18.11.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 386/6


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1720

tas-17 ta’ Novembru 2020

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 142/2011 rigward importazzjonijiet ta’ ikel għall-annimali domestiċi mill-Georgia

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (1), u b’mod partikolari l-ewwel u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 41(3) u tal-Artikolu 42(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 (2) jistabbilixxi r-regoli li jimplimentaw ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009, fosthom il-kundizzjonijiet tas-saħħa pubblika u tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni tal-ikel għall-annimali domestiċi. Ir-rekwiżiti għall-importazzjoni fl-Unjoni u t-tranżitu minnha tal-ikel għall-annimali domestiċi u affarijiet ta’ tgerrim mill-klieb huma stabbiliti fl-Anness XIV ta’ dak ir-Regolament, flimkien mal-lista ta’ pajjiżi terzi.

(2)

Fid-19 ta’ Marzu 2019, il-Georgia talbet li tiddaħħal fil-lista tal-Anness XIV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 għall-importazzjoni fl-Unjoni ta’ ikel ipproċessat għall-annimali domestiċi għajr l-ikel fil-landa għall-annimali domestiċi.

(3)

Il-Kummissjoni wettqet il-kontrolli fuq il-post, fosthom valutazzjoni dettaljata tal-leġiżlazzjoni veterinarja tal-pajjiż terz applikant, u tal-kapaċità tal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz applikant li jimplimentaw dik il-leġiżlazzjoni u jwettqu l-kontrolli uffiċjali, bil-għan li ddaħħal il-pajjiż terz applikant fil-lista tal-Anness XIV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 għall-importazzjoni fl-Unjoni ta’ ikel ipproċessat għall-annimali domestiċi, għajr l-ikel fil-landa għall-annimali domestiċi. L-awtoritajiet kompetenti tal-Georgia bagħtu l-assigurazzjonijiet lill-Kummissjoni li l-Georgia tista’ tikkonforma mal-kundizzjonijiet tas-saħħa rilevanti flimkien ma’ garanziji tajbin tal-kontrolli li jwettqu fuq il-produzzjoni ta’ ikel għall-annimali domestiċi pproċessat, għajr l-ikel fil-landa għall-annimali domestiċi. Għalhekk huwa ġġustifikat li l-Georgia tinżied mal-lista ta’ pajjiżi terzi minn fejn jista’ jiġi importat fl-Unjoni jew jgħaddi bi tranżitu minnha l-ikel ipproċessat għall-annimali domestiċi għajr l-ikel fil-landa għall-annimali domestiċi.

(4)

Għaldaqstant jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 142/2011 jiġi emendat skont dan.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness XIV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 huwa emendat skont it-test tal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara d-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Novembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 tal-25 ta’ Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi skont dik id-Direttiva (ĠU L 54, 26.2.2011, p. 1).


ANNESS

Fit-Tabella 2 tat-Taqsima 1 tal-Kapitolu II tal-Anness XIV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011, ir-ringiela 12 hija sostitwita b’dan li ġej:

“12

Ikel għall-annimali domestiċi, inkluż l-affarijiet ta’ tgerrim mill-klieb

(a)

Fil-każ ta’ ikel ipproċessat għall-annimali domestiċi u ta’ affarijiet ta’ tgerrim mill-klieb: il-materjali msemmijin fl-Artikolu 35(a)(i) u (ii).

(b)

Fil-każ ta’ ikel nej għall-annimali domestiċi: il-materjali msemmijin fl-Artikolu 35(a)(iii).

L-ikel għall-annimali domestiċi u l-affarijiet ta’ tgerrim mill-klieb iridu jkunu ġew prodotti f’konformità mal-Kapitolu II tal-Anness XIII.

(a)

Fil-każ ta’ ikel nej għall-annimali domestiċi:

Il-pajjiżi terzi elenkati fil-Parti 1 tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 jew fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 798/2008, li minnhom l-Istati Membri jawtorizzaw importazzjonijiet ta’ laħam frisk tal-istess speċi u minn fejn huwa awtorizzat biss il-laħam bl-għadma.

Fil-każ ta’ materjali tal-ħut, il-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2006/766/KE.

(b)

Fil-każ ta’ affarijiet ta’ tgerrim mill-klieb u ikel għall-annimali domestiċi għajr l-ikel nej għall-annimali domestiċi:

 

Il-pajjiżi terzi elenkati fil-Parti 1 tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010, u l-pajjiżi li ġejjin:

 

(JP) Il-Ġappun

 

(EC) L-Ekwador

 

(LK) Is-Sri Lanka

 

(TW) It-Tajwan

 

(SA) L-Arabja Sawdija (l-ikel ipproċessat għall-annimali domestiċi li joriġina mit-tjur biss)

 

(GE) Il-Georgia (ikel ipproċessat għall-annimali domestiċi għajr l-ikel għall-annimali domestiċi fil-landa)

 

Fil-każ ta’ ikel ipproċessat għall-annimali domestiċi dderivat minn materjali tal-ħut, il-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2006/766/KE.

(a)

Fil-każ ta’ ikel għall-annimali domestiċi fil-landa: L-Anness XV, il-Kapitolu 3(A).

(b)

Fil-każ ta’ ikel ipproċessat għall-annimali domestiċi għajr l-ikel għall-annimali domestiċi fil-landa: L-Anness XV, il-Kapitolu 3(B).

(c)

Fil-każ tal-affarijiet ta’ tgerrim mill-klieb: L-Anness XV, il-Kapitolu 3(C).

(d)

Fil-każ ta’ ikel nej għall-annimali domestiċi: L-Anness XV, il-Kapitolu 3(D).”