European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/255

5.2.2025

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/255

tal-31 ta’ Jannar 2025

dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza interim relatati mal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar fl-Ungerija

(notifikata bid-dokument C(2025) 788)

(It-testi bl-Ungeriż u bis-Sloven biss huma awtentiċi)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 259(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar hija marda infettiva li taffettwa lill-annimali kaprini u ovini u jista’ jkollha impatt serju fuq il-popolazzjoni tal-annimali kkonċernati u fuq il-profittabbiltà tal-biedja, u tikkawża disturb fil-movimenti tal-kunsinni ta’ dawk l-annimali u tal-prodotti tagħhom fl-Unjoni u fl-esportazzjonijiet lejn il-pajjiżi terzi.

(2)

F’każ ta’ tifqigħa tal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar fl-annimali kaprini jew ovini, hemm riskju serju li dik il-marda tinxtered fi stabbilimenti oħra ta’ annimali kaprini jew ovini.

(3)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 (2) jissupplimenta r-regoli għall-kontroll tal-mard elenkat imsemmi fl-Artikolu 9(1), il-punti (a), (b) u (c), tar-Regolament (UE) 2016/429, u definit bħala mard tal-kategoriji A, B u C fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 (3). B’mod partikolari, l-Artikoli 21 u 22 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 jipprevedu l-istabbiliment ta’ żona ristretta f’każ ta’ tifqigħa ta’ marda tal-kategorija A, inkluża l-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar, u ċerti miżuri li għandhom jiġu applikati fiha. Barra minn hekk, l-Artikolu 21(1) ta’ dak ir-Regolament Delegat jipprevedi li ż-żona ristretta trid tkun tinkludi mill-inqas żona ta’ protezzjoni, żona ta’ sorveljanza, u, jekk ikun meħtieġ, żoni ristretti ulterjuri madwar iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza jew maġenbhom.

(4)

L-Ungerija infurmat lill-Kummissjoni bis-sitwazzjoni attwali fit-territorju tagħha fir-rigward tal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar, wara tifqigħa ta’ dik il-marda fl-annimali ovini miżmuma fil-kontea ta’ Zala, f’distanza ta’ madwar tliet kilometri mill-fruntiera mas-Slovenja, li ġiet irrapportata fis-27 ta’ Jannar 2025, u, f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2020/687, stabbiliet żona ristretta, li tinkludi żona ta’ protezzjoni u żona ta’ sorveljanza fejn jiġu applikati l-miżuri ta’ kontroll tal-mard stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2020/687. Is-Slovenja infurmat ukoll lill-Kummissjoni li, wara r-rapport tal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar fl-Ungerija qrib il-fruntiera tagħha, hi stabbiliet żona ta’ sorveljanza fit-territorju tagħha f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2020/687.

(5)

Sabiex jiġi kkontrollat it-tixrid tal-marda, kif ukoll biex jiġi evitat kull disturb bla bżonn għall-kummerċ fl-Unjoni u biex jiġu evitati ostakli mhux ġustifikati għall-kummerċ minn pajjiżi terzi, jeħtieġ li fil-livell tal-Unjoni, tiġi identifikata malajr iż-żona ristretta għall-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar, li tinkludi ż-żona ta’ protezzjoni fl-Ungerija u ż-żona ta’ sorveljanza fl-Ungerija u fis-Slovenja.

(6)

Id-daqs u d-durata taż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, kif ukoll il-miżuri li għandhom jiġu applikati f’dawn iż-żoni jenħtieġ li jiġu bbażati fuq il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 64(1) tar-Regolament (UE) 2016/429 u fuq ir-regoli stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2020/687, inkluża s-sitwazzjoni epidemjoloġika fir-rigward tal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar fiż-żoni affettwati minn dik il-marda u s-sitwazzjoni epidemjoloġika ġenerali tal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar fl-Ungerija, kif ukoll il-livell tar-riskju ta’ aktar tixrid ta’ dik il-marda. Jenħtieġ li d-durata tal-miżuri tqis ukoll l-istandards internazzjonali tal-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (WOAH).

(7)

Għaldaqstant, iż-żoni identifikati bħala żona ta’ protezzjoni fl-Ungerija, u bħala żona ta’ sorveljanza fl-Ungerija u fis-Slovenja, jenħtieġ li jiġu stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni u jenħtieġ li tiġi stabbilita d-durata ta’ dik ir-reġjonalizzazzjoni.

(8)

Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-Unjoni fir-rigward tat-tixrid tal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar u l-ħtieġa li l-marda ma tinxteridx mill-istabbiliment affettwat fl-Ungerija lejn partijiet oħra ta’ dak l-Istat Membru jew lejn Stati Membri oħra, jenħtieġ li l-miżuri stabbiliti f’din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni japplikaw malajr kemm jista’ jkun.

(9)

Konsegwentement, sakemm il-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf jagħti l-opinjoni tiegħu, iż-żona ta’ protezzjoni fl-Ungerija u ż-żona ta’ sorveljanza fl-Ungerija u fis-Slovenja jenħtieġ li jiġu stabbiliti minnufih u jiġu elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni u jenħtieġ li tiġi ffissata d-durata ta’ dak iż-żonar.

(10)

Filwaqt li titqies is-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali fl-Unjoni fir-rigward tal-pesta tar-ruminanti żgħar, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika sat-28 ta’ Frar 2025.

(11)

Din id-Deċiżjoni trid tiġi rieżaminata fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Istati Membri elenkati fl-Anness għandhom jiżguraw li:

(a)

żona ristretta, li tinkludi żona ta’ protezzjoni u żona ta’ sorveljanza, tiġi stabbilita minnufih mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dawk l-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu;

(b)

iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza msemmija fil-punt (a) jinkludu mill-inqas iż-żoni elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni;

(c)

il-miżuri li jeħtieġ li jiġu applikati fiż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, jiġu applikati mill-inqas sad-dati elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-28 ta’ Frar 2025.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ungerija u r-Repubblika tas-Slovenja.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Jannar 2025.

Għall-Kummissjoni

Olivér VÁRHELYI

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/429/oj.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard elenkat (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 64, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/687/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 tat-3 ta’ Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għal kategoriji ta’ mard elenkat u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet u gruppi ta’ speċijiet li jippreżentaw riskju konsiderevoli għat-tixrid ta’ dak il-mard elenkat (ĠU L 308, 4.12.2018, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/1882/oj).


ANNESS

Żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza stabbiliti madwar it-tifqigħa kkonfermata

Pajjiż

Żona amministrattiva u numru ta’ referenza tal-ADIS tat-tifqigħa

Żoni stabbiliti bħala żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, parti miż-żona ristretta fl-Ungerija u fis-Slovenja, kif imsemmi fl-Artikolu 1

Data sa meta applikabbli

L-Ungerija

Il-kontea ta’ Zala

HU-PPR-2025-00001

Żona ta’ protezzjoni:

Those parts of Zala county, contained within a circle of a radius of 3 kilometres, centred on UTM 30, ETRS89 coordinates Lat. 46.722217, Long. 16.415056 (HU-PPR-2025-00001)

19.2.2025

Żona ta’ sorveljanza:

Those parts of Zala county, contained within a circle of a radius of 10 kilometres, centred on UTM 30, ETRS89 coordinates Lat. 46.722217, Long. 16.415056 (HU-PPR-2025-00001), excluding the areas contained in the protection zone

28.2.2025

Żona ta’ sorveljanza:

Those parts of Zala county, contained within a circle of a radius of 10 kilometres, centred on UTM 30, ETRS89 coordinates Lat. 46.722217, Long. 16.415056 (HU-PPR-2025-00001)

20.2.2025 - 28.2.2025

Il-kontea ta’ Vas

Żona ta’ protezzjoni:

Those parts of Vas county, contained within a circle of a radius of 3 kilometres, centred on UTM 30, ETRS89 coordinates Lat. 46.722217, Long. 16.415056 (HU-PPR-2025-00001)

19.2.2025

Żona ta’ sorveljanza:

Those parts of Vas county, contained within a circle of a radius of 10 kilometres, centred on UTM 30, ETRS89 coordinates Lat. 46.722217, Long. 16.415056 (HU-PPR-2025-00001), excluding the areas contained in the protection zone

28.2.2025

Żona ta’ sorveljanza:

Those parts of Vas county, contained within a circle of a radius of 10 kilometres, centred on UTM 30, ETRS89 coordinates Lat. 46.722217, Long. 16.415056 (HU-PPR-2025-00001)

20.2.2025 - 28.2.2025

Is-Slovenja

Unità tal-Awtorità Lokali (LAU) SI00009-VET

Murska Sobota

Żona ta’ sorveljanza:

In the municipality of Dobrovnik, the settlements of Dobrovnik, Strehovci and Žitkovci.

In the municipality of Kobilje, the settlement of Kobilje.

In the municipality of Lendava, the settlement of Kamovci.

In the municipality of Moravske Toplice, the settlements of Berkovci, Bogojina, Bukovnica, Čikečka vas, Filovci, Ivanjševci, Motvarjevci, Pordašinci, Prosenjakovci, Selo, Središče and Vučja Gomila

28.2.2025


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/255/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)