-attività tagħha fit-territorju Ġermaniż kollu, tipprovdi l-elettriku, b’mod partikolari, lil klijenti li għandhom sistema ta’ tisħin tal-elettriku tal-ħażna (iktar ’il quddiem l-“elettriku użat għal finijiet ta’ tisħin”). Għalhekk, din il-kumpannija tbigħ lil dawn il-klijenti, b’mod partikolari, l-elettriku ffatturat b’tariffa mnaqqsa matul is-“sigħat off-peak” li jikkorrispondu għal perijodu ta’ ħin ta’ bil-lejl u intiż għall-provvista ta’ enerġija ta’ din is-sistema.

10

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jsegwi li l-konsum tal-imsemmija klijenti ta’ elettriku użat għal finijiet ta’ tisħin u ta’ elettriku użat għal finijiet oħra jista’ jingħadd separatament jew flimkien. Fil-każ li jingħaddu flimkien, jintuża arloġġ b’tariffa doppja li jkollu żewġ readers li jirreġistraw il-konsum tal-elettriku, wieħed, bit-tariffa mnaqqsa għas-sigħat off-peak, l-ieħor, bit-tariffa sħiħa, applikata matul is-sigħat l-oħra tal-ġurnata.

11

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-klijenti jistgħu jikkonsmaw, matul is-sigħat ta’ applikazzjoni tat-tariffa mnaqqsa, minbarra l-elettriku użat għal finijiet ta’ tisħin, l-elettriku użat għal finijiet oħra, u dan il-konsum tal-aħħar ma jistax jiġi rreġistrat separatament. Ċerti operaturi u operaturi ta’ netwerks ta’ distribuzzjoni tal-elettriku jimponu, f’din is-sitwazzjoni, fuq il-fornituri tal-elettriku kwantità msejħa “ta’ kumpens” (iktar ’il quddiem il-“kwantità ta’ kumpens”), li tikkorrispondi għal fatturazzjoni bit-tariffa sħiħa ta’ parti mill-konsum tal-elettriku ffatturat bit-tariffa mnaqqsa u li hija ppreżentata fil-forma ta’ perċentwali fissa.

12

Fuq is-sit internet tagħha, www.new-energie.de, NEW Niederrhein Energie und Wasser, li tgħaddi lill-klijenti tagħha l-kwantità ta’ kumpens stabbilita mill-operaturi tan-netwerks ta’ distribuzzjoni tal-elettriku, tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku simulatur ta’ tariffi tal-elettriku. Dan tal-aħħar jista’ jintuża wkoll mill-persuni li jikkonsmaw l-elettriku użat għal finijiet ta’ tisħin u li għandhom arloġġ b’tariffa doppja. Il-persuni kkonċernati għandhom, għal dan l-għan, jintroduċu l-kodiċi postali tagħhom kif ukoll il-kwantitajiet ta’ elettriku li huma jkunu kkonsmaw jew li jikkorrispondu għall-bżonn tagħhom abbażi tat-tariffa mnaqqsa u tat-tariffa sħiħa, rispettivament. Dan is-simulatur jikkalkola għalhekk offerta ta’ tariffi li huma jistgħu jaċċettaw u, għaldaqstant, jikkonkludu kuntratt ta’ provvista tal-elettriku ma’ NEW Niederrhein Energie und Wasser.

13

Skont l-Unjoni Federali, l-assenza ta’ indikazzjoni, waqt l-użu tal-imsemmi simulatur, tal-kwantità ta’ kumpens mgħoddija fuq il-konsumatur ikkonċernat tikkostitwixxi ksur tal-projbizzjoni ta’ ommissjoni qarrieqa u, għaldaqstant, tal-UWG. Fil-fatt, il-prezz definittiv muri mis-simulatur tat-tariffi huwa inqas mill-prezz reali, peress li ma jiħux inkunsiderazzjoni l-perċentwali miżmum bħala l-kwantità ta’ kumpens.

14

L-Unjoni Federali talbet lill-qrati Ġermaniżi kompetenti, kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell, sabiex jikkundannaw lil NEW Niederrhein Energie und Wasser sabiex tieqaf, b’mod partikolari, milli tirreklama offerta ta’ provvista ta’ elettriku użat għal finijiet ta’ tisħin mingħajr ma jkun indikat espressament lill-konsumatur, fil-kuntest tal-proċess kuntrattwali u, b’mod iktar preċiż, f’dak li jirrigwarda l-metodu ta’ fatturazzjoni ta’ dan l-elettriku, il-perċentwali miżmum bħala l-kwantità ta’ kumpens u applikat fil-każ ta’ kontabbiltà konġunta tal-konsum tal-imsemmi elettriku u ta’ dak użat għal finijiet oħra, permezz ta’ arloġġ b’tariffa doppja.

15

Peress li dawk il-qrati ċaħdu dawn it-talbiet, l-Unjoni Federali ppreżentat rikors għal reviżjoni quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), il-qorti tar-rinviju, billi tenniet it-talba tagħha intiża għall-waqfien ta’ dan ir-reklamar.

16

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jsegwi li l-kundizzjonijiet ġenerali ta’ bejgħ tal-konvenuta fil-kawża prinċipali, li l-persuna kkonċernata għandha tikkonferma li saret taf bihom waqt il-proċess ta’ aċċettazzjoni, fuq l-internet, tal-offerta relatata mal-provvista ta’ elettriku użat, b’mod partikolari, għal finijiet ta’ tisħin, jippreċiżaw li huwa l-operatur tan-netwerk lokali ta’ distribuzzjoni tal-elettriku li għandu jiddetermina l-ammont ta’ ħin ta’ bil-lejl u l-perċentwali miżmum skont l-ammont ta’ kumpens. Huwa ddikjarat ukoll li dan tal-aħħar ġie ffissat għal 25 % mill-operatur tan-netwerk għaż-żona ġeografika li taħtha taqa’ s-sede tal-konvenuta fil-kawża prinċipali.

17

Il-qorti tar-rinviju tqis li r-reklamar għal offerta ta’ provvista ta’ elettriku li jirriżulta mit-tqegħid għad-dispożizzjoni, mill-fornitur, ta’ simulatur ta’ tariffi online jikkostitwixxi “stedina għax-xiri”, fis-sens tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża rilevanti li tittrasponi, b’mod partikolari, l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2005/29.

18

Issa, skont dik il-qorti, peress li d-deċiżjoni kummerċjali finali tal-konsumatur, jiġifieri dik li jiġi konkluż kuntratt ta’ provvista tal-elettriku, toriġina mill-impenn tal-proċess kuntrattwali, l-indikazzjoni mill-konvenuta fil-kawża prinċipali fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ tagħha tal-perċentwali użata abbażi tal-kwantità ta’ kumpens applikabbli ma hijiex xierqa sabiex tissodisfa, b’mod partikolari minn perspettiva ratione temporis, l-obbligu ta’ informazzjoni impost fuqha. B’mod partikolari, l-informazzjoni dwar kif jiġi kkalkolat il-prezz iffatturat jeħtieġ li tiġi pprovduta fil-kuntest tal-użu tas-simulatur, filwaqt li jiġi speċifikat il-perċentwal eżatt skont l-ammont ta’ kumpens applikabbli għall-persuna kkonċernata. Għalhekk, l-inklużjoni ta’ dan il-perċentwali fil-kalkolu tal-prezz tal-elettriku tippermetti lill-konsumaturi jqabblu l-offerta tal-konvenuta fil-kawża prinċipali ma’ dik ta’ fornituri oħra.

19

L-imsemmija qorti tqis li jkun hemm lok li tintlaqa’ l-azzjoni għal inġunzjoni mressqa quddiemha mill-Unjoni federali jekk jiġi kkunsidrat li l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-konvenuta fil-kawża prinċipali, skont l-Artikolu 7(1) u (4)(ċ) tad-Direttiva 2005/29, fir-rigward tal-mod kif il-prezz huwa kkalkolat, għandha tintegra l-perċentwali eżatta adottata abbażi tal-ammont ta’ kumpens, b’tali mod li l-persuna kkonċernata, li taf il-konsum tal-elettriku tagħha, tkun tista’ tipproċedi b’mod awtonomu għall-kalkolu ta’ dan il-prezz. Tali interpretazzjoni hija konformi mal-għan ta’ din id-direttiva li hija intiża li tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, u tista’ tiġi dedotta mill-kuntest leġiżlattiv li fih jaqa’ dan l-Artikolu 7(4)(ċ) tad-Direttiva 2005/29.

20

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-konsumatur għandu bżonn tali informazzjoni sabiex jieħu deċiżjoni kummerċjali informata, u tqis li l-ommissjoni ta’ din l-informazzjoni importanti tista’ twasslu sabiex jieħu deċiżjoni kummerċjali li kieku ma kienx jieħu f’ċirkustanzi oħra.

21

Barra minn hekk, dik il-qorti ssostni li, minkejja li l-istanza tal-appell ikkunsidrat li l-konvenuta fil-kawża prinċipali ma kinitx f’pożizzjoni li tindika l-informazzjoni dwar il-perċentwali eżatta relatata mal-ammont ta’ kumpens applikabbli fiż-żona ġeografika koperta minn netwerk partikolari, sa fejn l-operaturi ta’ netwerks ta’ distribuzzjoni tal-elettriku rarament jippubblikaw din l-informazzjoni, dik l-istanza, madankollu, ma kkonstatatx l-impossibbiltà għall-konvenuta fil-kawża prinċipali li tikseb l-imsemmija informazzjoni mingħand dawn l-operaturi.

22

Madankollu, l-imsemmija qorti tirrileva li l-espressjoni “il-mod li bih il-prezz hu kalkolat”, li tinsab fl-Artikolu 7(4)(ċ) tad-Direttiva 2005/29, tista’ wkoll tiġi interpretata fis-sens li informazzjoni ġenerali tal-konsumatur dwar l-elementi rilevanti tal-kalkolu tal-prezz tista’ tirriżulta suffiċjenti.

23

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-informazzjoni li kummerċjant għandu jikkomunika skont l-Artikolu 7(1) u (4)(ċ) tad-[Direttiva 2005/29] rigward il-mod li bih il-prezz huwa kkalkulat f’każ ta’ tarifikazzjoni bbażata fuq il-konsum għandha tiġi pprovduta b’tali mod li l-konsumatur ikun jista’, jekk ikollu għarfien tal-konsum li jikkonċerna lilu, jipproċedi b’mod awtonomu, fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni, għal kalkolu tal-prezz?”

Fuq id‑domanda preliminari

24

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li mid-deċiżjoni tar-rinviju jsegwi li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk is-simulatur ta’ tariffi disponibbli fuq is-sit internet tal-fornitur tal-elettriku, li jippermetti lill-konsumatur ikkonċernat jikkalkola l-prezz mensili li għandu jitħallas għall-elettriku użat, b’mod partikolari, għal finijiet ta’ tisħin, għandux jinkludi l-indikazzjoni dwar il-perċentwali eżatta relatata mal-ammont ta’ kumpens applikata mill-fornitur tal-elettriku lil dan il-konsumatur, b’tali mod li dan tal-aħħar, li jaf il-konsum tal-elettriku tiegħu, ikun jista’ jipproċedi b’mod awtonomu għall-kalkolu ta’ dan il-prezz.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(1) u (4)(ċ) tad-Direttiva 2005/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ reklamar fuq l-internet għal offerta ta’ provvista ta’ elettriku, l-informazzjoni relatata mal-mod kif il-prezz huwa kkalkolat għandha tinkludi l-perċentwali eżatta ta’ komponent varjabbli, bħall-ammont ta’ kumpens, applikata mill-fornitur tal-elettriku lill-konsumatur ikkonċernat, b’tali mod li dan tal-aħħar, hekk kif ikun jaf il-konsum tal-elettriku tiegħu, ikun jista’ jipproċedi b’mod awtonomu għall-kalkolu ta’ dan il-prezz.

26

Għandu jitfakkar li hija biss prattika kummerċjali kklassifikata preċedentement bħala “stedina għax-xiri” li hija koperta mill-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2005/29, filwaqt li l-prattiki kummerċjali kollha, inklużi l-istediniet għax-xiri, huma suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 7(1) sa (3) u (5) ta’ din id-direttiva (sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2011, Ving Sverige, C‑122/10, EU:C:2011:299, punt 24).

27

Peress li l-qorti tar-rinviju tqis li r-reklamar għal offerta ta’ provvista ta’ elettriku permezz ta’ simulatur ta’ tariffi mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-konsumatur fuq is-sit internet tal-fornitur tal-elettriku jikkostitwixxi “stedina għax-xiri”, fis-sens tal-Artikolu 2(i) tad-Direttiva 2005/29, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni tiddefinixxi dan il-kunċett bħala “komunikazzjoni kummerċjali li tindika karatteristiċi tal-prodott u l-prezz f’mod adegwat għall-mezzi ta’ komunikazzjoni kummerċjali li ntużaw u li għalhekk tippermetti l-konsumatur jagħmel xirja”.

28

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, bħala forma partikolari ta’ reklamar, l-istedina għax-xiri hija suġġetta għal obbligu msaħħaħ ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2005/29, moqri flimkien mal-premessa 14 ta’ din tal-aħħar (sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2011, Ving Sverige, C‑122/10, EU:C:2011:299, punt 28).

29

Għalhekk, kull stedina għax-xiri għandha tinkludi ammont ta’ informazzjoni essenzjali, elenkata fl‑Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2005/29, li l-konsumatur għandu bżonn sabiex jieħu deċiżjoni kummerċjali informata. Din l-informazzjoni tinkludi, konformement mal-punt (ċ) ta’ din id-dispożizzjoni, il-prezz inklużi t-taxxi, jew, fejn in-natura tal-prodott tfisser li l-prezz ma jistax jiġi raġonevolment ikkalkolat minn qabel, il-mod li bih il-prezz huwa kkalkolat.

30

Mill-kliem tal-Artikolu 7(4)(ċ) tad-Direttiva 2005/29 jirriżulta, qabelxejn, li għandha ssir distinzjoni bejn l-indikazzjoni tal-prezz finali u dik relatata mal-mod kif dan il-prezz huwa kkalkolat, sussegwentement, li hija n-natura tal-prodott li tiddetermina s-sitwazzjoni li fiha l-imsemmi prezz ma jistax raġonevolment jiġi kkalkolat minn qabel mill-bejjiegħ jew fornitur, u, fl-aħħar nett, li, jekk il-bejjiegħ jew fornitur ma jkunx jista’ jindika dan l-istess prezz, huwa għandu jindika l-modalitajiet li abbażi tagħhom dan huwa kkalkolat jew, fi kliem ieħor, il-metodu ta’ kalkolu tal-prezz finali.

31

Għaldaqstant, meta l-prezz finali tal-provvista tal-elettriku ma jistax raġonevolment jiġi kkalkolat minn qabel, peress li jista’ jiddependi minn ċerti elementi, bħal, pereżempju, spejjeż sostnuti minn fornitur tal-elettriku, iżda li huma indipendenti mir-rieda ta’ dan tal-aħħar u varjabbli jew inkella, bħalma tirrileva l-qorti tar-rinviju, il-kwantità ta’ elettriku effettivament ikkonsmat mill-konsumatur, l-informazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ element bħal perċentwali ta’ żieda abbażi tal-ammont ta’ kumpens, inkluż mill-bejjiegħ jew fornitur fil-prezz finali, taqa’ taħt “il-mod li bih il-prezz hu kalkolat”, fis-sens tal-Artikolu 7(4)(ċ) tad-Direttiva 2005/29 u, bħala tali, tikkostitwixxi informazzjoni sostanzjali li l-konsumatur għandu bżonn sabiex jieħu deċiżjoni kummerċjali informata.

32

Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2005/29, stedina għax-xiri, bħar-reklamar inkwistjoni fil-kawża prinċipali, titqies li hija qarrieqa jekk din tħalli barra informazzjoni importanti li l-konsumatur medju għandu bżonn, fid-dawl tal-kuntest, sabiex jieħu deċiżjoni kummerċjali informata u għalhekk twasslu jew tista’ twasslu jieħu deċiżjoni kummerċjali li ma kienx jieħu f’ċirkustanzi oħra.

33

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li informazzjoni importanti, bħall-indikazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ perċentwali ta’ żieda skont l-ammont ta’ kumpens, għandha tidher fi stedina għax-xiri bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, meta l-konsumatur medju, fid-dawl tal-kuntest, ikollu bżonnha sabiex jieħu deċiżjoni kummerċjali informata.

34

Għandu jiġi rrilevat li, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/29, il‑kunċett ta’ “konsumatur” għandu importanza kbira. Din id-direttiva tinkludi bħala kriterju ta’ evalwazzjoni l-konsumatur medju li huwa normalment informat u raġonevolment attent u kawt, fid-dawl tal-fatturi soċjali, kulturali u lingwistiċi (sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2011, Ving Sverige, C‑122/10, EU:C:2011:299, punt 22).

35

Għalhekk, fir-rigward tan-natura qarrieqa ta’ reklamar, il-qrati nazzjonali għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-perċezzjoni tal-konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat (sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2011, Ving Sverige, C‑122/10, EU:C:2011:299, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Għandu jingħad ukoll li, bħalma jirriżulta mill-premessa 18 tad-Direttiva 2005/29, il-kunċett ta’ “konsumatur medju” ma huwiex kunċett statistiku u li, sabiex tiġi ddeterminata r-reazzjoni tipika ta’ dan il-konsumatur f’sitwazzjoni partikolari, il-qrati u l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jużaw il-ġudizzju rispettiv tagħhom.

37

Dan ingħad, il-formulazzjoni tal-Artikolu 7(4)(ċ) tad-Direttiva 2005/29 ma tippreskrivix lill-bejjiegħ jew fornitur il-mod kif għandu jinforma lill-konsumatur bil-modalitajiet ta’ kalkolu tal-prezz.

38

Barra minn hekk, minħabba n-natura tal-prodott ikkonċernat u, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet ta’ produzzjoni, ta’ provvista jew ukoll ta’ użu finali ta’ dan il-prodott, il-bejjiegħ jew fornitur jista’ ma jkunx f’pożizzjoni li jkollu, minn qabel u b’mod preċiż, il-komponenti kollha tal-prezz finali, b’tali mod li ma jkunx jista’ jikkomunika lill-konsumatur il-metodu ta’ kalkolu ta’ dan il-prezz b’mod li l-persuna kkonċernata tkun tista’ tipproċedi hija stess għal dan il-kalkolu.

39

Għaldaqstant, il-livell ta’ informazzjoni dwar il-mod kif il-prezz huwa kkalkolat ma jistax jimplika li l-konsumatur għandu jkun f’pożizzjoni, abbażi ta’ din l-informazzjoni, li jipproċedi huwa stess għall-kalkolu ta’ dan il-prezz u li b’hekk jasal għal riżultat ta’ numru definittiv.

40

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2005/29 ma tinkludi ebda rekwiżit preċiż fir-rigward tal-livell u tal-mezz li għandu jkollha informazzjoni importanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Frar 2017, Carrefour Hypermarchés, C‑562/15, EU:C:2017:95, punt 37).

41

Għalhekk, informazzjoni dwar il-mod kif il-prezz huwa kkalkolat, fis-sens tal-Artikolu 7(4)(ċ) ta’ din id-direttiva, tista’ tippreżenta ruħha, pereżempju, fil-forma ta’ firxa ta’ perċentwali, jew ta’ perċentwali preċiża iżda kundizzjonali fl-applikazzjoni tagħha, jew inkella ta’ perċentwali stabbilita minn qabel iżda akkumpanjata mill-indikazzjoni li l-livell tagħha jista’ jvarja maż-żmien minħabba elementi varjabbli indipendenti mir-rieda tal-bejjiegħ jew fornitur.

42

Tali interpretazzjoni tal-Artikolu 7(4)(ċ) tad-Direttiva 2005/29 hija kkorroborata mill-eżami tal-istruttura ġenerali tal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva.

43

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li, konformement mal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/29, stedina għax-xiri, bħar-reklamar inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tinkludi ommissjoni qarrieqa, b’mod partikolari, meta l-bejjiegħ jew fornitur jaħbi l-informazzjoni dwar il-mod kif il-prezz huwa kkalkolat jew jipprovdiha b’mod mhux ċar, mhux intelliġibbli, ambigwu jew mhux f’waqtu u meta, fi kwalunkwe każ, il-konsumatur medju b’hekk jitwassal jew jista’ jasal sabiex jieħu deċiżjoni kummerċjali li ma kienx jieħu f’ċirkustanzi oħra.

44

Minn dan jirriżulta li l-bejjiegħ jew fornitur għandu jindika l-elementi kollha li jikkostitwixxu l-kalkolu tal-prezz. Bl-istess mod, kull wieħed minn dawn l-elementi għandu jiġi kkomunikat mill-bejjiegħ jew fornitur b’tali mod li l-konsumatur medju jkun f’pożizzjoni li jieħu deċiżjoni kummerċjali b’għarfien sħiħ tal-fatti.

45

Fit-tieni lok, konformement mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2005/29, in-natura qarrieqa tal-prattika kummerċjali għandha tiġi evalwata fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kuntest fattwali ta’ din il-prattika, tal-karatteristiċi kollha tagħha kif ukoll tal-limiti rispettivi tal-mezz ta’ komunikazzjoni użat. L-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva jipprevedi, min-naħa tiegħu, li, sabiex jiġi ddeterminat jekk xi informazzjoni tħallietx barra, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-limitazzjonijiet ta’ spazju u ta’ żmien tal-mezz tal-komunikazzjoni użati kif ukoll il-miżuri meħuda mill-bejjiegħ jew fornitur sabiex jagħmel din l-informazzjoni disponibbli għall-konsumaturi permezz ta’ mezzi oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2011, Ving Sverige, C‑122/10, EU:C:2011:299, punti 53 u 54).

46

Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-portata tal-informazzjoni dwar il-mod kif il-prezz huwa kkalkolat u li għandha tiġi kkomunikata minn bejjiegħ jew fornitur fil-kuntest ta’ stedina għax-xiri għandha tiġi evalwata skont, b’mod partikolari, il-kuntest fattwali ta’ din l-istedina għax-xiri u l-mezz ta’ komunikazzjoni użat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Mejju 2011, Ving Sverige, C‑122/10, EU:C:2011:299, punt 55, u tas‑26 ta’ Ottubru 2016, Canal Digital Danmark, C‑611/14, EU:C:2016:800, punt 27).

47

Il-qorti tar-rinviju tindika li la huwa stabbilit u lanqas manifest li l-mezz ta’ komunikazzjoni użat għall-finijiet tal-prattika kummerċjali kkonċernata, jiġifieri simulatur ta’ tariffi disponibbli fuq is-sit internet tal-konvenuta fil-kawża prinċipali, jimponi limitazzjonijiet ta’ spazju jew ta’ ħin.

48

Madankollu, sabiex tiġi ddeterminata l-portata tal-informazzjoni li l-bejjiegħ jew fornitur għandu jikkomunika dwar il-metodu ta’ kalkolu tal-prezz, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest fattwali li fih jidħol ir-reklamar inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

49

F’dan ir-rigward, minn naħa, il-konvenuta fil-kawża prinċipali ssostni, aspett li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika, li hija ma hijiex raġonevolment f’pożizzjoni li tindika, fir-reklamar tagħha, il-perċentwali eżatta relatata mal-ammont ta’ kumpens. Hija tallega għalhekk li l-operaturi tan-netwerks ta’ distribuzzjoni tal-elettriku stabbiliti fit-territorju Ġermaniż iżommu, xi drabi, perċentwali differenti u varjabbli maż-żmien, b’tali mod li, jekk hija kellha tindika f’ħin reali lill-konsumaturi l-ammont eżatt ta’ tali perċentwali, hija jkollha tistaqsi ta’ kuljum lil dawn l-operaturi kollha dwar kull modifika eventwali ta’ dan l-element. Issa, tali mod ta’ kif wieħed jipproċedi jkun juża, skont il-konvenuta fil-kawża prinċipali, riżorsi sproporzjonati.

50

Min-naħa l-oħra, mid-deċiżjoni tar-rinviju jsegwi li r-reklamar li juri l-proposti tariffarji ġġenerati mis-simulatur tat-tariffi jinkludi ħolqa għall-kundizzjonijiet ġenerali ta’ bejgħ applikati mill-konvenuta fil-kawża prinċipali. F’dan id-dokument, din tal-aħħar tindika lill-konsumatur li huwa l-operatur tan-netwerk lokali li jiddetermina l-parti tal-ħin ta’ bil-lejl li tikkorrispondi għall-applikazzjoni tat-tariffa mnaqqsa kif ukoll il-perċentwali miżmum skont l-ammont ta’ kumpens u li dan tal-aħħar ġie ffissat għal 25 % mill-operatur tan-netwerk lokali għaż-żona ġeografika li fiha jinsab l-uffiċċju rreġistrat tiegħu.

51

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fil-kuntest fattwali tal-istedina għax-xiri inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jistax jitqies, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, li din l-istedina tinkludi “ommissjoni qarrieqa” fis-sens tal-Artikolu 7(1) u (4) tad-Direttiva 2005/29, sakemm il-ħolqa għall-kundizzjonijiet ġenerali ta’ bejgħ, li fihom jinsabu indikazzjonijiet dwar il-perċentwali adottata skont il-kwantità ta’ kumpens, tintwera b’mod viżibbli u li l-aċċettazzjoni tal-offerta mill-konsumatur tkun suġġetta teknikament għall-konferma mogħtija minnu tal-għarfien ta’ dawn il-kundizzjonijiet, li jippermetti li jiġi ggarantit li dan il-konsumatur jieħu d-deċiżjoni kummerċjali tiegħu b’għarfien sħiħ tal-fatti.

52

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 7(1) u (4)(ċ) tad-Direttiva 2005/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ stedina għax-xiri mwettqa permezz ta’ komunikazzjoni kummerċjali online, l-informazzjoni relatata mal-mod kif il-prezz huwa kkalkolat ma għandhiex neċessarjament tinkludi l-perċentwali eżatta ta’ komponent varjabbli bħall-ammont ta’ kumpens applikat mill-fornitur tal-elettriku lill-konsumatur ikkonċernat, b’tali mod li dan tal-aħħar, hekk kif ikun jaf il-konsum tal-elettriku tiegħu, ikun jista’ jipproċedi b’mod awtonomu għall-kalkolu ta’ dan il-prezz, sakemm din il-komunikazzjoni tindika l-applikabbiltà bħala prinċipju ta’ tali perċentwali, flimkien mal-ammont possibbli tagħha u ta’ elementi li għandhom effett fuqu, u b’hekk tippermetti lill-konsumatur medju jieħu d-deċiżjoni kummerċjali tiegħu b’għarfien sħiħ tal-fatti.

Fuq l‑ispejjeż

53

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 7(1) u (4)(ċ) tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali),

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

fil-każ ta’ stedina għax-xiri mwettqa permezz ta’ komunikazzjoni kummerċjali online, l-informazzjoni relatata mal-mod kif il-prezz huwa kkalkolat ma għandhiex neċessarjament tinkludi l-perċentwali eżatta ta’ komponent varjabbli bħall-ammont ta’ kumpens applikat mill-fornitur tal-elettriku lill-konsumatur ikkonċernat, b’tali mod li dan tal-aħħar, hekk kif ikun jaf il-konsum tal-elettriku tiegħu, ikun jista’ jipproċedi b’mod awtonomu għall-kalkolu ta’ dan il-prezz, sakemm din il-komunikazzjoni tindika l-applikabbiltà bħala prinċipju ta’ tali perċentwali, flimkien mal-ammont possibbli tagħha u ta’ elementi li għandhom effett fuqu, u b’hekk tippermetti lill-konsumatur medju jieħu d-deċiżjoni kummerċjali tiegħu b’għarfien sħiħ tal-fatti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.