12004V/AFI/DCL/38

Trattat Li Jistabbilixxi kostituzzjoni għall-Ewropa - ATT FINALI - B. Dikjarazzjonijiet dwar Protokolli annessi mal-Kostituzzjoni - Dikjarazzjonijiet rigward il-Protokoll dwar it-Trattat u l-Att ta' l-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika ta' l-Estonja, tar-Repubblika ta' Ċipru, tar-Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika ta' l-Ungerija, tar-Repubblika ta' Malta, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar-Repubblika Slovakka - 38.Dikjarazzjoni dwar Ċipru

Official Journal 310 , 16/12/2004 P. 0469 - 0470


38. Dikjarazzjoni dwar Ċipru

IL-KONFERENZA,

Waqt li terġa tafferma l-impenn tagħha għal ftehim komprensiv tal-problema ta' Ċipru, konsistenti mar-Rrisoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, u l-appoġġ qawwi tagħha għall-isforzi tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għal dak il-għan;

Wara li kkunsidrat li tali ftehim komprensiv għall-problema ta' ċipru għadu ma nstabx;

Wara li kkunsidrat li, għaldaqstant, huwa meħtieġ provvediment għas-sospensjoni ta' l-applikazzjoni ta' l-acquis f'dawk iż-żoni tar-Repubblika ta' Ċipru li fihom il-Gvern tar-Repubblika ta' Ċipru ma jeżerċitax kontroll effettiv;

Wara li kkunsidrat li, f'każ ta' soluzzjoni għall-problema ta' Ċipru, din is-sospensjoni ser titneħħa;

Wara li kkunsidrat li l-Unjoni hija lesta li tieħu in konsiderazzjoni t-termini ta' tali ftehim komprensiv skond il-prinċipji li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni;

Wara li kkunsidrat li huwa neċessarju provvediment għall-patti li taħthom id-disposizzjonijiet rilevanti tad-dritt ta' l-Unjoni ser japplikaw fir-rigward tal-linja bejn iż-żoni msemmija hawn fuq u ż-żoni fejn il-Gvern tar-Repubblika ta' Ċipru jeżerċita kontroll effettiv kif ukoll iż-Żona ta' Bażi Sovrana tal-Lvant tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq;

Waqt li tixtieq li l-adeżjoni ta' Ċipru ma' l-Unjoni Ewropea għandha tibbenefika liċ-ċittadini Ċiprijotti kollha u tippromovi paċi u rikonċiljazzjoni ċivili;

Wara li kkunsidrat, għaldaqstant, li xejn fit-Titolu X tat-Tieni Parti tal-Protokoll dwar it-Trattat u l-Att ta' l-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika ta' l-Estonja, tar-Repubblika ta' Ċipru, tar-Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika ta' l-Ungerija, tar-Repubblika ta' Malta, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar-Repubblika Slovakka ma għandu jipprekludi l-adozzjoni ta' miżuri li għandhom dan il-għan;

Wara li kkunsidrat li tali miżuri ma għandhomx jolqtu l-applikazzjoni ta' l-acquis, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f'dak il-Protokoll fi kwalunkwe parti oħra tar-Repubblika ta' Ċipru,

Temfasizza li disposizzjonijiet speċifiċi għal dak il-għan ġew inklużi fit-Titolu X tat-Tieni Parti tal-Protokoll dwar it-Trattat u l-Att ta' l-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika ta' l-Estonja, tar-Repubblika ta' Ċipru, tar-Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika ta' l-Ungerija, tar-Repubblika ta' Malta, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar-Repubblika Slovakka.

--------------------------------------------------