|
9.4.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 93/72 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/569
tas-7 ta' April 2015
li temenda l-Annessi tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/630/UE fir-rigward tal-ekwivalenza bejn il-merħliet bovini uffiċjalment ħielsa mit-tuberkulożi fl-Istati Membri u fi New Zealand u t-tagħrif fil-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali dwar il-kwantità ta' semen
(notifikata bid-dokument C(2015) 2187)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 88/407/KEE tal-14 ta' Ġunju 1988 li tistabilixxi r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju u għal importazzjonijiet ta' semen ta' annimali domestiċi tal-ispeċi tal-bovini (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(1), l-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 10(2), l-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 11(2) tagħha,
Billi:
|
(1) |
L-Anness I tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/630/UE (2) jistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi u partijiet tagħhom li minnhom l-Istati Membri huma awtorizzati jimportaw semen ta' annimali domestiċi tal-ispeċi tal-bovini (“semen”). New Zealand huwa inkluż f'dik il-lista. Barra minn hekk, it-Taqsima A tal-Parti 1 tal-Anness II ta' dik id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tistabbilixxi l-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjonijiet fl-Unjoni u għat-tranżitu minnha għal semen mibgħut miċ-ċentru għall-ġbir tas-semen fejn ġie miġbur is-semen. |
|
(2) |
Id-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE (3) tistipula regoli għall-kummerċ fi ħdan l-Unjoni ta' annimali bovini u tipprevedi programmi ta' monitoraġġ u qerda ta' ċertu mard li jaffettwa dawk l-annimali, inkluż it-tuberkulożi. New Zealand talab biex il-programm tiegħu ta' kontroll tat-tuberkolożi bovina jiġi rikonoxxut bħala ekwivalenti għall-programmi ta' monitoraġġ u qerda tat-tuberkulożi bovina implimentati mill-Istati Membri f'konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness A.I tad-Direttiva 64/432/KEE. It-tagħrif ipprovdut minn New Zealand dwar il-programm tiegħu ta' kontroll tat-tuberkolożi bovina juri li l-istatus tat-tuberkulożi bovina ta' merħla bovina kklassifikata bħala “C2”, skont l-Istrateġija Nazzjonali għall-Ġestjoni tal-Organiżmi ta' Ħsara għat-tuberkolożi bovina ta' New Zealand, huwa ekwivalenti għall-istatus tat-tuberkulożi bovina ta' merħla bovina li fi Stat Membru tkun rikonoxxuta bħala “merħla bovina uffiċjalment ħielsa mit-tuberkulożi” f'konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness A.I tad-Direttiva 64/432/KEE. |
|
(3) |
Għalhekk, il-lista tal-pajjiżi terzi jew partijiet minnhom, minn fejn l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni ta' semen stipulata fl-Anness I u l-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali stipulat fit-Taqsima A tal-Parti 1 tal-Anness II tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/630/UE għandhom jiġu emendati sabiex jirriflettu l-kundizzjonijiet speċjali li permezz tagħhom l-Unjoni tirrikonoxxi l-ekwivalenza tal-klassifikazzjoni ta' merħliet bovini bħala “C2” fi ħdan il-qafas tal-programm ta' kontroll tat-tuberkulożi bovina implimentat fi New Zealand bil-kundizzjonijiet stipulati f'Anness A.I tad-Direttiva 64/432/KEE għal merħla bovina fi Stat Membru rikonoxxuta bħala li hija “merħla bovina uffiċjalment ħielsa mit-tuberkulożi”. |
|
(4) |
Sabiex jitnaqqsu iktar il-piżijiet amministrattivi għaċ-ċentri veterinarji u għall-veterinarju uffiċjali, ikun xieraq li t-tagħrif dwar il-kwantità totali ta' tubi ta' semen fil-kunsinna jitneħħa mill-punt I.28. tal-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali stipulat fit-Taqsima A tal-Parti 1 tal-Anness II tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/630/UE, għaliex dan it-tagħrif diġà jkun iddikjarat fil-punt I.20. ta' dak il-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali. |
|
(5) |
Barra minn hekk, jeħtieġ li fil-punt I.28. tat-tabella tal-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali stipulat fit-Taqsima A tal-Parti 1 tal-Anness II tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/630/UE tiddaħħal kolonna fejn jista' jiġi speċifikat it-tagħrif dwar il-kwantità ta' tubi ta' semen miġbura f'data partikolari minn barri donatur identifikat bħala li jissodisfa kundizzjonijiet partikolari għall-marda tal-ilsien blu u l-marda emorraġika epiżootika. |
|
(6) |
Għalhekk, l-Annessi I u II tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/630/UE għandhom jiġu emendati skont dan. |
|
(7) |
Sabiex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil fl-importazzjonijiet ta' kunsinni ta' semen ta' annimali domestiċi tal-ispeċi bovina lejn l-Unjoni, l-użu ta' ċertifikati tas-saħħa tal-annimali maħruġa skont it-Taqsima A tal-Parti 1 tal-Anness II tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/630/UE fil-verżjoni tagħhom qabel id-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni għandu jkun awtorizzat matul perjodu ta' tranżizzjoni soġġett għal ċertu kundizzjonijiet. |
|
(8) |
Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Annessi tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/630/UE huma emendati skont l-Anness ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Għal perjodu ta' tranżizzjoni sat-30 ta' Ġunju 2015, jistgħu jkomplu jiddaħħlu fl-Unjoni kunsinni ta' semen ta' annimali domestiċi tal-ispeċi bovina li jkunu akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa tal-annimali xieraq maħruġ mhux aktar tard mill-1 ta' Ġunju 2015 skont il-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali stipulat fit-Taqsima A tal-Parti 1 tal-Anness II tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/630/UE fil-verżjoni tiegħu qabel id-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, is-7 ta' April 2015.
Għall-Kummissjoni
Vytenis ANDRIUKAITIS
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 194, 22.7.1988, p. 10.
(2) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/630/UE tal-20 ta' Settembru 2011 dwar l-importazzjonijiet fl-Unjoni tas-semen tal-annimali domestiċi tal-ispeċi tal-bovini (ĠU L 247, 24.9.2011, p. 32).
(3) Id-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE tas-26 ta' Ġunju 1964 dwar il-problemi tas-saħħa tal-annimali li jaffettwaw il-kummerċ ta' annimali bovini u suwini ġewwa l-Komunità (ĠU 121, 29.7.1964, p. 1977/64).
ANNESS
L-Annessi tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/630/UE huma emendati kif ġej:
|
(1) |
L-Anness I jiġi mibdul b'dan li ġej: “ANNESS I Lista ta' pajjiżi terzi jew partijiet minnhom li mingħandhom l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-importazzjoni ta' semen ta' annimali domestiċi tal-ispeċi bovina
|
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
|
(2) |
Fil-Parti 1 tal-Anness II, it-Taqsima A tinbidel b'dan li ġej: “TAQSIMA A Il-mudell 1 — Ċertifikat tas-saħħa tal-annimali applikabbli għal importazzjonijiet fl-Unjoni u tranżitu fiha ta' semen ta' annimali domestiċi tal-ispeċi tal-bovini miġbur, proċessat u maħżun skont id-Direttiva tal-Kunsill 88/407/KEE, mibgħut minn ċentru tal-ġbir tas-semen fejn inġabar is-semen
|
(*1) Il-mudell taċ-ċertifikat li għandu jintuża għall-importazzjonijiet mill-Kanada huwa stipulat fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/290/KE tal-4 ta' April 2005 dwar ċertifikati ssimplifikati għall-importazzjoni fis-semen tal-annimali tal-ifrat u laħam frisk tal-majjal mill-Kanada u li temenda d-Deċiżjoni 2004/639/KE (għas-semen miġbur fil-Kanada biss) u dan huwa stipulat skont il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Kanada dwar il-miżuri sanitarji għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika u tal-annimali fir-rigward tal-kummerċ ta' annimali ħajjin u prodotti mill-annimali, kif approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/201/KE.
(*2) Il-mudell taċ-ċertifikati li jridu jintużaw għall-importazzjonijiet mill-Isvizzera huma stabbiliti fl-Anness D tad-Direttiva 88/407/KEE, bl-adattamenti stabbiliti fil-punt 4 tal-Kapitolu VII(B) tal-Appendiċi 2 tal-Anness 11 ta' dan il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-kummerċ fil-prodotti agrikoli, kif approvat bid-Deċiżjoni 2002/309/KE, Euratom tal-Kunsill, u tal-Kummissjoni fir-rigward tal-Ftehim dwar il-Koperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika tal-4 ta' April 2002 dwar il-konklużjoni ta' seba' Ftehimiet mal-Konfederazzjoni Svizzera.
(*3) Għall-finijiet ta' importazzjonijiet ta' semen ta' annimali domestiċi tal-ispeċi bovina fl-Unjoni, l-istatus tat-tuberkulożi bovina ta' merħla bovina kklassifikata bħala ‘C2’, skont l-Istrateġija Nazzjonali għall-Ġestjoni tal-Organiżmi ta' Ħsara għat-tuberkulożi bovina ta' New Zealand, huwa ekwivalenti għall-istatus tat-tuberkulożi bovina ta' merħla bovina li fi Stat Membru hija rikonoxxuta bħala ‘merħla bovina uffiċjalment ħielsa mit-tuberkulożi’ f'konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 1 u 2 tal-Anness A.I tad-Direttiva 64/432/KEE.”