European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2188

2.10.2026

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/2188

tal-1 ta’ Ottubru 2026

li jemenda l-Annessi II u IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 fir-rigward tal-entrati għall-Eġittu, għar-Renju Unit u għall-Urugwaj fil-listi ta’ pajjiżi terzi jew territorji, jew żoni tagħhom, awtorizzati għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ ċerti ungulati u ta’ ċerti kategoriji ta’ annimali ekwini

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 230(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2016/429 jistabbilixxi, inter alia, ir-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji tal-annimali, tal-prodotti ġerminali u tal-prodotti ta’ oriġini mill-annimali. Wieħed minn dawk ir-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali hu li dawk il-konsenji jridu jkunu ġejjin minn pajjiż terz jew territorju, jew żona jew kompartiment tiegħu, elenkat f’konformità mal-Artikolu 230(1) ta’ dak ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 (2) jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 rigward ir-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ ċerti speċijiet u kategoriji tal-annimali, tal-prodotti ġerminali u tal-prodotti ta’ oriġini mill-annimali minn pajjiżi terzi jew territorji, jew żoni jew kompartimenti tagħhom. Ir-Regolament Delegat (UE) 2020/692 jipprevedi li l-konsenji tal-annimali, tal-prodotti ġerminali u tal-prodotti ta’ oriġini mill-annimali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jistgħu jitħallew jidħlu fl-Unjoni biss jekk jiġu minn pajjiż terz jew territorju, jew żona jew kompartiment tiegħu, elenkat għall-ispeċijiet u għall-kategoriji partikolari tal-annimali, tal-prodotti ġerminali u tal-prodotti ta’ oriġini mill-annimali.

(3)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/404 (3) jistabbilixxi l-listi ta’ pajjiżi terzi jew territorji, jew żoni jew kompartimenti tagħhom, li minnhom jitħalla d-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ speċijiet u ta’ kategoriji tal-annimali, tal-prodotti ġerminali u tal-prodotti ta’ oriġini mill-annimali li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Delegat (UE) 2020/692. Il-listi u ċerti regoli ġenerali li jikkonċernaw il-listi huma stabbiliti fl-Annessi I sa XXII ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

(4)

L-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 jistabbilixxi l-lista ta’ pajjiżi terzi jew territorji, jew żoni tagħhom, awtorizzati għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ ungulati, għajr annimali ekwini u ungulati maħsuba għal stabbilimenti konfinati. Fl-entrati għaż-żoni GB-1 u GB-2 fir-Renju Unit fir-rigward tal-annimali ovini u kaprini, hemm referenza għal mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali/uffiċjali għad-dħul fl-Irlanda ta’ Fuq ta’ annimali ovini u kaprini mill-Gran Brittanja (mudell “OV/CAP-X-NI”) stabbilit fil-Kapitolu 4a tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/403 (4). Il-mudell taċ-ċertifikat “OV/CAP-X-NI” kien applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2024 u tħassar mill-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/403 bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/544 (5). Għalhekk, jeħtieġ li jitħassru wkoll ir-referenzi għal dak il-mudell taċ-ċertifikat mill-entrati għar-Renju Unit, fil-kolonna 5 tat-tabella fil-Parti 1 tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404. Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 jiġi emendat kif xieraq.

(5)

L-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 jistabbilixxi l-lista ta’ pajjiżi terzi jew territorji, jew żoni tagħhom, awtorizzati għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ annimali ekwini.

(6)

L-Eġittu huwa elenkat fl-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404, assenjat lill-Grupp Sanitarju E, reġjonalizzat bħala ż-żoni EG-1 u EG-2 għal ċerti provinċji tat-Tramuntana u awtorizzat għad-dħul fl-Unjoni ta’ żwiemel irreġistrati minn dawk iż-żoni. F’Ġunju 2026, l-Eġittu talab lill-Kummissjoni tawtorizza d-dħul mill-ġdid fl-Unjoni ta’ żwiemel irreġistrati minn żona ġdida stabbilita għall-fini tax-show jumping, il-Longines Global Champions Tour (LGCT), li se jsir f’Giza bejn it-22 u l-24 ta’ Ottubru 2026 u pprovda lill-Kummissjoni b’garanziji fir-rigward tal-istabbiliment ta’ żona ħielsa mill-mard tal-ekwini għal dak il-fini.

(7)

Wara evalwazzjoni tad-dokumentazzjoni pprovduta mill-Eġittu, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-garanziji offruti mill-awtorità kompetenti ċentrali Eġizzjana huma biżżejjed biex jawtorizzaw id-dħul mill-ġdid fl-Unjoni ta’ żwiemel irreġistrati minn dik iż-żona l-ġdida EG-3 fl-Eġittu wara l-parteċipazzjoni tagħhom fl-LGCT f’Giza.

(8)

Sabiex jiġi awtorizzat id-dħul mill-ġdid fl-Unjoni bejn il-15 ta’ Ottubru u l-14 ta’ Novembru 2026 taż-żwiemel irreġistrati wara l-esportazzjoni temporanja tagħhom għall-fini tal-parteċipazzjoni fl-LGCT f’Giza fl-Eġittu, jeħtieġ li għal dak il-perjodu temporanju tiġi elenkata ż-żona EG-3 fil-Parti 1 u tiddaħħal deskrizzjoni taż-żona EG-3 fil-Parti 2 tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 għal dak il-pajjiż terz.

(9)

Barra minn hekk, l-Artikolu 22(2), il-punt (b), tar-Regolament Delegat (UE) 2020/692 jipprevedi li l-konsenji ta’ annimali ekwini jitħallew jidħlu fl-Unjoni biss jekk l-annimali tal-konsenja jkunu joriġinaw minn pajjiż terz jew territorju, jew żona tiegħu, fejn ma tkun ġiet irrapportata l-ebda waħda mill-mardiet elenkati msemmija fit-tabella stabbilita fil-punt 3 tal-Parti A tal-Anness IV matul ċertu perjodu ta’ żmien imsemmi wkoll fiha. Għas-surra (Trypanosoma evansi), dak il-perjodu minimu jikkorrispondi għal mill-inqas 24 xahar. Fl-istess ħin, f’konformità mal-Artikolu 22(3) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/692, dak il-perjodu jista’ jitnaqqas għall-mardiet inklużi fil-Parti B tal-Anness IV bil-kundizzjonijiet speċifiċi rilevanti msemmija fiha. Għas-surra (Trypanosoma evansi), tali kundizzjonijiet speċifiċi huma relatati mal-fatt li ma tiġi rrapportata l-ebda infezzjoni b’din il-marda fl-istabbiliment ta’ oriġini tal-annimali ekwini għal perjodu minimu ta’ 6 xhur qabel id-data li fiha l-annimal ekwin jintbagħat lejn l-Unjoni u għal programm ta’ sorveljanza, rikonoxxut mill-Kummissjoni, li juri n-nuqqas ta’ infezzjoni f’dak l-istabbiliment ta’ oriġini matul il-perjodu ta’ 6 xhur li matulu ma tkun ġiet irrapportata l-ebda surra (Trypanosoma evansi).

(10)

L-Urugwaj bħalissa huwa elenkat fil-Parti 1 tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404, assenjat lill-Grupp Sanitarju D, u awtorizzat għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ żwiemel irreġistrati, ekwidi rreġistrati, annimali ekwini oħra mhux għall-iskarnar, u annimali ekwini għall-iskarnar. Fit-2 ta’ Ġunju 2026, l-Urugwaj ipprovda dettalji tal-programm ta’ sorveljanza għas-surra (Trypanosoma evansi) f’konformità mal-Parti B tal-Anness IV tar-Regolament Delegat (UE) 2020/692. Il-Kummissjoni evalwat dak il-programm b’mod pożittiv f’konformità mal-Artikolu 10(1), il-punt (b), tar-Regolament Delegat (UE) 2020/692.

(11)

Fid-dawl tal-evalwazzjoni pożittiva tal-programm ta’ sorveljanza għas-surra (Trypanosoma evansi) ippreżentat mill-Urugwaj, id-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ annimali ekwini minn dak il-pajjiż terz jenħtieġ li jiġi awtorizzat b’kundizzjoni speċifika rigward miżuri addizzjonali ta’ mitigazzjoni tar-riskju għas-surra (Trypanosoma evansi). F’konformità mal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/692, tali kundizzjonijiet speċifiċi huma meħtieġa li jiġu assenjati mill-Unjoni fil-lista lill-pajjiż terz jew lit-territorju elenkat, jew liż-żona tiegħu, u lill-ispeċijiet u lill-kategorija partikolari ta’ annimali. Għalhekk, il-kundizzjoni speċifika “Programm surra”, li turi l-konformità tal-Urugwaj mar-rekwiżiti tal-Parti B tal-Anness IV tar-Regolament Delegat (UE) 2020/692, jenħtieġ li tiddaħħal fil-kolonna 6 tat-tabella fil-Parti 1 tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 għal dak il-pajjiż terz.

(12)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 jiġi emendat kif xieraq.

(13)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi II u IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Ottubru 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/429/oj.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 tat-30 ta’ Jannar 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għad-dħul fl-Unjoni, u l-moviment u l-immaniġġjar wara d-dħul ta’ konsenji ta’ ċerti annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 379, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/692/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/404 tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-listi ta’ pajjiżi terzi, territorji jew żoni tagħhom li minnhom huwa permess id-dħul fl-Unjoni ta’ annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali skont ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 114, 31.3.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/404/oj).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/403 tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) 2016/429 u (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali u l-mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali/uffiċjali, għad-dħul fl-Unjoni u l-movimenti bejn l-Istati Membri ta’ kunsinni ta’ ċerti kategoriji ta’ annimali terrestri u tal-prodotti ġerminali tagħhom, iċ-ċertifikazzjoni uffiċjali fir-rigward ta’ tali ċertifikati u li jħassar id-Deċiżjoni 2010/470/UE (ĠU L 113, 31.3.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/403/oj ).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/544 tal-25 ta’ Marzu 2025 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/403 fir-rigward tal-mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali u l-mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali/uffiċjali għad-dħul fl-Unjoni ta’ kunsinni ta’ ċerti kategoriji ta’ annimali terrestri u l-prodotti ġerminali tagħhom (ĠU L, 2025/544, 22.4.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/544/oj ).


ANNESS

L-Annessi II u IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 huma emendati kif ġej:

(1)

fl-Anness II, il-Parti 1, l-entrata għar-Renju Unit hija sostitwita b’dan li ġej:

“GB

ir-Renju Unit

GB-1

Annimali bovini

Annimali għaż-żamma ulterjuri (1) u maħsuba għall-iskarnar

BOV-X, BOV-Y

ID

BRU, EBL, EVENTS

 

 

Annimali ovini u kaprini

Annimali għaż-żamma ulterjuri (1)u maħsuba għall-iskarnar

OV/CAP-X, OV/CAP-Y

ID

BRU, EVENTS

 

 

Annimali porċini

Annimali għaż-żamma ulterjuri (1) u maħsuba għall-iskarnar

SUI-X, SUI-Y

 

ADV

 

 

Annimali kamelidi

Annimali għaż-żamma ulterjuri (1)

CAM-CER

 

 

 

 

Annimali ċervidi

Annimali għaż-żamma ulterjuri (1)

CAM-CER

 

 

 

 

Ungulati oħra

Annimali għaż-żamma ulterjuri (1)

RUM, RHINO, HIPPO

 

 

 

 

GB-2

Annimali bovini

Annimali għaż-żamma ulterjuri (1)u maħsuba għall-iskarnar

BOV-X, BOV-Y

ID

BRU, TB, EBL, EVENTS

 

 

Annimali ovini u kaprini

Annimali għaż-żamma ulterjuri (1)u maħsuba għall-iskarnar

OV/CAP-X,

OV/CAP-Y

ID

BRU, EVENTS

 

 

Annimali porċini

Annimali għaż-żamma ulterjuri (1) u maħsuba għall-iskarnar

SUI-X, SUI-Y

 

ADV

 

 

Annimali kamelidi

Annimali għaż-żamma ulterjuri (1)

CAM-CER

 

 

 

 

Annimali ċervidi

Annimali għaż-żamma ulterjuri (1)

CAM-CER

 

 

 

 

Ungulati oħra

Annimali għaż-żamma ulterjuri (1)

RUM, RHINO, HIPPO”

 

 

 

 

(2)

L-Anness IV huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-Parti 1 hija emendata kif ġej:

(i)

l-entrata għall-Urugwaj hija sostitwita b’dan li ġej:

“UY

l-Urugwaj

UY-0

D

Żwiemel irreġistrati; ekwidi rreġistrati; annimali ekwini oħra mhux għall-iskarnar; annimali ekwini għall-iskarnar

EQUI-X,

EQUI-Y,

EQUI-RE-ENTRY-30,

EQUI-RE-ENTRY-90-COMP

Programm surra”

 

 

 

(ii)

l-entrata għall-Eġittu hija sostitwita b’dan li ġej:

“EG

l-Eġittu

EG-1

E

Żwiemel irreġistrati

EQUI-X

 

 

 

 

EG-2

E

Żwiemel irreġistrati

EQUI-X

 

 

 

 

EG-3

E

Żwiemel irreġistrati

EQUI-RE-ENTRY-30

 

 

14.11.2026

15.10.2026”

(b)

fil-Parti 2, fl-entrata għall-Eġittu, tiżdied id-deskrizzjoni li ġejja taż-żona EG-3:

“l-Eġittu

EG-3

Iż-Żona Ħielsa mill-Mard tal-Ekwini (EDFZ) ta’ daqs ta’ madwar 9 ettari, stabbilita fiż-Żona ta’ Viżwalizzazzjoni ta’ Panorama 2 fil-Plateau ta’ Giza, fil-periferija tal-Punent tal-Kajr, (biċ-ċentru tagħha f’29°57′59.1″ N, 31°07′41.1″ E) u jew:

(1)

L-Ajruport Internazzjonali tal-Kajr permezz tal-passaġġ tal-awtostrada ta’ madwar 59 km tul:

—

Cairo Ring Road (madwar 52 km)

—

Fayoum Desert Road (madwar 7 km); jew

(2)

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Sphinx permezz tal-passaġġ tal-awtostrada ta’ madwar 44 km tul:

—

Cairo–Alexandria Desert Highway (madwar 24 km)

—

Sahara El Ahram Road (madwar 3 km)

—

Cairo Ring Road (madwar 7 km)

—

El Wahat Highway (madwar 5 km)

—

Fayoum Desert Road (madwar 5 km)”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/2188/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)