3.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 72/3


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/374

tas-27 ta’ Jannar 2021

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2020/884 li jidderoga fir-rigward tas-sena 2020 mir-Regolament Delegat (UE) 2017/891 fir-rigward tas-settur tal-frott u l-ħxejjex u mir-Regolament Delegat (UE) 2016/1149 fir-rigward tas-settur tal-inbid b’rabta mal-pandemija tal-COVID-19, u li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/1149

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 62(1) u 64(6) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 53(b) u (h) flimkien mal-Artikolu 227 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/884 (3) introduċa għadd ta’ derogi mir-regoli eżistenti inter alia fis-settur tal-inbid, bil-għan li jipprovdu serħan lill-operaturi tal-inbid biex jgħinhom ilaħħqu mal-impatt tal-pandemija tal-COVID-19. Madankollu, minkejja l-utilità ta’ dawk il-miżuri, is-suq tal-inbid ma rnexxilux jerġa’ jikseb il-bilanċ tiegħu bejn il-provvista u d-domanda u mhuwiex mistenni li jerġa’ jiksbu fuq medda qasira u medja ta’ żmien minħabba l-pandemija li tinsab għaddejja.

(2)

Barra minn hekk, il-miżuri adottati biex tiġi indirizzata l-pandemija tal-COVID-19 qed jitkomplew fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri u madwar id-dinja kollha. Dawk il-miżuri jinkludu l-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet fir-rigward tad-daqs tal-laqgħat u taċ-ċelebrazzjonijiet soċjali, u fir-rigward tal-possibbiltajiet li wieħed jiekol u jixrob barra mid-dar. Il-lockdowns għadhom qed jiġu imposti f’xi żoni, flimkien mat-tħassir ta’ avvenimenti pubbliċi u parties privati. L-effett indirett ta’ dawn ir-restrizzjonijiet irriżulta f’aktar tnaqqis fil-konsum tal-inbid fl-Unjoni u fi tnaqqis ikkonfermat fl-esportazzjoni tal-inbid lejn pajjiżi terzi. Barra minn hekk, l-inċertezza dwar it-tul tal-kriżi, li mistennija ddum aktar mill-2020, qed tikkawża ħsara fit-tul lis-settur tal-inbid tal-Unjoni minħabba li l-konsum tal-inbid x’aktarx mhux se jirkupra u se jintilfu swieq tal-esportazzjoni. Din il-kombinazzjoni ta’ fatturi qed ikollha impatt negattiv sinifikanti fuq l-ipprezzar fis-suq tal-inbid tal-Unjoni. L-istokks li diġà kellhom rekord għoli fil-bidu tas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2019-2020 żdiedu. Fl-aħħar nett, il-ħsad ta’ rendiment għoli tal-2020 li ġej, li huwa mistenni li jaqbeż il-ħsad tal-2019 b’madwar 10 miljun ettolitru ta’ nbid, se jservi biss biex is-sitwazzjoni tkompli tmur għall-agħar.

(3)

Konsegwentement, minħabba t-tul twil tar-restrizzjonijiet imposti mill-Istati Membri biex tiġi indirizzata l-pandemija tal-COVID-19 u l-ħtieġa li r-restrizzjonijiet jinżammu fis-seħħ, it-taqlib ekonomiku serju fis-swieq ewlenin tal-inbid u l-effett negattiv li jirriżulta fuq id-domanda għall-inbid huma aggravati.

(4)

Fid-dawl ta’ dan id-disturb eċċezzjonalment sever fis-suq u tal-akkumulazzjoni ta’ ċirkostanzi diffiċli li wieħed jiltaqa’ magħhom fis-settur tal-inbid, li oriġinat mill-impożizzjoni mill-Istati Uniti ta’ tariffi fuq l-importazzjonijiet tal-inbejjed tal-Unjoni f’Ottubru 2019 u li issa qed tkompli bl-effetti negattivi mill-miżuri restrittivi li jinsabu għaddejjin minħabba l-pandemija tal-COVID-19 madwar id-dinja kollha, l-operaturi għadhom jiltaqgħu ma’ diffikultajiet eċċezzjonali fis-settur tal-inbid tal-Unjoni. Għalhekk, aktar għajnuna lis-settur tal-inbid hija ġġustifikata.

(5)

L-implimentazzjoni kontinwa tal-miżuri biex tiġi indirizzata l-kriżi fis-settur tal-inbid tal-Unjoni li ddaħħlu bir-Regolament Delegat (UE) 2020/884 hija meqjusa essenzjali biex tipprovdi lill-operaturi bil-flessibbiltajiet meħtieġa biex jimplimentaw programmi ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid tal-Unjoni. B’mod partikolari, il-flessibbiltà addizzjonali li tipprevedi l-implimentazzjoni tal-ħsad bikri fl-istess roqgħa art għal sentejn konsekuttivi jew aktar, il-flessibbiltà li jiġu introdotti bidliet fl-operazzjonijiet kontinwi, kif ukoll il-possibbiltà li wieħed iħallas għall-implimentazzjoni parzjali tal-operazzjonijiet appoġġati skont l-Artikoli 46 u 47 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 kull meta ma kinitx possibbli l-implimentazzjoni sħiħa għal raġunijiet dovuti għall-pandemija tal-COVID-19, żguraw li l-operaturi fis-settur tal-inbid tal-Unjoni jkollhom strumenti adattati biex jirreaġixxu għall-bidliet li ġabet magħha l-pandemija tal-COVID-19 u għar-restrizzjonijiet imposti biex jikkontrollawha.

(6)

Billi l-pandemija tal-COVID-19 hija mistennija li tkompli wara s-sena 2020 u b’hekk matul parti konsiderevoli tas-sena finanzjarja 2021, huwa meqjus neċessarju li l-applikazzjoni tal-miżuri stipulati fl-Artikolu 2(1), (3), (4) u (6) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/884 tiġi estiża għat-tul tas-sena finanzjarja 2021.

(7)

L-Artikolu 54(1) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1149 (4) jipprevedi li l-appoġġ lill-benefiċjarji għandu jitħallas biss jekk il-kontrolli juru li operazzjoni globali jew l-azzjonijiet individwali kollha li huma parti mill-operazzjoni globali jkunu ġew implimentati bis-sħiħ. Madankollu, l-esperjenza sal-lum uriet li, abbażi ta’ applikazzjoni stretta ta’ dik id-dispożizzjoni, fejn l-azzjonijiet individwali li jiffurmaw parti mill-operazzjoni ma ġewx implimentati bis-sħiħ iżda l-objettiv tal-operazzjoni globali madankollu ntlaħaq, il-fatt li jinżamm l-ammont kollu ta’ appoġġ għall-operazzjoni inkwistjoni ntwera, f’ċerti sitwazzjonijiet, li kien inġust u inekwu.

(8)

Il-feedback mogħti mill-Istati Membri lill-Kummissjoni jindika li l-applikazzjoni tar-regola prevista fl-Artikolu 54(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1149 tirriżulta fi tnaqqis finanzjarju mhux proporzjonali għal dawk il-benefiċjarji li implimentaw b’suċċess sehem kbir mill-operazzjoni approvata iżda li jonqsu milli jlestu l-azzjonijiet individwali li mhumiex indispensabbli għall-eżitu b’suċċess tal-operazzjoni. In-nuqqas ta’ tlestija ta’ dawn l-azzjonijiet individwali ma jipperikolax l-objettivi tal-operazzjoni globali, li f’ċerti ċirkostanzi jistgħu jintlaħqu minkejja l-implimentazzjoni parzjali. F’każijiet bħal dawn, ma jidhirx ġustifikabbli li l-ħlas ta’ appoġġ jinżamm kollu kemm hu jew li jintalab li l-appoġġ imħallas għall-azzjonijiet implimentati debitament jiġi rkuprat.

(9)

Iż-żamma tal-appoġġ kollu f’każijiet bħal dawn timponi penali finanzjarji fuq dawk il-benefiċjarji li fil-biċċa l-kbira implimentaw l-operazzjoni sħiħa u li b’hekk investew il-ħin, il-mezzi u l-isforz fl-azzjonijiet kompluti. Dan l-impatt potenzjalment inekwu huwa aggravat mill-pandemija tal-COVID-19 u mill-problemi fil-fluss tal-flus marbuta magħha.

(10)

Sabiex tiġi żgurata l-proporzjonalità fir-rigward tal-ħlas ta’ operazzjonijiet skont il-programmi ta’ appoġġ għall-inbid u biex jiġi evitat li s-settur tal-inbid tal-Unjoni jiġi ppenalizzat b’mod eċċessiv, li diġà huwa mdgħajjef minħabba s-sitwazzjoni diffiċli tas-suq u l-pandemija tal-COVID-19, jenħtieġ li jitħallas appoġġ parzjali għall-operazzjonijiet li ma jiġux implimentati bis-sħiħ, sakemm jintlaħaq l-objettiv ġenerali tal-operazzjoni. Għalhekk, huwa xieraq li jiġi previst li l-azzjonijiet implimentati bis-sħiħ, li huma parti minn operazzjoni bħal din, ikunu eliġibbli għall-appoġġ tal-Unjoni.

(11)

F’każijiet bħal dawn, l-appoġġ għall-operazzjoni jenħtieġ li jiġi kkalkolat bħala s-somma tal-appoġġ għall-azzjonijiet li ġew implimentati bis-sħiħ, imnaqqas b’100 % tal-ammont ta’ appoġġ allokat għall-azzjonijiet li ma jkunux ġew implimentati sabiex jiġi żgurat li l-benefiċjarju jirċievi ammont li jkun proporzjonat mal-isforz li jkun sar fir-rigward tal-azzjonijiet implimentati bis-sħiħ.

(12)

Għalhekk, ir-Regolamenti Delegati (UE) 2020/884 u (UE) 2016/1149 jenħtieġ li jiġu emendati bix-xieraq.

(13)

Sabiex jiġi evitat it-tfixkil fl-implimentazzjoni tal-miżuri li jindirizzaw il-kriżi fis-settur tal-inbid tal-Unjoni u biex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel bejn is-sentejn finanzjarji, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u l-emendi għar-Regolament Delegat (UE) 2020/884 jenħtieġ li japplikaw retroattivament mis-16 ta’ Ottubru 2020,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament Delegat (UE) 2020/884

L-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/884 huwa emendat kif ġej:

(1)

il-paragrafu 1 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 22 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1149, matul is-snin 2020 u 2021, il-ħsad bikri jista’ jiġi applikat fuq l-istess roqgħa art għal sentejn konsekuttivi jew aktar.”;

(2)

il-paragrafu 3 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 53(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1149, l-Istati Membri jistgħu, f’każijiet debitament ġustifikati relatati mal-pandemija tal-COVID-19, jippermettu l-implimentazzjoni tal-bidliet li jseħħu mhux aktar tard mill-15 ta’ Ottubru 2021, mingħajr approvazzjoni minn qabel diment li dan ma jaffettwawx l-eliġibbiltà ta’ kwalunkwe parti mill-operazzjoni u l-objettivi ġenerali tagħha u diment li ma jinqabiżx l-ammont totali tal-appoġġ approvat għall-operazzjoni. It-tali bidliet għandhom jiġu nnotifikati lill-awtorità kompetenti mill-benefiċjarji sal-iskadenzi stabbiliti mill-Istati Membri.”;

(3)

il-paragrafu 4 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 53(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1149, l-Istati Membri jistgħu, fil-każijiet debitament ġustifikati relatati mal-pandemija tal-COVID-19, jippermettu lill-benefiċjarji jissottomettu bidliet li jseħħu mhux aktar tard mill-15 ta’ Ottubru 2021 u li jimmodifikaw l-objettiv tal-operazzjoni globali li diġà tkun ġiet approvata skont il-miżuri imsemmijin fl-Artikoli 45, 46, 50 u 51 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, diment li titlesta kwalunkwe azzjoni individwali li tkun għaddejja u li tkun parti minn operazzjoni globali. It-tali bidliet għandhom jiġu nnotifikati lill-awtorità kompetenti mill-benefiċjarji sal-iskadenza stabbilita mill-Istati Membri u għandhom jiġu approvati minn qabel mill-awtorità kompetenti.”;

(4)

il-paragrafu 6 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“6.   Permezz ta’ deroga mit-tielet, mir-raba’, mill-ħames u mis-sitt subparagrafi tal-Artikolu 54(4) tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1149, għat-talbiet għall-ħlas sottomessi mhux aktar tard mill-15 ta’ Ottubru 2021, meta l-operazzjonijiet appoġġati skont l-Artikoli 46 u 47 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 ma jkunux implimentati fuq s-superfiċe totali li għaliha ntalab l-appoġġ għal raġunijiet marbuta mal-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri għandhom jikkalkolaw l-appoġġ li jrid jitħallas abbażi taż-żona determinata mill-verifiki fuq il-post wara l-implimentazzjoni.”.

Artikolu 2

Emendi għar-Regolament Delegat (UE) 2016/1149

L-Artikolu 54 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1149 huwa emendat kif ġej:

(1)

il-paragrafu 2 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Meta l-appoġġ normalment ikun jista’ jitħallas wara l-implimentazzjoni tal-operazzjoni komprensiva, l-appoġġ għandu xorta waħda jitħallas għall-azzjonijiet singoli implimentati, jekk il-kontrolli juru li l-bqija tal-azzjonijiet ma setgħux jitwettqu minħabba force majeure jew ċirkostanzi eċċezzjonali fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 jew jekk il-kontrolli juru li, anke jekk il-bqija tal-azzjonijiet ma jkunux twettqu, l-objettiv ġenerali tal-operazzjoni madankollu jkun intlaħaq.”;

(2)

jiddaħħal dan il-paragrafu:

“2a.   Jekk il-kontrolli juru li operazzjoni komprensiva koperta mill-applikazzjoni għall-appoġġ ma tkunx ġiet implimentata bis-sħiħ iżda l-objettiv ġenerali tal-operazzjoni madankollu jkun intlaħaq, l-Istati Membri għandhom iħallsu appoġġ għall-azzjonijiet singoli li jkunu ġew implimentati skont il-paragrafu 2 u japplikaw penali li tammonta għal 100 % tal-ammont inizjalment allokat għal dawk l-azzjonijiet fl-applikazzjoni għall-appoġġ li ma jkunux ġew implimentati bis-sħiħ.

F’każijiet fejn l-ammont ta’ appoġġ li jkun tħallas wara l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet singoli jkun ogħla mill-ammont iddeterminat bħala dovut wara li jkunu twettqu l-kontrolli, l-Istati Membri għandhom jirkupraw l-appoġġ imħallas indebitament.

F’każijiet bħal dawn, jekk ikun hemm ħlas bil-quddiem, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw penali.”;

(3)

fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Jekk mill-kontrolli jirriżulta li operazzjoni komprensiva koperta mill-applikazzjoni għall-appoġġ ma tkunx ġiet implimentata f’każijiet għajr dawk stipulati fil-paragrafu 2, u fejn l-appoġġ ikun tħallas wara azzjonijiet singoli li jkunu parti mill-operazzjoni komprensiva koperta mill-applikazzjoni għall-appoġġ, l-Istati Membri għandhom jirkupraw l-appoġġ li jkun tħallas.”.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1 għandu japplika mis-16 ta’ Ottubru 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Jannar 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(2)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/884 tal-4 ta’ Mejju 2020 li jidderoga fir-rigward tas-sena 2020 mir-Regolament Delegat (UE) 2017/891 fir-rigward tas-settur tal-frott u l-ħxejjex u mir-Regolament Delegat (UE) 2016/1149 fir-rigward tas-settur tal-inbid b’rabta mal-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 205, 29.6.2020, p. 1).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1149 tal-15 ta’ April 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li jirrigwarda l-programmi ta’ appoġġ nazzjonali fis-settur tal-inbid u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 555/2008 (ĠU L 190, 15.7.2016, p. 1).