European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1948

24.9.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/1948

tat-18 ta’ Settembru 2025

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt tal-UE-CTC stabbilit bil-Konvenzjoni fuq is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet fuq il-kummerċ f’merkanzija u fi ħdan il-Kumitat Konġunt UE-CTC stabbilit bil-Konvenzjoni dwar proċedura komuni ta’ tranżitu fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet li jistiednu lir-Repubblika tal-Moldova u l-Montenegro jaderixxu ma’ dawk il-Konvenzjonijiet u rigward l-adozzjonijiet ta’ deċiżjonijiet li jemendaw il-Konvenzjoni dwar proċedura komuni ta’ tranżitu bħala segwitu għall-adeżjoni tar-Repubblika tal-Moldova u tal-Montenegro mal-Konvenzjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni tal-20 ta’ Mejju 1987 fuq is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet fuq il-kummerċ f’merkanzija (1) u l-Konvenzjoni tal-20 ta’ Mejju 1987 dwar proċedura komuni ta’ tranżitu (2) (flimkien “il-Konvenzjonijiet”), konklużi bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Repubblika tal-Iżlanda, ir-Renju tan-Norveġja, ir-Renju tal-Iżvezja u l-Konfederazzjoni Żvizzera, u daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1988.

(2)

Ir-Repubblika tal-Moldova u l-Montenegro esprimew xewqithom li jaderixxu mal-Konvenzjonijiet ladarba jkunu kkonformaw mar-rekwiżiti għall-adeżjoni tagħhom.

(3)

Skont l-Artikolu 11(3) tal-Konvenzjoni fuq is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet fuq il-kummerċ f’merkanzija, il-Kumitat Konġunt bejn l-UE-CTC stabbilit b’dik il-Konvenzjoni jista’, permezz ta’ deċiżjoni, jadotta stediniet biex pajjiżi terzi jaderixxu ma’ dik il-Konvenzjoni.

(4)

Skont l-Artikolu 15(3), il-punt (e), tal-Konvenzjoni dwar proċedura komuni ta’ tranżitu, il-Kumitat Konġunt UE-CTC stabbilit b’dik il-Konvenzjoni jista’, permezz ta’ deċiżjoni, jadotta stediniet biex pajjiżi terzi jaderixxu ma’ dik il-Konvenzjoni.

(5)

Skont l-Artikolu 15(3), il-punt (a), tal-Konvenzjoni dwar proċedura komuni ta’ tranżitu, il-Kumitat Konġunt UE-CTC stabbilit b’dik il-Konvenzjoni jista’, permezz ta’ deċiżjoni, jadotta emendi tal-Appendiċijiet ta’ dik il-Konvenzjoni. Hekk kif ir-Repubblika tal-Moldova u l-Montenegro jaderixxu mal-Konvenzjoni dwar proċedura komuni ta’ tranżitu, ser ikun meħtieġ l-adattament rispettiv tad-dokumenti ta’ garanzija u, fir-rigward tal-Montenegro, li jiddaħħlu ċerti termini tekniċi bil-Montenegrin.

(6)

F’konformità mal-Artikoli 11a(2) u (3) tal-Konvenzjoni fuq is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet fuq il-kummerċ f’merkanzija u l-Artikolu 15a(2) u (3) tal-Konvenzjoni dwar proċedura komuni ta’ tranżitu, pajjiż terz li jiġi mistieden isir parti kontraenti għandu jagħmel dan billi jiddepożita strument ta’ adeżjoni u l-adeżjoni għandha ssir effettiva fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara li jiġi ddepożitat l-istrument tal-adeżjoni.

(7)

Peress li d-deċiżjonijiet li r-Repubblika tal-Moldova u l-Montenegro jiġu mistiedna jaderixxu mal-Konvenzjonijiet u li jemendaw il-Konvenzjoni dwar proċedura komuni ta’ tranżitu ser ikunu vinkolanti għall-Unjoni, jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitati Konġunti UE-CTC stabbiliti mill-Konvenzjonijiet (il-“Kumitat Konġunt”).

(8)

Il-Konvenzjonijiet ser jiżguraw proċeduri effiċjenti għall-qsim tal-fruntieri bejn ir-Repubblika tal-Moldova u l-Montenegro u l-partijiet għall-Konvenzjonijiet.

(9)

Għalhekk, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitati Konġunti fir-rigward tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet li jistiednu lir-Repubblika tal-Moldova u l-Montenegro biex jaderixxu mal-Konvenzjonijiet u li jemendaw il-Konvenzjoni dwar proċedura komuni ta’ tranżitu tkun ibbażata fuq l-abbozzi ta’ deċiżjonijiet mehmuża.

(10)

Peress li d-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt ser jemendaw il-Konvenzjoni dwar proċedura komuni ta’ tranżitu, jixraq li dawn jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tagħhom.

(11)

Fil-Kumitat Konġunt, l-Unjoni trid tiġi rappreżentata mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 17(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).

(12)

Sabiex tiġi ffaċilitata l-adeżjoni f’waqtha tar-Repubblika tal-Moldova u tal-Montenegro mal-Konvenzjonijiet, jeħtieġ li din id-Deċiżjoni tiġi adottata mingħajr dewmien,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt UE-CTC stabbilit bil-Konvenzjoni fuq is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet fuq il-kummerċ f’merkanzija fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet li jistiednu lir-Repubblika tal-Moldova u l-Montenegro biex jaderixxu ma’ dik il-Konvenzjoni għandha tkun ibbażata fuq l-abbozzi ta’ deċiżjonijiet ta’ dak il-Kumitat Konġunt mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt tal-UE-CTC stabbilit bil-Konvenzjoni dwar proċedura komuni ta’ tranżitu fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet li jistiednu lir-Repubblika tal-Moldova u l-Montenegro jaderixxu ma’ dik il-Konvenzjoni u fir-rigward tal-emendi tekniċi li jirriżultaw minn dan għandha tkun ibbażata fuq l-abbozzi tad-deċiżjonijiet ta’ dak il-Kumitat Konġunt mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Wara l-adozzjoni tagħhom, id-deċiżjonijiet tal-Kumitati Konġunti msemmija fl-Artikoli 1 u 2 għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Settembru 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

L. AAGAARD


(1)   ĠU L 134, 22.5.1987, p. 2, ELI: http://data.europa.eu/eli/convention/1987/267/oj.

(2)   ĠU L 226, 13.8.1987, p. 2, ELI: http://data.europa.eu/eli/convention/1987/415/oj.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1948/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)