Brussell, 24.5.2023

COM(2023) 612 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 tal-Italja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023 tal-Italja

{SWD(2023) 612 final}


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 tal-Italja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023 tal-Italja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi 2 , u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 , li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-UE. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew, hija tikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku u soċjali u għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-UE u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal kull Stat Membru bil-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ġiet aġġornata fit-30 ta’ Ġunju 2022, f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/241.

(2)Fit-22 ta’ Novembru 2022, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli tal-2023 4 , li ta bidu għas-Semestru Ewropew tal-2023 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-istħarriġ madwar l-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva fit-23 ta’ Marzu 2023. Fit-22 ta’ Novembru 2022, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija tal-2023, li fih identifikat lill-Italja bħala wieħed mill-Istati Membri li jista’ jiġi affettwat jew li jista’ jkun f’riskju li jiġi affettwat mill-iżbilanċi, u li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Fl-14 ta’ Diċembru 2022, il-Kummissjoni adottat opinjoni dwar l-abbozz ta’ pjan baġitarju tal-2023 tal-Italja. Fit-22 ta’ Novembru 2022, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro, li l-Kunsill adotta fis-16 ta’ Mejju 2023, kif ukoll il-proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2023 li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li l-Kunsill adotta fit-13 ta’ Marzu 2023.

(3)Filwaqt li l-ekonomiji tal-UE qed juru reżiljenza notevoli, il-kuntest ġeopolitiku għad għandu impatt negattiv. Hekk kif l-UE qed tappoġġa b’mod sod lill-Ukrajna, l-aġenda tal-politika ekonomika u soċjali tal-UE hija ffukata fuq it-tnaqqis tal-impatt negattiv tax-xokkijiet tal-enerġija kemm fuq l-unitajiet domestiċi vulnerabbli kif ukoll fuq il-kumpaniji fuq terminu qasir, u fuq iż-żamma tal-isforzi biex titwettaq it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, jiġi appoġġat it-tkabbir sostenibbli u inklużiv, tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà makroekonomika u tiżdied ir-reżiljenza fuq terminu medju. Hija tiffoka ħafna wkoll fuq iż-żieda fil-kompetittività u l-produttività tal-UE.

(4)Fl-1 ta’ Frar 2023, il-Kummissjoni ħarġet il-Komunikazzjoni Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku għal Żmien l-Emissjonijiet Żero Netti 5 biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-industrija b’emissjonijiet żero netti tal-UE u tiġi appoġġata t-tranżizzjoni rapida lejn in-newtralità klimatika. Il-pjan jikkomplementa l-isforzi li għaddejjin bil-Patt Ekoloġiku Ewropew u r-REPowerEU. Huwa għandu l-għan li jipprovdi ambjent aktar ta’ appoġġ biex tiżdied il-kapaċità tal-manifattura tal-UE għat-teknoloġiji u l-prodotti b’emissjonijiet żero netti meħtieġa biex jintlaħqu l-miri klimatiċi ambizzjużi tal-UE, kif ukoll jiġi żgurat l-aċċess għal materja prima kritika rilevanti, inkluż billi jiġi diversifikat l-akkwist, jiġu sfruttati kif xieraq ir-riżorsi ġeoloġiċi fl-Istati Membri u jiġi massimizzat ir-riċiklaġġ tal-materja prima. Il-pjan huwa msejjes fuq erba’ pilastri: ambjent regolatorju prevedibbli u simplifikat, li jħaffef l-aċċess għall-finanzi, itejjeb il-ħiliet, u jiftaħ il-kummerċ għal ktajjen tal-provvista reżiljenti. Fis-16 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet ukoll il-Komunikazzjoni, Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030 6 , strutturata fuq disa’ muturi li jsaħħu lil xulxin bil-għan li ssir ħidma lejn qafas regolatorju li jsaħħaħ it-tkabbir. Hija tistabbilixxi prijoritajiet ta’ politika mmirati biex jiżguraw b’mod attiv titjib strutturali, investimenti ffukati tajjeb u miżuri regolatorji għall-kompetittività fit-tul tal-UE u l-Istati Membri tagħha. Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ hawn taħt jgħinu biex jiġu indirizzati dawk il-prijoritajiet.

(5)Fl-2023, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jevolvi f’konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż kollha jew subsett sinifikanti minnhom maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020 u l-2022 jibqgħu ugwalment rilevanti wkoll għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(6)Ir-Regolament REPowerEU 7 adottat fis-27 ta’ Frar 2023 għandu l-għan li jelimina malajr id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi. Dan se jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-UE, filwaqt li jżid l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika. Ir-Regolament jippermetti lill-Istati Membri jżidu kapitolu ġdid tar-REPowerEU mal-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex jiffinanzjaw riformi u investimenti ewlenin li se jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU. Dawn se jgħinu wkoll biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-industrija b’emissjonijiet żero netti tal-UE kif deskritt fil-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku għal Żmien l-Emissjonijiet Żero Netti u se jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż relatati mal-enerġija maħruġa lill-Istati Membri fl-2022 u, fejn applikabbli, fl-2023. Ir-Regolament REPowerEU jintroduċi kategorija ġdida ta’ appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, li ssir disponibbli għall-Istati Membri biex jiffinanzjaw riformi u investimenti ġodda relatati mal-enerġija skont il-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza.

(7)Fit-8 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni li tipprovdi gwida għall-politika fiskali għall-2024. Hija għandha l-għan li tappoġġa t-tħejjija tal-programmi ta’ stabbiltà u konverġenza tal-Istati Membri u b’hekk issaħħaħ il-koordinazzjoni tal-politika 8 . Il-Kummissjoni fakkret li l-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir se tiġi diżattivata fi tmiem l-2023. Hija appellat għal politiki fiskali fl-2023 u l-2024 li jiżguraw is-sostenibbiltà tad-dejn fuq terminu medju kif ukoll iżidu t-tkabbir potenzjali b’mod sostenibbli. L-Istati Membri ġew mistiedna jistabbilixxu fil-programmi ta’ stabbiltà u konverġenza tagħhom tal-2023 kif il-pjanijiet fiskali tagħhom se jiżguraw li l-valur ta’ referenza tad-defiċit ta’ 3 % tal-PDG jiġi rispettat kif ukoll it-tnaqqis plawżibbli u kontinwu tad-dejn, jew biex id-dejn jinżamm f’livelli prudenti fit-terminu medju. Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri jeliminaw gradwalment il-miżuri fiskali nazzjonali introdotti biex jipproteġu lill-unitajiet domestiċi u lid-ditti mix-xokk tal-prezz tal-enerġija, u jibdew bl-inqas miżuri mmirati. Hija indikat li, jekk ikun meħtieġ li l-miżuri ta’ appoġġ jiġu estiżi minħabba pressjonijiet imġedda fuq il-prezzijiet tal-enerġija, jenħtieġ li l-Istati Membri jimmiraw tali miżuri ħafna aħjar milli fil-passat lejn unitajiet domestiċi u ditti vulnerabbli. Il-Kummissjoni pproponiet li r-rakkomandazzjonijiet fiskali jkunu kwantifikati u differenzjati u fformulati fuq il-bażi tan-nefqa primarja netta, kif propost fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-orjentazzjonijiet għal riforma tal-qafas tal-governanza ekonomika tal-UE 9 . Hija rrakkomandat li l-Istati Membri kollha jenħtieġ li jkomplu jipproteġu l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali u jiżguraw l-użu effettiv tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u ta’ fondi oħra tal-UE, b’mod partikolari fid-dawl tal-objettivi tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u tar-reżiljenza. Il-Kummissjoni indikat li se tipproponi lill-Kunsill biex jiftaħ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit fir-rebbiegħa tal-2024 fuq il-bażi tad-data tal-eżitu għall-2023, f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali eżistenti.

(8)Fis-26 ta’ April 2023, il-Kummissjoni ppreżentat proposti leġiżlattivi biex timplimenta riforma komprensiva tar-regoli ta’ governanza ekonomika tal-UE. L-objettiv ċentrali tal-proposti huwa li tissaħħaħ is-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u jiġi promoss it-tkabbir sostenibbli u inklużiv fl-Istati Membri kollha permezz ta’ riformi u investiment. Il-proposti għandhom l-għan li jipprovdu lill-Istati Membri b’aktar kontroll fuq it-tfassil tal-pjanijiet tagħhom fuq perjodu ta’ żmien medju, filwaqt li jistabbilixxu reġim ta’ infurzar aktar strett biex jiżguraw li l-Istati Membri jwettqu l-impenji mwettqa fil-pjanijiet fiskali-strutturali tagħhom fuq perjodu ta’ żmien medju. L-objettiv huwa li tiġi konkluża l-ħidma leġiżlattiva fl-2023.

(9)Fit-30 ta’ April 2021, l-Italja ppreżentat il-pjan tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament. Fit-13 ta’ Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Italja 10 . Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq deċiżjoni mill-Kummissjoni, meħuda f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li l-Italja laħqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. It-twettiq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.

(10)Fit-2 ta’ Mejju 2023, l-Italja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tal-2023 u l-Programm ta’ Stabbiltà tagħha tal-2023, f’konformità mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. Biex jitqiesu l-konnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati flimkien. F’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Italja dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha.

(11)Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2023 għall-Italja 11 fl-24 ta’ Mejju 2023. Huwa vvaluta l-progress tal-Italja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2022, u ħa kont tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Italja. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta’ dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Huwa vvaluta wkoll il-progress tal-Italja fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-UE dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.

(12)Il-Kummissjoni wettqet analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 għall-Italja u ppubblikat ir-riżultati tagħha fl-24 ta’ Mejju 2023 12 . Hija kkonkludiet li l-Italja qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi. B’mod partikolari, filwaqt li sar xi titjib, jippersistu l-vulnerabbiltajiet relatati ma’ dejn għoli tal-gvern u tkabbir dgħajjef fil-produttività, f’kuntest ta’ fraġilitajiet tas-suq tax-xogħol u xi dgħufijiet fis-swieq finanzjarji, li jkollhom rilevanza transfruntiera. Il-vulnerabbiltajiet fit-tul tal-Italja naqsu kemxejn matul dawn l-aħħar snin iżda għadhom sinifikanti u mhumiex mistennija li jisfumaw malajr. It-tkabbir baxx persistenti fil-produttività kien fattur ewlieni għat-tkabbir ekonomiku dgħajjef fit-tul tal-Italja, li jnaqqas id-diżingranaġġ tad-dejn tal-gvern, ixekkel l-opportunitajiet ta’ xogħol u jkollu impatt fuq il-karti tal-bilanċ tal-banek. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern kompla jonqos fl-2022 flimkien mal-irkupru ekonomiku. Madankollu, għadu għoli u jikkostitwixxi sfida sostanzjali għas-sostenibbiltà fiskali. Il-proporzjon tad-dejn pubbliku huwa mbassar li jkompli jonqos sal-2024 iżda li jiżdied fuq terminu medju fin-nuqqas ta’ miżuri ta’ konsolidazzjoni. Il-Gvern implimenta aktar miżuri biex jappoġġa r-reżiljenza tas-settur finanzjarju u s-self improduttiv naqas b’mod sinifikanti, iżda l-banek għadhom esposti b’mod sinifikanti għas-sovran. Sar xi progress permezz ta’ politiki biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi, iżda huma meħtieġa sforzi sostnuti u l-implimentazzjoni tal-RRP tibqa’ l-prijorità ewlenija ta’ politika billi tinkludi riformi komprensivi u investimenti sinifikanti. It-tqegħid tad-dejn għoli tal-gvern fuq perkors ta’ tnaqqis stabbli, f’kuntest ta’ spejjeż tas-servizzi tad-dejn li qed jogħlew u spejjeż relatati mal-età li qed jogħlew, jirrikjedi approċċ multidimensjonali li jiddependi fuq politiki fiskali prudenti b’surpluses primarji adegwati, investimenti u riformi li jsaħħu t-tkabbir, konformità akbar mar-regoli tat-taxxa kif ukoll użu effiċjenti tar-riżorsi nazzjonali u Ewropej. L-Italja qed tiffaċċja sfidi li, flimkien ma’ implimentazzjoni b’saħħitha kontinwa tal-RRP, tibbenefika minn sforzi addizzjonali ta’ politika, b’mod partikolari fl-oqsma tat-tassazzjoni, il-qafas fiskali u s-sistemi tal-pensjonijiet kif ukoll fl-oqsma tad-demografija, is-suq tax-xogħol, u l-enerġija.

(13)Fuq il-bażi tad-data vvalidata mill-Eurostat 13 , id-defiċit tal-gvern estiż tal-Italja naqas minn 9,0 % tal-PDG fl-2021 għal 8,0 % fl-2022, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż niżel minn 149,9 % tal-PDG fl-aħħar tal-2021 għal 144,4 % fl-aħħar tal-2022. Fl-24 ta’ Mejju 2023, il-Kummissjoni ppubblikat rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE 14 ; ir-rapport iddiskuta s-sitwazzjoni baġitarja tal-Italja, billi d-defiċit tal-gvern estiż tagħha fl-2022 qabeż il-valur referenzjarju skont it-Trattat ta’ 3 % tal-PDG, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż tagħha qabeż il-valur referenzjarju skont it-Trattat ta’ 60 % tal-PDG u ma rrispettax il-valur referenzjali tat-tnaqqis tad-dejn. Ir-rapport ikkonkluda li l-kriterji tad-defiċit u tad-dejn ma ġewx issodisfati. F’konformità mal-Komunikazzjoni tagħha tat-8 ta’ Marzu 2023 15 , il-Kummissjoni ma pproponietx li tiftaħ proċeduri ġodda ta’ defiċit eċċessiv fir-rebbiegħa tal-2023; min-naħa tagħha, il-Kummissjoni indikat li se tipproponi lill-Kunsill biex jiftaħ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit fir-rebbiegħa tal-2024, fuq il-bażi tad-data tal-eżitu għall-2023. Jenħtieġ li l-Italja tqis dan fl-eżekuzzjoni tal-baġit tagħha tal-2023 u fit-tħejjija tal-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju għall-2024.

(14)Il-bilanċ tal-gvern estiż ġie impattat mit-trattament statistiku l-ġdid ta’ krediti ta’ taxxa fuq ir-rinnovazzjoni tad-djar, li issa ġew irreġistrati bħala trasferimenti kapitali u fil-biċċa l-kbira akkumulaw għall-2021 u l-2022 16 . Ġie impattat ukoll mill-miżuri ta’ politika fiskali adottati biex jittaffa l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Fl-2022, tali miżuri li jnaqqsu d-dħul kienu jinkludu miżuri biex jikkontrollaw l-imposti tas-sistema ġenerali fis-setturi tal-elettriku u tal-gass, it-tnaqqis tar-rata tal-VAT fuq il-gass, it-tnaqqis tad-dazji tas-sisa fuq il-prezzijiet tal-fjuwil, it-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għall-ħaddiema taħt ċertu livell limitu ta’ introjtu; filwaqt li tali miżuri li jżidu n-nefqa kienu jinkludu sussidji lil kumpaniji tal-elettriku u tal-gass, l-espansjoni tal-“bonus soċjali” għall-kontijiet tal-elettriku u tal-gass għal unitajiet domestiċi b’introjtu baxx, allowances soġġetti għal test tal-mezzi għall-ħaddiema, il-pensjonanti u l-persuni qiegħda u żieda, bi 2 % f’Ottubru 2022, qabel l-indiċjar statutorju relatat mal-inflazzjoni normalment dovut fl-2023, tal-pensjonijiet tax-xjuħija. L-ispejjeż ta’ dawn il-miżuri kienet parzjalment ikkumpensata minn taxxi ġodda fuq profitti straordinarji mhux mistennija ta’ produtturi u fornituri tal-enerġija u dħul mill-mekkaniżmu ta’ kumpens fuq il-prezz tal-elettriku prodott minn sorsi rinnovabbli u mill-applikazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ kumpens fis-settur tal-elettriku, meqjus li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill dwar intervent ta’ emerġenza biex jiġu indirizzati l-prezzijiet għoljin tal-enerġija adottat fis-6 ta’ Ottubru 2022. Il-Kummissjoni tistma li l-ispiża baġitarja netta ta’ dawn il-miżuri hija ta’ 2,5 % tal-PDG fl-2022. Il-bilanċ tal-gvern estiż ġie impattat ukoll mill-ispiża baġitarja tal-protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna, li hija stmata fil-livell ta’ 0,1 % tal-PDG fl-2022. Fl-istess ħin, l-ispiża stmata tal-miżuri temporanji ta’ emerġenza tal-COVID-19 niżlet għal 1,1 % tal-PDG fl-2022, minn 3,4 % fl-2021, billi l-gvern neħħa gradwalment il-maġġoranza tal-miżuri li ttieħdu b’rispons għall-kriżi tal-COVID-19.

(15)Fit-18 ta’ Ġunju 2021 il-Kunsill irrakkomanda li fl-2022 l-Italja 17 tuża l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex tiffinanzja investiment addizzjonali b’appoġġ għall-irkupru, filwaqt li ssegwi politika fiskali prudenti. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Italja tippreserva l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali. Il-Kunsill irrakkomanda wkoll lill-Italja biex tillimita t-tkabbir tan-nefqa kurrenti ffinanzjata fuq livell nazzjonali.

(16)Skont l-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali 18 fl-2022 kienet ta’ appoġġ, fil-livell ta’ ‑3,2 % tal-PDG. Kif irrakkomandat mill-Kunsill, l-Italja kompliet tappoġġa l-irkupru b’investimenti ffinanzjati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. In-nefqa ffinanzjata minn għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE ammontat għal 0,9 % tal-PDG fl-2022 (0,4 % tal-PDG fl-2021). L-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali pprovda kontribuzzjoni newtrali għall-pożizzjoni fiskali 19 . L-Italja għalhekk, ippreżervat l-investiment iffinanzjat nazzjonalment, kif irrakkomandat mill-Kunsill. Fl-istess ħin, it-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (nett minn miżuri ġodda ta’ dħul) ipprovda kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 2,4 punti perċentwali għall-pożizzjoni fiskali kumplessiva. Din il-kontribuzzjoni espansjonarja sinifikanti kienet tinkludi l-impatt addizzjonali tal-miżuri ta’ politika fiskali biex itaffu l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija (spiża baġitarja netta addizzjonali ta’ 2,2 % tal-PDG), kif ukoll l-ispejjeż biex tiġi offruta protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna (0,1 % tal-PDG). L-Italja għalhekk, żammet taħt kontroll b’mod suffiċjenti t-tkabbir fin-nefqa kurrenti ffinanzjata fil-livell nazzjonali.

(17)Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-proġettazzjonijiet baġitarji fil-Programm ta’ Stabbiltà huwa realistiku kemm fl-2023 kif ukoll fl-2024. Il-Gvern jipproġetta li l-PDG reali jikber b’1,0 % fl-2022 u b’1,5 % fl-2024. B’paragun ma’ dan, it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta tkabbir tal-PDG reali kemxejn ogħla ta’ 1,2 % fl-2023 u kemxejn aktar baxx, fil-livell ta’ 1,1 %, fl-2024, prinċipalment minħabba kontribuzzjoni iżgħar ta’ investiment, li l-Gvern jipproġetta li jikber bi 3,4 % sena wara sena filwaqt li l-Kummissjoni tbassar li tikber b’1,8 %.

(18)Fil-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu tal-2023, il-Gvern jistenna li l-proporzjon tad-defiċit tal-gvern estiż se jonqos għal 4,5 % tal-PDG fl-2023. It-tnaqqis fl-2023 jirrifletti prinċipalment it-tnaqqis fit-trasferimenti kapitali relatati mal-krediti ta’ taxxa li jappoġġaw l-investiment privat fl-effiċjenza tal-akkomodazzjoni, tnaqqis fil-kumpens tal-impjegati minħabba t-tiġdid retroattiv tal-kuntratti pubbliċi għall-perjodu 2019-2021, li għalihom parti sostanzjali mill-arretrati ġiet irreġistrata fl-2022, tnaqqis fis-sussidji fuq il-produzzjoni flimkien ma’ krediti ta’ taxxa aktar baxxi għal kumpaniji tal-elettriku u tal-gass u nefqa tal-imgħax aktar baxxa prinċipalment spjegata minn rendimenti aktar baxxi fuq bonds tal-gvern indiċjati mal-inflazzjoni. Skont il-Programm, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG mistenni jonqos minn 144,4 % fl-aħħar tal-2022 għal 142,1 % fl-aħħar tal-2023. It-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern ta’ 4,5 % tal-PDG għall-2023. Dan huwa konformi mad-defiċit ipproġettat fil-Programm ta’ Stabbiltà. It-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta proporzjon aktar baxx tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG, ta’ 140,4 % sal-aħħar tal-2023. Id-differenza hija dovuta għal tkabbir nominali ogħla tal-PDG fit-tbassir tal-Kummissjoni.

(19)Il-bilanċ tal-gvern fl-2023 mistenni jkompli jiġi impattat mill-miżuri adottati biex itaffu l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Dawn jikkonsistu minn miżuri estiżi mill-2022 (b’mod partikolari: sussidji lil kumpaniji tal-elettriku u tal-gass, miżuri għall-kontroll ta’ imposti ġenerali tas-sistema fis-settur tal-gass, tnaqqis tar-rata tal-VAT fuq il-gass u tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għall-ħaddiema taħt ċertu limitu ta’ introjtu) u miżuri ġodda bħal bonus għat-tisħin għall-unitajiet domestiċi kollha għall-perjodu Ottubru-Diċembru 2023. L-ispiża ta’ dawn il-miżuri għadha parzjalment ikkumpensata minn taxxi fuq profitti straordinarji mhux mistennija ta’ produtturi u fornituri tal-enerġija. Filwaqt jitqies dan id-dħul, l-ispiża baġitarja netta tal-miżuri ta’ appoġġ hija pproġettata fit-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni fil-livell ta’ 1,0 % tal-PDG fl-2023 20 . Il-biċċa l-kbira tal-miżuri fl-2023 huma mmirati lejn l-unitajiet domestiċi jew id-ditti l-aktar vulnerabbli, għalkemm il-maġġoranza tal-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija ma jippreżervawx bis-sħiħ is-sinjal tal-prezz biex titnaqqas id-domanda għall-enerġija u tiżdied l-effiċjenza enerġetika. B’riżultat ta’ dan, l-ammont ta’ miżuri ta’ appoġġ immirat, li għandu jitqies fil-valutazzjoni tal-konformità mar-rakkomandazzjoni għall-2023, huwa stmat fit-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni fil-livell ta’ 0,7 % tal-PDG fl-2023 (meta mqabbel ma’ 1,2 % tal-PDG fl-2022). Fl-aħħar nett, il-bilanċ tal-gvern għall-2023 mistenni jibbenefika mit-tneħħija gradwali sħiħa tal-miżuri temporanji ta’ emerġenza tal-COVID-19 ta’ 1,1 % tal-PDG.

(20)Fit-12 ta’ Lulju 2022, il-Kunsill irrakkomanda 21 li l-Italja fl-2023 tiżgura politika fiskali prudenti, b’mod partikolari billi tillimita t-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali għal taħt it-tkabbir tal-output potenzjali fuq terminu medju 22 , filwaqt li tqis l-appoġġ temporanju u mmirat kontinwu għall-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għall-persuni li qed jaħarbu mill-Ukrajna. Fl-istess ħin, jenħtieġ li l-Italja tkun lesta taġġusta n-nefqa attwali għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. L-Italja ġiet irrakkomandata wkoll tespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija filwaqt li tqis l-inizjattiva REPowerEU, inkluż billi tuża l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni.

(21)Fl-2023, il-pożizzjoni fiskali hija pproġettata fit-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni li tkun restrittiva (+2,6 % tal-PDG), f’kuntest ta’ inflazzjoni għolja. Din issegwi pożizzjoni fiskali espansjonarja fl-2022 (-3,2 % tal-PDG). It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (nett minn miżuri diskrezzjonali ta’ dħul) fl-2023, huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni restrittiva ta’ 0,9 % tal-GDP għall-pożizzjoni fiskali ġenerali. Għalhekk, it-tkabbir ipproġettat tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali huwa konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Il-kontribuzzjoni restrittiva pproġettata tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali hija dovuta, fis-sustanza, għall-ispejjeż imnaqqsa (b’1,5 punti perċentwali tal-PDG) tal-miżuri ta’ appoġġ (immirati u mhux immirati) għall-unitajiet domestiċi u d-ditti b’rispons għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija. Il-muturi ewlenin tat-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netta minn miżuri ġodda ta’ dħul) huma ż-żieda fin-nefqa fuq il-pensjonijiet minħabba l-indiċjar għall-inflazzjoni tas-sena preċedenti u t-tnaqqis ulterjuri adottat reċentement fil-porzjon ta’ taxxa fuq ix-xogħol għal dawk b’introjtu baxx u medju. In-nefqa ffinanzjata minn għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE hija pproġettata li tammonta għal 1,4 % tal-PDG fl-2023, filwaqt li l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja għall-pożizzjoni fiskali ta’ 0,1 punt perċentwali 23 . Għalhekk, l-Italja qed tippjana li tiffinanzja investiment addizzjonali permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE, u huwa pproġettat li tippreserva l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali. Hija qed tippjana li tiffinanzja l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija, bħall-investimenti fin-network ferrovjarju, l-enerġija rinnovabbli, l-idroġenu, il-grilji tal-elettriku u l-mobilità sostenibbli, il-protezzjoni tar-riżorsi tal-art u tal-ilma kif ukoll investimenti relatati mal-infrastruttura tal-cloud għall-amministrazzjoni pubblika, li huma parzjalment iffinanzjati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE. Fid-dawl tal-għargħar devastanti li laqtu l-Italja f’Mejju 2023, l-ispiża tal-appoġġ dirett ta’ emerġenza relatat ma’ dawk l-għargħar se titqies f’valutazzjonijiet sussegwenti tal-konformità u fil-prinċipju se titqies bħala miżuri ta’ darba u temporanji 24 .

(22)Skont il-Programm ta’ Stabbiltà, id-defiċit tal-gvern estiż mistenni jonqos għal 3,7 % tal-PDG fl-2024. It-tnaqqis fl-2024 jirrifletti prinċipalment tnaqqis fin-nefqa għall-konsum intermedju u għall-krediti ta’ taxxa għal kumpaniji tal-elettriku u tal-gass. Il-programm jistenna li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG jonqos għal 141,4 % sal-aħħar tal-2024. Abbażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern ta’ 3,7 % tal-PDG fl-2024. Dan huwa f’konformità mad-defiċit ipproġettat fil-programm, għalkemm it-tbassir tal-Kummissjoni ma jinkludix miżuri ppjanati li jżidu d-defiċit li jammontaw għal 0,2 % tal-PDG, li d-dettalji għalihom għadhom mhumiex magħrufa. It-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta proporzjon aktar baxx tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG, ta’ 140,3 % fl-aħħar tal-2024. Id-differenza hija dovuta għal tkabbir nominali ogħla tal-PDG fit-tbassir tal-Kummissjoni.

(23)Il-Programm ta’ Stabbiltà jipprevedi t-tneħħija gradwali tal-miżuri kollha ta’ appoġġ għall-enerġija fl-2024. Il-Kummissjoni tassumi wkoll it-tneħħija gradwali sħiħa tal-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija fl-2024. Dan jiddependi fuq is-suppożizzjoni li ma jkunx hemm żidiet ġodda fil-prezzijiet tal-enerġija.

(24)Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 jappella għal titjib annwali fil-bilanċ tal-baġit strutturali lejn l-objettiv ta’ terminu medju ta’ 0,5 % tal-PDG bħala punt ta’ riferiment 25 . Filwaqt li jitqiesu konsiderazzjonijiet ta’ sostenibbiltà fiskali 26 u l-ħtieġa li jitnaqqas id-defiċit għal taħt il-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-PDG, ikun adatt titjib fil-bilanċ strutturali ta’ mill-inqas 0,7 % tal-PDG għall-2024. Sabiex jiġi żgurat tali titjib, it-tkabbir fin-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2024 jenħtieġ li ma jaqbiżx il-1,3 %, kif rifless f’din ir-rakkomandazzjoni. Fl-istess ħin, jenħtieġ li l-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija li fadal (attwalment stmati mill-Kummissjoni fil-livell ta’ 1,0 % tal-PDG fl-2023) jitneħħew gradwalment, kontinġenti fuq l-iżviluppi tas-suq tal-enerġija u jibdew minn dawk l-inqas immirati, u jenħtieġ li l-iffrankar relatat jintuża biex jitnaqqas id-defiċit tal-gvern. Fuq il-bażi tal-istimi tal-Kummissjoni, dan iwassal għal tkabbir fin-nefqa primarja netta aktar baxx minn dak irrakkomandat għall-2024.

(25)Filwaqt li jassumi l-politiki ma jinbidlux, it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta li n-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali tikber fil-livell ta’ 0,8 % fl-2024, li hija taħt ir-rata ta’ tkabbir rakkomandata. Fid-dawl tal-għargħar devastanti li laqtu l-Italja f’Mejju 2023, l-ispiża tal-appoġġ dirett ta’ emerġenza relatat ma’ dawk l-għargħar se titqies f’valutazzjonijiet sussegwenti tal-konformità u fil-prinċipju se titqies bħala miżuri ta’ darba u temporanji.

(26)Skont il-programm, l-investiment pubbliku mistenni jonqos minn 3,3 % tal-PDG fl-2023 għal 3,8 % tal-PDG fl-2024. L-investiment ogħla jirrifletti investiment ogħla ffinanzjat fil-livell nazzjonali u investiment iffinanzjat mill-UE, inkluż permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Il-programm jirreferi għal riformi u investimenti, li huma mistennija jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà fiskali u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv. Dawn jinkludu r-riforma tal-kodiċi tal-akkwist, li hija wkoll parti mill-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza u s-sistema tat-taxxa inkluża fil-liġi abilitanti ta’ Marzu 2023.

(27)Il-Programm ta’ Stabbiltà jiddeskrivi perkors fiskali fuq terminu medju sal-2026. Skont il-programm, id-defiċit tal-gvern estiż mistenni jonqos għal 3,0 % tal-PDG fl-2025 u għal 2,5 % sal-2026. Għaldaqstant, id-defiċit tal-gvern estiż huwa ppjanat li ma jibqax jaqbeż it-3 % tal-PDG fl-2025. Skont il-programm, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż mistenni jonqos minn 141,4 % fl-aħħar tal-2024 għal 140,4 % fl-aħħar tal-2026.

(28)Il-porzjon ta’ taxxa fuq ix-xogħol tal-Italja baqa’ għoli fil-livelli kollha tal-introjtu meta mqabbel ma’ Stati Membri oħra tal-UE, minkejja t-tnaqqis tat-taxxi fuq l-introjtu personali implimentat fl-2022. Barra minn hekk, l-estensjoni tar-reġim b’rata fissa għall-ħaddiema għal rashom tqajjem tħassib dwar l-ekwità u l-effiċjenza tas-sistema tat-taxxa. L-introduzzjoni ta’ reġim ġdid b’rata fissa fuq il-qligħ għall-2023 iżżid ukoll il-kumplessità. F’Marzu 2023, il-Gvern adotta liġi abilitanti ġdida għal riforma ġenerali tas-sistema tat-taxxa. Hija mistennija li tindirizza xi dgħufijiet li ilhom jeżistu, inkluż billi tnaqqas it-taxxi fuq ix-xogħol u tirrazzjonalizza u tissimplifika n-nefqa tat-taxxa u t-taxxi korporattivi. Meta tiġi implimentata din ir-riforma, huwa kruċjali li tiġi ppreservata l-progressività tas-sistema tat-taxxa, titnaqqas il-kumplessità, jiżdiedu l-inċentivi għax-xogħol, tissaħħaħ il-konformità mar-regoli tat-taxxa u tiġi żgurata n-newtralità baġitarja. F’dan ir-rigward, hemm il-potenzjal li jiżdied id-dħul minn sorsi oħra li huma inqas detrimentali għat-tkabbir, bħall-proprjetà, il-VAT u l-awtorizzazzjoni għall-użu ta’ assi kostali tal-istat, sabiex jitnaqqas il-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol b’mod newtrali għall-baġit. Hemm lok ukoll biex jittejjeb it-tfassil tat-taxxi ambjentali, li, minkejja dħul relattivament għoli, ma jippromwovix biżżejjed it-tranżizzjoni lejn teknoloġiji aktar nodfa, anke minħabba l-użu estensiv ta’ sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent. Barra minn hekk, huwa importanti li tiġi indirizzata sfida li ilha teżisti u li mhijiex inkluża fil-liġi abilitanti, jiġifieri l-valuri katastali fil-biċċa l-kbira skaduti, li jservu bħala bażi għall-kalkolu tat-taxxa fuq il-proprjetà.

(29)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b) u l-kriterju 2.2 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Filwaqt li l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Italja tinsab għaddejja, hemm riskji ta’ dewmien. L-Italja ppreżentat tliet talbiet għal pagament, li jikkorrispondu għal 151 stadju importanti u mira fil-pjan u li jirriżultaw fi żborż ġenerali ta’ EUR 42 biljun (l-ammont jirreferi għall-ewwel żewġ talbiet għal pagament, filwaqt li t-tielet waħda qed tiġi vvalutata). Il-proċediment rapidu bl-implimentazzjoni tal-pjan u n-negozjar tal-emenda tiegħu huwa essenzjali minħabba n-natura temporanja tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fis-seħħ sal-2026. Huwa importanti li l-Italja ssaħħaħ il-kapaċità amministrattiva, partikolarment fil-livell subnazzjonali, biex twettaq l-impenji tal-pjan, filwaqt li qafas ta’ governanza effettiv u kompletament operazzjonali jibqa’ kruċjali għal implimentazzjoni bla xkiel u f’waqtha tal-pjan. Għadu kruċjali li jiġu identifikati minn kmieni dewmien potenzjali u kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni u li tittieħed azzjoni f’waqtha biex tindirizzahom. F’konformità mal-Artikolu 14(6) tar-Regolament (UE) 2021/241, fil-31 ta’ Marzu 2023, l-Italja esprimiet l-intenzjoni tagħha li titlob appoġġ b’self addizzjonali skont il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. In-negozjati dwar l-addendum u l-kapitolu REPowerEU għadhom għaddejjin, għalkemm l-Italja ma ppreżentat l-ebda proposta uffiċjali. L-inklużjoni rapida tal-kapitolu l-ġdid tar-REPowerEU fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tippermetti li jiġu ffinanzjati riformi u investimenti addizzjonali b’appoġġ għall-objettivi strateġiċi tal-Italja fil-qasam tal-enerġija u t-tranżizzjoni ekoloġika. L-involviment sistematiku u effettiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, tas-sħab soċjali u ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ importanti għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll ta’ politiki ekonomiċi u tal-impjiegi oħra li jmorru lil hinn mill-pjan, biex tiġi żgurata sjieda wiesgħa tal-aġenda ta’ politika ġenerali.

(30)Il-Kummissjoni approvat il-biċċa l-kbira tad-dokumenti ta’ programmazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni tal-Italja fl-2022 u ta’ xi wħud minnhom fl-2023. It-tkomplija tal-implimentazzjoni rapida tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni f’komplementarjetà u sinerġija mal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija kruċjali biex tinkiseb it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, tiżdied ir-reżiljenza ekonomika u soċjali kif ukoll jinkiseb żvilupp territorjali bbilanċjat fl-Italja.

(31)Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, l-Italja qed tiffaċċja għadd ta’ sfidi addizzjonali relatati mal-politika dwar l-enerġija u t-tranżizzjoni ekoloġika, partikolarment dwar l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, it-trażmissjoni tal-gass, l-effiċjenza enerġetika, il-forniment u l-akkwist ta’ ħiliet ekoloġiċi u l-mobilità sostenibbli.

(32)Il-kapaċità rinnovabbli kibret b’mod kajman ħafna matul is-sena li għaddiet, u s-sehem ta’ fjuwils fossili fit-taħlita enerġetika għadu sinifikanti. Biex taċċellera l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, l-Italja adottat xi emendi għall-qafas eżistenti li jirregola l-ħruġ tal-permessi u l-proċess ta’ awtorizzazzjoni għal sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Huma meħtieġa aktar sforzi biex tiġi żgurata l-koerenza bejn l-oqsfa amministrattiv u leġiżlattiv kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak reġjonali u r-rilevanza tagħhom għat-teknoloġija tal-enerġija tal-ogħla livell taż żvilupp tekniku. Pereżempju, in-normi kollha relatati jistgħu jiġu konsolidati f’test uniku (Testo unico); fl-istess ħin, huwa meħtieġ li jiġu aġġornati l-linji gwida li l-awtoritajiet subnazzjonali jsegwu biex jevalwaw il-proġetti. Fl-aħħar nett, huma meħtieġa aktar investimenti għat-titjib tal-grilja nazzjonali u l-kostruzzjoni ta’ interkonnessjonijiet bejn il-kontinent, Sqallija u Sardinja biex jippermettu l-kapaċità ta’ ġenerazzjoni ogħla mistennija u jassorbu ż-żieda relatata fl-output rinnovabbli.

(33)Għad fadal l-ostakli fin-network tal-gass. L-Italja qed tiddiskuti investimenti ma’ sħab fl-Afrika ta’ Fuq biex iżżid il-kapaċità ta’ importazzjoni tal-pipelines u l-interkonnetturi tal-gass eżistenti. Dan jgħin biex jiġu ddiversifikati l-importazzjonijiet u għalhekk tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista. Madankollu, huma meħtieġa aktar investimenti biex ineħħu l-ostakli fin-network domestiku eżistenti, li ma għandux il-kapaċità ta’ trażmissjoni li jiddistribwixxi konsum ġdid ta’ gass min-Nofsinhar għat-Tramuntana tal-pajjiż. L-investiment fl-infrastruttura tal-fjuwils fossili jeħtieġ li jkun limitat għal dak li huwa strettament meħtieġ u jitfassal biex jibqa’ validu fil-futur, biex jiġi evitat intrappolament f’teknoloġiji li mhumiex konsistenti mal-objettivi klimatiċi jew li jżidu l-ispiża tat-tranżizzjoni tal-enerġija.

(34)Il-konsum tal-Italja tal-gass naturali niżel b’19 % fil-perjodu bejn Awwissu 2022 u Marzu 2023, meta mqabbel mal-konsum medju tal-gass matul l-istess perjodu fl-aħħar ħames snin, lil hinn mill-mira għat-tnaqqis ta’ 15 %. L-Italja tista’ tkompli ssegwi l-isforzi biex tnaqqas temporanjament id-domanda tal-gass sal-31 ta’ Marzu 2024 27 . Huwa meħtieġ li l-miżuri għat-titjib tal-effiċjenza enerġetika tal-bini jkunu mmirati. L-istokk tal-bini tal-Italja għandu potenzjal konsiderevoli ta’ effiċjenza enerġetika, b’mod partikolari fir-rigward tas-sehem kbir ta’ bini antik u li juża ħafna enerġija. Il-miżuri eżistenti fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jistgħu jiġu kkomplementati minn miżuri, bħal skemi ta’ inċentivi mmirati biex iżidu l-effiċjenza enerġetika fil-bini bl-agħar rendiment, inkluż il-bini kummerċjali u l-akkomodazzjoni pubblika, filwaqt li jiġi żgurat li jintlaħqu l-unitajiet domestiċi vulnerabbli u li jiġu evitati effetti rigressivi. Dawn il-miżuri jkunu partikolarment ta’ benefiċċju għall-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju li spiss ma jkollhomx il-kapaċità teknika u finanzjarja biex itejbu l-effiċjenza enerġetika tagħhom. L-istess miżuri jikkontribwixxu wkoll għat-tnaqqis tal-faqar enerġetiku, li jista’ jkompli jiġi indirizzat permezz ta’ miżuri oħra, pereżempju permezz ta’ punti uniċi ta’ servizz li jipprovdu servizzi personalizzati għall-iffrankar tal-enerġija. Il-gwadanji fl-effiċjenza enerġetika jibbenefikaw ukoll minn żieda fis-sorveljanza tas-suq għall-ekodisinn u t-tikkettar tal-enerġija.

(35)Il-lakuni fl-infrastruttura u s-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent, inkluż it-trasport bit-triq, għadhom sostanzjali u jiskoraġġixxu t-tranżizzjoni lejn soluzzjonijiet tat-trasport aktar sostenibbli. Pereżempju, l-għadd medju ta’ punti tal-iċċarġjar għadu taħt il-medja tal-UE. Is-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent jinkludu t-tassazzjoni b’rata fissa tal-karozzi tal-kumpaniji disponibbli għall-użu privat u r-rimborż tad-dazju tas-sisa fuq id-diżil użat fil-merkanzija. It-tkomplija tal-isforzi biex jiġu introdotti stazzjonijiet tal-iċċarġjar u jitneħħew dawk is-sussidji hija kruċjali biex jiġi kkonsolidat is-suq għal vetturi b’emissjonijiet żero.

(36)In-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet fis-setturi u l-okkupazzjonijiet ewlenin għat-tranżizzjoni ekoloġika, inkluż il-manifattura, l-użu u l-manutenzjoni ta’ teknoloġiji żero netti, qed joħolqu ostakli fit-tranżizzjoni lejn ekonomija b’emissjonijiet żero netti. Sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità għolja li jirrispondu għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol li qed jinbidlu u miżuri mmirati ta’ titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid huma kruċjali biex jitnaqqas in-nuqqas ta’ ħiliet u jiġu promossi l-inklużjoni u r-riallokazzjoni tax-xogħol. Biex tiġi sfruttata l-provvista tax-xogħol mhux sfruttata, dawn il-miżuri jeħtieġ li jkunu aċċessibbli, b’mod partikolari għall-individwi u fis-setturi u r-reġjuni l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni ekoloġika. Fl-Italja, kemm l-okkupazzjonijiet b’livell għoli ta’ ħiliet kif ukoll dawk b’livell baxx ta’ ħiliet li huma kruċjali għat-tranżizzjoni ekoloġika huma affettwati minn nuqqasijiet. Fl-istess ħin, l-appoġġ għat-taħriġ spiss ma jilħaqx lill-ħaddiema li x’aktarx jiġu affettwati mit-tranżizzjoni ekoloġika. In-nuqqas ta’ ħiliet ekoloġiċi fis-settur pubbliku, b’mod partikolari fil-livell lokali, qed jillimita wkoll l-investimenti ekoloġiċi. L-Italja qed tiffaċċja disparitajiet reġjonali kbar li jirriskjaw li jiġu aggravati jekk is-swieq tax-xogħol lokali ma jkunux jistgħu jaħtfu l-opportunitajiet tat-tranżizzjoni ekoloġika. Barra minn hekk, it-tisħiħ tal-ħiliet ekoloġiċi, inkluż għall-ġestjoni sostenibbli tal-ħamrija, ikun kruċjali fil-ġlieda kontra l-effetti tat-tibdil fil-klima, b’mod partikolari l-għargħar aggravat u n-nixfiet persistenti.

(37)Fid-dawl tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023 u l-opinjoni tiegħu 28 hija riflessa fir-Rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.

(38)Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-Żona tal-Euro u l-kontribut kollettiv tagħhom għall-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex (i) jippreservaw is-sostenibbiltà tad-dejn u joqogħdu lura minn appoġġ fuq bażi wiesgħa għad-domanda aggregata fl-2023, jimmiraw aħjar il-miżuri fiskali meħuda biex itaffu l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija u jirriflettu dwar modi xierqa biex jitnaqqas l-appoġġ hekk kif jonqsu l-pressjonijiet tal-prezzijiet tal-enerġija; (ii) isostnu investiment pubbliku għoli u jippromwovu l-investiment privat biex jappoġġaw it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali; (iii) jappoġġaw l-iżviluppi fil-pagi li jtaffu t-telf fil-kapaċità tal-akkwist filwaqt li jillimitaw l-effetti sekondarji fuq l-inflazzjoni, ikomplu jtejbu l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol u jindirizzaw in-nuqqas ta’ ħiliet; (iv) itejbu l-ambjent tan-negozju u jiżguraw li l-appoġġ għall-enerġija lill-kumpaniji jkun kosteffettiv, temporanju, immirat lejn ditti vijabbli u li jżomm l-inċentivi għat-tranżizzjoni ekoloġika; u (v) jippreservaw l-istabbiltà makrofinanzjarja u jimmonitorjaw ir-riskji filwaqt li jkomplu jaħdmu fuq it-tlestija tal-Unjoni Bankarja. Għall-Italja, ir-Rakkomandazzjonijiet (1), (2) u (3) jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Ewwel, it-Tieni, it-Tielet u r-Raba’ Rakkomandazzjoni għaż-Żona tal-Euro. 

(39)Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 u l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-Rakkomandazzjoni (1) ta’ hawn taħt. Il-politiki msemmija fir-Rakkomandazzjoni (1) jgħinu jindirizzaw il-vulnerabbiltajiet marbuta ma’ dejn għoli tal-gvern u tkabbir dgħajjef fil-produttività. Ir-Rakkomandazzjoni (2) tikkontribwixxi għall-indirizzar tar-Rakkomandazzjoni (1). Il-politiki msemmija fir-Rakkomandazzjoni (1) jikkontribwixxu kemm għall-indirizzar ta’ żbilanċi kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjonijiet għaż-Żona tal-Euro, f’konformità mal-premessa 38.

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Italja tieħu azzjoni fl-2023 u l-2024 biex:

1.Tnaqqas il-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija fis-seħħ sal-aħħar tal-2023, bl-użu tal-iffrankar relatat biex jitnaqqas id-defiċit tal-gvern. Jekk iż-żidiet ġodda fil-prezzijiet tal-enerġija jeħtieġu miżuri ta’ appoġġ, tiżgura li dawn ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, fiskalment affordabbli, u jippreservaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija.

Tiżgura politika fiskali prudenti, b’mod partikolari billi tillimita ż-żieda nominali fin-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2024 għal mhux aktar minn 1,3 %.

Tippreserva l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u tiżgura l-assorbiment effettiv tal-għotjiet RRF u fondi oħra tal-UE, b’mod partikolari biex trawwem it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.

Għall-perjodu lil hinn mill-2024, tkompli ssegwi strateġija fiskali fuq terminu medju ta’ konsolidazzjoni gradwali u sostenibbli, flimkien ma’ investimenti u riformi li jwasslu għal produttività mtejba u tkabbir sostenibbli ogħla, biex tikseb pożizzjoni fiskali prudenti fuq terminu medju.

Tkompli tnaqqas it-taxxi fuq ix-xogħol u żżid l-effiċjenza tas-sistema tat-taxxa, tadotta u timplimenta b’mod xieraq il-liġi abilitanti dwar ir-riforma tat-taxxa filwaqt li tippreserva l-progressività tas-sistema tat-taxxa u ssaħħaħ il-ġustizzja, partikolarment billi tissimplifika u tnaqqas in-nefqiet tat-taxxa, inklużi l-VAT u s-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent, u billi tnaqqas il-kumplessità tal-kodiċi tat-taxxa. Tallinja l-valuri katastali mal-valuri attwali tas-suq.

2.Tiżgura governanza effettiva u ssaħħaħ il-kapaċità amministrattiva, partikolarment fil-livell subnazzjonali, biex tippermetti implimentazzjoni rapida u kostanti kontinwa tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. Tiffinalizza malajr il-kapitolu REPowerEU bil-ħsieb li tibda b’mod rapidu l-implimentazzjoni tiegħu. Tipproċedi bl-implimentazzjoni rapida tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, f’komplementarjetà u sinerġija mill-qrib mal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.

3.Tnaqqas id-dipendenza fuq fjuwils fossili. Tissimplifika l-proċeduri għall-ħruġ tal-permessi biex taċċellera l-produzzjoni ta’ enerġija rinnovabbli addizzjonali u tiżviluppa interkonnessjonijiet tal-elettriku biex jassorbuha. Iżżid il-kapaċità għat-trażmissjoni interna tal-gass biex tiddiversifika l-importazzjonijiet tal-enerġija u ssaħħaħ is-sigurtà tal-provvista. Iżżid l-effiċjenza enerġetika fis-setturi residenzjali u korporattivi, inkluż permezz ta’ skemi ta’ inċentivi mmirati aħjar, li jindirizzaw b’mod partikolari l-unitajiet domestiċi l-aktar vulnerabbli u l-bini bl-agħar rendiment. Tippromwovi l-mobilità sostenibbli, inkluż billi tneħħi s-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent u tħaffef l-introduzzjoni tal-istazzjonijiet tal-iċċarġjar. Iżżid l-isforzi ta’ politika mmirati lejn il-forniment u l-akkwist tal-ħiliet meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
(2)    ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.
(3)    Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p 17).
(4)    COM(2022) 780 final.
(5)    COM(2023) 62 final.
(6)    COM(2023) 168 final.
(7)    Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1).
(8)    COM(2023) 141 final.
(9)    COM(2022) 583 final.
(10)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Italja (ST 10160/21; ST 10160/21 ADD 1; ST 10160/21 ADD 1 REV 1; ST 10160/21 ADD 1 REV 2; ST 10160/21 ADD 1 REV 2 COR 1).
(11)    SWD(2023) 612 final.
(12)    SWD(2023) 634 final.
(13)    Eurostat-Euro Indicators, 47/2023, 21.4.2023
(14)    COM(2023) 631 final, 24.5.2023.
(15)    COM(2023) 141 final, 8.3.2023.
(16)    It-trattament statistiku l-ġdid implika reviżjoni ’l fuq tad-defiċit b’1,8 punti perċentwali tal-PGD fl-2021. Fl-2022, il-krediti ta’ taxxa involuti mit-trattament statistiku l-ġdid huma stmati li kellhom impatt li jżid id-defiċit ta’ 2,6 punti perċentwali tal-PDG.
(17)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2021 li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2021 tal-Italja, ĠU C 304, 29.7.2021, p. 53.
(18)    Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala l-bidla fin-nefqa primarja (netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonali), esklużi l-miżuri ta’ emerġenza temporanji relatati mal-kriżi tal-COVID-19 iżda inkluża n-nefqa ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (għotjiet) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE, relattivi mat-tkabbir potenzjali fuq terminu medju. Għal aktar dettalji ara l-Kaxxa 1 fit-Tabelli Statistiċi Fiskali.
(19)    Nefqa kapitali oħra ffinanzjata fil-livell nazzjonali hija pproġettata li tipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 0,3 punt perċentwali tal-PDG. Dan huwa spjegat miż-żieda fin-nefqa relatata mal-krediti ta’ taxxa għal xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni tal-bini, li hija rreġistrata bħala trasferiment kapitali.
(20)    Iċ-ċifri jirrappreżentaw il-livell tal-ispejjeż baġitarji annwali ta’ dawk il-miżuri, inklużi d-dħul u n-nefqa kurrenti kif ukoll – fejn rilevanti – il-miżuri tan-nefqa kapitali.
(21)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2022 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Italja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022 tal-Italja, ĠU C 334, 1.0.2022, p. 96. 
(22)    Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni, it-tkabbir tal-output potenzjali fuq terminu medju (medja ta’ 10 snin) tal-Italja huwa stmat li jilħaq is-6,4 % f’termini nominali.
(23)    Nefqa kapitali oħra ffinanzjata fil-livell nazzjonali hija pproġettata li tipprovdi kontribuzzjoni restrittiva ta’ 2,3 punti perċentwali tal-PDG. Dan huwa spjegat mit-tnaqqis mistenni fin-nefqa għall-krediti ta’ taxxa għax-xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni tal-bini.
(24)    Ara għad-definizzjoni ta’ miżura ta’ darba r- Rapport dwar il-finanzi pubbliċi 2015 .
(25)    Ara l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, li jirrikjedi wkoll aġġustament ta’ aktar minn 0,5 % tal-PDG għall-Istati Membri b’dejn tal-gvern li jaqbeż is-60 % tal-PDG, jew b’riskji aktar evidenti għas-sostenibbiltà tad-dejn.
(26)    Il-Kummissjoni stmat li l-Italja teħtieġ żieda annwali medja fil-bilanċ strutturali primarju bħala sehem tal-PDG ta’ 0,85 punt perċentwali biex tikseb tnaqqis tad-dejn plawżibbli jew tiżgura li d-dejn tal-gvern jinżamm f’livelli prudenti fuq terminu medju. Din l-istima kienet ibbażata fuq it-tbassir tal-ħarifa 2022 tal-Kummissjoni. Il-punt tat-tluq għal din l-istima kien id-defiċit u d-dejn ipproġettati tal-gvern għall-2024 li assumew l-irtirar tal-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija fl-2024.
(27)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1369 u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/706.
(28)    Skont l-Artikoli 5(2) u 9(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.