6.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 213/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/966

tal-1 ta’ Lulju 2020

li jtemm rieżami ta’ “esportatur ġdid” tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1379 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal produttur esportatur Ċiniż wieħed, li jimponi d-dazju fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ dak il-produttur u li jtemm ir-reġistrazzjoni ta’ dawn l-importazzjonijiet

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikoli 11(4) u 14(5) tiegħu,

Billi:

1.   MIŻURI FIS-SEĦĦ

(1)

Permezz tar-Regolament (KEE) Nru 2474/93 (2) (“l-investigazzjoni oriġinali”), il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv ta’ 30,6 % fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ”). Minn dak iż-żmien segwew diversi investigazzjonijiet tad-difiża tal-kummerċ li emendaw il-miżuri inizjali.

(2)

Bir-Regolament (UE) Nru 502/2013 (3), il-Kunsill, wara rieżami interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, emenda l-miżuri. F’din l-investigazzjoni, il-kampjunar ma ġiex applikat għall-produtturi esportaturi fir-RPĊ u nżamm id-dazju anti-dumping mal-pajjiż kollu ta’ 48,5 %, abbażi tal-marġni tad-dumping, li ġie stabbilit mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1095/2005 (4).

(3)

Il-miżuri li hemm fis-seħħ bħalissa huma miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1379 (5).

2.   INVESTIGAZZJONI ATTWALI

(4)

Fis-27 ta’ Mejju 2019, il-Kummissjoni rċeviet talba biex tniedi rieżami ta’ “esportatur ġdid” skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku. It-talba tressqet minn Universal Cycle Corporation (Guangzhou) Co. Ltd. (“l-applikant”), produttur esportatur ta’ roti fir-RPĊ, li l-esportazzjonijiet tiegħu lejn l-Unjoni huma soġġetti għad-dazju anti-dumping definittiv ta’ 48,5 %. L-applikant stqarr li huwa ma esportax roti lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni li fuqu kienu bbażati l-miżuri anti-dumping (mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2011), li beda jesporta l-prodott taħt rieżami lejn l-Unjoni minn Settembru 2018, u li ma kien relatat mal-ebda produttur esportatur ta’ roti li huwa soġġett għall-miżuri fis-seħħ.

(5)

Il-Kummissjoni qieset li l-evidenza prima facie ppreżentata mill-applikant kienet suffiċjenti biex tiġġustifika li jingħata bidu għal rieżami skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku. Wara li l-produtturi tal-Unjoni ngħataw opportunità sabiex jikkummentaw, il-Kummissjoni nediet rieżami tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1379 fir-rigward tal-applikant, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2149 (6).

(6)

Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2149, id-dazju anti-dumping impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1379 tħassar fir-rigward tal-applikant. Fl-istess waqt, skont l-Artikoli 11(4) u 14(5) tar-Regolament bażiku u kif iddikjarat fl-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2149, il-Kummissjoni tat struzzjonijiet lill-awtoritajiet doganali biex jirreġistraw l-importazzjonijiet tal-applikant.

(7)

Fid-9 ta’ Jannar 2020, l-applikant irtira formalment it-talba tiegħu għal rieżami ta’ “esportatur ġdid”. Konsegwentement, il-Kummissjoni qieset li jenħtieġ li l-investigazzjoni għar-rieżami tintemm.

3.   DIVULGAZZJONI

(8)

Il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet interessati bl-intenzjoni li l-investigazzjoni tar-rieżami tintemm, li timponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet mill-Universal Cycle Corporation (Guangzhou) Co. Ltd u li dan id-dazju jiġi impost retroattivament fuq l-importazzjonijiet soġġetti għal reġistrazzjoni skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2149. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jikkummentaw. Ma wasal l-ebda kumment.

4.   IMPOŻIZZJONI RETROATTIVA TAD-DAZJU ANTI-DUMPING

(9)

Fid-dawl tas-sejbiet deskritti hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li jenħtieġ li r-rieżami li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ roti manifatturati mill-applikant u li joriġinaw mir-RPĊ jintemm. Konsegwentement, jenħtieġ li r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet tal-applikant tintemm u d-dazju għall-pajjiż kollu applikabbli għall-kumpaniji l-oħra kollha (48,5 %), impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1379 jiġi impost retroattivament fuq dawn l-importazzjonijiet mid-data ta’ bidu ta’ dan ir-rieżami.

(10)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat imwaqqaf mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-rieżami ta’ “esportatur ġdid” imniedi mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2149 huwa b’dan mitmum.

Artikolu 2

1.   Id-dazju anti-dumping applikabbli għall-kumpaniji l-oħra kollha (kodiċi addizzjonali TARIC B999) fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1379 huwa b’dan impost fuq l-importazzjonijiet identifikati fl-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2149.

2.   Id-dazju anti-dumping imsemmi fil-paragrafu 1 huwa b’dan impost b’effett mis-17 ta’ Diċembru 2019 fuq l-importazzjonijiet ta’ roti, li ġew irreġistrati skont l-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni (UE) 2019/2149.

Artikolu 3

1.   B’dan, l-awtoritajiet doganali huma mitluba jwaqqfu r-reġistrazzjoni ta’ importazzjonijiet imwettqa skont l-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2149.

2.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Lulju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2474/93 tat-8 ta’ Settembru 1993 li jimponi dazju definittiv anti-dumping lejn il-Komunità ta’ biċikletti li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u jiġbor definittivament id-dazju proviżorju anti-dumping (ĠU L 228, 9.9.1993, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 502/2013 tad-29 ta’ Mejju 2013 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 990/2011 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara rieżami interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 153, 5.6.2013, p. 17).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1095/2005 tat-12 ta’ Lulju 2005 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw fil-Vjetnam, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1524/2000 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 183, 14.7.2005, p. 1).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1379 tat-28 ta’ Awwissu 2019 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina kif estiż għall-importazzjonijiet ta’ roti kkunsinjati mill-Indoneżja, mill-Malasja, mis-Sri Lanka, mit-Tuneżija, mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippini, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw minn dawn il-pajjiżi kif ukoll jekk le, wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036(ĠU L 225, 29.8.2019, p. 1).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2149 tat-13 ta’ Diċembru 2019 li jniedi rieżami ta’ “esportatur ġdid” tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1379 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal produttur esportatur Ċiniż wieħed, li jħassar id-dazju fir-rigward tal-importazzjonijiet minn dak il-produttur esportatur u li jagħmel dawn l-importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni (ĠU L 325, 16.12.2019, p. 159).