SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla)
23 ta’ Jannar 2025 ( *1 )
“Appell – Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ għajnuna – Miżuri intiżi li jsostnu lill-kumpanniji tal-ajru detenturi ta’ liċenzja ta’ operat nazzjonali fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19 – Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li ma tqajjimx oġġezzjonijiet – Obbligu ta’ motivazzjoni”
Fil-Kawża C‑490/23 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl‑1 ta’ Awwissu 2023,
Neos SpA, stabbilita f’Somma Lombardo (l-Italja), irrappreżentata minn A. Cogoni u M. Merola, avvocati,
appellanti,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
Ryanair DAC, stabbilita fi Swords (l-Irlanda), irrappreżentata minn F.‑C. Laprévote u E. Vahida, avocats, D. Pérez de Lamo u S. Rating, abogados,
rikorrenti fl-ewwel istanza,
Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Carpi Badía, L. Flynn u F. Tomat, bħala aġenti,
konvenuta fl-ewwel istanza,
Blue panorama airlines SpA, stabbilita f’Somma Lombardo,
Air Dolomiti SpA – Linee aeree regionali Europee, stabbilita f’Villafranca di Verona (l-Italja), irrappreżentata minn A. Cogoni u M. Merola, avvocati,
intervenjenti fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla),
komposta minn C. Lycourgos, President tat-Tielet Awla li qiegħed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, S. Rodin (Relatur) u O. Spineanu‑Matei, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Emiliou,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tal-appell tagħha, Neos SpA titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑24 ta’ Mejju 2023, Ryanair vs Il‑Kummissjoni (L-Italja; skema ta’ għajnuna; COVID‑19) (T‑268/21, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2023:279), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 9625 final tat‑22 ta’ Diċembru 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.59029 (2020/N) – L-Italja – COVID 19: Skema ta’ kumpens għall-kumpanniji tal-ajru detenturi ta’ liċenzja maħruġa mill-awtoritajiet Taljani (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kontenzjuża”). |
Il‑fatti li wasslu għall‑kawża u d‑Deċiżjoni kontenzjuża
|
2 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża, hekk kif jirriżultaw mis-sentenza appellata, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej. |
|
3 |
Permezz tad-decreto‑legge n. 34 – Misure urgenti in materia di salute, sostegno al lavoro e all’economia, nonche’ di politiche sociali connesse all’emergenza epidemiologica da COVID-19 (id-Digriet‑Liġi Nru 34 li Jistabbilixxi Miżuri Urġenti fil-Qasam tas-Saħħa, tas-Sostenn għax-Xogħol u għall-Ekonomija, kif ukoll tal-Politiki Soċjali Sussegwenti għas-Sitwazzjoni Epidemjoloġika Marbuta mal-COVID‑19) tad‑19 ta’ Mejju 2020 (GURI Nru 128, tad‑19 ta’ Mejju 2020, suppliment ordinarju Nru 21), kif emendat u sar liġi permezz tal-Liġi Nru 77, tas‑17 ta’ Lulju 2020 (GURI Nru 180, tat‑18 ta’ Lulju 2020, suppliment ordinarju Nru 25) (iktar ’il quddiem id-“Digriet‑Liġi Nru 34/2020”), l-awtoritajiet Taljani ħolqu fond ta’ kumpens għad-danni sostnuti mis-settur tal-ajru fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19 ta’ ammont ta’ EUR 130 miljun (iktar ’il quddiem il-“miżura inkwistjoni”). |
|
4 |
Fl‑14 ta’ Awwissu 2020, l-awtoritajiet Taljani adottaw id-decreto‑legge n. 104 – Misure urgenti per il sostegno e il rilancio dell’economia (id-Digriet‑Liġi Nru 104 Li Jistabbilixxi Miżuri Urġenti Insostenn u għall-Irkupru tal-Ekonomija) (GURI Nru 203, tal‑14 ta’ Awwissu 2020, suppliment ordinarju Nru 30). Dan id-digriet‑liġi kien jawtorizza, fl-istennija tat-tlestija tal-proċedura prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE, lill-Ministru għall-Infrastruttura u għat-Trasport tar-Repubblika Taljana jagħti, bil-quddiem, sussidji ffinanzjati mill-fond maħluq mid-Digriet‑Liġi Nru 34/2020 ta’ ammont totali li ma jaqbiżx EUR 50 miljun lill-kumpanniji tal-ajru li kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 198 tad-Digriet‑Liġi Nru 34/2020. |
|
5 |
Fil‑15 ta’ Ottubru 2020, konformement mal-Artikolu 108(3) TFUE, ir-Repubblika Taljana kkomunikat lill-Kummissjoni Ewropea l-miżura inkwistjoni. |
|
6 |
Erba’ kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-benefiċċju tal-miżura inkwistjoni huma stabbiliti fl-Artikolu 198 tad-Digriet‑Liġi Nru 34/2020. L-ewwel nett, il-kumpannija tal-ajru ma għandhiex tkun il-benefiċjarja ta’ fond maħluq minn digriet‑liġi ieħor li jipprevedi kumpens għad-danni kkawżati mill-pandemija tal-COVID‑19 għall-kumpanniji tal-ajru detenturi ta’ liċenzja maħruġa mill-awtoritajiet Taljani u inkarigati mill-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet‑liġi. It-tieni nett, il-kumpannija tal-ajru għandu jkollha ċertifikat ta’ trasportatur tal-ajru validu u għandha tkun detentriċi ta’ liċenzja Taljana. It-tielet nett, il-kapaċità tal-ajruplani tal-kumpannija tal-ajru għandha tkun ogħla minn 19‑il post. Ir-raba’ nett, il-kumpannija tal-ajru għandha tagħti lill-impjegati tagħha li l-bażi ta’ residenza tagħhom tkun fl-Italja kif ukoll lill-impjegati ta’ impriżi terzi li jkunu jipparteċipaw fl-attività tagħha remunerazzjoni li ma tistax tkun inqas mir-remunerazzjoni minima stabbilita mill-ftehim kollettiv nazzjonali applikabbli għas-settur tat-trasport bl-ajru (iktar ’il quddiem ir-“rekwiżit ta’ remunerazzjoni minima”). |
|
7 |
Fit‑22 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni kontenzjuża, li permezz tagħha hija ddikjarat il-miżura inkwistjoni kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE u, għalhekk, ma qajmitx oġġezzjonijiet. |
Ir‑rikors quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata
|
8 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑18 ta’ Mejju 2021, Ryanair DAC ippreżentat rikors intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni kontenzjuża. |
|
9 |
Insostenn tar-rikors tagħha, Ryanair qajmet erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u tal-libertà ta’ stabbiliment, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-għajnuna fir-rigward tad-danni kkawżati mill-pandemija tal-COVID‑19, it-tielet wieħed, fuq ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha minħabba li l-Kummissjoni rrifjutat li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali minkejja l-eżistenza ta’ dubji serji dwar il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern u, ir-raba wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE. |
|
10 |
Fis-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali eżaminat ir-raba’ motiv, billi enfasizzat li l-ksur ta’ dan l-obbligu ta’ motivazzjoni kien jaqa’ taħt il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u ma kienx jirrigwarda l-legalità fil-mertu tad-Deċiżjoni kontenzjuża. |
|
11 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali qieset, essenzjalment, li din id-deċiżjoni kienet ivvizzjata bi ksur doppju tal-obbligu ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda l-analiżi tar-raba’ kundizzjoni ta’ eliġibbiltà għall-benefiċċju tal-miżura inkwistjoni, jiġifieri r-rekwiżit ta’ remunerazzjoni minima. |
|
12 |
Fl-ewwel lok, hija kkonstatat, fil-punt 24 tas-sentenza appellata, li d-Deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament li wassal lill-Kummissjoni tafferma kemm li r-rekwiżit ta’ remunerazzjoni minima kien indissolubbilment marbut mal-miżura inkwistjoni, fil-premessa 93 ta’ din id-deċiżjoni, kif ukoll li dan ir-rekwiżit ma kienx inerenti għall-għan tal-imsemmija miżura, fil-premessa 95 tal-imsemmija deċiżjoni. |
|
13 |
Fit-tieni lok, hija ddeċidiet, b’mod partikolari fil-punti 26 u 34 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx esponiet ir-raġunijiet li kienu jippermettulha tqis li l-unika dispożizzjoni rilevanti, minbarra l-Artikoli 107 u 108 TFUE, li fir-rigward tagħha hija kellha teżamina l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tar-rekwiżit ta’ remunerazzjoni minima kienet l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6, rettifika fil-ĠU 2009, L 309, p. 87, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma I”), u mhux, b’mod partikolari, l-Artikolu 56 TFUE, dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. |
|
14 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali indikat li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tistħarreġ jekk ir-rekwiżit ta’ remunerazzjoni minima kienx kompatibbli ma’ “dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni” u, għalhekk, jekk il-miżura inkwistjoni kollha kemm hi kinitx kompatibbli mas-suq intern. |
|
15 |
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma eżaminat il-motivi l-oħra tar-rikors, laqgħet ir-raba’ motiv u, konsegwentement, annullat id-Deċiżjoni kontenzjuża. |
It‑talbiet tal‑partijiet fl‑appell
|
16 |
Permezz tal-appell tagħha, Neos titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
17 |
Ryanair titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
18 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
19 |
Air Dolomiti SpA – Linee aeree regionali Europee titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata u tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali. |
Fuq l‑appell
|
20 |
Insostenn tal-appell tagħha, Neos tqajjem żewġ aggravji li kull wieħed minnhom jinkludi tliet partijiet. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuq il-Qorti Ġenerali u fuq żbalji ta’ liġi f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tar-relazzjoni bejn ir-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u dispożizzjonijiet oħra tat-Trattati kif ukoll fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuq il-Kummissjoni. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żnaturament tad-Deċiżjoni kontenzjuża u fuq żbalji ta’ liġi f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuq il-Kummissjoni, l-applikazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE fis-settur tal-ajru, kif ukoll f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tar-relazzjoni bejn l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Ruma I u r-regoli tas-suq intern. |
|
21 |
Permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju u permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, Neos issostni li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 24 u 26 sa 34 tas-sentenza appellata, wettqet żbalji ta’ liġi u żnaturat il-fatti meta qieset li l-Kummissjoni kienet kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 u l-Artikolu 108(2) TFUE. |
L‑argumenti tal‑partijiet
|
22 |
Fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel aggravju tagħha, Neos issostni li, sa fejn il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 24 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx spjegat b’mod ċar u inekwivoku r-raġunijiet li għalihom ir-rekwiżit ta’ remunerazzjoni minima kien “kemm” indissolubbilment marbut mal-miżura inkwistjoni kif ukoll mhux inerenti għall-għan tagħha, il-Qorti Ġenerali kisret il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuq il-Kummissjoni skont l-Artikolu 296 u l-Artikolu 108(2) TFUE. |
|
23 |
Skont Neos, id-Deċiżjoni kontenzjuża tissodisfa r-rekwiżiti tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni. Fl-ewwel lok, il-premessi 92 u 93 ta’ din id-deċiżjoni jinkludu evalwazzjoni argumentata tal-erba’ kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-benefiċċju tal-miżura inkwistjoni, deskritti f’dan il-każ bħala li huma indissolubbilment marbuta magħha. F’dan ir-rigward, Neos tirrileva li Ryanair ma kkritikatx din l-evalwazzjoni fir-rikors tagħha, inkluż mill-perspettiva tal-obbligu ta’ motivazzjoni, b’mod li, billi qieset li l-Kummissjoni kisret dan l-obbligu, il-Qorti Ġenerali kisret il-projbizzjoni li tiddeċiedi ultra petita. |
|
24 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-premessa 95 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni setgħet, u anki kellha, tikkonkludi li ma kienx hemm lok li titwettaq evalwazzjoni distinta tar-rekwiżit ta’ remunerazzjoni minima, peress li dan huwa inerenti għall-għan tal-miżura inkwistjoni. Fil-fatt, dan ir-rekwiżit huwa intiż li jiżgura tqassim tal-benefiċċju ta’ din il-miżura bejn l-impriżi kkonċernati u l-impjegati tagħhom, billi jiggarantixxi li r-remunerazzjoni ta’ dawn tal-aħħar ma tkunx inqas mill-minimu legali stabbilit b’applikazzjoni tal-ftehim kollettiv nazzjonali applikabbli għas-settur tat-trasport bl-ajru u li huma ma jiġux ippenalizzati minħabba l-pandemija. Dan il-għan jaqbel perfettament mal-kliem tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE, ma huwiex diskriminatorju, ma joħloqx distorsjoni tal-kummerċ bejn l-Istati Membri u ma jippreġudikax il-funzjonament tajjeb tas-suq intern fi proporzjonijiet ikbar mill-għajnuna nnifisha. Neos tippreċiża madankollu li l-Kummissjoni, għall-finijiet ta’ prudenza, qieset li l-imsemmi rekwiżit ma kienx inerenti għall-għan tal-miżura inkwistjoni, billi mmotivat b’mod ċar il-pożizzjoni tagħha fil-premessa 95 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, u eżaminatu fid-dawl ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għajr dawk li jirregolaw speċifikament l-għajnuna mill-Istat. |
|
25 |
Fit-tielet lok, huwa diffiċli li jinftiehem għaliex il-Qorti Ġenerali qieset li d-Deċiżjoni kontenzjuża hija vvizzjata bi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward ta’ raġunament u ta’ konklużjoni tal-Kummissjoni, li skonthom ir-rekwiżit ta’ remunerazzjoni minima ma huwiex inerenti għall-għan tal-miżura kkontestata, li madankollu kienu utli għal Ryanair u għal kull parti kkonċernata oħra sabiex jikkontestaw din id-deċiżjoni. |
|
26 |
Neos tirrileva, f’dan ir-rigward, li d-Deċiżjoni kontenzjuża hija iktar sostnuta minn deċiżjonijiet oħra tal-Kummissjoni li jawtorizzaw l-għoti ta’ għajnuna lis-settur tat-trasport bl-ajru fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19, li Ryanair ikkontestat mill-perspettiva tal-motivazzjoni, iżda li madankollu ġew ikkonfermati mill-Qorti Ġenerali. Neos tenfasizza għalhekk li, kuntrarjament għal dawn id-deċiżjonijiet l-oħra tal-Kummissjoni, id-Deċiżjoni kontenzjuża tinkludi evalwazzjoni tal-kompatibbiltà iktar iddettaljata, peress li din tinkludi taqsima sħiħa relatata mal-evalwazzjoni tal-konformità tal-miżura inkwistjoni ma’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni għajr l-Artikolu 107 TFUE u konstatazzjoni li skontha kundizzjoni ta’ eliġibbiltà għall-benefiċċju ta’ din il-miżura ma hijiex inerenti għall-għan tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-annullament tad-Deċiżjoni kontenzjuża minħabba ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni jkun jidher tal-inqas paradossali. |
|
27 |
Barra minn hekk, in-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni hija kkonfermata mill-fatt li Ryanair kienet f’pożizzjoni li teżerċita d-dritt tagħha għal rimedju effettiv, fatt li jirriżulta mill-ewwel motiv tar-rikors għal annullament. Dan il-motiv juri li r-rikorrenti fl-ewwel istanza kienet fehmet il-portata tad-Deċiżjoni kontenzjuża u setgħet tikkontesta l-fondatezza tagħha. |
|
28 |
Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tagħha, Neos issostni li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 26 sa 34 tas-sentenza appellata, żnaturat id-Deċiżjoni kontenzjuża u wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tal-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuq il-Kummissjoni. |
|
29 |
Minn naħa, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali li jilmenta li l-Kummissjoni eżaminat il-kompatibbiltà mas-suq intern tar-rekwiżit ta’ remunerazzjoni minima biss fid-dawl tal-Artikolu 8 tar-Regolament Ruma I huwa kontradittorju u żbaljat. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta b’mod ċar mid-Deċiżjoni kontenzjuża, b’mod partikolari mill-premessi 95 u 99 tagħha, il-Kummissjoni kienet eżaminat il-kompatibbiltà ta’ dan ir-rekwiżit mhux biss fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni. B’hekk, il-Qorti Ġenerali żnaturat id-Deċiżjoni kontenzjuża. |
|
30 |
Min-naħa l-oħra, billi tilmenta li l-Kummissjoni ma mmotivatx il-konklużjoni li tinsab fil-premessa 99 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, li tgħid li r-rekwiżit ta’ remunerazzjoni minima ma kienx kuntrarju għad-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti Ġenerali injorat il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuq il-Kummissjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 u l-Artikolu 108(2) TFUE. Fil-fatt, ma jistax jiġi raġonevolment mistenni li l-Kummissjoni tipprovdi motivazzjoni ddettaljata fir-rigward ta’ kull dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni potenzjalment rilevanti. |
|
31 |
Il-Kummissjoni u Air Dolomiti SpA – Linee aeree regionali Europee jaqblu li l-aggravji invokati minn Neos għandhom jintlaqgħu. |
|
32 |
Ryanair tikkontesta l-argument żviluppat minn Neos insostenn tal-aggravji. Hija ssostni li l-Qorti Ġenerali kienet korretta meta qieset li l-Kummissjoni baqgħet ma mmotivatx il-konklużjoni li r-rekwiżit ta’ remunerazzjoni minima kien indissolubbilment marbut mal-miżura inkwistjoni filwaqt li ma kienx inerenti għall-għan ta’ din il-miżura. Kuntrarjament għal dak li ssostni Neos, il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx ultra petita, peress li hija ma tatx deċiżjoni biss fuq il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ rabta bejn dan ir-rekwiżit u l-imsemmija miżura inkwistjoni, u peress li, fi kwalunkwe każ, il-motiv ibbażat fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni seta’ jitqajjem ex officio mill-Qorti Ġenerali. Sa fejn Neos tirreferi għal diversi sentenzi reċenti tal-Qorti Ġenerali dwar għajnuna mogħtija lis-settur tal-avjazzjoni fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19, Ryanair tenfasizza d-differenzi li jeżistu bejn id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li huma s-suġġett ta’ dawn is-sentenzi u d-Deċiżjoni kontenzjuża, b’mod partikolari fir-rigward tal-ilment ippreżentat mill-Associazione Italiana Compagnie Aeree Low Fares (l-Assoċjazzjoni Taljana tal-Kumpanniji bi Prezz Baxx). Issa, dan l-ilment saħħaħ l-obbligu tal-Kummissjoni li teżamina l-kwistjoni bbażata fuq il-ksur tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. B’mod iktar ġenerali, il-kwistjoni ma hijiex jekk id-Deċiżjoni kontenzjuża kinitx sostnuta aħjar minn deċiżjonijiet oħra tal-Kummissjoni, iżda jekk din kinitx suffiċjentement sostnuta. |
|
33 |
Fir-rigward tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, din għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli peress li din ma tantx hija sostnuta u lanqas ċara. Fi kwalunkwe każ, skont Ryanair, Neos ma wrietx li l-Qorti Ġenerali wettqet l-iżnaturament tal-fatti li hija tallega u ma pproduċiet ebda prova li turi li l-Kummissjoni eżaminat il-konformità tar-rekwiżit ta’ remunerazzjoni minima ma’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni għajr l-Artikolu 8 tar-Regolament Ruma I. Għalhekk, b’mod partikolari fid-dawl tal-importanza li għandu l-ilment imressaq mill-Assoċjazzjoni Taljana tal-Kumpanniji bi Prezz Baxx fil-kuntest tad-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuq il-Kummissjoni f’dan ir-rigward. |
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
34 |
Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni awtriċi tal-att b’mod li jippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti twettaq l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat abbażi taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tar-raġunijiet invokati u tal-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment minn dan l-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti rilevanti kollha ta’ fatt u ta’ liġi, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tkunx tissodisfa r-rekwiżiti tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2023, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, C‑210/21 P, EU:C:2023:908, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
35 |
Fil-każ, b’mod iktar partikolari, bħal f’dan il-każ, ta’ deċiżjoni, adottata b’applikazzjoni tal-Artikolu 108(3) TFUE, li ma jitqajmux oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ miżura ta’ għajnuna, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tippreċiża li tali deċiżjoni, li tittieħed f’termini qosra, għandha tinkludi biss ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni tqis li ma hemmx diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna kkonċernata mas-suq intern u li anki motivazzjoni fil-qosor ta’ din id-deċiżjoni għandha titqies li hija suffiċjenti fir-rigward tar-rekwiżit ta’ motivazzjoni previst mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, sa fejn din tkun turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni qieset li ma kienx hemm tali diffikultajiet, fejn il-kwistjoni tal-fondatezza ta’ din il-motivazzjoni ma taqax taħt dan ir-rekwiżit (sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2023, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, C‑210/21 P, EU:C:2023:908, punt 106 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
36 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kriterji li għandu jiġi eżaminat jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi meta qieset li d-Deċiżjoni kontenzjuża kienet ivvizzjata bi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuq il-Kummissjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE. |
|
37 |
Fl-ewwel lok, sa fejn, permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, Neos tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet tali żball meta qieset, fil-punt 24 tas-sentenza appellata, li d-Deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament li kien wassal lill-Kummissjoni tafferma “kemm” li r-rekwiżit ta’ remunerazzjoni minima kien indissolubbilment marbut mal-miżura inkwistjoni, fil-premessa 93 ta’ din id-deċiżjoni, kif ukoll li dan ir-rekwiżit ma kienx inerenti għall-għan ta’ din il-miżura, fil-premessa 95 tal-imsemmija deċiżjoni, għandu jiġi rrilevat li dawn il-premessi jinsabu fl-aħħar taqsima tad-Deċiżjoni kontenzjuża, jiġifieri t-Taqsima 3.3.5, li tinkludi l-premessi 91 sa 99 ta’ din id-deċiżjoni, speċifikament iddedikata għall-evalwazzjoni li l-Kummissjoni wettqet tal-miżura inkwistjoni fid-dawl tad-dispożizzjonijiet u tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni għajr dawk relatati mal-għajnuna mill-Istat. |
|
38 |
Preliminarjament għal din l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni ddeskriviet il-miżura inkwistjoni, fit-Taqsima 2 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, billi semmiet, b’mod partikolari, l-għan tagħha, jiġifieri, essenzjalment, li tikkumpensa d-danni mġarrba minn ċerti kumpanniji tal-ajru minħabba r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar imposti wara l-pandemija tal-COVID‑19, il-bażi tagħha, l-Artikolu 107(2)(b) TFUE, il-miżuri adottati f’dan ir-rigward mill-Istati Membri u mill-Istati terzi fir-rigward tat-titjiriet lejn jew mill-Italja, l-effett ta’ dawn il-miżuri fuq il-kumpanniji tal-ajru Taljani, l-erba’ kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-benefiċċju tal-miżura inkwistjoni u d-dannu li jista’ jiġi kkumpensat, jiġifieri t-telf nett marbut direttament mal-imsemmija restrizzjonijiet, imġarrab matul il-perijodu ta’ bejn l‑1 ta’ Marzu u l‑15 ta’ Ġunju 2020. |
|
39 |
Fir-rigward tal-eżami tal-konformità tal-miżura inkwistjoni mal-Artikolu 107(2)(b) TFUE, il-Kummissjoni qieset, essenzjalment, fit-Taqsimiet 3.3.3 u 3.3.4 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, li din il-miżura kienet tirrigwarda tabilħaqq avveniment straordinarju, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li l-perijodu kopert kien jikkorrispondi għal dak li matulu t-telf nett imġarrab mill-kumpanniji tal-ajru kien jikkostitwixxi dannu direttament marbut ma’ dan l-avveniment u li din il-miżura kienet proporzjonata, peress li din ma kinitx tmur lil hinn minn dak li kien neċessarju sabiex jiġi kkumpensat dan id-dannu. |
|
40 |
Huwa wara din l-ewwel analiżi li, fit-taqsima finali tad-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni eżaminat il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni ma’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni. |
|
41 |
F’dan ir-rigward, hija qabel kollox fakkret, minn naħa, fil-premessa 91 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, il-ġurisprudenza li skontha l-proċedura prevista fl-Artikolu 108 TFUE ma għandha qatt twassal għal riżultat li jkun imur kontra d-dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattat FUE. Għaldaqstant, għajnuna li, fiha nnifisha jew permezz ta’ ċerti modalitajiet tagħha, tkun tikser dispożizzjonijiet jew prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern. (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C‑390/06, EU:C:2008:224, punti 50 u 51, kif ukoll tat‑23 ta’ Novembru 2023, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, C‑210/21 P, EU:C:2023:908, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
42 |
Min-naħa l-oħra, hekk kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 22 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni, fil-premessa 92 ta’ din id-deċiżjoni, għamlet riferiment għall-ġurisprudenza li tgħid li, meta l-modalitajiet ta’ għajnuna jkunu tant indissolubbilment marbuta mal-għan tal-għajnuna li ma jkunx possibbli li dawn jiġu evalwati b’mod iżolat, l-effett tagħhom fuq il-kompatibbiltà jew l-inkompatibbiltà tal-għajnuna kollha kemm hi mas-suq intern għandu neċessarjament jiġi evalwat permezz tal-proċedura prevista fl-Artikolu 108 TFUE (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑22 ta’ Marzu 1977, Iannelli & Volpi, 74/76, EU:C:1977:51, punt 14, kif ukoll tat‑23 ta’ Novembru 2023, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, C‑210/21 P, EU:C:2023:908, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
43 |
Sussegwentement, fl-istess punt tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali indikat li, fil-premessa 93 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kienet ikkonstatat li l-erba’ kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-benefiċċju tal-miżura inkwistjoni kienu “indissolubbilment marbuta” magħha fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza. |
|
44 |
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, li l-Kummissjoni kienet indikat, fil-premessa 95 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, li kienet teżisti raġuni partikolari sabiex tiġi eżaminata r-raba’ waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà, relatata mar-rekwiżit ta’ remunerazzjoni minima, u li hija kienet qieset li dan ir-rekwiżit “ma kienx inerenti għall-għan tal-miżura inkwistjoni”, peress li, essenzjalment, l-għan tiegħu kien li jiġi żgurat li l-impriżi benefiċjarji ta’ din il-miżura jiggarantixxu l-protezzjoni ta’ remunerazzjoni minima lill-impjegati tagħhom li l-bażi ta’ residenza tagħhom kienet tinsab fl-Italja, konformement mad-dritt Taljan, qabel ma kkonkludiet li l-kompatibbiltà tal-imsemmi rekwiżit kellha għalhekk tiġi evalwata wkoll fid-dawl “ta’ dispożizzjonijiet rilevanti oħra tad-dritt tal-Unjoni”. |
|
45 |
Fl-aħħar nett, hekk kif imsemmi fil-punt 25 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni, wara li, fil-premessi 96 sa 98 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, evalwat il-kompatibbiltà tar-rekwiżit ta’ remunerazzjoni minima fid-dawl tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Ruma I, qieset, fil-premessa 99, li dan ir-rekwiżit kien josserva prima facie l-protezzjoni li dan ir-regolament kien jagħti lill-impjegati u ma kienx jikkostitwixxi ksur ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni. |
|
46 |
Huwa f’dan il-kuntest li l-appellanti ssostni li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punt 24 tas-sentenza appellata, li tgħid li, b’dan il-mod, il-Kummissjoni ma kinitx immotivat id-Deċiżjoni kontenzjuża suffiċjentement skont il-liġi, fil-premessi 93 u 95 tagħha, billi ma wrietx b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament li wassalha tqis kemm li r-rekwiżit ta’ remunerazzjoni minima kien indissolubbilment marbut mal-miżura inkwistjoni kif ukoll li dan ir-rekwiżit ma kienx inerenti għall-għan ta’ din il-miżura, hija vvizzjata bi żball ta’ liġi. |
|
47 |
Għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, f’dak li jirrigwarda deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ miżura ta’ għajnuna fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 108(3) TFUE, il-Qorti Ġenerali kellha, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, tivverifika jekk id-Deċiżjoni kontenzjuża kinitx tinkludi r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni kienet qieset li ma kienx hemm diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern. |
|
48 |
Issa, hekk kif jirriżulta mill-punti 38 sa 40 u 45 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni indikat ir-raġunijiet li għalihom hija kienet tqis li dan kien il-każ, jiġifieri li din il-miżura kienet tosserva l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE u li din kienet proporzjonata mad-danni li l-kumpens tagħhom kien imsemmi, minbarra li kundizzjoni ta’ eliġibbiltà għall-benefiċċju ta’ din il-miżura, li l-Kummissjoni kienet tqis li kellha teżamina fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għajr dawk relatati mal-għajnuna mill-Istat, ma kienet tidher kuntrarja għal ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet. |
|
49 |
Billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni dawn l-elementi kollha tad-Deċiżjoni kontenzjuża, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punt 24 tas-sentenza appellata tirriżulta minn eżami tal-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni li jikser il-kriterju li skontu kellha tiġi evalwata n-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tagħha. |
|
50 |
Min-naħa l-oħra, hekk kif ġie rrilevat fil-punti 41 sa 44 ta’ din is-sentenza, il-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kontenzjuża turi r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni qieset li r-rekwiżit ta’ remunerazzjoni minima kellu jiġi evalwat fid-dawl ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għajr dawk relatati mal-għajnuna mill-Istat, jiġifieri li dan ir-rekwiżit ma kienx inerenti għall-għan tal-miżura inkwistjoni. Issa, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali qieset impliċitament fil-punt 24 tas-sentenza appellata, ma setax jiġi meħtieġ mill-Kummissjoni li hija tipprovdi motivazzjoni iktar iddettaljata dwar din il-konstatazzjoni, jiġifieri r-relazzjoni li tista’ teżisti bejnha u l-konstatazzjoni preċedenti li l-kundizzjonijiet kollha ta’ eliġibbiltà għall-benefiċċju ta’ din il-miżura kienu indissolubbilment marbuta ma’ din tal-aħħar. |
|
51 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni, meħuda b’applikazzjoni tal-Artikolu 108(3)TFUE, li ma jitqajmux oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ miżura ta’ għajnuna tista’ tkun konċiża. |
|
52 |
Barra minn hekk, mill-artikolazzjoni tal-premessi 93 u 95 tad-Deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta impliċitament iżda neċessarjament li l-Kummissjoni qieset li hija kellha twettaq analiżi komplementari tar-rekwiżit ta’ remunerazzjoni minima fid-dawl ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni għajr dawk relatati mal-għajnuna mill-Istat. Ir-raġunament tal-Kummissjoni jidher b’hekk b’mod suffiċjentement ċar u inekwivoku. |
|
53 |
Għandu jiġi enfasizzat li l-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni ta’ att ma taqax taħt l-evalwazzjoni tan-natura suffiċjenti ta’ din il-motivazzjoni. Għalhekk, anki jekk jitqies li l-koeżistenza tal-konstatazzjonijiet magħmula fil-premessi 93 u 95 tad-Deċiżjoni kontenzjuża fiha żball ta’ liġi, din ma tistax tiġi ssanzjonata abbażi tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE. |
|
54 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 24 tas-sentenza appellata, li d-Deċiżjoni kontenzjuża, u b’mod iktar partikolari l-premessi 93 u 95 tagħha, ma kinitx tissodisfa r-rekwiżit ta’ motivazzjoni previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE. |
|
55 |
Fit-tieni lok, permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, Neos tilmenta li l-Qorti Ġenerali, essenzjalment, wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, b’mod partikolari fil-punti 26, 27 u 34 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha sa fejn hija ma spjegatx għaliex l-unika dispożizzjoni rilevanti għajr l-Artikoli 107 u 108 TFUE, li fir-rigward tagħha hija kellha teżamina l-kompatibbiltà tar-rekwiżit ta’ remunerazzjoni minima, kienet l-Artikolu 8 tar-Regolament Ruma I, u mhux, b’mod partikolari, l-Artikolu 56 TFUE li jistabbilixxi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi. |
|
56 |
F’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, il-proċedura prevista fl-Artikolu 108 TFUE ma għandha qatt twassal għal riżultat li jkun imur kontra d-dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattat FUE. Għaldaqstant, għajnuna li, fiha nnifisha jew permezz ta’ ċerti modalitajiet tagħha, tkun tikser dispożizzjonijiet jew prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern. |
|
57 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li, għalkemm id-Deċiżjoni kontenzjuża, fid-dawl b’mod partikolari tal-premessi 96 sa 99 tagħha, tinkludi eżami ddettaljat tal-kompatibbiltà tar-rekwiżit ta’ remunerazzjoni minima biss fir-rigward tal-Artikolu 8 tar-Regolament Ruma I, madankollu minn dan ma jirriżultax, hekk kif osservat korrettament Neos, li din hija l-unika dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li l-Kummissjoni qieset li tista’ tkun rilevanti għall-finijiet ta’ dan l-eżami. Fil-fatt, fil-premessa 99 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-rekwiżit ta’ remunerazzjoni minima kien prima facie kompatibbli mar-Regolament Ruma I u li dan “ma kienx jikkostitwixxi ksur ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni”. |
|
58 |
Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali qieset b’mod partikolari fil-punti 26, 27 u 34 tas-sentenza appellata, l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuq il-Kummissjoni ma jimplikax, fi kwalunkwe każ, li tiġġustifika f’kull każ l-assenza ta’ eżami espliċitu tal-kompatibbiltà ta’ miżura ta’ għajnuna fid-dawl ta’ ċerti dispożizzjonijiet jew ta’ ċerti prinċipji tad-dritt tal-Unjoni għajr ir-regoli relatati mal-għajnuna mill-Istat u, għalhekk, li tesprimi ruħha dwar ir-rilevanza tagħhom għall-finijiet ta’ tali eżami. |
|
59 |
Fil-fatt, fid-dawl tan-numru estremament kbir ta’ dispożizzjonijiet u ta’ prinċipji tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jinkisru permezz tal-għoti ta’ għajnuna, ma jistax jiġi meħtieġ mill-Kummissjoni, taħt piena li tiġi kompromessa l-effikaċja tal-proċedura prevista fl-Artikolu 108 TFUE, jiġifieri l-possibbiltà li tieħu deċiżjoni favorevoli għal għajnuna fi tmiem il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari prevista fl-Artikolu108(3) TFUE u, għalhekk, mingħajr il-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali, li hija tipprovdi motivazzjoni speċifika dwar kull waħda minnhom, u, f’dan il-każ, dwar l-Artikolu 56 TFUE. |
|
60 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fid-dawl tat-teħid inkunsiderazzjoni neċessarju tal-kuntest għall-finijiet tal-evalwazzjoni tar-rekwiżit ta’ motivazzjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, li deċiżjoni li tkun tiddikjara miżura ta’ għajnuna kompatibbli mas-suq intern fil-kuntest ta’ proċedura prevista fl-Artikolu 108 TFUE tkun timplika, b’mod partikolari jekk ikun jirriżulta, bħal f’dan il-każ, mill-motivazzjoni tagħha li l-Kummissjoni tkun evalwat il-miżura ta’ għajnuna kkonċernata fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jew ta’ dawn il-prinċipji, li din tkun qieset li dawn id-dispożizzjonijiet u prinċipji jew ma kinux rilevanti fir-rigward ta’ din il-miżura, jew, fi kwalunkwe każ, ma kinux ġew miksura. |
|
61 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 26, 27 u 34 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha sa fejn hija ma kinitx spjegat għalfejn l-unika dispożizzjoni rilevanti, għajr l-Artikoli 107 u 108 TFUE, li fir-rigward tagħha hija kellha teżamina l-kompatibbiltà tar-rekwiżit ta’ remunerazzjoni minima, kienet l-Artikolu 8 tar-Regolament Ruma I, u mhux, b’mod partikolari, l-Artikolu 56 TFUE. |
|
62 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, it-tielet parti tal-ewwel aggravju u l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandhom jintlaqgħu u, konsegwentement, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-ilment ibbażat fuq żnaturament tal-fatti mqajjem fil-kuntest ta’ din l-aħħar parti, u lanqas il-partijiet l-oħra ta’ dawn l-aggravji. |
Fuq ir‑rikors quddiem il‑Qorti Ġenerali
|
63 |
Skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. |
|
64 |
Dan huwa l-każ, f’dan il-każ, tal-ewwel parti tar-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuq il-Kummissjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, inkwantu din tal-aħħar naqset milli tevalwa l-miżura inkwistjoni, fir-rigward b’mod iktar partikolari tar-rekwiżit ta’ remunerazzjoni minima, fid-dawl ta’ ċerti dispożizzjonijiet jew prinċipji tad-dritt tal-Unjoni għajr dawk li jirregolaw speċifikament l-għajnuna mill-Istat, bħall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi. |
|
65 |
Fil-fatt, mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 34 sa 60 ta’ din is-sentenza jirriżulta li din il-parti għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
|
66 |
Għall-kuntrarju, fir-rigward tat-tieni parti tar-raba’ motiv kif ukoll tal-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u tal-libertà ta’ stabbiliment, tat-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-għajnuna fir-rigward tad-danni kkawżati mill-pandemija tal-COVID‑19, u tat-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet proċedurali ta’ Ryanair minħabba r-rifjut li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali minkejja l-eżistenza ta’ dubji serji dwar il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern, it-tilwima ma hijiex fi stat li tiġi deċiża. |
|
67 |
Fil-fatt, dawn il-motivi relatati, fil-parti l-kbira, mal-fondatezza tad-Deċiżjoni kontenzjuża, li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx, jimplikaw li jitwettqu evalwazzjonijiet fattwali kumplessi, li għalihom il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-elementi kollha neċessarji. |
|
68 |
Konsegwentement, hemm lok li l-kawża tintbagħat lura lill-Qorti Ġenerali sabiex hija tiddeċiedi dwar il-motivi msemmija fil-punt 66 ta’ din is-sentenza u li l-ispejjeż jiġu rriżervati. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir‑Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.