Brussell, 22.1.2018

COM(2018) 39 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li jiġu adottati atti delegati f'konformità mal-Artikolu 284 tiegħu


1.INTRODUZZJONI

Fid-9 ta’ Ottubru 2013, l-Unjoni Ewropea (UE) adottat il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (“KDU”). Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni 1 daħal fis-seħħ fit-30 ta’ Ottubru 2013 minkejja li ħafna mid-dispożizzjonijiet sostantivi tiegħu daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2016.

Il-KDU jiddefinixxi qafas legali għar-regoli u għall-proċeduri doganali fit-territorju doganali tal-UE li hu adattat għar-realtajiet kummerċjali moderni, bħall-integrazzjoni globali tas-sistemi ta’ produzzjoni u ta’ kunsinna, il-kummerċ elettroniku u għodod moderni tal-komunikazzjoni. L-għan tiegħu hu li jiffaċilita l-fluss ta’ merkanzija fi tranżizzjoni fl-Unjoni jew li dieħla u ħierġa minnha, b’tali mod li jsaħħaħ il-kompetittività tan-negozji Ewropej, filwaqt li jipproteġi aħjar l-interessi finanzjarji u ekonomiċi tal-Unjoni u tal-Istati Membri u s-sigurtà u s-sikurezza tal-konsumaturi tal-UE. Biex jilħaq dawn l-objettivi, il-KDU għandu l-għan partikolari li jlesti l-progressjoni tad-dwana għal ambjent integrat u kompletament elettroniku fejn ma jintużawx karti. Il-KDU jistabbilixxi regoli komuni u rekwiżiti ta’ data għad-dikjarazzjonijiet doganali ta’ qabel il-wasla u ta’ qabel it-tluq, għan-notifiki, l-applikazzjonijiet u d-deċiżjonijiet doganali. Dan jinvolvi l-aġġornament jew il-ħolqien ta’ sbatax-il sistema elettronika.

Filwaqt li d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi tal-KDU issa huma fis-seħħ, is-sbatax-il sistema elettronika qed jiġu implimentati fuq bażi gradwali u għalhekk, il-KDU jipprovdi għal perjodu tranżitorju wkoll, sa tmiem l-2020, li matulu s-sitemi eżistenti bbażati fuq karti jew elettroniċi jistgħu jkomplu jintużaw għal dawk il-kwistjonijiet doganali li għalihom is-sistemi elettroniċi l-ġodda għadhom mhumiex disponibbli. Japplika wkoll perjodu tranżitorju għall-awtorizzazzjonijiet (pereżempju għat-trattament bħala Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati jew biex jintużaw “proċeduri speċjali” doganali) maħruġa skont il-leġiżlazzjoni qafas doganali preċedenti, il-Kodiċi Doganali Komunitarju, li jista’ jkompli japplika sa mhux aktar tard minn April 2019.

Minkejja l-fatt li l-KDU għadu f’din il-fażi tranżitorja, il-Kummissjoni Ewropea ħejjiet dan ir-rapport biex tieħu f’kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u tal-konsenja tas-sistemi elettroniċi. Ir-rapport iwieġeb għal talba mill-Parlament Ewropew fir-Riżoluzzjoni tad-19 ta’ Jannar 2017 2 u għall-istedina tal-Kunsill fil-Konklużjonijiet tiegħu dwar is-Segwitu tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni tad-29 ta’ Settembru 2016 3 .

Barra minn hekk, b’dan, il-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, kif meħtieġ, dwar l-użu tagħha tad-delega ta’ setgħat biex tadotta atti delegati mogħtija permezz tal-Artikolu 284 tal-KDU.

Il-Kummissjoni ħejjiet dan ir-rapport fuq il-bażi tad-diskussjonijiet mal-Istati Membri tal-UE u man-negozji dwar kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-KDU u fuq il-bażi tal-analiżi tagħha stess.

2.SFOND

a.Struttura legali

Il-KDU ssostitwixxa l-Kodiċi Doganali tal-Komunità (“KDK”) tal-1992, li kien l-ewwel tentattiv ta’ konsolidazzjoni tar-regolamenti doganali tal-UE. Għad li dak iż-żmien dan kien kisba kbira u faċilitazzjoni għan-negozji, il-proċeduri u l-prattiki skont il-KDK kienu bbażati fuq l-użu ta’ dokumentazzjoni fuq karti li ma kinitx xierqa għal ambjent elettroniku aktar modern tan-negozju. Barra minn hekk, ir-responsabbiltajiet dejjem akbar tad-dwana fi kwistjonijiet li jmorru lil hinn mill-ġbir tad-dazji (bħall-indirizzar ta’ sfidi relatati mas-sigurtà u mas-sikurezza, maċ-ċaqliq illegali ta’ flus u mal-merkanzija ffalsifikata) kienu jeħtieġu dispożizzjonijiet leġiżlattivi għal organizzazzjoni aktar effiċjenti tal-kontrolli doganali.

Dan wassal biex il-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni tal-impatt komprensiva biex tiddetermina l-approċċ it-tajjeb biex jiġu indirizzati l-isfidi doganali 4 u, fuq il-bażi tar-riżultati ta’ dik il-valutazzjoni tal-impatt, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Kodiċi Doganali Modernizzat (“KDM”) tal-UE u għal Deċiżjoni dwar id-dwana elettronika tard fl-2005. Madankollu, għal diversi raġunijiet iżda b’mod partikolari minħabba li t-Trattat ta’ Lisbona 5 introduċa arkitettura legali ġdida b’regoli u bi proċeduri ġodda rigward l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni li jakkumpanjaw ir-regolamenti ewlenin, il-Kummissjoni kienet obbligata tagħmel “riformulazzjoni” tal-KDM qabel id-data ta’ applikazzjoni ppjanata tiegħu.

Għaldaqstant, fl-20 ta’ Frar 2012, il-Kummissjoni pproponiet il-KDU bħala riformulazzjoni tal-KDM, inklużi artikoli li jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta regoli dettaljati dwar is-supplimentazzjoni u l-implimentazzjoni, li allinjaw il-leġiżlazzjoni doganali tal-UE mar-rekwiżiti tat-Trattat ta’ Lisbona.

Il-KDU daħal fis-seħħ fit-30 ta’ Ottubru 2013, iżda kien biss l-għoti tas-setgħa tal-Kummissjoni li daħal fis-seħħ f’dik id-data filwaqt li d-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Kodiċi saru applikabbli mill-1 ta’ Mejju 2016. Il-Kummissjoni użat is-setgħat li ngħatat fil-perjodu ta’ intervent biex tadotta l-atti legali li ġejjin li, flimkien mal-Kodiċi, jikkostitwixxu l-pakkett legali tal-KDU:

I.L-“Att Delegat” tal-KDU, 6 li jissupplimenta ċerti elementi mhux essenzjali tal-Kodiċi;

II.L-“Att ta’ Implimentazzjoni” tal-KDU 7 , li jistabbilixxi regoli proċedurali uniformi għall-implimentazzjoni tal-KDU;

III.L-“Att Delegat Tranżitorju” tal-KDU, 8 li jipprovdi għal mezzi alternattivi għall-iskambju u għall-ħżin ta’ informazzjoni doganali sakemm is-sistemi elettroniċi tal-KDU jkunu għadhom mhux operazzjonali; kif ukoll

IV.Il-“Programm ta’ Ħidma” tal-KDU 9 , li ħa l-forma ta’ Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni, li tistabbilixxi l-ippjanar tas-sistemi tal-IT.

Barra minn hekk, bħala riżultat ta’ djalogu kontinwu mar-rappreżentanti kummerċjali, mal-Parlament Ewropew u mal-Istati Membri li wassal għall-identifikazzjoni ta’ xi problemi tekniċi, il-Kummissjoni, flimkien mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill, aġixxiet minnufih biex tindirizza dawk il-kwistjonijiet billi adottat l-emendi li ġejjin għall-pakkett leġiżlattiv saħansitra qabel ma daħlu fis-seħħ ir-regoli l-ġodda.

V.Żewġ modifiki għall-Att Delegat tal-KDU:

oL-Att Delegat Tranżitorju emenda l-Att Delegat biex jiżgura tranżizzjoni mexxejja mill-KDK għall-KDU fl-1 ta’ Mejju 2016 10 . Instab li ċerti dispożizzjonijiet tal-Att Delegat ma jistgħux jiġu implimentati sakemm is-sistemi tal-IT ikunu operazzjonali għalkollox u, għalhekk, kien hemm bżonn ta’ ċerti miżuri ta’ tranżizzjoni mhux biss fil-KDU iżda anki fl-Att Delegat, biex ikun jista’ jsir użu kontinwu minn sistemi bbażati fuq karti jew alternattivi sakemm isiru operazzjonali s-sistemi tal-IT.

oSaru korrezzjonijiet għal żewġ dispożizzjonijiet 11 tal-Att Delegat tal-KDU li bi żball ħallew barra dispożizzjoni ta’ ffaċilitar tal-KDK. Il-korrezzjoni tiżgura l-kontinwazzjoni ta’ preżunzjoni ta’ dikjarazzjoni għal ammissjoni temporanja, jew għal riesportazzjoni, fil-każ ta’ traffiku turistiku u ta’ ċerta merkanzija speċifikata bħal palits, kontejners marittimi u bastimenti u ajruplani li jgħaddu mit-territorju doganali. B’mod partikolari għal ajruplani li jaqsmu l-fruntiera tal-UE, l-obbligu li jipprovdu dikjarazzjonijiet orali jew bil-miktub kien jaffettwa serjament it-traffiku fil-fruntieri u t-traffiku turistiku.

VI.Korrezzjoni teknika għall-Anness 12 tal-Att Delegat Tranżitorju tal-KDU 12 , li jistabbilixxi l-formoli li għandhom jintużaw għall-applikazzjonijiet u għall-awtorizzazzjonijiet.

Finalment, f’April 2016 il-Kummissjoni użat is-setgħa mogħtija mill-Artikolu 50 tal-KDU biex tadotta Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 13 li tistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-istabbiliment ta’ kriterji tar-riskju komuni u ta’ standards għall-analiżi tar-riskju għas-sigurtà u għas-sikurezza għall-applikazzjoni armonizzata ta’ ċerti kontrolli doganali skont il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.

b.Objettivi u kontenut leġiżlattiv

Il-KDU għandu l-għan li, fid-dawl tal-ħtiġijiet ta’ żminijietna, joffri ċertezza tad-dritt u uniformità akbar għall-benefiċċju tan-negozji kif ukoll tal-amministrazzjonijiet doganali, jissimplifka r-regoli u l-proċeduri, jiffaċilita tranżazzjonijiet doganali aktar effiċjenti u jikseb awtomatizzazzjoni sħiħa tal-proċeduri u tal-proċessi doganali kollha. Fl-istess ħin, il-KDU għandu l-għan li jissalvagwardja aħjar l-interessi finanzjarji u ekonomiċi tal-Unjoni u tal-Istati Membri. Barra minn hekk, għandu l-għan li jqis l-evoluzzjoni tal-politiki u tal-leġiżlazzjoni f’oqsma oħra li jistgħu jaffettwaw il-leġiżlazzjoni doganali bħal fir-rigward tas-sikurezza u tas-sigurtà tal-importazzjonijiet. Uħud mill-aktar tibdiliet leġiżlattivi importanti skont il-KDU f’konformità mal-objettivi ta’ hawn fuq huma dawn li ġejjin:

·Ebda limitazzjoni fuq id-dritt li rappreżentant doganali jipprovdi servizzi fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru prinċipali tan-negozju tiegħu, biex jiġu żgurati kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-kummerċ fi ħdan l-Unjoni Doganali.

·Regoli armonizzati dwar it-teħid ta’ deċiżjonijiet mill-Istati Membri, inkluż dwar il-ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet mid-dwana. Dan hu maħsub li jkun ta’ benefiċċju għall-kummerċ billi jżid il-prevedibbiltà, jiffaċilita l-proċeduri ta’ applikazzjoni u jintroduċi regoli mtejba u aktar b’saħħithom dwar id-dritt li negozjant jinstema’ qabel ma tiġi adottata deċiżjoni żvantaġġuża.

·Simplifikazzjonijiet ġodda tal-proċessi ta’ żdoganar tal-merkanzija. Jistgħu jintużaw kriterji dwar l-Operatur Ekonomiku Awtorizzat (AEO) biex jiġi ddeterminat jekk l-operaturi ekonomiċi mhux AEO jistgħux jibbenefikaw minn ċerti simplifikazzjonijiet, filwaqt li s-simplifikazzjonijiet l-oħra huma disponibbli għall-AEOs biss:

ØSimplifikazzjonijiet li fihom japplikaw uħud mill-kriterji tal-AEO jew kollha kemm huma jinkludu dawn li ġejjin: i) Rappreżentant doganali li jixtieq jipprovdi servizzi fi Stat Membru għajr dak fejn ikun stabbilit, ii) Tnaqqisiet f’garanziji komprensivi fir-rigward tad-dazji doganali dovuti, iii) Approvazzjoni ta’ post li ma jkunx l-uffiċċju doganali kompetenti għall-preżentazzjoni tal-merkanzija; iv) Awtorizzazzjoni għall-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet doganali fil-forma ta’ “Entrata fir-Reġistri tad-Dikjarant”; v) Awtorizzazzjoni għas-simplifikazzjonijiet relatati mat-tranżitu, vi) Awtorizzazzjoni għall-operar ta’ faċilità ta’ ħażna temporanja, vii) Awtorizzazzjonijiet għall-użu ta’ proċeduri speċjali (ħażna doganali, użu finali, ammissjoni temporanja u proċessar attiv u passiv).

ØIl-benefiċċji disponibbli għall-AEOs biss (bħala kumpens għall-fatt li n-negozjanti li jixtiequ jiksbu status ta’ AEO issa jridu jissodisfaw kriterji addizzjonali): i) Tnaqqis totali jew parzjali fil-garanzija li għandha tiġi pprovduta biex wieħed jibbenefika mill-pagament differit tad-dazji; ii) Żdoganar ċentralizzat, li jippermetti lill-operaturi jippreżentaw dikjarazzjonijiet doganali u jħallsu dazji ċentralment mill-post ta’ stabbiliment tagħhom, minflok fi Stati Membri oħra fejn il-merkanzija tiġi ppreżentata lid-dwana; iii) Rinunzja tal-obbligu li l-merkanzija tiġi ppreżentata permezz tas-simplifikazzjoni tal-Entrata fir-reesġistri tad-Dikjarant; iv) “Awtovalutazzjoni”, li tippermetti lill-operaturi ekonomiċi affidabbli jikkalkolaw l-ammont ta’ dazju pagabbli u jwettqu ċerti kontrolli f’isem id-Dwana; kif ukoll v) permess biex merkanzija titmexxa fi Stat Membru ieħor filwaqt li tkun għadha f’ħażna temporanja (jiġifieri qabel ma tiġi assenjata għal proċedura doganali).

·Standardizzazzjoni tar-regoli applikabbli għal deċiżjonijiet doganali vinkolanti dwar it-tariffi u l-oriġini: i) il-validità ta’ deċiżjoni ta’ Informazzjoni Vinkolanti dwar it-Tariffi (BTI) titnaqqas minn sitt snin għal tlieta f’konformità mal-limitu applikabbli għall-Informazzjoni Vinkolanti dwar l-Oriġini; u ii) id-deċiżjoni ta’ BTI issa hi vinkolanti fuq id-detentur, li jfisser li dan jeħtieġlu jinforma lill-awtoritajiet doganali li jkollu deċiżjoni ta’ BTI għall-merkanzija ddikjarata biex jiġi evitat shopping għal BTI.

·Introduzzjoni ta’ garanziji obbligatorji għall-proċeduri doganali kollha, biex jiġu ssalvagwardjati r-riżorsi proprji u l-interessi finanzjarji tal-UE, flimkien mad-disponibbiltà ta’ tnaqqisiet għal operaturi ekonomiċi affidabbli ħafna u ta’ rinunzji għall-AEOs.

·Regoli ġodda dwar is-sikurezza u s-sigurtà li jeħtieġu preżentazzjonijiet multipli mad-dħul jiġifieri mhux biss mill-ispedizjonier iżda anki mill-konsenjatarju, biex b’hekk l-arranġamenti jiġu allinjati mal-istandards internazzjonali (eż. Qafas tad-WCO ta’ Standards għas-Sikurezza u għall-Iffaċilitar tal-kummerċ globali).

·Rilassament tar-regoli dwar il-ħażna temporanja, inkluża l-estensjoni tal-perjodu ta’ ħżin għal 90 jum (għall-kuntrarju tal-20 jew tal-45 jum preċedenti, skont jekk il-merkanzija tkunx inġarret bil-baħar), u l-awtorizzazzjoni biex il-merkanzija titmexxa mingħajr proċeduri ta’ tranżitu bejn faċilitajiet ta’ ħżin waqt li tkun f’ħażna temporanja.

·Fużjoni tal-proċeduri ta’ “proċessar attiv”, ta’ “proċessar taħt kontroll doganali” u ta’ qerda. Barra minn hekk, id-detentur tal-awtorizzazzjoni li tintuża proċedura doganali issa għandu aktar żmien biex jiddeċiedi jekk jerġax jesporta l-merkanzija finali, jagħżilx li jeqridha jew inkella jdaħħalhiex f’ċirkolazzjoni libera.

c.Sistemi elettroniċi

Skont il-KDU, sal-2020 l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-atturi ekonomiċi u l-awtoritajiet doganali kif ukoll bejn l-awtoritajiet doganali jrid ikun ibbażat għalkollox fuq tekniki elettroniċi għall-ipproċessar ta’ data. Dan hu perċepit bħala pass kbir ’il quddiem biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ leġittimu, jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u jiġi żgurat li japplikaw rekwiżiti armonizzati madwar l-UE kollha. Biex jinkiseb dan l-għan, qed jiġu aġġornati jew żviluppati sbatax-il sistema elettronika f’konformità mal-iskeda ta’ żmien stabbilita fil-Programm ta’ Ħidma tal-KDU. Dawn is-sistemi jistgħu jinqasmu f’żewġ kategoriji: i) erbatax-il sistema trans-Ewropea li għandhom jiġu żviluppati jew aġġornati mill-Kummissjoni f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, inklużi sistemi ċentrali u sistemi li għandhom komponent nazzjonali x’jiġi implimentat mill-Istati Membri; u ii) tliet sistemi nazzjonali li jridu jiġu żviluppati jew aġġornati mill-Istati Membri.

L-erbatax-il sistema trans-Ewropea (inklużi dawk b’komponenti nazzjonali) huma dawn li ġejjin:

1.Sistema tal-Esportaturi Reġistrati - REX (ġdida): din is-sistema għandha l-għan li tqiegħed għad-dispożizzjoni informazzjoni aġġornata kemm dwar l-esportaturi reġistrati stabbiliti f’pajjiżi tas-SĠP (pajjiżi li jibbenefikaw mill-Iskema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi tal-UE li tipprovdi aċċess preferenzjali għas-suq tal-UE) kif ukoll dwar l-operaturi tal-Unjoni Ewropea li jesportaw lejn pajjiżi tas-SĠP u ċerti pajjiżi oħra;

2.Informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi – BTI (aġġornament): dan l-aġġornament għandu l-għan li jallinja mal-KDU l-bażi tad-data li fiha l-informazzjoni vinkolanti kollha dwar it-tariffi li nħarġet mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri;

3.Sistema tad-deċiżjonijiet doganali (CDS) (ġdida): din is-sistema għandha l-għan li tarmonizza madwar l-Unjoni kollha l-proċessi għad-deċiżjonijiet doganali relatati mal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali, billi tiffaċilita l-konsultazzjonijiet matul il-perjodu ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u l-immaniġġjar tal-proċess ta’ awtorizzazzjonijiet;

4.Ġestjoni Uniformi tal-Utenti u Firma Diġitali – UUM&DS jew “Portal tal-UE għan-Negozjanti” (ġdid): dan il-portal għandu l-għan li jipprovdi aċċess dirett u armonizzat madwar l-UE kollha għan-negozjati għal sistemi doganali elettroniċi differenti kif definiti fil-KDU;

5.Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati – AEO (aġġornament): dan l-aġġornament għandu l-għan li jtejjeb il-proċessi kummerċjali relatati mal-applikazzjonijiet u mal-awtorizzazzjonijiet tal-AEOs b’kunsdierazzjoni tat-tibdiliet fil-KDU;

6.Sistema ta’ Reġistrazzjoni u ta’ Identifikazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi – EORI (aġġornament): dan l-aġġornament għandu l-għan li jipprovdi aġġornament żgħir fis-sistema eżistenti li tippermetti r-reġistrazzjoni u l-identifikazzjoni tal-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni u ta’ persuni ta’ pajjiżi terzi attivi f’materji doganali fl-Unjoni;

7.Tariffa doganali komuni u sorveljanza – Sorveljanza (aġġornament): dan l-aġġornament għandu l-għan li jaġġorna l-bażi tad-data eżistenti li tirreġistra u tiċċentralizza d-data kummerċjali kollha tal-UE (importazzjonijiet u esportazzjonijiet) ipprovduta fuq bażi ta’ kuljum mill-awtoritajiet doganali nazzjonali, b’tali mod li jallinjaha mar-rekwiżiti tal-KDU;

8.Prova tal-Istatus tal-Unjoni - PoUS (ġdida): din is-sistema se taħżen, timmaniġġja u ssib id-dikjarazzjonijiet kollha li n-negozjanti jipprovdu bħala prova tal-istatus tal-Unjoni tal-merkanzija tagħhom;

9.Sistema Ġdida ta’ Tranżitu Kompjuterizzata – NCTS (aġġornament): dan l-aġġornament jallinja s-sistema ta’ tranżitu eżistenti mar-rekwiżiti l-ġodda tal-KDU bħar-reġistrazzjoni ta’ avvenimenti “en route”, l-allinjament tal-iskambji ta’ informazzjoni mar-rekwiżiti tad-data tal-KDU u l-aġġornament u l-iżvilupp ta’ interfaċċi ma’ sistemi oħra;

10.Sistema Awtomatizzata tal-Esportazzjoni – AES (aġġornament kemm tas-sistema trans-Ewropea eżistenti kif ukoll tas-Sistemi Nazzjonali eżistenti tal-Esportazzjonijiet): dan l-aġġornament għandu l-għan li jimplimenta r-rekwiżiti tal-KDU għall-esportazzjoni u għall-ħruġ ta’ merkanzija;

11.Skambju Standardizzat ta’ Informazzjoni għal Proċeduri Speċjali – INF (ġdida): l-iżvilupp ta’ sistema ġdida biex tappoġġja u tissimplifika l-proċessi ta’ ġestjoni tad-data u l-immaniġġjar elettroniku ta’ data fid-dominju tal-Proċeduri Speċjali;

12.Żdoganar Ċentralizzat għall-Importazzjoni - CCI (ġdida): din is-sistema għandha l-għan li tikkoordina bejn l-uffiċċji doganali rilevanti l-ipproċessar ta’ dikjarazzjonijiet doganali u l-awtorizzazzjoni għar-rilaxx ta’ merkanzija biex l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jiċċentralizzaw il-komunikazzjonijiet tagħhom mal-awtoritajiet doganali;

13.Ġestjoni tal-Garanziji – GUM (ġdida): din is-sistema għandha l-għan li tippermetti allokazzjoni u ġestjoni f’ħin reali madwar l-UE ta’ garanziji doganali komprensivi li n-negozjanti jippreżentaw meta jkun hemm riskji li d-dazji jistgħu ma jitħallsux;

14.Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjonijiet – ICS (aġġornament): dan l-aġġornament għandu l-għan li jsaħħaħ is-sikurezza u s-sigurtà tal-katina ta’ provvista billi jtejjeb il-kwalità tad-data, l-arkivjar tad-data, id-disponibilità tad-data u l-qsim tad-data fir-rigward tad-Dikjarazzjonijiet fil-Qosor tad-Dħul u tal-informazzjoni relatata dwar ir-riskju u l-kontroll.

It-tliet sistemi li l-Istati Membri jridu jiżviluppaw, jew jaġġornaw, huma dawn li ġejjin:

1.Armonizzazzjoni u faċilitazzjoni tal-proċeduri speċjali – SP: is-sistemi nazzjonali se jkollhom jimplimentaw it-tibdiliet kollha tal-KDU li huma meħtieġa għall-ħażna doganali, għall-użu finali, għall-ammissjoni temporanja u għall-ipproċessar attiv u passiv;

2.Notifika tal-Wasla, Notifika tal-Preżentazzjoni u Ħażna Temporanja - NA, PN, TS: din tiddefinixxi l-awtomatizzazzjoni tal-proċessi fil-livell nazzjonali fir-rigward tan-Notifiki tal-Wasla tal-mezzi tat-trasport, tal-Preżentazzjoni tal-merkanzija u tad-dikjarazzjonijiet għall-Ħażna Temporanja, kif deskritti fil-KDU, u tappoġġja l-armonizzazzjoni bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-iskambju ta’ data bejn in-negozjanti u d-dwana;

3.Sistemi Nazzjonali tal-Importazzjonijiet – NIS: dawn għandhom l-għan li jimplimentaw ir-rekwiżiti kollha relatati mal-proċessi u mad-data li jirriżultaw mill-KDU u li huma relatati mal-importazzjonijiet.

3.RIEŻAMI

a.L-istat tal-implimentazzjoni tal-pakkett leġiżlattiv tal-KDU

Il-pakkett tal-KDU ġie implimentat b’mod puntwali fl-1 ta’ Mejju 2016. Sa issa l-Kummissjoni ma identifikat ebda problema kbira fl-applikazzjoni tiegħu, għad li jidher ċar li kemm il-benefiċċji kif ukoll l-impatt tal-KDU se jkunu jidhru bis-sħiħ biss meta jkunu ġew skjerati s-sistemi tal-IT relatati kollha.

Mindu daħal fis-seħħ il-KDU, il-Kummissjoni kompliet bil-proċess ta’ laqgħat regolari mal-Istati Membri u mar-rappreżentanti tal-kummerċ biex tidentifika u tindirizza l-problemi fil-leġiżlazzjoni, tassisti fl-implimentazzjoni u tesplora l-ambitu għas-simplifikazzjoni ulterjuri tal-proċessi. Dan il-proċess ta’ konsultazzjoni hu konformi mal-impenji meħuda mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha dwar Żvilupp tal-Unjoni Doganali tal-UE u l-Governanza tagħha 14 . Il-Kummissjoni xeħtet attenzjoni partikolari f’kull ħin lejn il-ħtieġa ta’ skedi ta’ żmien realistiċi u lejn il-kostijiet u l-impatt ġenerali tat-tariffi fuq id-dwana u l-kummerċ.

Barra minn hekk, l-Istati Membri u r-rappreżentanti tan-negozji kkollaboraw mal-Kummissjoni fuq diversi dokumenti ta’ gwida li jindirizzaw l-applikazzjoni prattika tar-regoli l-ġodda.

Il-Kummissjoni stabbiliet numru ta’ gruppi ta’ proġetti 15 taħt Dwana 2020, li jinvolvu kemm Stati Membri kif ukoll rappreżentanti tan-negozji, biex iħarsu lejn xi każijiet kummerċjali konkreti:

·Grupp tal-proġentryett dwar is-Simplifikazzjonijiet, biex jiżviluppa l-benefiċċji tal-Awtovalutazzjoni, tal-Entrata fir-Reġistri tad-Dikjarant u tal-Iżdoganar Ċentralizzat.

·Grupp tal-proġett dwar importazzjonijiet ta’ valur baxx, biex janalizza l-aktar mod xieraq kif jiġu żgurati kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni bejn l-operaturi postali u l-kurriera veloċi, fid-dawl taż-żieda fil-bejgħ fuq l-Internet u l-obbligu konsegwenti fuq id-dwana biex tiżgura kontrolli xierqa u tipproteġi liċ-ċittadini u l-interessi finanzjarji tal-UE mingħajr ma xxekkel il-kummerċ leġittimu.

·Grupp tal-proġett dwar it-tranżitu, biex jaħdem fuq l-użu ta’ dokument elettroniku tat-trasport (ETD) bħala dikjarazzjoni ta’ tranżitu għat-trasport bl-ajru jew għat-trasport bil-baħar.

·Grupp tal-proġett dwar il-garanziji, biex jesplora kif il-kundizzjonijiet għall-benefiċċju minn tnaqqis totali jew parzjali tal-livell ta’ garanzija komprensiva jistgħu jwieġbu aħjar għar-realtà ekonomika.

Barra minn hekk, għadu għaddej l-ittestjar tal-proġett pilota flimkien man-negozji u mal-Istati Membri, kif previst fil-KDU, biex jiġu ttestjati metodi ġodda u jinstabu modi aħjar kif jiġu indirizzati sfidi bħal dawk imposti minn bejgħ akbar fuq l-internet, nuqqas ta’ disponibilità ta’ data u l-ħtieġa għal approċċi bbażati fuq sistemi.

Dan il-proċess ta’ djalogu regolari mal-partijiet ikkonċernati wassal għal xi emendi u għal żidiet ulterjuri fil-pakkett legali tal-KDU mill-1 ta’ Mejju 2016 ’l hawn, kif ġej:

I.Emenda għall-Artikolu 136 tal-KDU rigward merkanzija li titlaq b’mod temporanju mit-territorju doganali tal-Unjoni bil-baħar jew bl-ajru. Din l-emenda 16 kienet neċessarja biex tiġi żgurata s-superviżjoni doganali xierqa fil-każ li fih ċerta merkanzija tidħol fl-Unjoni minn port iżda tkompli l-vjaġġ tagħha fuq bastiment tal-kontejners lejn it-tieni port fl-Unjoni u tinħatt biss f’dak it-tieni port. Bħala riżultat tal-emenda, il-merkanzija trid tiġi ppreżentata lid-dwana f’dak it-tieni port ukoll.

 

II.Emenda għall-Att ta’ Implimentazzjoni tal-KDU 17 , biex il-leġiżlazzjoni tiġi adattata aħjar għall-ħtiġijiet tal-awtoritajiet u tal-kummerċ u biex tiġi ggarantita l-applikazzjoni effettiva u uniformi tar-regoli. L-aktar emendi sostanzjali, li ddaħħlu fuq it-talba tar-rappreżentanti tan-negozji, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:

oIr-regoli li jirregolaw id-dikjarazzjoni ta’ fornitur għal terminu twil ġew iċċarati u ssimplifikati. Ir-rappreżentanti tan-negozji laqgħu b’mod partikolari r-riintroduzzjoni tal-possibbiltà li n-negozjanti fi kwalunkwe waqt matul is-sena joħorġu dikjarazzjoni waħda li tkopri s-sena kalendarja sħiħa;

oIngħata aktar żmien biex l-esportaturi jiksbu numru ta’ Esportatur Irreġistrat (REX) (biex l-esportautri jkunu jistgħu jiċċertifikaw huma stess l-oriġini tal-merkanzija) għall-finijiet tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-UE u l-Kanada (CETA); kif ukoll

oĠew imtejba r-regoli għad-deżinjazzjoni tal-uffiċċju doganali tal-ħruġ f’każijiet ta’ esportazzjoni segwita minn tranżitu ta’ merkanzija soġġetta għas-sisa.

III.L-adozzjoni ta’ Att ta’ Implimentazzjoni 18 dwar l-arranġamenti tekniċi għall-iżvilupp, għaż-żamma u għat-tħaddim ta’ sistemi elettroniċi għall-iskambju tal-informazzjoni u għall-ħżin ta’ din l-informazzjoni skont il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni. Dan jistabbilixxi r-regoli li jirregolaw is-Sistema ta’ Deċiżjonijiet Doganali u s-sistema ta’ Ġestjoni Uniformi tal-Utenti u ta’ Firma Diġitali (ara t-taqsima b aktar ’il quddiem).

IV.Hu probabbli li l-Att Delegat, u l-Att ta’ Implimentazzjoni, ser ikollhom bżonn jerġgħu jiġu emendati fl-2018 biex fost l-oħrajn jindirizzaw il-punti li ġejjin:

oDefinizzjoni ġdida ta’ esportatur fl-Artikolu 1(19) tal-Att Delegat li skont din l-esportatur xorta waħda ser ikun meħtieġ li jiġi stabbilit fl-UE iżda l-kundizzjoni li l-esportatur jeħtieġlu jkollu l-kuntratt tal-bejgħ fuqu se tiġi llaxkata. Ir-rappreżentanti tan-negozji jargumentaw li d-definizzjoni attwali ma tirriflettix b’mod adegwat il-mudelli kummerċjali eżistenti, bħal meta l-bejjiegħ ikun stabbilit barra l-UE.

oEmenda għall-Artikoli 114 u 134 tal-Att Delegat tal-KDU biex jiġu introdotti flessibilitajiet fil-formalitajiet doganali applikabbli għal tranżazzjonijiet bejn Territorju Fiskali Speċjali u l-art kontinentali tiegħu (jiġifieri għal tranżazzjonijiet fi ħdan Stat Membru wieħed).

oEstensjoni ta’ aktar minn ġurnata fl-iskadenza fl-Artikolu 115 tal-Att Delegat tal-KDU biex tiġi ddikjarata merkanzija maħżuna f’post li ma jkunx faċilità ta’ ħażna temporanja. Il-modifika tkun imfassla biex tiżgura li kemm in-negozjanti kif ukoll id-dwana jkunu jistgħu jlaħħqu aħjar mal-perjodu ta’ żmien filwaqt li xorta waħda dan jinżamm qasir biex jiġu evitati abbużi.

oEmenda ta’ dispożizzjoni eżistenti li teħtieġ verżjoni stampata tal-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd, inkluża informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali, li għandha tiġi pprovduta lill-awtoritajiet doganali ta’ pajjiżi terzi biex dawk l-awtoritajiet ikunu jistgħu jiċċertifikaw li l-prodotti tal-baħar u tal-ħut trasbordati u trasportati minn ġol-pajjiż jew minn ġot-territorju tagħhom ma jkunux ġew imbagħbsa. L-industrija tas-sajd avżat lill-Kummissjoni dwar problema jekk ikun meħtieġ li tiġi żvelata informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali dwar fejn inqabad il-ħut biex l-emenda tkun tiżgura li ma jkun hemm ebda qsim ta’ informazzjoni kunfidenzjali li tappartjeni għall-bastiment tal-UE.

oEmenda għall-Att Delegat biex tiġi restawrata dispożizzjoni li kienet teżisti fil-leġiżlazzjoni tal-KDK. Ir-rappreżentanti tan-negozji nnotaw li l-pakkett tal-KDU ma fih ebda dispożizzjoni li tippermetti b’mod speċifiku lil detentur ta’ awtorizzazzjonijiet għal użu finali jaħżen f’tank wieħed prodotti tal-enerġija kklassifikati taħt subintestaturi differenti. Għal raġunijiet relatati mal-karatteristiċi tekniċi ta’ dawn il-prodotti, dik ir-restrizzjoni tagħmilha impossibbli biex fil-prattika jintużaw awtorizzazzjonijiet tal-użu finali bħal dawn.

oEmenda għall-qafas regolatorju applikabbli għal karozzi mikrija barra mill-UE minn residenti tal-UE. Bħalissa, jekk il-karozzi ma jkollhomx pjanċi tal-UE, dawn ikunu soġġetti għal dazju tal-importazzjoni meta jidħlu fit-territorju doganali tal-UE (ħlief meta resident tal-UE juża karozza mikrija biex jirritorna għall-post tar-residenza tiegħu). Din tqieset li hi kundizzjoni wisq restrittiva fil-każ ta’ residenti tal-UE li jikru karozzi għal perjodi qosra u allura l-Att Delegat jista’ jiġi emendat biex tiġi rettifikata din il-kwistjoni.

oEmenda għar-regoli dwar l-oriġini b’tali mod li jkun jista’ jingħata trattament tariffarju preferenzjali lil prodotti pproċessati li jkunu nkisbu minn merkanzija importata li hi stess tkun ikkwalifikat għal trattament tariffarju preferenzjali permezz tal-proċedura ta’ proċessar attiv. Din l-emenda tkun toffri lill-operaturi ekonomiċi kkonċernati trattament tariffarju ekwivalenti għal dak li gawdew huma, skont il-proċedura doganali magħrufa bħala proċessar taħt kontroll doganali, meta kien fis-seħħ il-KDK.

oĊerti emendi tekniċi biex ir-regoli dwar ir-reġistrazzjoni għas-sistema elettronika tal-REX jiġu adattati aħjar għas-sitwazzjoni tal-esportaturi.

Minbarra l-emendi aktar ġenerali msemmija aktar ’il fuq għall-pakkett tal-KDU, il-Kummissjoni, hekk kif għamlet taħt il-KDK, użat is-setgħat tagħha skont il-KDU diversi drabi biex tadotta atti ta’ implimentazzjoni għal skopijiet speċifiċi jew tekniċi, bħal għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija u għad-derogi temporanji mir-regoli dwar l-oriġini preferenzjali.

b.Stat tal-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Ħidma tal-KDU

L-ewwel skadenza għall-operat ta’ wħud mis-sbatax-il sistema tal-IT elenkati fil-Programm ta’ Ħidma tal-KDU kienet l-2017 u din l-iskadenza ntlaħqet:

·Fl-1 ta’ Jannar 2017, il-Kummissjoni nediet is-sistema tal-Esportaturi Rreġistrati (REX). Din il-bażi tad-data l-ġdida fiha d-data dwar l-esportaturi rreġistrati f’pajjiżi benefiċjarji tas-Sistema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi tal-UE u dwar xi operaturi rreġistrati fl-UE, fosthom fil-kuntest tal-ftehim ta’ kummerċ ħielesmal-Kanada. Din tippermetti li operatur ekonomiku jkun jista’ jivverifika jekk fornitur huwiex irreġistrat biex ikun jista’ jagħmel dikjarazzjonijiet dwar l-oriġini u se tippermetti wkoll lill-awtoritajiet doganali tal-UE jivvalidaw in-numri tal-REX ipprovduti fid-dikjarazzjonijiet doganali mal-bażi tad-data ċentrali. Ġew irreġistrati madwar 20,000 esportatur fl-UE u ġew irreġistrati madwar 11,000 esportatur fil-pajjiżi benefiċjarji tas-SĠP li diġà japplikaw is-sistema. Il-feedback riċevut mingħand l-operaturi ekonomiċi, l-awtoritajiet doganali tal-UE u l-awtoritajiet kompetenti fil-pajjiżi benefiċjarji tas-SĠP kien ferm pożittiv u sa issa ma waslux lmenti.

·F’Ottubru 2017, il-Kummissjoni nediet is-sistema ta’ Deċiżjonijiet Doganali u s-sistema ta’ Ġestjoni Uniformi tal-Utenti u ta’ Firma Diġitali (UUM&DS) flimkien. Is-Sistema ta’ Deċiżjonijiet Doganali tirrappreżenta pass kbir fl-armonizzazzjoni tal-mod ta’ kif inhuma ġestiti l-awtorizzazzjonijiet doganali madwar it-28 Stat Membru. Is-sistema għandha komponenti komuni (portal tal-UE għan-negozjanati, sistema ċentrali ta’ ġestjoni tad-deċiżjonijiet doganali u servizzi ta’ referenza għall-klijenti) u komponenti nazzjonali (portal nazzjonali għan-negozjanti u sistema nazzjonali għall-ġestjoni ta’ deċiżjonijiet doganali). Din tippermetti li jiġu pproċessati tnejn u għoxrin awtorizzazzjoni doganali bħal dawk għal dikjarazzjonijiet simplifikati, żdoganar ċentralizzat, proċessar attiv u passiv, garanziji komprensivi, pagament differit, tranżitu u ħafna oħrajn. L-Operatur Ekonomiku jista’ jippreżenta l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjonijiet permezz tal-UUM&DS li tagħtih aċċess għas-Sistema ta’ Deċiżjonijiet.

·L-ewwel fażi tas-sistema ta’ Informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi (BTI) tlestiet f’Ottubru 2017, li kienet id-data ta’ mira għat-tlestija ta’ dik il-fażi.

Ħafna mis-sistemi elettroniċi l-oħra huma wkoll fi triqithom li jitlestew sad-dati stabbiliti fil-Programm ta’ Ħidma. Fil-fatt, hu mistenni li kważi tmenin fil-mija tax-xogħol tal-Kummissjoni fuq is-sistemi trans-Ewropej se jkun tlesta sal-2020.

Madankollu, deher ċar ukoll li mhux is-sistemi kollha jistgħu jitlestew għalkollox sal-iskadenza tal-2020. Dik l-iskadenza dejjem kienet waħda ambizzjuża, fid-dawl tal-kumplessità tal-kompitu u tal-kostijiet involuti fl-introduzzjoni ta’ sistemi tal-IT ġodda madwar l-UE. Meta ġiet stabbilita dik l-iskadenza, kien antiċipat li r-regoli li jissupplimentaw u jimplimentaw il-KDU (l-Att Delegat, l-Att ta’ Implimentazzjoni u l-Att Delegat Tranżitorju) kienu se jiġu adottati ferm malajr wara l-adozzjoni tal-KDU fl-2013, biex b’hekk id-dispożizzjonijiet tagħhom ikunu jistgħu jittieħdu f’kunsiderazzjoni fl-iżvilupp tas-sistemi tal-IT. Madankollu, id-diskussjonijiet dwar id-dispożizzjonijiet ta’ supplimentazzjoni u ta’ implimentazzjoni ħadu ferm aktar milli kien mistenni u l-atti ġew adottati biss fil-forma finali tagħhom tard fl-2015/kmieni fl-2016. Min-naħa tiegħu, dan wassal għal dewmien fil-produzzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet funzjonali għas-sistemi elettroniċi li jindirizzaw id-dikjarazzjonijiet u n-notifiki, li huma bbażati fuq ir-rekwiżiti tad-data stabbiliti fl-Annessi B tal-Atti Delegati u ta’ Implimentazzjoni tal-KDU. Il-kumplessità tas-sistemi saret apparenti għalkollox biss malli tlestew dawn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi.

Barra minn hekk, instab li l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti tad-data (jiġifieri d-data li l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jeħtieġu mingħand l-operaturi ekonomiċi) kienet waħda mill-isfidi ewlenin għall-iżvilupp tas-sistemi tal-IT. L-armonizzazzjoni tad-data hi kruċjali għall-interoperabbiltà tas-sistemi elettroniċi differenti u għal applikazzjoni armonizzata tan-normi ġuridiċi. Din hi kruċjali biex jiġi żgurat allinjament mal-mudelli internazzjonali tad-data bħal dak tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali u b’hekk jiġu żgurati r-rabtiet mas-sistemi tal-IT ta’ pajjiżi terzi u jiġi ffaċilitat il-kummerċ. Madankollu, din il-ħidma tinvolvi investiment ferm akbar minn dak mistenni f’termini ta’ żmien u f’termini finanzjarji fir-riprogrammazzjoni sħiħa ta’ wħud mis-sistemi elettroniċi eżistenti.

Sfida oħra hi li, peress li s-sistemi elettroniċi huma marbuta mill-qrib ma’ xulxin, importanti li dawn jiġu implimentati fl-ordni t-tajba (f’sekwenza) biex jiġi żgurat li l-interdipendenzi jiġu rrispettati u li t-tibdiliet għall-amministrazzjonijiet u għall-kummerċ jiġu introdotti b’mod strutturat u koerenti.

Iqumu kwistjonijiet partikolari b’rabta mal-aġġornament tas-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjonijiet (ICS). Din is-sistema tfasslet bħala tweġiba għat-tħassib dwar is-sigurtà wara l-attakki tal-11 ta’ Settembru 2001 u fil-qafas tal-istandards għall-kummerċ internazzjonali appoġġjat mill-Organizzazzjoni Dinjija Doganali. Din teħtieġ li t-trasportaturi jibagħtu ċertu nurmu ta’ elementi ta’ data b’mod elettroniku lill-uffiċċju doganali tal-UE tal-ewwel dħul qabel ma l-merkanzija tidħol fit-territorju u, f’ħafna każijiet, saħansitra qabel ma l-merkanzija titlaq mill-pajjiż ta’ esportazzjoni. L-iskop skont il-KDU hu li tittejjeb l-ICS eżistenti. “ICS2” tkun tintroduċi, pereżempju, repożitorju ċentrali Ewropew biex tkun tista’ tinġabar informazzjoni antiċipata ta’ kwalità għolja u f’ħin reali dwar il-merkanzija; tipprovdi għal arkivjar multiplu (jiġifieri biex mhux it-trasportatur biss iżda anki importatur, konsenjatarju, jew persuni rilevanti oħra jkunu jistgħu jipprovdu d-data neċessarja dwar il-merkanzija li tidħol fl-unjoni doganali); tipprovdi għal interfaċċa armonizzata għan-negozjanti biex l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jissottomettu informazzjoni antiċipata dwar il-merkanzija b’mod standardizzat u armonizzat; u tipprovdi għodod biex tgħin lill-awtoritajiet doganali jiskrinjaw għal skopijiet ta’ ġestjoni tar-riskju l-volumi kbar ta’ informazzjoni maħżuna fir-repożitorju. Madankollu, sar ċar li l-ħidma involuta fl-ICS hi ferm akbar minn dik mistennija, b’mod partikolari minħabba r-rekwiżiti għolja tas-sigurtà għad-data fir-repożitorju ċentrali, il-kostijiet operazzjonali għoljin, il-ħtieġa msemmija aktar ’il fuq ta’ armonizzazzjoni tar-rekwiżiti tad-data u l-ħtieġa għal aktar funzjonalitajiet kondiviżi fil-livell tal-UE biex jitnaqqas ir-rekwiżit għal investimenti nazzjonali paralleli għaljin.

c.Il-passi li jmiss

Il-Kummissjoni se tkompli bil-proċess ta’ diskussjoni regolari mal-Istati Membri u man-negozji biex tiżgura li l-KDU jiffaċilita l-kummerċ. Is-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni u tal-proċeduri doganali introdotti mill-KDU diġà qed tħalli impatt tajjeb u fil-parti l-kbira ntlaqgħet mill-operaturi ekonomiċi. Madankollu, uħud jargumentaw li l-KDU jista’ jagħmel aktar biex jiffaċilita l-kummerċ. Dawn jindikaw il-fatt li l-istatus ta’ AEO issa hu obbligatorju biex wieħed jibbenefika minn ċerti simplifikazzjonijiet u li dan ser ikun ta’ żvantaġġ għal kumpaniji żgħar li ma jifilħux jinvestu fl-akkwiżizzjoni ta’ status ta’ AEO, għad li kienu n-negozji li talbu ċerti benefiċċji speċjali għall-AEOs bħala skambju għall-investiment u għall-isforz li l-operaturi ekonomiċi involuti jinvestu fil-kisba ta’ awtorizzazzjoni tal-AEO. Ħafna mir-rappreżentanti tan-negozji jindikaw ukoll li ser ikun għadda wisq żmien qabel ma l-benefiċċji tal-KDU jimmaterjalizzaw għalkollox għaliex il-perjodi tranżitorji twal kienu jippermettu għall-koeżistenza ssoktata ta’ sistemi bbażati fuq karti f’ċerti Stati Membri minkejja li oħrajn ifittxu perjodi tranżitorji itwal għall-issodisfar tar-rekwiżiti elettroniċi l-ġodda kollha. Barra minn hekk, ċerti rappreżentanti tan-negozji jindikaw id-differenzi li jissoktaw bejn l-Istati Membri fl-interpretazzjoni tar-regoli.

Il-Kummissjoni se tkompli taħdem ukoll f’konsultazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati biex tidentifika żbalji u anomaliji tekniċi fil-pakkett leġiżlattiv. L-atti legali tal-KDU huma itwal minn 2,000 paġna u, għaldaqstant, hu inevitabbli li se jibqgħu neċessarji adattamenti għall-pakkett leġiżlattiv. Il-KDK preċedenti u d-Dispożizzjonijiet ta’ Implimentazzjoni korrispondenti tiegħu kienu jeħtieġu diversi emendi.

Min-naħa tal-awtoritajiet doganali, funzjoni kritika hi li jiġi protett id-dħul u jiġu żgurati s-sikurezza u s-sigurtà. Għaldaqstant jeħtieġ li jkomplu jsiru sforzi wkoll biex jiġi żgurat li l-bilanċ bejn il-kontrolli u l-faċilitazzjoni tal-kummerċ hu tajjeb u li kwalunkwe problema f’dan ir-rigward tiġi indirizzata malajr. Din il-ħidma se tinvolvi kuntatt intensiv issoktat mal-Parlament Ewropew, mal-Qorti Ewropea tal-Awdituri u mas-servizzi fi ħdan il-Kummissjoni li huma responsabbli għall-protezzjoni tar-riżorsi proprji tal-UE u għall-ġlieda kontra l-frodi.

Fir-rigward tas-sistemi elettroniċi tal-KDU, il-Kummissjoni temmen li hemm bżonn li tiġi estiża l-iskadenza għal ċerti sistemi biex tiġi żgurata implimentazzjoni mexxejja tal-oħrajn sad-data fil-mira tal-2020. L-Istati Membri u n-negozji jeħtieġu skedi ta’ żmien realistiċi u ċertezza tad-dritt dwar l-arranġamenti għall-iskambju u għall-ħżin ta’ informazzjoni doganali u bħala medja jeħtieġu sentejn biex jagħmlu l-arranġamenti għal kull sistema elettronika. Jekk ċerti sistemi aktarx li ma jkollhomx probabbiltà li jiġu implimentati sa dik id-data, dan irid jiġi ċċarat sal-2018 u trid tiġi pprovduta ċertezza li n-normi ġuridiċi li se japplikaw fin-nuqqas tat-tali sistemi.

Konsegwentement, il-Kummissjoni tipproponi dawn li ġejjin:

i) Se twettaq evalwazzjoni interim tal-KDU sa tmiem l-2021, u kontroll komprensiv tal-idoneità ladarba jiġu implimentati s-sistemi elettroniċi kollha. Il-kontroll tal-idoneità se jippermetti lill-Kummissjoni tiddeċiedi fit-terminu itwal jekk jeħtieġx li jsir xi tibdil kbir fil-politiki biex il-KDU jibqa’ idoneu f’ambjent kummerċjali globali u biex dan ikompli jiżgura bilanċ xieraq bejn il-faċilitazzjoni tal-kummerċ u l-kontrolli.

ii) Qabel il-kontroll tal-idoneità, il-Kummissjoni tista’ tkompli tippreżenta proposti għal kwalunkwe korrezzjoni jew emenda teknika fil-pakkett legali tal-KDU li ssir neċessarja biex jiġi żgurat il-funzjonament mexxej issoktat tal-qafas leġiżlattiv.

iii) Il-Kummissjoni se tikkunsidra li tressaq proposta leġiżlattiva kmieni fl-2018 għal estensjoni għall-iskadenza għall-użu ssoktat tal-arranġamenti tranżitorji fir-rigward tan-numru limitat ta’ sistemi elettroniċi li ma jistgħux jiġu implimentati bis-sħiħ sal-iskadenza tal-2020. Din se tiġi segwita minn Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni b’aġġornament korrispondenti fil-Programm ta’ Ħidma. Bħalissa jidher li s-sistemi li aktarx li se jkunu jeħtieġu aktar xogħol wara l-2020 huma dawn li ġejjin:

-l-aġġornamenti tas-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjonijiet (ICS), is-Sistema Ġdida ta’ Transitu Kompjuterizzata (NCTS) u s-Sistema Awtomatizzata tal-Esportazzjonijiet (AES) flimkien mal-komponent tal-esportazzjonijiet tas-Sistema ta’ Proċeduri Speċjali; kif ukoll

-l-introduzzjoni tas-Sistemi tal-Iżdoganar Ċentralizzat għall-importazzjoni (CCI), tal-Prova tal-Istatus tal-Unjoni (PoUS) u tal-Ġestjoni tal-Garanziji (GUM).

Il-Kummissjoni kkonsultat lill-Istai Membri dwar dawn is-sistemi elettroniċi li jeħtieġu aktar xogħol u fasslet dan l-ippjanar tentattiv fuq il-bażi tar-risponsi li rċiviet mingħand l-Istati Membri. Hi kkonsultat ukoll lil rappreżentanti tan-negozji fil-laqgħat regolari tal-Grupp ta’ Kuntatt dwar il-Kummerċ li jiġbor rappreżentanti minn diversi korpi kummerċjali.

4.EŻERĊIZZJU TAS-SETGĦA TAL-ADOZZJONI TA’ ATTI DELEGATI

Skont l-Artikolu 284 tal-KDU, il-Kummissjoni hi mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 290 tat-TFUE, biex tissupplimenta jew temenda ċerti elementi mhux essenzjali tar-Regolament dwar il-KDU, għal perjodu ta’ ħames snin mit-30 ta’ Ottubru 2013. L-Artikolu 284(2) jeħtieġ li l-Kummissjoni tfassal rapport għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsill fir-rigward tal-użu ta’ din is-setgħa li tadotta atti delegati. Il-Kummissjoni hi meħtieġa tħejji r-rapport mhux aktar tard minn disa’ xhur wara li jintemm il-perjodu ta’ ħames snin, jiġifieri sat-30 ta’ Jannar 2018.

Il-KDU jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati skont id-dispożizzjonijiet li ġejjin: L-Artikoli 2, 7, 10, 20, 24, 31, 36, 40, 62, 65, 75, 88, 99, 106, 115, 122, 126, 131, 142, 151, 156, 160, 164, 168, 175, 180, 183, 186, 196, 206, 212, 216, 221, 224, 231, 235, 253, 265, u 279.

Sa Novembru 2017, il-Kummissjoni eżerċitat is-setgħa tagħha li tadotta atti delegati erba’ darbiet (ara t-taqsima 2.a):

a)Biex tadotta Att Delegat tal-KDU 19 . It-tabella fl-Anness torbot id-dispożizzjonijiet fl-Att Delegat tal-KDU mal-għoti ta’ setgħa mill-Kodiċi lill-Kummissjoni;

b)Biex tadotta l-Att Delegat Tranżitorju tal-KDU 20 , fuq il-bażi tal-għoti tas-setgħa fl-Artikolu 279 tal-Kodiċi;

c)Biex tikkoreġi l-Artikoli 136 u 141 tal-Att Delegat tal-KDU 21 fuq il-bażi tal-għoti tas-setgħa fl-Artikolu 160 tal-Kodiċi; kif ukoll

d)Biex tikkoreġi l-Anness 12 tal-Att Delegat Tranżitorju tal-KDU 22 , fuq il-bażi tal-għoti tas-setgħa fl-Artikolu 279 tal-Kodiċi.

Meta kienet qed tħejji l-atti delegati, il-Kummissjoni kkonsultat lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, b’mod partikolari lill-esperti tal-Istati Membri u lill-operaturi ekonomiċi mis-setturi tal-kummerċ, tal-loġistika u tan-negozju. L-esperti mill-Istati Membri u mill-komunità tan-negozju ddiskutew u appoġġjaw id-dispożizzjonijiet inklużi fl-atti delegati.

Matul il-proċess proċedurali u deċiżjonali, il-Kummissjoni żgurat it-trażmissjoni puntwali u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ma oġġezzjonawx għall-adozzjoni ta’ xi wieħed minn dawk l-atti.

Biex jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-dwana tkun adattata b’mod kostanti għar-rekwiżiti tekniċi u għall-progress teknoloġiku tal-attività doganali, il-Kummissjoni hi tal-fehma li s-setgħa li tadotta atti delegati mogħtija lilha mill-KDU jenħtieġ li tiġi estiża għal perjodu ta’ ħames snin oħra, f’konformità mal-Artikolu 284(2) tal-KDU.

5.KONKLUŻJONI

B’dan ir-rapport il-Kummissjoni tikkonforma i) mat-talba tal-Parlament Ewropew għal rapport dwar l-implimentazzjoni tal-KDU u ii) mal-obbligu tagħha li tirrapporta lill-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu tagħha tas-setgħat delegati skont l-Artikolu 284(2) tar-Regolament dwar il-KDU.

Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-KDU, il-Kummissjoni tqis bħala kisba konsiderevoli l-fatt li l-KDU, li introduċa tibdiliet tant kbar, ma ltaqax ma’ xi problema leġiżlattiva kbira matul l-ewwel tmintax-il xahar tal-implimentazzjoni tiegħu. Il-proċess ta’ konsultazzjoni regolari mal-Istati Membri u man-negozjanti wassal għar-riżoluzzjoni veloċi ta’ kwalunkwe żball tekniku li feġġ mill-adozzjoni tal-Kodiċi fl-2013 ’l hawn. Fl-istess ħin, jidher ċar li l-impatt tal-KDU jrid ikun studjat b’mod komprensiv fil-ġejjieni biex jiġi ddeterminat jekk il-KDU ssodisfax l-għanijiet li tfassal għalihom jew jekk hemmx bżonn ta’ xi aġġustament fil-politika. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tipproponi li:

·sal-2021 tagħmel evalwazzjoni interim tal-qafas legali tal-KDU u tas-sistemi elettroniċi implimentati sa dik id-data

·twettaq kontroll tal-idoneità aktar komprensiv ladarba jkunu ġew implimentati s-sistemi elettroniċi kollha;

·tkompli tipproponi korrezzjonijiet jew emendi tekniċi fil-pakkett legali tal-KDU li huma neċessarji biex jiġi żgurat funzjonament mexxej issoktat tal-qafas leġiżlattiv;

·tikkunsidra li tressaq proposta leġiżlattiva kmieni fl-2018 għal emenda għall-KDU, b’tali mod li jiġi estiż sa mhux aktar tard mill-2025 il-perjodu li matulu jistgħu jintużaw arranġamenti tranżitorji fir-rigward tal-formalitajiet doganali li huma indirizzati mis-sistemi tal-IT li ma jistgħux jiġu implimentati bis-sħiħ sal-2020;

·taġġorna l-Programm ta’ Ħidma tal-KDU permezz ta’ Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni.

Rigward l-użu tas-setgħa li tadotta atti delegati mogħtija mill-Artikolu 284(2) tal-KDU, il-Kummissjoni temmen li hi eżerċitat dawn is-setgħat b’mod attiv u kif xieraq. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni tqis li jenħtieġ li din id-delega tas-setgħat tiġi estiża biex hi tkun tista’ tipproponi kwalunkwe miżura ulterjuri neċessarja biex tadatta l-leġiżlazzjoni doganali għall-progress tekniku u teknoloġiku kif ukoll għad-dinamika tal-kummerċ.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.



Anness

Dispożizzjonijiet tal-għoti tas-setgħa

tal-KDU

Dispożizzjonijiet tal-Att Delegat tal-KDU f’konformità mad-delega tas-setgħat

L-Artikolu 2

L-Artikoli 114, 134, 188

L-Artikolu 7 (mezzi għall-iskambju u għall-ħażna ta’ informazzjoni u rekwiżiti komuni tad-data)

L-Artikoli 2, 3, 4, 9, 19, 21, 38, 39, 40, 82, 85, 86, 87, 92, 93, 94, 95, 96, 116, 124, 124a, 125, 126, 126a, 127, 129a, 129b, 130, 131, 132, 133, 144, 154, 157, 160, 163, 164, 165, 175, 178, 181, 184, 185, 190, 196, 238, 241, 246, 247, 249

L-Artikolu 10

L-Artikoli 5, 6, 7

L-Artikolu 20

L-Artikolu 210

L-Artikolu 24 (Deċiżjonijiet relatati mal-applikazzjonijiet tal-leġiżlazzjoni doganali)

L-Artikoli 5, 8, 10, 11, 12, 13, 14, 15, 16, 17, 18, 19, 20, 22, 26, 27, 28, 29, 30, 82, 92, 97, 121, 123, 156, 162, 171, 172, 173, 186, 192, 194, 205

L-Artikolu 31 (Revoka u emendar ta’ deċiżjonijiet favorevoli)

Delega li għadha ma ntużatx:

Id-dispożizzjoni tikkonċerna 1) każijiet li fihom deċiżjoni favorevoli indirizzata lil diversi persuni tista’ tiġi rrevokata kemm fir-rigward tal-persuna li tonqos milli tissodisfa obbligu impost skont dik id-deċiżjoni kif ukoll fir-rigward tal-persuni l-oħra involuti; 2) każijiet eċċezzjonali li fihom l-awtoritajiet doganali jistgħu jiddiferixxu d-data li fiha tidħol fis-seħħ ir-revoka jew l-emenda.

L-Artikolu 36 (Ġestjoni ta’ deċiżjonijiet marbuta ma’ informazzjoni vinkolanti)

Delega li għadha ma ntużatx:

Id-dispożizzjoni tikkonċerna 1) il-każijiet speċifiċi msemmija fl-Artikolu 34(7)(b) u fl-artikolu 34(8), fejn għandhom jiġu rrevokati deċiżjonijiet dwar l-Informazzjoni Vinkolanti dwar it-Tariffi (BTI) u l-Informazzjoni Vinkolanti dwar l-Oriġini (BOI); 2) il-każijiet imsemmija fl-Artikolu 35, fejn jittieħdu deċiżjonijiet marbutin ma’ informazzjoni vinkolanti fir-rigward ta’ fatturi oħra li abbażi tagħhom jiġu applikati dazji fuq importazzjoni jew l-esportazzjoni u miżuri oħra li jikkonċernaw il-kummerċ tal-merkanzija.

L-Artikolu 40

L-Artikoli 23, 24, 25

L-Artikolu 62

L-Artikoli 31, 32, 33, 34, 35, 36

L-Artikolu 65 (Oriġini preferenzjali)

L-Artikoli 41, 42, 43, 44, 45, 46, 47, 48, 49, 50, 51, 52, 53, 54, 55, 56, 57, 58, 59, 60, 61, 62, 63, 64, 65, 66, 67, 68, 69, 70

L-Artikolu 75

L-Artikolu 71

L-Artikolu 88 (Dejn doganali)

L-Artikoli 72, 73, 74, 75, 76, 77, 78, 79, 80, 168

L-Artikolu 99

L-Artikoli 81, 82, 83, 84, 85, 86

L-Artikolu 106

L-Artikoli 88, 92

L-Artikolu 115

L-Artikoli 89, 90, 91

L-Artikolu 122

L-Artikoli 98, 99, 100, 101, 102

L-Artikolu 126

L-Artikolu 103

L-Artikolu 131(Ripagament u remissjoni)

L-Artikoli 104, 105, 106, 107, 108, 109, 110, 111, 112, 113

L-Artikolu 142 (postijiet iddeżinjati għall-preżentazzjoni tal-merkanzija mdaħħla fit-territorju doganali tal-UE)

L-Artikolu 115

L-Artikolu 151 (kundizzjonijiet u awtorizzazzjoni għall-ħażna temporanja)

L-Artikoli 115, 116, 117, 118

L-Artikolu 156 (Status doganali tal-merkanzija)

L-Artikoli 119, 120, 121, 122, 122a,128, 129, 129c, 129d,182

L-Artikolu 160 (Tqegħid ta’ merkanzija taħt proċedura doganali)

L-Artikoli 135, 136, 137, 138, 139, 140, 141, 142, 143

L-Artikolu 164

L-Artikolu 155

L-Artikolu 168 (dikjarazzjonijiet simplifikati)

L-Artikoli 145, 146, 147, 183

L-Artikolu 175

L-Artikoli 148, 248

L-Artikolu 180

L-Artikolu 149

L-Artikolu 183 (EIDR)

L-Artikolu 150

L-Artikolu 186

L-Artikoli 151, 152

L-Artikolu 196

L-Artikolu 153

L-Artikolu 206

L-Artikoli 158, 159

L-Artikolu 212 (Dispożizzjonijiet ġenerali dwar proċeduri speċjali)

L-Artikoli 161, 163, 165, 166, 167, 170, 175, 176, 177, 178, 201, 202, 203, 204, 206, 207, 218, 239, 240, 242, 243

L-Artikolu 216

L-Artikoli 174, 217, 218, 237

L-Artikolu 221

L-Artikoli 179, 180

L-Artikolu 224

L-Artikolu 169

L-Artikolu 231

L-Artikoli 187, 189

L-Artikolu 235 (Tranżitu fl-Unjoni)

L-Artikoli 191, 193, 195, 197, 198, 199, 200

L-Artikolu 253 (Użu speċifiku)

L-Artikoli 206, 208, 209, 210, 211, 212, 213, 214, 215, 216, 219, 220, 221, 222, 223, 224, 225, 226, 227, 228, 229, 230, 231, 232, 233, 234, 235, 236

L-Artikolu 265

L-Artikoli 244, 245

(1)

 ĠU L 269, 10.10.2013, p.1. Ir-Rettifika (ĠU L 287, 29.10.2013, p.90) ikkoreġiet żball tipografiku fit-test tal-10 ta’ Ottubru li fih id-data ta’ implimentazzjoni tniżżlet bħala l-1 ta’ Ġunju 2016. It-test li vvotaw għalih il-Parlament Ewropew u l-Kunsill stabbilixxa l-1 ta’ Mejju 2016 bħala d-data ta’ implimentazzjoni. 

(2)

 Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Jannar 2017 dwar l-indirizzar tal-isfidi tal-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u t-tweġiba tal-Kummissjoni - 2016/3024 (RSP)

(3)

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Segwitu tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU C 357, 29.09.2016, p.2)

(4)

SEC(2005)1543

(5)

 ĠU C 306, 17.12.2007, p. 1–271

(6)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1)

(7)

  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558)

(8)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/341 tas-17 ta’ Diċembru 2015 li jissupplimenta r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli tranżizzjonali għal ċerti dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni fejn is-sistemi elettroniċi relevanti għadhom ma sarux operazzjonali u li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 (ĠU L 69, 15.3.2016, p. 1).

(9)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/578 tal-11 ta’ April 2016 li tistabbilixxi Programm ta’ Ħidma relatat mal-iżvilupp u t-tnedija tas-sistemi elettroniċi previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 99 15.4.2016 p. 6), li ħadet post il-verżjoni preċedenti tal-Programm ta’ Ħidma stabbilit fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2014/255 tad-29 ta’ April 2014 (ĠU L 134 7.5.2014, p. 46-53)

(10)

 L-Att Delegat Tranżitorju emenda l-Artikoli 2, 3, 104, 106, 112, 113, 128, 138, 141, 144, 146, 181 u 184 tal-Att Delegat tal-KDU u żied l-Artikoli 122a, 124, 124a, 126, 126a u 129a sa 129d

(11)

 Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/651 tal-5 ta’ April 2016 (ĠU L 111, 27.4.2016, p.1) ikkoreġa l-Artikoli 136 u 141 tal-Att Delegat tal-KDU 

(12)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/698 tat-8 ta’ April 2016 li jikkoreġi l-Att Delegat Tranżitorju

(13)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C 2016/2422 dwar l-istabbiliment ta’ kriterji komuni tar-riskju għall-analiżi tar-riskju għas-sigurtà u għas-sikurezza

(14)

COM/2016/0813 final

(15)

Ara r-reġistru tal-Kummissjoni ta’ gruppi ta’ esperti fuq http://ec.europa.eu/transparency/regexpert/index.cfm?do=search.result&page=1  

(16)

 Ir-Regolament (UE) 2016/2339 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2016 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 952/2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, fir-rigward ta’ merkanzija li tkun telqet temporanjament mit-territorju doganali tal-Unjoni bil-baħar jew bl-ajru (ĠU L 354, 23.12.2016, p. 32)

(17)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal--Kummissjoni (UE) 2017/989 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2016 li jikkoreġi u jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 149, 13.6.2017, p. 19–56)

(18)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2089 dwar l-arranġamenti tekniċi għall-iżvilupp, il-manutenzjoni u t-tħaddim ta’ sistemi elettroniċi għall-iskambju tal-informazzjoni, u għall-ħżin ta’ din l-informazzjoni skont il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni

(19)

Ara n-nota 6 f’qiegħ il-paġna

(20)

Ara n-nota 8 f’qiegħ il-paġna

(21)

Ara n-nota 11 f’qiegħ il-paġna

(22)

Ara n-nota 12 f’qiegħ il-paġna