|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/656 |
10.2.2025 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
tal-21 ta’ Jannar 2025
li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Finlandja
(C/2025/656)
Il-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263, u b'mod partikolari l-Artikolu 17 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni,
Billi:
KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI
|
(1) |
Fit-30 ta' April 2024 daħal fis-seħħ qafas ta' governanza ekonomika tal-UE riformat. Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali (1), flimkien mar-Regolament (KE) Nru 1467/97 emendat dwar l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (2), u d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE dwar l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri emendata (3) huma l-elementi ewlenin tal-qafas riformat ta' governanza ekonomika tal-UE. Il-qafas għandu l-għan li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, u tkabbir sostenibbli u inklużiv u r-reżiljenza permezz ta' riformi u investimenti, u li jipprevjeni defiċits eċċessivi tal-gvern. Huwa jippromwovi wkoll is-sjieda nazzjonali u jiffoka aktar fuq terminu medju, flimkien ma' infurzar aktar effettiv u koerenti tar-regoli. |
|
(2) |
Il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju li l-Istati Membri jissottomettu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni huma fiċ-ċentru tal-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika. Il-pjanijiet għandhom jimmiraw li jintlaħqu żewġ objettivi: i) l-iżgurar li, fost l-oħrajn, sa tmiem il-perjodu ta' aġġustament, id-dejn tal-gvern estiż ikun fuq trajettorja ta' tnaqqis plawżibbli, jew jibqa' f'livelli prudenti, u li d-defiċit tal-gvern jinġieb u jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG fuq it-terminu medju, u ii) l-iżgurar tat-twettiq ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u li jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-UE. Għal dak il-għan, kull pjan għandu jippreżenta impenn fuq terminu medju għal perkors tan-nefqa netta (4), li effettivament jistabbilixxi restrizzjoni baġitarja għad-durata tal-pjan, li tkopri erba' jew ħames snin (skont it-terminu regolari tal-leġiżlatura fi Stat Membru). Barra minn hekk, il-pjan għandu jispjega kif l-Istat Membru ser jiżgura t-twettiq ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, b'mod partikolari fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (inklużi dawk li jappartjenu għall-proċedura ta' żbilanċi makroekonomiċi (MIP, Macroeconomic Imbalances Procedure), jekk applikabbli), u kif l-Istat Membru ser jindirizza l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni. Il-perjodu għall-aġġustament fiskali jkopri perjodu ta' erba' snin, li jista' jiġi estiż sa tliet snin jekk l-Istat Membru jintrabat li jwettaq sett ta' riformi u investimenti rilevanti li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1263. |
|
(3) |
Wara l-preżentazzjoni tal-pjan, il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk jikkonformax mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263. |
|
(4) |
Fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill irid imbagħad jadotta rakkomandazzjoni biex jistabbilixxi l-perkors tan-nefqa netta tal-Istat Membru kkonċernat u, fejn applikabbli, japprova s-sett ta' impenji ta' riforma u ta' investiment li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament fiskali. |
KUNSIDERAZZJONIJIET DWAR IL-PJAN FISKALI-STRUTTURALI NAZZJONALI FUQ TERMINU MEDJU TAL-FINLANDJA
|
(5) |
Fl-10 ta' Ottubru 2024, il-Finlandja ppreżentat il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali tagħha fuq terminu medju lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Is-sottomissjoni saret wara estensjoni tal-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2024/1263, kif miftiehem mal-Kummissjoni. |
Proċess qabel il-preżentazzjoni tal-pjan
|
(6) |
Sabiex jiġi inkwadrat id-djalogu li jwassal għas-sottomissjoni tal-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju, fil-21 ta' Ġunju 2024 il-Kummissjoni bagħtet it-trajettorja referenzjarja (5) lill-Finlandja, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2024/1263. Il-Kummissjoni ppubblikat it-trajettorja referenzjarja fil-10 ta' Ottubru 2024 (6). It-trajettorja referenzarja hi bbażata fuq ir-riskju u tiżgura li, sa tmiem il-perjodu ta' aġġustament fiskali u fin-nuqqas ta' aktar miżuri baġitarji lil hinn mill-perjodu ta' aġġustament, id-dejn tal-gvern estiż ikun fuq trajettorja plawżibbli 'l isfel jew jibqa' f'livelli prudenti fuq terminu medju, u li d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb taħt it-3 % tal-PDG matul il-perjodu ta' aġġustament u jinżamm taħt dak il-valur referenzjarju fuq terminu medju. It-terminu medju huwa definit bħala l-perjodu ta' għaxar snin wara t-tmiem tal-perjodu ta' aġġustament. F'konformità mal-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament (UE) 2024/1263, it-trajettorja referenzjarja hija konsistenti wkoll mas-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn u s-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit. It-trajettorja referenzjarja tal-Finlandja tistabbilixxi li, abbażi tas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni li jsostnu l-gwida minn qabel trażmessa f'Ġunju 2024 u jekk wieħed jassumi perjodu ta' aġġustament ta' 7 snin, in-nefqa netta ma għandhiex tikber b'aktar mill-valuri pprovduti fit-Tabella 1. Dan jikkorrispondi għal tkabbir medju fin-nefqa netta ta' 1,5 % matul il-perjodu ta' aġġustament (2025–2031) u ta' 1,5 % matul il-perjodu kopert mill-pjan (2025–2028). Tabella 1: Trajettorja referenzjarja pprovduta mill-Kummissjoni lill-Finlandja fil-21 ta' Ġunju 2024
|
||||||||||||||||||||||||||||||
|
(7) |
F'konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Finlandja u l-Kummissjoni impenjaw ruħhom fi djalogu tekniku minn Ġunju sa Settembru 2024. Id-djalogu ffoka fuq il-perkors tan-nefqa netta previst mill-Finlandja u s-suppożizzjonijiet sottostanti tagħha, is-sett previst ta' impenji ta' riforma u investiment biex jirfdu estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament inklużi riformi u investimenti (bħar-riforma komprensiva tas-sigurtà soċjali inkluż benefiċċju ġenerali tas-sigurtà soċjali u r-riforma komprensiva tal-assistenza soċjali), kif ukoll it-twettiq previst ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni fi tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, ir-reżiljenza soċjali u ekonomika, is-sigurtà tal-enerġija u l-bini tal-kapaċitajiet tad-difiża. |
|
(8) |
F'Ottubru 2024, f'konformità mal-Artikolu 11(3) u 36(1), il-punt (c) tar-Regolament (UE) 2024/1263, skont l-informazzjoni pprovduta mill-Finlandja fil-pjan tagħha, il-Finlandja kienet involuta fi proċess ta' konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili (inkluż pereżempju, mas-sħab soċjali u l-amministrazzjoni reġjonali) u mal-Kunsill Ekonomiku tal-Finlandja (7). Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Finlandja fil-pjan tagħha, il-pjan ġie diskuss mill-Kunsill Ekonomiku fit-2 ta' Ottubru 2024. Is-soċjetà ċivili ġiet mistiedna għal seduta miftuħa fit-3 ta' Ottubru 2024. |
|
(9) |
Il-pjan ġie diskuss fil-parlament nazzjonali fit-2 ta' Ottubru 2024. |
Proċessi oħra relatati
|
(10) |
Fl-10 ta' Ottubru 2024, il-Finlandja ppreżentat l-Abbozz ta' Pjan Baġitarju għas-sena 2025. Il-Kummissjoni adottat opinjoni dwar dan l-Abbozz ta' Pjan Baġitarju fis-26 ta' Novembru 2024 (8). |
|
(11) |
Fil-21 ta' Ottubru 2024, il-Kunsill indirizza lill-Finlandja sensiela ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs) fil-kuntest tas-Semestru Ewropew (9). |
SOMMARJU TAL-PJAN U L-VALUTAZZJONI TIEGĦU MILL-KUMMISSJONI
|
(12) |
F'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Kummissjoni vvalutat il-pjan kif ġej: |
Kuntest: is-sitwazzjoni u l-prospetti makroekonomiċi u fiskali
|
(13) |
L-attività ekonomika fil-Finlandja naqset b'1,2 % fl-2023, hekk kif iż-żidiet fil-prezzijiet tal-konsumatur u r-rati tal-imgħax ħallew impatt fuq il-konsum u l-investiment, b'mod partikolari fis-settur tal-kostruzzjoni. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, l-ekonomija hija mistennija li tonqos b'0,3 % fl-2024, bħala riżultat tal-konsum staġnat u t-tnaqqis fl-investiment fl-ewwel nofs tas-sena. Fl-2025, il-PDG reali huwa mistenni li jiżdied b'1,5 %, peress li l-konsum u l-investiment privat huma projettati li jirkupraw bis-saħħa ta' żidiet fil-pagi reali u kostijiet ta' finanzjament aktar baxxi, filwaqt li t-tkabbir fl-esportazzjoni huwa projettat li jerġa' jiżdied f'konformità mad-domanda barranija li qed tiżdied. Fl-2026, il-PDG reali huwa mistenni li jiżdied b'1,6 %, hekk kif li l-irkupru fuq bażi wiesgħa huwa projettat li jkompli. Matul il-perjodu ta' tbassir (jiġifieri, 2024-2026), il-PDG potenzjali fil-Finlandja huwa mistenni li jiżdied b'medja ta' 0,6 % kull sena mill-2024 sal-2026, xprunat minn akkumulazzjoni ta' kapital u żidiet fil-produttività totali tal-fatturi. Fl-2023 ir-rata tal-qgħad kienet ta' 7,2 % u l-Kummissjoni tipprojetta li fl-2024 tkun 8,2 %, fl-2025 tkun 7,9 % u fl-2026 tkun 7,5 %. L-inflazzjoni (deflatur PDG) hija projettata li tonqos minn 3,9 % fl-2023 għal 1,4 % fl-2024, u li tilħaq 2,1 % fl-2025 u 1,9 % fl-2026. |
|
(14) |
Fir-rigward tal-iżviluppi fiskali, fl-2023 id-defiċit tal-gvern estiż tal-Finlandja ammonta għal 3,0 % tal-PDG. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, dan huwa mistenni li jilħaq 3,7 % tal-PDG fl-2024 u li jonqos għal 3,0 % tal-PDG fl-2025 u għal 2,5 % fl-2026 fuq bażi ta' ebda bidla fil-politika. It-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea jinkludi l-abbozz tal-baġit tal-Finlandja għall-2025 li l-gvern ippropona lill-parlament nazzjonali f'Settembru. Id-dejn tal-gvern estiż kien ta' 77,1 % tal-PDG fi tmiem l-2023. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, il-proporzjon tad-dejn huwa mistenni li jiżdied għal 82,6 % tal-PDG fi tmiem l-2024. Huwa pprojettat li dan ikompli jiżdied għal 84,7 % tal-PDG fi tmiem l-2025 u 85,3 % fi tmiem l-2026. It-tbassir fiskali mill-Kummissjoni ma jqisx l-impenji ta' politika fil-pjanijiet fuq terminu medju bħala tali sakemm ma jkunux sostnuti minn miżuri ta' politika konkreti mħabbra b'mod kredibbli u speċifikati biżżejjed. |
Perkors tan-nefqa netta u suppożizzjonijiet makroekonomiċi ewlenin fil-pjan
|
(15) |
Il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Finlandja jkopri l-perjodu 2025-2028 u jippreżenta aġġustament fiskali fuq perjodu ta' 7 snin. |
|
(16) |
Il-pjan fih l-informazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2024/1263. |
|
(17) |
Il-pjan jimpenja ruħu għall-perkors tan-nefqa netta indikat fit-Tabella 2, li jikkorrispondi għal tkabbir medju tan-nefqa netta ta' 2,2 % matul is-snin 2025-2028. Barra minn hekk, il-Finlandja tagħti impenn għal sett ta' riformi u investimenti bil-għan li testendi l-perjodu ta' aġġustament għal 7 snin (2025–2031), li matulhom it-tkabbir nett medju fin-nefqa huwa ppjanat li jkun ta' 2,4 %. It-tkabbir medju fin-nefqa netta rrapportat fil-pjan matul il-perjodu ta' aġġustament (2025–2031) huwa ogħla mit-trajettorja referenzjarja li ntbagħtet mill-Kummissjoni fil-21 ta' Ġunju 2024. Il-pjan jassumi tkabbir tal-PDG potenzjali regolari ta' 0,9 % għal kull sena tal-perjodu ta' aġġustament. Barra minn hekk, il-pjan jistenna li r-rata ta' tkabbir tad-deflatur PDG tiżdied minn 1,7 % fl-2024 għal 2,1 % fl-2025 u gradwalment tiżdied għal 2,4 % sa tmiem il-perjodu ta' aġġustament. Tabella 2: Perkors tan-nefqa netta u s-suppożizzjonijiet ewlenin fil-pjan tal-Finlandja
|
|||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
Implikazzjonijiet tal-impenji tan-nefqa netta tal-pjan għad-dejn tal-gvern estiż
|
(18) |
Jekk il-perkors tan-nefqa netta impenjat fil-pjan u s-suppożizzjonijiet sottostanti jimmaterjalizzaw, id-dejn tal-gvern estiż, skont il-pjan, jonqos minn 81,7 % fl-2024 għal 78,2 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta' aġġustament fl-2031, skont it-tabella li ġejja. Wara l-aġġustament, fuq terminu medju (jiġifieri sal-2041), il-proporzjon tad-dejn huwa mistenni li jkompli jonqos skont il-pjan, billi jonqos taħt is-60 % tal-PDG fl-2039 u jilħaq 52,7 % fl-2041. Tabella 3: Dejn tal-gvern estiż u l-iżviluppi tal-bilanċ fil-pjan tal-Finlandja
Għalhekk, skont il-pjan, id-dejn tal-gvern estiż jinġieb taħt il-valur referenzjarju tat-Trattat ta' 60 % tal-PDG fuq terminu medju. Dan huwa plawżibbli peress li, abbażi tas-suppożizzjonijiet tal-pjan, id-dejn ikun projettat li jibqa' taħt is-60 % tal-PDG sal-2041 skont it-testijiet tal-istress deterministiċi kollha tal-Analiżi tas-Sostenibbiltà tad-Dejn tal-Kummissjoni. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan huwa konsistenti mar-rekwiżit għad-dejn kif stabbilit fl-Artikoli 6, il-punt (a), u 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263. |
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
Implikazzjonijiet tal-impenji tan-nefqa netta tal-pjan għall-bilanċ tal-gvern estiż
|
(19) |
Fuq il-bażi tal-perkors u s-suppożizzjonijiet tan-nefqa netta tal-pjan, id-defiċit tal-gvern estiż jonqos taħt it-3 % tal-PDG fl-ewwel sena tal-perjodu ta' aġġustament (jiġifieri l-2025) u jkompli jonqos wara dan, filwaqt li jinbidel f'surplus fl-2031. Għalhekk, skont il-pjan, il-bilanċ tal-gvern estiż ma jaqbiżx il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta' aġġustament (2031). Barra minn hekk, fl-10 snin ta' wara l-perjodu ta' aġġustament (jiġifieri sal-2041), id-defiċit tal-gvern ma jaqbiżx it-3 % tal-PDG. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan huwa konsistenti mar-rekwiżit għad-defiċit kif stabbilit fl-Artikoli 6, il-punt (b), u 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263. |
Profil taż-żmien tal-aġġustament fiskali
|
(20) |
Il-profil taż-żmien tal-aġġustament fiskali, imkejjel bħala l-bidla fil-bilanċ primarju strutturali, kif deskritt fil-pjan, huwa frontloaded, meta mqabbel mal-perkors lineari msemmi bħala regola skont l-Artikolu 6, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2024/1263. Dan huwa dovut għal konsolidazzjoni fiskali akbar li seħħet fl-2025, u għar-reġistrazzjoni fil-kontijiet nazzjonali tal-akkwist fil-qasam tad-difiża fl-2025 u fl-2027 li twassal għal aktar devjazzjonijiet mill-profil lineari. B'riżultat ta' dan, l-aġġustament fiskali matul l-ewwel 4 snin tal-pjan huwa aktar minn proporzjonali għall-isforz ta' aġġustament totali. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan huwa konsistenti mal-prinċipju ta' ebda posponiment stabbilit fl-Artikolu 6, il-punt (c) tar-Regolament (UE) 2024/1263. Tabella 4: Żviluppi fil-bilanċ primarju strutturali fil-pjan tal-Finlandja
|
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
Konsistenza tal-pjan mas-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit
|
(21) |
Jekk is-suppożizzjonijiet u l-impenji tal-pjan jimmaterjalizzaw, id-defiċit strutturali jibqa' taħt il-1,5 % tal-PDG matul il-perjodu ta' aġġustament. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-marġni ta' reżiljenza komuni msemmi fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) 2024/1263 ser ikompli jiġi rispettat, u għalhekk mhuwiex meħtieġ it-titjib addizzjonali fil-bilanċ primarju strutturali msemmi fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263. |
Konsistenza tal-pjan mas-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn
|
(22) |
F'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2024/1263, peress li d-dejn tal-gvern estiż ser ikun bejn 60 % u 90 % tal-PDG matul il-perjodu ta' aġġustament skont il-pjan, il-proporzjon tad-dejn huwa meħtieġ li jonqos b'mill-inqas 0,5 punti perċentwali bħala medja fis-sena sakemm jaqa' taħt is-60 %. Dan it-tnaqqis medju huwa kkalkolat matul il-perjodu 2024-2031 u jammonta għal 0,5 punti perċentwali fil-pjan. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan huwa konsistenti mas-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn. |
Suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan
|
(23) |
Il-pjan huwa bbażat fuq sett ta' suppożizzjonijiet li huma differenti mis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni mibgħuta lill-Finlandja fil-21 ta' Ġunju 2024. B'mod partikolari, il-pjan juża suppożizzjonijiet differenti għall-pożizzjoni inizjali fl-2024, it-tkabbir tal-PDG potenzjali u l-aġġustamenti bejn l-istokk u l-flussi. Barra minn hekk, l-aġġustament fiskali huwa frontloaded. Valutazzjoni bir-reqqa ta' dawn id-differenzi fis-suppożizzjonijiet hija meħtieġa biex jiġi żgurat li dawn ikunu sostnuti minn argumenti ekonomiċi sodi u mmexxija mid-data, speċjalment peress li t-tkabbir medju tan-nefqa netta fil-pjan huwa ogħla minn dak fit-trajettorja referenzjarja. Id-differenzi fis-suppożizzjonijiet bl-aktar impatt sinifikanti fuq it-tkabbir medju tan-nefqa netta huma elenkati hawn taħt, flimkien ma' valutazzjoni ta' kull differenza fis-suppożizzjonijiet meqjusa waħedhom.
Id-differenza li jifdal fis-suppożizzjoni hija relatata mal-pożizzjoni inizjali riveduta fl-2024 u tikkorrispondi għal defiċit primarju strutturali kemxejn iżgħar minn dak mistenni fir-rebbiegħa. Dan ma għandux impatt sinifikanti fuq it-tkabbir medju fin-nefqa netta meta mqabbel mas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. B'mod ġenerali, id-differenza bejn il-perkors tan-nefqa netta fil-pjan u t-trajettorja referenzjarja hija spjegata minn differenzi fis-suppożizzjonijiet li huma ġġustifikati kif xieraq, f'konformità mal-Artikolu 13(b) tar-Regolament (UE) 2024/1263. B'mod ġenerali, id-differenzi kollha fis-suppożizzjonijiet meħuda flimkien iwasslu għal tkabbir medju fin-nefqa netta fil-pjan li huwa ogħla mit-trajettorja referenzjarja. Il-Kummissjoni ser tqis il-valutazzjoni ta' hawn fuq tas-suppożizzjonijiet tal-pjan f'valutazzjonijiet futuri tal-konformità mal-perkors tan-nefqa netta. |
Strateġija fiskali tal-pjan
|
(24) |
Skont l-istrateġija fiskali indikattiva fil-pjan, l-impenji fuq in-nefqa netta ser jitwettqu kemm permezz ta' trażżin tan-nefqa kif ukoll permezz ta' żidiet diskrezzjonali fid-dħul. Il-gvern qed jimplimenta żewġ pakketti ta' miżuri li huma stmati li għandhom rendiment fiskali ta' EUR 9 biljun (3,8 % tal-PDG). Dawn huma ġeneralment maqsuma fi 3,5 biljun (1,5 % tal-PDG) ta' dħul ogħla (jiġifieri dħul dirett minn rata tal-VAT miżjuda u dħul indirett minn żieda fit-taxxa fuq l-introjtu u kontribuzzjonijiet soċjali minħabba impjieg ogħla kkawżat minn miżuri oħra) u 5,5 biljun (2,3 % tal-PDG) minn nefqa aktar baxxa (jiġifieri ffrankar li ġej mill-kontej tas-servizzi tal-benesseri, tnaqqis fil-benefiċċji soċjali, u tnaqqis f'infiq ieħor). Il-biċċa l-kbira tal-miżuri ta' politika li għandhom x'jaqsmu ma' dawn iż-żewġ pakketti ta' konsolidazzjoni diġà ġew adottati, filwaqt li oħrajn għandhom jiġu kkonfermati jew aġġustati u kkwantifikati fil-baġits annwali. Diġà ġew adottati diversi miżuri kemm fuq in-naħa tad-dħul kif ukoll tan-nefqa b'impatt imdaqqas fl-2025. Fl-istess ħin, hemm riskji għall-implimentazzjoni tal-istrateġija fiskali indikattiva fil-pjan, li jirriżultaw mill-possibbiltà ta' ffrankar aktar baxx milli mistenni mwettaq minn miżuri mmirati lejn il-kontej tas-servizzi tal-benesseri u effetti tal-impjiegi aktar baxxi milli mistennija tar-riformi tas-suq tax-xogħol tal-gvern. Barra minn hekk, l-Abbozz ta' Pjan Baġitarju għall-2025 jirrifletti miżuri ta' politika diskrezzjonarji li jappoġġaw il-kisba tal-impenn tan-nefqa netta għall-2025 (10). |
Sett ta' impenji ta' riforma u investiment fil-pjan biex jirfdu estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament fiskali
|
(25) |
Fil-pjan, il-Finlandja timpenja ruħha għal sett ta' riformi u investimenti, bl-għan li ttejjeb it-tkabbir potenzjali u s-sostenibbiltà fiskali, biex tirfed estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament fiskali minn 4 għal 7 snin. Is-sett ta' riformi u investimenti huwa magħmul minn għadd ta' impenji mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza (RRP, Recovery and Resilience Plan); impenn wieħed mill-RRP bi speċifikazzjonijiet addizzjonali biex jiġi limitat il-qbiż tal-baġit; kif ukoll żewġ riformi ġodda. Dan jinkludi l-miżuri li ġejjin:
|
|
(26) |
Il-miżuri li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament li huma parti mill-RRP (inkluża l-ispeċifikazzjoni addizzjonali għat-tiġdid tad-dmirijiet statutorji u l-proċeduri amministrattivi tal-kontej tas-servizzi tal-benesseri) huma konformi mal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2024/1263 peress li huma dettaljati biżżejjed, bil-quddiem, marbuta biż-żmien u verifikabbli. Iż-żewġ miżuri dwar ir-riforma komprensiva tal-assistenza soċjali u l-introduzzjoni ta' benefiċċju ġenerali tas-sigurtà soċjali għad iridu jiġu lleġiżlati, u għalhekk f'dan l-istadju ma humiex spjegati fid-dettall. Il-pjan jipprovdi skeda ta' żmien indikattiva għall-adozzjoni tagħhom u indikaturi fil-mira kwalitattiva biex tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tagħhom. |
|
(27) |
L-impenji tal-RRP li jirfdu l-estensjoni fihom riformi u investimenti sinifikanti mmirati lejn it-titjib tas-sostenibbiltà fiskali u t-tisħiħ tal-potenzjal tat-tkabbir tal-ekonomija. Barra minn hekk, il-Finlandja timpenja ruħha li tkompli l-isforz ta' riforma matul il-perjodu kopert mill-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju u li żżomm il-livelli ta' investiment iffinanzjati fil-livell nazzjonali realizzati matul il-perjodu kopert mill-RRP (ara hawn taħt, it-Tabella 5). L-impenji ser jiġu mmonitorjati matul l-implimentazzjoni tal-pjan. Għaldaqstant, l-impenji skont l-RRP jistgħu jitqiesu għall-estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament kif previst mill-Artikolu 36(1), il-punt (d) tar-Regolament (UE) 2024/1263. |
|
(28) |
Is-sett ta' riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni huwa mistenni li jtejjeb il-potenzjal tat-tkabbir u tar-reżiljenza tal-ekonomija tal-Finlandja b'mod sostenibbli kif meħtieġ mill-Artikolu 14(2), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2024/1263. Il-miżuri huma mistennija jtejbu l-funzjonament tas-suq tax-xogħol, jappoġġaw l-innovazzjoni, itejbu l-aċċess għall-kura tas-saħħa u l-benesseri soċjali, u jimmodernizzaw is-sigurtà soċjali, u b'hekk itejbu l-potenzjal tat-tkabbir u tar-reżiljenza tal-ekonomija Finlandiża. Ir-riformi mressqa relatati mas-suq tax-xogħol huma mistennija jappoġġaw lill-persuni qiegħda biex isibu impjieg u jżidu r-rati ta' attività fost il-ħaddiema akbar fl-età. Il-pjan jistma li ż-żewġ miżuri jistgħu joħolqu madwar 20 000 impjieg fl-2025–2029. L-investimenti fir-R&Ż li jinsabu fl-RRP huma mistennija jtejbu kemm il-potenzjal tat-tkabbir kif ukoll ir-reżiljenza tal-Finlandja, billi jżidu l-produttività (il-pjan jistma b'mod konservattiv li żieda ta' 1 % fl-investiment fir-R&Ż iżżid il-produttività b'0,02 %), jinkludu investiment privat, u jappoġġaw it-tranżizzjoni ekoloġika u d-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija. Skont il-gvern Finlandiż, l-istabbiliment tal-kontej tas-servizzi tal-benesseri u l-iżvilupp tas-servizzi tas-saħħa elettronika huma mistennija jtejbu l-aċċess għall-kura tas-saħħa, li huwa partikolarment importanti peress li l-ħtiġijiet mhux issodisfati għall-kura medika huma ogħla mill-medja tal-UE u l-Finlandja hija soċjetà li qed tixjieħ malajr. Ir-riformi biex jiġi introdott benefiċċju ġenerali tas-sigurtà soċjali u r-riforma tal-assistenza soċjali huma maħsuba biex jottimizzaw il-politika soċjali, inaqqsu l-kostijiet amministrattivi, jagħmlu s-sigurtà soċjali aktar ġusta, u jżidu l-inċentivi għax-xogħol, u b'hekk jappoġġaw l-impjiegi. L-effetti fuq il-koeżjoni soċjali jeħtieġ li jiġu mmonitorjati. Barra minn hekk, l-impatti fuq l-impjiegi tar-riforma tas-suq tax-xogħol, jew iż-żieda fil-produttività wara l-investimenti fir-R&Ż għad iridu jimmaterjalizzaw. Barra minn hekk, il-kontej tas-servizzi tal-benesseri qed jiffaċċjaw diversi diffikultajiet fl-ewwel snin tal-operat tagħhom, u l-gvern ressaq fil-pjan speċifikazzjonijiet addizzjonali għal impenn wieħed tal-RRP biex jiġġeddu d-dmirijiet statutorji u l-proċeduri amministrattivi tal-kontej tas-servizzi tal-benesseri sabiex jitnaqqas id-defiċit tagħhom. B'mod ġenerali, is-suppożizzjonijiet rigward l-impatt tat-tkabbir tar-riformi u l-investimenti li jirfdu l-estensjoni, meħuda flimkien, jidhru li huma plawżibbli, iżda huwa meħtieġ monitoraġġ bir-reqqa tal-iżviluppi futuri u tal-impatt preċiż. Dan jitlob ukoll konsultazzjonijiet sinifikattivi mal-partijiet ikkonċernati, inklużi s-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet rilevanti tas-soċjetà ċivili, u valutazzjoni tal-effetti distributtivi u kumulattivi tal-miżuri. |
|
(29) |
Is-sett ta' riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni huwa mistenni li jappoġġa s-sostenibbiltà fiskali kif meħtieġ mill-Artikolu 14(2), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2024/1263. Dawn il-miżuri huma komplementari għall-pakketti ta' konsolidazzjoni fiskali diġà ppromulgati, kif imsemmi hawn fuq meta tiġi ppreżentata l-istrateġija fiskali. L-effett dirett ewlieni ta' dawn il-miżuri addizzjonali huwa mistenni mill-implimentazzjoni ta' miżuri biex jitnaqqas id-defiċit tal-kontej tas-servizzi tal-benesseri, li ammonta għal EUR 1,4 biljun fl-2023, billi jiġġeddu d-dmirijiet statutorji u l-proċeduri amministrattivi tal-kontej tas-servizzi tal-benesseri. B'mod aktar speċifiku, il-gvern qed jippromulga miżuri biex inaqqas in-nefqa tal-kontej tas-servizzi tal-benesseri b'EUR 685 miljun fl-2025-2028, filwaqt li l-kontej tas-servizzi tal-benesseri nfushom għandhom l-għan li jimplimentaw miżuri biex inaqqsu l-ispejjeż tagħhom b'EUR 874 miljun sal-2028. Barra minn hekk, il-gvern jistenna li jikseb EUR 100 miljun f'iffrankar annwali mir-riforma tal-assistenza soċjali. Iffrankar dirett ieħor jista' joriġina mill-kost amministrattiv aktar baxx għal kull applikazzjoni ta' benefiċċju derivata mill-adozzjoni tal-mudell ta' benefiċċju uniku, u mill-pagamenti aktar baxxi relatati mat-tneħħija ta' jiem addizzjonali tal-benefiċċju tal-qgħad. L-iffrankar fiskali indirett huwa prinċipalment marbut mal-impatt pożittiv mistenni fuq l-impjiegi tar-riformi tas-suq tax-xogħol (jiġifieri l-introduzzjoni tal-mudell Nordiku tas-servizzi tal-impjiegi u t-tneħħija ta' jiem addizzjonali tal-benefiċċji tal-qgħad), li jżidu t-tkabbir potenzjali u jiġġeneraw dħul mit-taxxa. Ir-riforma komprensiva tas-sigurtà soċjali tinkludi benefiċċju ġenerali tas-sigurtà soċjali u r-riforma komprensiva tal-assistenza soċjali jista' jkollhom ukoll impatt fuq l-impjiegi billi jżidu l-inċentivi għax-xogħol, u b'hekk ikollhom impatt fiskali pożittiv indirett. Filwaqt li l-iffrankar irrealizzat mill-miżuri jista' jkun aktar baxx minn dak mistenni, l-iffrankar fiskali li jirriżulta mill-ispeċifikazzjoni addizzjonali tal-RRP li jiġġeddu d-dmirijiet statutorji u l-proċeduri amministrattivi tal-kontej tas-servizzi tal-benesseri x'aktarx li ma jkunx negliġibbli, minħabba d-daqs tal-istimi tal-iffrankar (jiġifieri EUR 1,6 biljun). B'mod ġenerali, ir-realizzazzjoni tal-iffrankar indirett tiddependi b'mod kruċjali mill-impatt fuq l-impjiegi tar-riformi tas-suq tax-xogħol. |
|
(30) |
Is-sett ta' riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni jindirizza l-prijoritajiet komuni tal-UE kif meħtieġ mill-Artikolu 14(2), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2024/1263. Ir-riformi tas-sigurtà soċjali u tas-suq tax-xogħol jikkontribwixxu għar-reżiljenza soċjali b'mod partikolari billi jikkonformaw mal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali bħall-appoġġ attiv għall-impjiegi, il-protezzjoni soċjali u l-benefiċċji tal-qgħad. L-investimenti tal-RRP fir-R&Ż għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi huma mistennija li jżidu l-innovazzjoni fit-teknoloġija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju u fl-infrastruttura tal-enerġija, u b'hekk jikkontribwixxu għal tranżizzjoni ekoloġika ġusta u biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-enerġija. L-introduzzjoni tal-innovazzjoni diġitali fil-qasam soċjali u l-kura tas-saħħa tikkontribwixxi għal tranżizzjoni diġitali ġusta billi żżid id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi. Il-prijorità komuni l-oħra tal-UE, jiġifieri t-tisħiħ tal-mezzi ta' difiża, ma hijiex indirizzata mis-sett ta' riformi u investimenti li jirfdu estensjoni. |
|
(31) |
Is-sett ta' riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni jindirizza s-CSRs rilevanti (11) maħruġa bħala parti mis-Semestru Ewropew kif meħtieġ mill-Artikolu 14(2), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2024/1263. B'mod partikolari, is-sett ta' riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni jindirizza s-CSRs li ġejjin li huma mmirati lejn:
|
|
(32) |
Il-pjan jiżgura li l-livell ġenerali ppjanat ta' investiment pubbliku ffinanzjat nazzjonalment realizzat bħala medja matul il-perjodu kopert mill-RRP jinżamm, kif meħtieġ mill-Artikolu 14(4) tar-Regolament (UE) 2024/1263. Tabella 5: Investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali skont il-pjan (% tal-PDG)
|
||||||||||||||||||
|
(33) |
Fl-aħħar nett, is-sett ta' impenji ta' riforma u investiment li jirfdu estensjoni jista' jitqies bħala konsistenti mal-impenji fl-RRP u l-Ftehim ta' Sħubija miftiehem skont il-Qafas Finanzjarju Pluriennali kif meħtieġ mill-Artikolu 14(4) tar-Regolament (UE) 2024/1263. L-introduzzjoni tal-mudell ta' benefiċċju uniku u r-riforma tal-assistenza soċjali ma jmorrux kontra l-impenji fl-RRP, filwaqt li l-miżuri l-oħra jirriżultaw direttament mill-impenji meħuda skont l-RRP. |
|
(34) |
Bħala konklużjoni, is-sett ta' riformi u ta' investimenti li jirfdu l-estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament huwa vvalutat bħala li jissodisfa, meħuda flimkien, il-kriterji fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2024/1263. B'riżultat ta' dan, il-perjodu ta' aġġustament jista' jiġi estiż minn 4 sa 7 snin, kif ippreżentat fil-pjan. |
Intenzjonijiet oħra ta' riforma u investiment fil-pjan li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u li jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-Unjoni
|
(35) |
Minbarra s-sett ta' riformi u ta' investimenti li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament, il-pjan jiddeskrivi l-intenzjonijiet ta' politika li jikkonċernaw riformi u investimenti oħra bħala rispons għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, speċjalment is-CSRs, u biex jiġu indirizzati l-prijoritajiet komuni tal-UE. Il-pjan jinkludi 10 riformi u investimenti. |
|
(36) |
Fir-rigward tal-prijorità komuni ta' tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, inklużi l-objettivi klimatiċi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1119, il-pjan jinkludi riforma biex l-infiq fuq ir-R&Z jiżdied għal 4 % tal-PDG sal-2030, b'terz tal-finanzjament ikun minn sorsi pubbliċi, li jirriżulta f'żieda ta' madwar EUR 280 miljun fis-sena sal-2030. L-iffinanzjar addizzjonali għar-R&Ż pubbliċi ser jiġu allokati għall-appoġġ tar-R&Ż korporattivi, għall-kooperazzjoni bejn in-negozji u r-riċerkaturi, għall-finanzjament ta' proġetti ta' riċerka u għall-infrastrutturi tar-riċerka, fost affarijiet oħra. Il-miżura tindirizza s-CSRs tal-2019 u l-2020 relatati mar-riċerka u l-innovazzjoni u hija konsistenti mal-Kumpass Diġitali tal-Finlandja u mal-Pjan Direzzjonali Strateġiku Nazzjonali għad-Deċennju Diġitali tal-pajjiż. |
|
(37) |
Fir-rigward tal-prijorità komuni tar-reżiljenza soċjali u ekonomika, inkluż il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-pjan jinkludi miżuri biex jitnaqqsu l-benefiċċji li joħolqu diżinċentivi għax-xogħol (eż. bidliet fil-benefiċċji tal-qgħad mistennija li jżidu l-impjiegi b'40 000 ħaddiem matul it-terminu tal-gvern, u tnaqqis fl-indiċi fil-benefiċċji tas-sigurtà soċjali mistennija li jżidu l-impjiegi bi 18 600 ħaddiem fl-istess perjodu), miżuri biex jiġi mmitigat in-nuqqas ta' ħiliet (eż. żidiet kemm fil-finanzjament kif ukoll fil-postijiet disponibbli fl-oqsma li jkunu qed jesperjenzaw nuqqas ta' ħaddiema bħall-mediċina), u miżuri biex itejbu l-aċċess għall-kura tas-saħħa u jnaqqsu l-listi ta' stennija (eż. billi jiżdied il-finanzjament għar-rimborż tan-nefqa fuq il-kura tas-saħħa privata). Il-miżuri jindirizzaw is-CSRs tal-2019, l-2020, l-2022 u l-2023 relatati ma' politiki attivi tas-suq tax-xogħol, inċentivi għax-xogħol u l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, il-kura tas-saħħa, u l-edukazzjoni. |
|
(38) |
Fir-rigward tal-prijorità komuni tas-sigurtà tal-enerġija, il-pjan ma jinkludix riformi u investimenti oħrajn. |
|
(39) |
Fir-rigward tal-prijorità komuni tal-mezzi ta' difiża, il-pjan jinkludi riformi u investimenti sostanzjali. |
|
(40) |
Il-pjan jipprovdi informazzjoni dwar il-konsistenza u, fejn xieraq, il-komplementarjetà, mal-fondi tal-politika ta' koeżjoni u mal-RRP tal-Finlandja. Il-pjan jagħmel referenza xierqa għall-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2024 tal-Finlandja, li jiddeskrivi sinerġiji u komplementarjetà mal-politika ta' koeżjoni u l-RRP. |
|
(41) |
Il-pjan jipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-ħtiġijiet ta' investiment pubbliku tal-Finlandja relatati mal-prijoritajiet komuni tal-UE. Fir-rigward tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, il-pjan jenfasizza l-ħtieġa ta' investimenti fl-enerġija nadifa biex titnaqqas id-dipendenza mill-fjuwils fossili, u f'teknoloġiji fixkiela bħall-intelliġenza artifiċjali biex tkompli tissaħħaħ it-tranżizzjoni ekoloġika. Fir-rigward tar-reżiljenza soċjali u ekonomika, il-pjan jenfasizza l-ħtieġa ta' investiment relatat maż-żieda fil-livell edukattiv u mat-tagħlim kontinwu. Fir-rigward tas-sigurtà tal-enerġija, il-pjan jenfasizza l-ħtieġa ta' investiment immirat lejn it-tnaqqis tad-dipendenza tal-UE minn pajjiżi terzi. Fir-rigward tat-tisħiħ tal-mezzi ta' difiża, il-pjan jenfasizza l-ħtieġa ta' investimenti biex jissaħħu l-mezzi ta' difiża tal-Finlandja, f'konformità mal-impenji tan-NATO. |
Konklużjoni tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni
|
(42) |
B'mod ġenerali, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-pjan tal-Finlandja jissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263. |
KONKLUŻJONI ĠENERALI TAL-KUNSILL
|
(43) |
Il-Kunsill jilqa' l-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tal-Finlandja u jqis li l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu twassal biex jiġu żgurati finanzi pubbliċi sodi u tiġi appoġġata s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku kif ukoll tkabbir sostenibbli u inklużiv. |
|
(44) |
Il-Kunsill jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-pjan. Madankollu, il-Kunsill jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta l-valutazzjoni tagħha tal-pjanijiet futuri f'dokument separat mir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill. |
|
(45) |
Il-Kunsill jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-perkors tan-nefqa netta u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi ewlenin fil-pjan, inkluż fir-rigward tal-gwida minn qabel mill-Kummissjoni, kif ukoll l-implikazzjonijiet tal-perkors tan-nefqa netta tal-pjan għad-defiċit u d-dejn tal-gvern. Il-Kunsill jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi u fiskali, filwaqt li f'xi każijiet huma differenti mis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni, inkluż biex jipprovdu għal data makroekonomika u fiskali aġġornata, huma ġeneralment debitament ġustifikati u sostnuti minn argumenti ekonomiċi sodi. Il-Kunsill jieħu nota tal-istrateġija fiskali wiesgħa tal-pjan u r-riskji għall-prospettiva, li jistgħu jaffettwaw il-materjalizzazzjoni tax-xenarju makroekonomiku u s-suppożizzjonijiet sottostanti u t-twettiq tal-perkors tan-nefqa netta tal-pjan. Il-Kunsill jilqa' li l-partijiet ikkonċernati rilevanti kienu involuti fil-livell nazzjonali qabel il-preżentazzjoni tal-pjan. Il-Kunsill jinnota wkoll li r-riskji ġeopolitiċi jistgħu jagħmlu pressjoni fuq in-nefqiet tad-difiża. B'mod partikolari, il-Kunsill jinnota li l-ambjent tas-sigurtà li sejjer għall-agħar minħabba l-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna għandu effett fuq l-ekonomija b'riperkussjonijiet għall-finanzi pubbliċi fil-Finlandja. |
|
(46) |
Il-Kunsill jistenna li l-Finlandja tkun lesta taġġusta l-istrateġija fiskali tagħha kif meħtieġ biex tiżgura t-twettiq tal-perkors tan-nefqa netta tagħha. Il-Kunsill huwa determinat li jissorvelja mill-qrib l-iżviluppi ekonomiċi u fiskali, inkluż dawk sottostanti għax-xenarju tal-pjan. |
|
(47) |
Il-Kunsill iqis li aktar diskussjonijiet biex jinstab fehim komuni dwar l-implikazzjonijiet ta' sorveljanza annwali tar-rati ta' tkabbir kumulattiv tan-nefqa netta huma meħtieġa fil-ħin għaċ-ċiklu li jmiss ta' sorveljanza fiskali. |
|
(48) |
Il-Kunsill japprova s-sett ta' impenji ta' riforma u investiment ippreżentati mill-Finlandja fil-pjan fuq terminu medju tagħha li jirfed l-estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament u jilqa' l-isforzi biex jiġi kkwantifikat l-impatt fuq it-tkabbir u s-sostenibbiltà fiskali. Il-Kunsill jaqbel mal-Kummissjoni li s-sett ta' impenji ta' riforma u investimenti ppreżentati mill-Finlandja jiġġustifikaw estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament minn 4 għal 7 snin. Il-Kunsill jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li tindika l-issodisfar, meħud b'kollox, tal-kriterji fl-Artikolu 14, b'kont meħud ukoll tad-dispożizzjoni tranżizzjonali tal-Artikolu 36, il-punt (1d), tar-Regolament (UE) 2024/1263 mis-sett ta' riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni. Il-Kunsill jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li tindika li l-impenji ta' riforma u investiment huma mistennija jtejbu l-potenzjal tat-tkabbir u r-reżiljenza tal-ekonomija b'mod sostenibbli u jappoġġaw is-sostenibbiltà fiskali. Il-Kunsill jirrakkomanda lill-Finlandja biex timplimenta bis-sħiħ is-sett ta' impenji ta' riformi u investimenti biex tippreserva l-estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament. |
|
(49) |
Il-Kunsill jieħu nota tad-deskrizzjoni tal-Kummissjoni tar-riformi u l-ħtiġijiet u l-intenzjonijiet ta' investiment, minbarra l-valutazzjoni tas-sett ta' impenji ta' riforma u ta' investiment li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament, b'reazzjoni għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, u jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat it-twettiq ta' tali riformi u investimenti. Il-Kunsill, abbażi tar-rapporti ppreżentati mill-Kummissjoni, ser jivvaluta tali riformi u investimenti u jimmonitorja l-implimentazzjoni tagħhom fil-qafas tas-Semestru Ewropew. |
|
(50) |
Il-Kunsill jistenna b'interess ir-rapporti ta' progress annwali mill-Finlandja li għandhom jinkludu b'mod partikolari informazzjoni dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-perkors tan-nefqa netta kif stabbilit mill-Kunsill, u l-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti usa' fil-kuntest tas-Semestru Ewropew kif ukoll l-implimentazzjoni tas-sett ta' riformi u investimenti li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament. |
|
(51) |
F'konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-perkors tan-nefqa netta kif stabbilit fil-pjan għandu jiġi rrakkomandat mill-Kunsill lill-Finlandja, u għandu jiġi approvat is-sett ta' riformi u ta' investimenti li jirfdu l-estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament għal 7 snin. |
B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Finlandja:
|
1. |
Tiżgura li t-tkabbir fin-nefqa netta ma jaqbiżx il-massimi stabbiliti fl-Anness I ta' din ir-Rakkomandazzjoni. |
|
2. |
Timplimenta s-sett ta' riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament fiskali għal 7 snin, kif stabbilit fl-Anness II ta' din ir-Rakkomandazzjoni, sal-iskadenzi indikati. |
Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Jannar 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
A. DOMAŃSKI
(1) Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj).
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1264 tad-29 ta' April 2024 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L, 2024/1264, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1264/oj).
(3) Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2024/1265 tad-29 ta' April 2024 li temenda d-Direttiva 2011/85/UE dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L, 2024/1265, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1265/oj).
(4) In-nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2024/1263, jiġifieri n-nefqa tal-gvern netta minn (i) nefqa fuq l-imgħax, (ii) miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, (iii) nefqa fuq il-programmi tal-Unjoni ffinanzjata kompletament minn dħul minn fondi tal-Unjoni, (iv) nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta' programmi ffinanzjati mill-Unjoni, (v) elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad u (vi) miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.
(5) Gwida minn qabel trażmessa lill-Istati Membri u lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju tinkludi trajettorji mingħajr u b'estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament (li jkopri 4 u 7 snin, rispettivament). Dan jinkludi wkoll il-kundizzjonijiet inizjali ewlenin u s-suppożizzjonijiet sottostanti użati fil-qafas tal-projezzjoni tad-dejn tal-gvern fuq terminu medju tal-Kummissjoni. It-trajettorja referenzjarja ġiet ikkalkolata abbażi tal-metodoloġija deskritta fid-Debt Sustainability Monitor 2023 tal-Kummissjoni (https://economy-finance.ec.europa.eu/publications/debt-sustainability-monitor-2023_en). Din hija bbażata fuq it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea u l-estensjoni tiegħu fuq terminu medju sal-2033, u t-tkabbir tal-PDG fit-tul u l-ispejjeż tat-tixjiħ huma konformi mar-rapport konġunt tal-Kummissjoni u tal-Kunsill 2024 Ageing Report(https://economy-finance.ec.europa.eu/publications/2024-ageing-report-economic-and-budgetary-projections-eu-member-states-2022-2070_en).
(6) https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-and-fiscal-governance/national-medium-term-fiscal-structural-plans_en#finland.
(7) Il-Kunsill Ekonomiku tal-Finlandja, ippresedut mill-Prim Ministru, huwa korp li jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn il-Gvern, il-Bank tal-Finlandja u gruppi ta' interess ewlenin.
(8) L-Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-Abbozz ta' Pjan Baġitarju tal-Finlandja, 26.11.2024, (2024) 9054 final.
(9) Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2024 dwar il-politiki ekonomiċi, baġitarji, tal-impjiegi u strutturali tal-Finlandja.
(10) Ara l-Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-Abbozz ta' Pjan Baġitarju tal-Finlandja, 26.11.2024, (2024) 9054 final.
(11) CSRs meqjusa “rilevanti” huma rakkomandazzjonijiet: i) adottati mill-Kunsill mill-2019 'il quddiem, ii) li għalihom l-Istat Membru jkun għadu ma għamilx progress “sħiħ” jew “sostanzjali” fl-indirizzar tagħhom u ma jkunux skaduti (ivvalutati bħala “Mhux Ivvalutati / L-ebda Input x'Jiżdied”), kif ivvalutat fl-aħħar eżerċizzju ta' sorveljanza tas-Semestru Ewropew (disponibbli fuq CeSaR (europa.eu)), iii) mhux marbuta ma' PST purament fiskali u iv) li ma jkoprux l-istess sfida iżda b'mod riformulat.
(12) Huwa preżunt u aċċettat li ż-żewġ perjodi ser jikkoinċidu. Ir-rekwiżit li jinżamm il-livell ta' investiment huwa maħsub li japplika għas-snin wara t-tmiem tal-ħajja tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.
ANNESS I
Rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta
(rati ta' tkabbir annwali u kumulattivi, f'termini nominali)
Il-Finlandja
|
Snin |
2025 |
2026 |
2027 |
2028 |
|
|
Rati ta' tkabbir (%) |
Annwali |
1,6 |
1,9 |
2,6 |
2,6 |
|
Kumulattiv (*1) |
5,3 |
7,4 |
10,1 |
13,0 |
|
(*1) Ir-rati ta' tkabbir kumulattivi huma kkalkolati b'referenza għas-sena bażi tal-2023. Ir-rati kumulattivi ta' tkabbir jintużaw fil-monitoraġġ annwali tal-konformità ex post fil-kont ta' kontroll.
ANNESS II
Sett ta' riformi u investimenti li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament għal 7 snin
Il-Finlandja
|
|
Objettiv ewlieni |
Deskrizzjoni u twaqqit tal-passi ewlenin (1) |
Indikatur(i) ta' monitoraġġ |
||||||||||||
|
L-introduzzjoni tal-mudell Nordiku tas-servizzi tal-impjiegi (Miżura eżistenti tal-RRP: Referenza fl-RRP tal-Finlandja - P3C1R1) |
L-objettiv tal-miżura huwa li tirriforma l-proċess tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi. |
|
It-twettiq sodisfaċenti tal-objettivi intermedji u tal-miri rilevanti 77, 78, 79 tal-RRP |
||||||||||||
|
It-tneħħija ta' jiem addizzjonali tal-benefiċċju tal-qgħad (Miżura eżistenti tal-RRP: Referenza fl-RRP tal-Finlandja - P3C1R2) |
L-objettiv tar-riforma huwa li trawwem l-impjiegi billi tneħħi d-diżinċentivi għax-xogħol għall-anzjani u tnaqqas l-immirar tas-sensji fuq impjegati akbar fl-età. |
|
It-twettiq sodisfaċenti tal-objettiv intermedju 80 tal-RRP |
||||||||||||
|
It-tħejjija tar-riforma tal-benesseri soċjali u tal-kura tas-saħħa b'appoġġ għall-implimentazzjoni tal-garanzija tal-kura (Miżura eżistenti tal-RRP: Referenza fl-RRP tal-Finlandja - P4C1R1) |
Bħala parti mit-tħejjija tar-riforma soċjali u tal-kura tas-saħħa, l-objettiv ta' din il-miżura huwa li ttejjeb l-aċċessibbiltà tas-servizzi tas-saħħa u dawk soċjali billi tippromwovi l-implimentazzjoni tal-garanzija tal-kura. |
|
It-twettiq sodisfaċenti tal-objettivi intermedji rilevanti 133 u 134 tal-RRP |
||||||||||||
|
L-introduzzjoni tal-innovazzjoni diġitali fil-qasam soċjali u tal-kura tas-saħħa (Miżura eżistenti tal-RRP: Referenza fl-RRP tal-Finlandja - P4C1I4) |
L-objettiv ta' dan l-investiment huwa li jipprovdi soluzzjonijiet diġitali li jappoġġaw l-iżvilupp ta' servizzi soċjali u tal-kura tas-saħħa u li jippromwovi l-implimentazzjoni tal-garanzija tal-kura. |
|
It-twettiq sodisfaċenti tal-objettiv intermedju 139 tal-RRP |
||||||||||||
|
Investimenti f'teknoloġija ġdida tal-enerġija (Miżura eżistenti tal-RRP: Referenza fl-RRP tal-Finlandja - P1C1I2) |
Il-kontribut għall-għan tal-Finlandja li tikseb in-newtralità tal-karbonju sal-2035 billi tistimula l-introduzzjoni ta' teknoloġiji nodfa ġodda għall-produzzjoni u l-użu tal-enerġija. |
|
It-twettiq sodisfaċenti tal-objettivi intermedji u tal-miri rilevanti 6, 7 u 8 tal-RRP |
||||||||||||
|
L-idroġenu b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju u l-qbid u l-użu tal-karbonju (Miżura eżistenti tal-RRP: Referenza fl-RRP tal-Finlandja - P1C2I1) |
L-investiment għandu l-għan li jippromwovi l-iżvilupp tal-produzzjoni u l-ħżin tal-idroġenu nadif fuq skala kummerċjali. |
|
It-twettiq sodisfaċenti tal-objettivi intermedji u l-miri rilevanti 16, 17, 18, 18a tal-RRP. |
||||||||||||
|
L-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ ta' materjali ewlenin u flussi sekondarji industrijali (Miżura eżistenti tal-RRP: Referenza fl-RRP tal-Finlandja - P1C2I1) |
Il-miżura għandha l-għan li tippromwovi ekonomija ċirkolari li tuża mill-ġdid u tirriċikla n-naħa industrijali u l-flussi tal-iskart u materjali ewlenin oħra bħall-materjali tal-batteriji, il-plastik, it-tessuti, l-imballaġġ, it-tagħmir elettriku u elettroniku, il-materjali tal-kostruzzjoni u tat-twaqqigħ. |
|
It-twettiq sodisfaċenti tal-objettivi intermedji u tal-miri rilevanti 22, 23, 24 tal-RRP. |
||||||||||||
|
Pakkett ta' finanzjament RŻI li jippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika – Kumpaniji ewlenin (Miżura eżistenti tal-RRP: Referenza fl-RRP tal-Finlandja - P3C3I1) |
L-objettiv tal-investiment huwa li jappoġġa - (permezz ta' skema ġestita minn Business Finland) sħubijiet u ekosistemi bejn kumpaniji u organizzazzjonijiet oħrajn tar-riċerka li jsaħħu l-kompetittività tan-negozju u jtejbu l-effettività tal-attivitajiet ta' Riċerka & Żvilupp. |
|
It-twettiq sodisfaċenti tal-objettivi intermedji u tal-miri rilevanti 100, 101, u 102 tal-RRP. |
||||||||||||
|
Investimenti fl-infrastruttura tal-enerġija (Miżura eżistenti tal-RRP: Referenza fl-RRP tal-Finlandja - P1C1I1) |
L-objettiv tal-investiment huwa li jsaħħaħ l-kundizzjonijiet ta' qafas biex jiġi attirat l-investiment fl-enerġija nadifa, b'enfasi fuq l-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija, il-ħżin tal-enerġija u t-trasport. L-investiment għandu jappoġġa proġetti li jippromwovu l-kostruzzjoni tal-infrastruttura tal-enerġija bl-enfasi li ġejja:
|
|
It-twettiq sodisfaċenti tal-objettivi intermedji u tal-miri rilevanti 3, 4, u 5 tal-RRP. |
||||||||||||
|
L-aġġustamenti għall-funzjonijiet u l-proċeduri tal-kontej tas-servizzi tal-benesseri stabbiliti (Ir-riforma tal-RRP P4C1R1 ta' akkumpanjament) |
Dawn il-miżuri għandhom jiżguraw il-forniment xieraq tas-servizzi filwaqt li jissalvagwardjaw ġestjoni finanzjarja tajba |
|
Passi 1, 2 u 4 i):Rapportar mill-awtoritajiet Passi 3 u 4 ii): Id-dħul fis-seħħ tal-emendi leġiżlattivi rilevanti. |
||||||||||||
|
Riforma komprensiva tal-assistenza soċjali (miżura ġdida) |
Il-miżura għandha ttejjeb l-inċentivi għax-xogħol billi tiċċara l-kundizzjonijiet biex wieħed jirċievi assistenza soċjali u taġġusta d-daqs tagħha abbażi ta' ċirkostanzi oġġettivi rigward ir-riċevitur tal-assistenza soċjali. |
|
Passi 1 u 2: Rapportar mill-awtoritajiet Pass 3: Id-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni li tiċċara l-għoti ta' assistenza soċjali. |
||||||||||||
|
Introduzzjoni ta' benefiċċju ġenerali tas-sigurtà soċjali (miżura ġdida) |
Il-miżura għandha tintroduċi sistema bbażata fuq benefiċċju ġenerali tas-sigurtà soċjali bħala mod kif tiġi ċċarata u ssimplifikata s-sistema tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali u jiġu identifikati aħjar il-persuni li jikkwalifikaw għall-appoġġ. |
|
Passi 1 u 2: Rapportar mill-awtoritajiet Pass 3: Id-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni li tistabbilixxi benefiċċju ġenerali tas-sigurtà soċjali |
(1) It-twaqqit tal-miżuri tal-RRP huwa indikattiv u jikkorrispondi għall-impenji fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill rilevanti.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/656/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)