32000D0690



Official Journal L 285 , 10/11/2000 P. 0024 - 0025


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tat-8 ta' Novembru 2000

li tistabbilixxi Grupp għall-Politika ta' l-Intrapriza

(innotifikata fid-dokument numru C(2000) 3089)

(2000/690/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Billi:

(1) L-Artikolu 157 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tat lill-Komunità u lill-Istati Membri l-kompitu li jassiguraw li jeżistu l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-kompettitività ta' l-industrija tal-Komunità.

(2) Fuq il-bażi tar-razzjonalizzazzjoni u sabiex tkun iffaċilitata l-integrazzjoni tal-ħidma tal-Kummissjoni fuq prattika tajba u l-kordinament ma’ l-Istati Membri, kif intqal fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni "sfidi għall-politika ta' l-intrapriża fl-ekonomija misjuqa mill-għerf" [1], il-Kummissjoni teħtieġ korp għar-riflessjoni, dibattitu u pariri, li jikkonsisti minn esperti ta' livell għoli mill-komunità ta' l-intrapriżi u rappreżentanti ta' l-Istati Membri, msejjaħ "Il-grupp għall-Politika ta' l-Intrapriza" ("EPG"), biex ikunu eżaminati l-kwistjonijiet ġenerali tal-politika ta' l-intrapriża u biex jassisti l-Kummissjoni fl-identifikazzjoni u t-tixrid tal-prattika tajba.

(3) Sabiex jinkisbu trasparenza u effiċjenza akbar fil-politika ta' l-intrapriża u biex jippermettilu li jkollu rwol aktar strateġiku għall-isfidi fl-ekonomija misjuqa mill-għerf, l-EPG għandu jkollu żewġ taqsimiet, l-ewwel li jkollu rappreżentanti mill-Istati Membri, u t-tieni li jkollu persuni eminenti, magħżula mill-Kummissjoni minn applikanti kwalifikati ħafna kif jixraq fuq firxa wiesgħa, attivi fl-industrija, fis-servizzi, fil-komunità tan-negozju jew fl-oqsma ta' l-attività marbuta ma’ l-iżvilupp ta' l-innovazzjoni u ta' l-ekonomija misjuqa mill-għerf.

(4) Sabiex ikun hemm rappreżentanza adegwata tad-Diretturi Ġenerali ta' l-industrija u ta' l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-impriżi żgħar u medji (SMEs), huwa xieraq li l-Istati Membri ikunu jistgħu jaħtru sa żewġ rappreżentati għall-ewwel taqsima.

(5) Għandu għalhekk ikun stabbilit l-EPG u għandhom ikunu definiti t-termini ta' referenza u l-organizzazzjoni interna tiegħu.

(6) Biex tkun iggarantita rappreżentanza adegwata ta' l-SMEs, għandha tkun ipprovduta allowance fissa għal dawk li jipparteċipaw fix-xogħol ta' l-EPG li huma impjegati minn SME.

(7) Il-Kumitat dwar il-Kummerċ u d-Distribuzzjoni u l-Kumitat Konsultattiv għall-Koperattivi, Soċjetajiet Mutwi, Assoċjazzjonijiet u Fondazzjonijiet għandu jkun xolt,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Grupp għall-Politika ta' l-Intrapriza, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ bħala l-"grupp", li l-membri tiegħu huma maħtura mill-Kummissjoni, huwa b'dan stabbilit mill-Kummissjoni. Il-kompitu tiegħu huwa li jagħti pariri lill-Kummissjoni fuq kwistjonijiet tal-politika ta' l-intrapriża.

Artikolu 2

1. Il-Grupp għandu jikkonsisti f'żewġ Taqsimiet:

- L-ewwel Taqsima (Diretturi Ġenerali), li tikkonsisti minn sa żewġ rappreżentanti minn kull Stat Membru, maħtura minn kull Stat Membru,

- It-tieni kamra professjonali, li tikkonsisti sa 40 membru maħtur mill-Kummissjoni, li jirrappreżentaw firxa wiesgħa ta' kompetenzi fl-oqsma ta' importanza għall-intrapriżi.

2. Jistgħu jitwaqqfu gruppi ta' ħidma biex jistudjaw suġġetti speċifiċi fuq il-bażi ta' mandat.

3. Il-Kummissjoni tista’ tistieden esperti biex jieħdu sehem fix-xogħol tal-grupp, tat-taqsimiet jew tal-gruppi ta' ħidma.

4. Il-grupp, it-taqsimiet tiegħu u l-gruppi ta' ħidma tiegħu għandhom jiltaqgħu fil-forma u skond l-iskeda determinata mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tippresjedi l-laqgħat u l-uffiċjali tal-Kummissjoni jistgħu jieħdu seħem fihom.

5. Il-grupp u t-taqsimiet tiegħu għandhom jadottaw ir-regoli tagħhom ta' proċedura fuq il-bażi ta' abbozz ippreżentat mill-Kummissjoni. Id-dipartimenti tal-Kummissjoni għandhom jipprovdu s-segretarjat.

6. Il-Kummissjoni tista’ tippubblika fuq l-Internet, fil-lingwa oriġinali tad-dokument ikkonċernat, kull konklużjoni, sommarju, konklużjoni parzjali jew dokument ta' ħidma relatati mal-grupp jew it-taqsimiet tiegħu.

Artikolu 3

Id-disposizzjonijiet li ġejjin għandhom jgħoddu għat-tieni taqsima:

- il-ħatra għandha tkun fil-kapaċità personali u l-pariri għandhom jingħataw lill-Kummissjoni indipendentement minn kull struzzjoni minn barra,

- l-informazzjoni miksuba mix-xogħol tal-grupp, it-taqsimiet tiegħu jew il-gruppi tal-ħidma tiegħu, m'għandhiex tinkixef, meta jingħad mill-Kummissjoni li tirrigwarda materja kunfidenzjali,

- il-kariga tal-membri għandha tkun ta' sentejn, u tista’ tiġġedded. Għandhom jibqgħu fil-ħatra sakemm jinbiddlu, jew sakemm jispiċċa t-terminu tal-kariga,

- membri li ma jistgħux aktar jagħtu kontribut effettiv għax-xogħol tal-grupp, li jirriżenjaw jew li jiksru l-ħtiġiet imsemmija fl-ewwel u t-tieni inċiż ta' dan l-Artikolu jew fl-Artikolu 287 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, jistgħu jinbidlu għall-bqija tat-terminu tal-kariga tagħhom,

- L-ismijiet tal-membri għandhom ikunu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 4

Spejjeż għall-ivjaġġar u s-sostinenza magħmula minn membri, osservaturi u esperti, fir-rigward ta' l-attivitajiet tal-grupp, għandhom ikunu rimborsati mill-Kummissjoni skond id-disposizzjonijiet fis-seħħ fil-Kummissjoni. Il-funzjonijiet tagħhom ma għandhomx ikunu rimunerati. Madankollu, il-Kummissarju responsabbli għall-politika ta' l-intrapriża jista’ jiddeċiedi li membri, osservaturi jew esperti li huma impjegati minn impriża żgħira jew medja [2], jistgħu jkunu kkumpensati wkoll għall-ispejjeż li jirriżultaw minn xogħol preparatorju u talli jkunu ’il bogħod mill-impriża tagħhom, b’allowance fissa ta' EUR 500 kuljum, sa massimu ta' 10 ijiem kull sena.

Artikolu 5

Qed jittħassru b'dan id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 81/428/KEE [3] and 98/215/KE [4].

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Għandha tapplika sal-31 ta' Diċembru 2005. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk testendihiex jew le qabel dik id-data.

Magħmula fi Brussel, fit-8 ta' Novembru 2000.

Għall-Kummissjoni

Erkki Liikanen

Membru tal-Kummissjoni

[1] COM (2000) 256 finali, inkluż l-Anness li jiddeskrivi l-aħjar proċedura

[2] Skond id-definizzjoni mogħtija fir-Rakommandazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' April 1996 (ĠU L 107, tat-30.4.1996, pġ. 4), inkluż min jaħdem għal rasu.

[3] ĠU L 165, tat-23.6.1981, pġ. 24.

[4] ĠU L 80, tat-18.3.1998, pġ. 51.

--------------------------------------------------