Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1515/2006 ta' l- 10 ta’ Ottubru 2006 li jneħħi d-dazju kontra d-dumping fuq importazzjonijiet ta’ fibri sintetiċi prinċipali ta’ poliesteri li joriġinaw fl-Awstralja, fl-Indja, fl-Indoneżja u fit-Tajlandja u li jtemm il-proċedimenti fir-rigward ta’ dawn l-importazzjonijiet, wara reviżjonijiet ta’ skadenza skond l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, u li jtemm ir-reviżjoni interim parzjali skond l-Artikolu 11(3) ta’ dawn l-importazzjonijiet li joriġinaw fit-Tajlandja
Official Journal L 282 , 13/10/2006 P. 0001 - 0010
Official Journal L 200 , 01/08/2007 P. 0025 - 0034
20061010 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1515/2006 ta' l- 10 ta’ Ottubru 2006 li jneħħi d-dazju kontra d-dumping fuq importazzjonijiet ta’ fibri sintetiċi prinċipali ta’ poliesteri li joriġinaw fl-Awstralja, fl-Indja, fl-Indoneżja u fit-Tajlandja u li jtemm il-proċedimenti fir-rigward ta’ dawn l-importazzjonijiet, wara reviżjonijiet ta’ skadenza skond l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, u li jtemm ir-reviżjoni interim parzjali skond l-Artikolu 11(3) ta’ dawn l-importazzjonijiet li joriġinaw fit-Tajlandja IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat- 22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea [1] ("ir-Regolament bażiku"), u partikolarment l-Artikoli 11(2) u 11(3) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni wara li kkonsulta lill-Kumitat Konsultattiv, Billi: A. IL-PROĊEDURA 1. Il-miżuri fis-seħħ (1) F’Lulju tas-sena 2000, il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1522/2000 [2], impona dazju definittiv kontra d-dumping ta’ importazzjonijiet ta’ fibri sintetiċi prinċipali tal-poliesteri ("fibri prinċipali tal-poliester" jew "PSF") li joriġinaw fl-Awstralja, fl-Indoneżja u fit-Tajlandja. L-investigazzjoni li wasslet għal dawn il-miżuri se tissejjaħ "l-investigazzjoni oriġinali 1". (2) F’Diċembru tas-sena 2000, il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 2852/2000 [3], impona dazju definittiv kontra d-dumping ta’ importazzjonijiet ta’ PSF li joriġinaw fl-Indja u fir-Repubblika tal-Korea. L-investigazzjoni li wasslet għal dawn il-miżuri se tissejjaħ "l-investigazzjoni oriġinali 2". (3) Il-miżuri imposti bir-Regolament (KE) Nru 2852/2000 kienu jikkonsistu f’dazju ad valorem, minbarra fil-każ ta’ importazzjonijiet minn produttur esportatur Indjan wieħed li minn għandu ġie aċċettat impenn permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/818/KE [4]. Wara reviżjoni interim li kopriet kemm id-dumping kif ukoll id-danni, il-miżuri fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw fir-Repubblika tal-Korea ġew emendati u mġedda għal ħames snin permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2005 [5]. 2. It-talbiet għal reviżjonijiet (4) Wara l-pubblikazzjoni ta’ żewġ notifiki ta’ skadenza pendenti, waħda li tikkonċerna l-miżuri fis-seħħ kontra d-dumping ta’ importazzjonijiet ta’ PSF li joriġinaw fl-Awstralja, fl-Indoneżja u fit-Tajlandja [6] u oħra dwar il-miżuri fis-seħħ kontra d-dumping ta’ importazzjonijiet ta’ PSF li joriġinaw fl-Indja [7], il-Kummissjoni, fit- 13 ta’ April 2005 u fit- 23 ta’ Settembru 2005, irċeviet talbiet biex tirrevedi dawn il-miżuri skond l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku. (5) Dawn it-talbiet tressqu mill-Comité International de la Rayonne et des Fibres Synthétiques ("CIRFS") f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw proporzjon kbir, f’dan il-każ iktar minn 50 %, tal-produzzjoni Komunitarja totali ta’ PSF. It-talbiet kienu bbażati fuq ir-raġuni li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx twassal għal rikorrenza tal-bejgħ taħt il-prezz u għal ħsara lill-industrija Komunitarja. (6) Barra minn hekk, waslet talba għal reviżjoni interim parzjali tar-Regolament (KE) Nru 1522/2000 mingħand Tuntex (Thailand) Public Company Limited ("Tuntex"), produttur ta’ PSF fit-Tajlandja suġġett għall-miżuri fis-seħħ kontra d-dumping. (7) Fit-talba skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, Tuntex ipprovdiet evidenza prima facie biex issostni l-affermazzjoni tagħha li, fejn tidħol hi, iċ-ċirkostanzi li fuq il-bażi tagħhom kienu stabbiliti l-miżuri issa nbidlu u li dawn il-bidliet huma ta’ natura permanenti. Tuntex ipprovdiet evidenza li turi li paragun tal-valur normali bbażat fuq il-prezzijiet ta’ l-ispiża/domestiċi tagħha stess u tal-prezzijiet tagħha ta’ l-esportazzjoni lejn is-suq ta’ pajjiż terz iwassal għal tnaqqis ta’ dumping li huwa inqas b’mod sinifikanti mil-livell tal-miżura preżenti (27,7 %). Għalhekk, Tuntex sostniet li l-impożizzjoni kontinwa ta’ miżuri fil-livelli eżistenti, li kienu bbażati fuq il-livell ta’ dumping stabbilit qabel, ma kinitx għadha meħtieġa biex tpaċi d-dumping. (8) Meta stabbiliet, wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv, li kien hemm biżżejjed evidenza għall-bidu ta’ żewġ reviżjonijiet skond l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku u reviżjoni waħda, limitata fl-iskop tagħha għall-eżaminazzjoni ta’ dumping, skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni tat bidu għal dawn it-tliet reviżjonijiet permezz ta’ notifiki ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea [8]. 3. L-investigazzjonijiet (9) Il-Kummissjoni nnotifikat b’mod uffiċjali lill-produtturi fl-Awstralja, fl-Indja, fl-Indoneżja u fit-Tajlandja, l-importaturi, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet tagħhom fil-Komunità li huma magħrufa li huma kkonċernati, ir-rappreżentanti tal-pajjiżi esportaturi kkonċernati, il-CIRFS u l-produtturi Komunitarji magħrufa dwar il-bidu tar-reviżjonijiet ta’ skadenza. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jagħtu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ fi ħdan il-limitu ta’ żmien stabbilit fin-notifiki ta’ bidu. (10) Il-Kummissjoni uffiċjalment innotifikat lil Tuntex, kif ukoll lir-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur, dwar il-bidu tar-reviżjoni interim parzjali. Il-partijiet interessati wkoll ingħataw l-opportunità li jagħtu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ fi ħdan il-limitu ta’ żmien stabbilit fin-notifika ta’ bidu. (11) Minħabba n-numru kbir ta’ produtturi Indjani, Indoneżjani u Tajlandiżi kif ukoll produtturi Komunitarji mniżżlin fit-talbiet għar-reviżjonijiet ta’ skadenza, u n-numru kbir ta’ importaturi Komunitarji ta’ PSF li huma magħrufa li huma konċernati, kien meqjus xieraq, skond l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku, li jsir eżami dwar jekk għandux jintuża t-teħid ta’ kampjuni. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk hux meħtieġ it-teħid ta’ kampjuni u, jekk iva, biex jintgħażel kampjun, il-partijiet hawn fuq imsemmija kienu mitluba, skond l-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, biex jagħmlu lilhom infushom magħrufa fi żmien 15-il ġurnata mill-bidu tar-reviżjonijiet u biex jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni mitluba fin-notifiki tal-bidu. (12) Wara eżami ta’ l-informazzjoni mogħtija u minħabba n-numru żgħir ta’ produtturi li kkoperaw fl-Indja, fl-Indoneżja u fit-Tajlandja li wrew ir-rieda li jikkoperaw, ġie deċiż li t-teħid ta’ kampjuni ma kienx meħtieġ fir-rigward ta’ produtturi f’dawn il-pajjiżi. (13) L-ebda importatur ma pprovda lill-Kummissjoni bl-informazzjoni mitluba fin-notifiki tal-bidu u, għalhekk, ma kienx meħtieġ it-teħid ta’ kampjuni għall-importaturi. Fil-fatt, l-ebda importatur ma’ kkopera fir-reviżjonijiet. (14) Għaxar produtturi Komunitarji mlew il-formola tat-teħid ta’ kampjuni u qablu formalment li jkomplu jikkoperaw fl-investigazzjoni. Ħamsa minn dawn l-għaxar kumpaniji, li nstabu li kienu rappreżentattivi ta’ l-industrija tal-Komunità skond il-volum tal-produzzjoni u l-bejgħ ta’ PSF fil-Komunità, intgħażlu għall-kampjun. Dan il-kampjun kien jikkostitwixxi l-akbar volum rappreżentattiv tal-produzzjoni u l-bejgħ ta’ PSF fil-Komunità li seta’ b’mod raġonevoli jiġi investigat fiż-żmien disponibbli. (15) Intbagħtu għalhekk kwestjonarji lill-ħames produtturi Komunitarji tal-kampjun, lill-produtturi fl-Awstralja u lil dawk li kkoperaw ma’ l-eżerċizzju tat-teħid ta’ kampjuni għal pajjiżhom u lil utenti magħrufa. Il-ħames produtturi Komunitarji li ma kinux parti mill-kampjun ġew mitluba jipprovdu informazzjoni dwar ċerti indikaturi ta’ ħsara u jikkummentaw dwar l-impatt tat-tneħħija jew it-tkomplija tal-miżuri kontra d-dumping. (16) Waslu risposti għall-kwestjonarji minn għand erbgħa mill-ħames produtturi Komunitarji tal-kampjun (għalhekk il-kampjun irrappreżenta 38 % tal-produzzjoni u l-bejgħ fil-Komunità), minn għand produttur wieħed fl-Awstralja, tliet produtturi fl-Indja, erba’ produtturi fl-Indoneżja, erba’ produtturi fit-Tajlandja (li tnejn minnhom għandhom x’jaqsmu ma’ xulxin) u tmien utenti. Żewġ assoċjazzjonijiet ta’ utenti għamlu xi sottomissjonijiet. Barra minn hekk, erbgħa mill-ħames produtturi Komunitarji li ma kinux parti mill-kampjun taw l-informazzjoni mitluba (għalhekk il-produtturi li kkoperaw kienu jirrappreżentaw 60 % tal-produzzjoni fil-Komunità). (17) Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li kkunsidrat li kienet meħtieġa għall-analiżi tagħha u wettqet żjarat ta’ verifika fil-kwartieri tal-kumpaniji li ġejjin: (a) Produtturi Komunitarji fil-kampjun Advansa GmbH, Hamm, il-Ġermanja Elana, Branch Office of Boryszew S.A., Torun, il-Polonja La Seda de Barcelona S.A., El Prat de Llobregat, Spanja Wellman International Limited, Mullagh, l-Irlanda (b) Produtturi fl-Awstralja Leading Synthetics Pty Ltd., Campbellfield (c) Produtturi fl-Indja Futura Polyesters Limited, Chennai Indo Rama Synthetics (India) Ltd., Nagpur Reliance Industries Limited, Mumbai (d) Produtturi fl-Indoneżja P.T. Global Fiberindo, Tangerang P.T. Indo-Rama Synthetics Tbk., Jakarta P.T. Panasia Indosyntec Tbk., Bandung P.T. Susilia Indah Synthetic Fibers Industries, Tangerang (e) Produtturi fit-Tajlandja New World Polyester Co., Ltd., Samutprakarn Teijin Polyester (Thailand) Limited, Bangkok Teijin (Thailand) Limited, Bangkok Tuntex (Thailand) Public Company Limited, Bangkok (18) Fir-rigward tar-reviżjonijiet ta’ skadenza, l-investigazzjoni dwar il-kontinwazzjoni u/jew ir-rikorrenza ta’ dumping u ħsara kopriet il-perjodu mill- 1 ta’ Lulju 2004 sat- 30 ta’ Ġunju 2005 (il-"perjodu ta’ investigazzjoni għar-reviżjoni" jew "RIP"). L-eżami tat-tendenzi rilevanti għall-istima tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ ħsara kopra l-perjodu mill- 1 ta’ Jannar 2002 sa l-aħħar ta’ l-RIP ("il-perjodu meqjus"). Il-perjodu ta’ investigazzjoni użat fir-reviżjoni interim parzjali għall-investigazzjoni ta’ dumping huwa l-istess bħall-RIP użat fir-reviżjonijiet ta’ skadenza. B. IL-PRODOTT KONĊERNAT U L-PRODOTTI SIMILI 1. Il-prodott konċernat (19) Id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat tikkorrispondi għal dik li ntużat fl-investigazzjonijiet oriġinali msemmija fil-premessi (1) u (2) ta’ hawn fuq. (20) Il-prodott ikkonċernat huwa fibri sintetiċi prinċipali ta’ poliesteri, mhux imqardxa, mimxuta, jew b’xi mod ieħor ipproċessati għall-għażil li joriġinaw fl-Awstralja, fl-Indja, fl-Indoneżja u fit-Tajlandja, li bħalissa huma kklassifikati ġewwa l-kodiċi NM 55032000. Huwa komunament jissejjaħ fibri sintetiċi tal-poliester jew PSF. (21) Il-PSF huwa materjal bażiku użat f’diversi stadji tal-proċess tal-manifattura ta’ prodotti tessili. Il-PSF jintuża jew għall-għażil, jiġifieri, il-manifattura ta’ filamenti għall-produzzjoni tat-tessuti, wara li jitħallat ma’ fibri oħra bħall-qoton u s-suf, jew le, jew għal applikazzjonijiet mhux minsuġa bħal mili, jiġifieri l-ippakkjar jew l-ikkuttunar ta’ ċerti oġġetti tessili bħal imħaded, seats tal-karrozzi u ġgieget. (22) Il-prodott jinbiegħ f’diversi tipi ta’ prodotti li jistgħu jiġu identifikati permezz ta’ speċifikazzjonijiet differenti bħal denier jew decitex, tenaċità, tleqqija u trattament bis-silikon. Min-naħa tal-produzzjoni, tista’ ssir distinzjoni bejn PSF verġni, prodotti minn materja prima verġni, u PSF riġenerat, prodott minn poliester riċiklat. Fl-aħħar, il-kwalità tista’ tkun ta’ l-ewwel grad jew sub-standard. (23) L-investigazzjoni wriet li t-tipi kollha tal-prodott konċernat kif definit fil-premessa (20) hawn fuq, minkejja xi differenzi f’diversi fatturi kif iddefiniti fil-premessa preċedenti, għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi bażiċi u l-istess użu. Għalhekk, u għall-għan tar-reviżjonijiet preżenti, it-tipi kollha tal-prodott ikkonċernat huma meqjusa bħala prodott wieħed. 2. Il-prodott simili (24) Ir-reviżjonijiet preżenti wrew li l-prodott konċernat u l-PSF prodotti u mibjugħin fis-swieq domestiċi tal-pajjiżi kkonċernati kif ukoll il-PSF iffabbrikat u mibjugħ fil-Komunità mill-produtturi Komunitarji għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi bażiċi u l-istess użu. Għalhekk, dawn il-prodotti huma meqjusa bħala prodott simili skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku. C. IL-PROBABBILTÀ TA’ KONTINWAZZJONI JEW RIKORRENZA TA’ DUMPING 1. Rimarki preliminari (25) Fir-rigward tar-reviżjonijiet ta’ skadenza, skond l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat jekk kienx qed iseħħ il-bejgħ taħt il-prezz f’dak iż-żmien u jekk l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx twassal għal kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping. (26) Matul l-RIP, l-esportazzjonijiet lejn il-Komunità ta’ PSF li joriġinaw fl-Awstralja, fl-Indja, fl-Indoneżja u fit-Tajlandja ("il-pajjiżi konċernati") kienu negliġibbli. Skond l-Eurostat, l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati kienu jammontaw biss għal 1056 tunnellata matul l-RIP (0,1 % tal-konsum Komunitarju), filwaqt li kienu aktar minn 69000 tunnellata matul il-perjodi ta’ investigazzjoni ta’ l-investigazzjonijiet oriġinali. (27) Il-produttui kollha li kkoperaw ma kellhom ebda bejgħ jew kellhom bejgħ negliġibbli ta’ esportazzjoni ta’ PSF lejn il-Komunità matul l-RIP u, għalhekk, ma setgħu jsiru ebda kalkoli rappreżentattivi ta’ dumping sabiex tiġi ddeterminata l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ dumping. (28) Għalhekk, għall-analiżi tal-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dumping ittieħed qies, fost l-oħrajn, tal-prezzijiet għall-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi oħra. (29) Minħabba s-sejbiet tar-reviżjonijiet ta’ skadenza stabbiliti hawn isfel, ma tqiesx meħtieġ it-twettiq tar-reviżjoni interim mitluba minn Tuntex. 2. Il-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dumping jekk jitneħħew il-miżuri 2.1. L-Awstralja Rimarki preliminari (30) L-uniku produttur ta’ PSF fl-Awstralja waqaf jesporta l-PSF lejn is-swieq kollha, inkluża l-Komunità, fl-2003. Il-kumpanija investiet f’linja flessibbli ta’ produzzjoni ġdida allegatament sabiex tkopri biss parti reġjonali mis-suq Awstraljan tal-PSF; prinċipalment l-Istat ta’ Victoria fejn hija tinsab. Ir-relazzjoni bejn il-livell tal-prezz domestiku u l-livell tal-prezz fil-Komunità (31) Billi ma kien hemm ebda esportazzjonijiet lejn kwalunkwe pajjiż matul l-RIP, il-prezzijiet domestiċi fl-Awstralja, li nstabu li kienu qed jagħmlu telf iżda li kienu għola mill-ispiża varjabbli, kienu mqabbla u nstab li kienu ħafna inqas mill-prezz medju tal-produtturi Komunitarji matul l-RIP. Din hija indikazzjoni li l-kumpanija jista’ jkollha inċentiv biex terġa’ tibda xi esportazzjonijiet lejn il-Komunità li kieku jitneħħew il-miżuri. Madankollu, kif stabbilit fil-premessa (32) hawn isfel, il-kumpanija m’għandhiex il-kapaċità biex terġa tibda l-esportazzjoni ta’ volumi sinifikanti lejn il-Komunità. Il-kapaċità mhux użata u l-ħażniet (32) Għalkemm l-użu tal-kapaċità tal-produttur Awstraljan ma kienx għoli ħafna matul l-RIP, il-kapaċità żejda disponibbli hija frazzjoni żgħira tal-konsum Komunitarju (ħafna inqas minn 0,5 %). Anki kieku din il-kapaċità żejda kollha kellha tinbiegħ taħt il-prezz lill-Komunità wara t-tneħħija tal-miżuri fis-seħħ, l-effett fuq is-suq Komunitarju jkun minimu. Il-ħażniet mhumiex indikatur sinifikanti fir-rigward tal-PSF prodott fl-Awstralja għax il-prodott jinbiegħ prinċipalment fuq il-bażi ta’ ordnijiet mingħand il-klijenti. (33) Fl-aħħar, huwa mfakkar li l-kumpanija ma esportatx PSF lejn ebda pajjiż terz mill-2003, minkejja l-eżistenza ta’ kapaċità żejda simili matul dan il-perjodu. Għalhekk, huwa konkluż li m’hemm ebda probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ esportazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping f’volumi sinifikanti mill-Awstralja lejn il-Komunità jekk jitneħħew il-miżuri eżistenti. 2.2. L-Indja Rimarki preliminari (34) Tliet produtturi Indjani tal-PSF ikkoperaw fl-investigazzjoni. Tnejn minnhom kellhom xi bejgħ minuri ta’ esportazzjonijiet lejn il-Komunità matul l-RIP; it-tielet wieħed ma kellux esportazzjonijiet lejn il-Komunità. Huwa nnotat li wieħed minn dawn il-produtturi li kkoperaw kellu tliet kumpaniji relatati li jipproduċu l-PSF fl-Indja. Madankollu, dawn il-produtturi relatati ma kinux investigati b’mod separat, billi wieħed minnhom biss għamel xi bejgħ dirett — limitat ħafna — ta’ PSF matul l-RIP, li kien kollu fis-suq domestiku. (35) Huwa magħruf li kien hemm għall-inqas produttur wieħed żgħir ta’ PSF fl-Indja matul l-RIP, li ma kkooperax fl-investigazzjoni. Għal dawk il-produtturi li ma kkoperawx, kienet analizzata l-informazzjoni disponibbli mill-Eurostat u minn għejun oħra. Fuq dik il-bażi, instab li l-esportazzjonijiet Indjani ta’ PSF lejn il-Komunità minn produtturi Indjani li ma kinux qegħdin jikkooperaw kienu negliġibbli wkoll matul l-RIP. Madankollu, ma kien hemm ebda informazzjoni disponibbli dwar il-kapaċità u l-volumi tal-produzzjoni, il-ħażniet u l-bejgħ fir-rigward tal-kumpanija/kumpaniji li ma kinitx/kinux qed tikkoopera/jikkooperaw. F’dan ir-rigward, u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe indikazzjoni għall-kuntrarju, kien meqjus li s-sejbiet għal kwalunkwe kumpanija li ma kinitx qed tikkoopera kienu jkunu skond dawk stabbiliti għal kumpaniji li kkooperaw. (36) Billi ma kienx hemm esportazzjonijiet biżżejjed lejn il-Komunità biex issir analiżi rappreżentattiva ta’ dumping matul l-RIP u sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx il-probabbiltà li jerġa’ jibda l-bejgħ taħt il-prezz jekk jitneħħew il-miżuri, ġie eżaminat l-atteġġament tal-prezz fi swieq oħra ta’ l-esportazzjoni tal-produtturi li kienu qed jikkooperaw u l-kapaċità tal-produzzjoni u l-ħażniet tagħhom. L-analiżi kienet ibbażata fuq l-informazzjoni pprovduta mill-produtturi li kienu qed jikkooperaw imsemmija fil-premessa (17) hawn fuq. Ir-relazzjoni bejn il-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi u l-livell tal-prezz fl-Indja (37) Id-data mingħand it-tliet produtturi Indjani li kkooperaw uriet li l-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi kienu iktar baxxi mill-prezzijiet domestiċi fl-Indja. Fil-fatt, l-investigazzjoni stabbiliet li b’mod ġenerali din id-differenza fil-prezz varjat matul l-RIP bejn il-15 % u s-27 %. Dan jista’ jindika probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ bejgħ taħt il-prezz fuq esportazzjonijiet lejn il-Komunità jekk jitneħħew mill-miżuri. Ir-relazzjoni bejn il-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi u l-livell tal-prezz fil-Komunità (38) Instab li l-prezzijiet tal-bejgħ tal-produtturi Komunitarji fil-Komunità kienu fil-medja tagħhom ogħla b’mod konsiderevoli mill-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni tal-produtturi Indjani li kkooperaw lejn pajjiżi terzi oħrajn matul l-RIP. Dan jista’ jindika li l-livell tal-prezz prevalenti għall-prodott konċernat fis-suq Komunitarju jista’ jagħmel lil dan is-suq attraenti għall-produtturi Indjani. Fuq din il-bażi, tqies li hemm inċentiv ekonomiku biex l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi oħra jiġu trasferiti lejn is-suq Komunitarju fejn il-prezzijiet huma ogħla fil-każ li jitneħħew il-miżuri fis-seħħ. Madankollu, billi l-prezzijiet fil-Komunità huma konsiderevolment ogħla mill-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi oħra, huwa improbabbli li l-esportazzjoni li tista’ ssir lejn il-Komunità tkun magħmula taħt il-prezz jekk jitneħħew il-miżuri. Il-kapaċità mhux użata u l-ħażniet (39) Ma kien hemm ebda kapaċità żejda sinifikanti fit-tliet kumpaniji li kkooperaw fl-Indja matul l-RIP. Madankollu, tnejn minn dawn il-produtturi prinċipali kienu diġà qed jimplimentaw investimenti sinifikanti fil-produzzjoni tagħhom ta’ PSF, li se jirriżultaw f’żieda aggregata tal-kapaċità tal-produzzjoni tagħhom ta’ 361000 tunnellata fis-sena matul is-sena 2007. Dawn l-investimenti ntqal li kienu bbażati fuq żviluppi fis-suq Indjan ta’ PSF, li huma jallegaw li huwa mistenni jikber ħafna din is-sena u fil-futur qrib. Skond l-informazzjoni disponibbli, id-daqs tas-suq Indjan ta’ PSF bħalissa huwa ta’ madwar 610000 tunnellata fis-sena. Huwa nnotat li ż-żjieda fil-kapaċità tal-produzzjoni hawn fuq imsemmija tirrappreżenta iktar minn 50 % tal-kapaċità tal-produzzjoni totali tat-tliet produtturi Indjani li kkooperaw matul l-RIP. Huwa nnotat ukoll li, skond l-informazzjoni disponibbli, kien hemm għall-inqas produttur wieħed ġdid ta’ PSF fl-Indja fl-istadju tal-bidu tal-produzzjoni għal dan il-prodott fiż-żmien ta’ l-investigazzjoni. Min-naħa l-oħra, l-ikbar produttur Indjan akkwista reċentement produttur Komunitarju li ma kkooperax ma’ l-investigazzjoni. Għalhekk, dan l-esportatur Indjan jista’ ma jkollu ebda interess li jesporta kwantitajiet sinifikanti ta’ PSF lejn il-Komunità fil-futur. Barra minn hekk, id-data mingħand il-produtturi li kkooperaw turi li l-bejgħ domestiku tagħhom kien qed jiżdied matul il-perjodu meqjus u li se jkompli jiżdied fil-futur. Għalhekk, il-kapaċitajiet il-ġodda se jwieġbu għat-talba domestika li qed tiżdied għalkemm ma jistax jiġi eskluż li jista’ jkun hemm xi kapaċità żejda f’xi ħinijiet. (40) Il-livelli tal-ħażniet tat-tliet produtturi Indjani m’urew ebda bidla sinifikanti fil-perjodu meqjus. Huwa, madankollu, innotat li l-ħażniet ma jistgħux jitqiesu indikatur sinifikanti fil-każ ta’ l-Indja għax il-produzzjoni ta’ wieħed mill-produtturi li kkooperaw hija bbażata fuq ordnijiet minn għand il-klijenti u produttur ieħor li kkoopera jiffabbrika kwantitajiet sinifikanti ta’ PSF għal użu ristrett. (41) B’mod ġenerali, huwa meqjus li m’hemm ebda probabbiltà li jerġgħu jibdew l-esportazzjonijiet lejn il-Komunità fi kwantitajiet sinifikanti u li, anki jekk parti mill-kapaċitajiet il-ġodda tal-produzzjoni fl-Indja jispiċċaw fil-Komunità jekk jitneħħew il-miżuri, mhuwiex probabbli li dawk l-esportazzjonijiet isiru taħt il-prezz (ara l-premessa (38) hawn fuq). 2.3. L-Indoneżja Rimarki preliminari (42) Erba’ produtturi Indoneżjani ta’ PSF ikkoperaw fl-investigazzjoni. Ebda wieħed minn dawn il-produtturi ma kellu kumpaniji relatati li jipproduċu l-PSF fl-Indoneżja. Tlieta minnhom kellhom xi bejgħ ta’ esportazzjoni minuri lejn il-Komujnità matul l-RIP; ir-raba’ wieħed ma kellux esportazzjonijiet lejn il-Komunità. (43) Huwa magħruf li kien hemm mill-inqas ħames produtturi attivi ta’ PSF fl-Indoneżja matul l-RIP, li ma kkooperawx fl-investigazzjoni. Għal dawk il-produtturi li ma kkooperawx, kienet analizzata l-informazzjoni disponibbli mill-Eurostat u minn għejun oħra. Fuq dik il-bażi, nstab li l-esportazzjonijiet Indoneżjani ta’ PSF lejn il-Komunità minn produtturi Indoneżjani li ma kinux qed jikkooperaw kienu negliġibbli wkoll matul l-RIP. Ebda informazzjoni ta’ min joqgħod fuqha dwar il-kapaċità u l-volumi tal-produzzjoni, il-ħażniet u l-bejgħ ma kienet disponibbli għal dawn il-kumpaniji li ma kkooperawx. F’dan ir-rigward, u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe indikazzjoni għall-kuntrarju, kien meqjus li s-sejbiet għal kwalunkwe kumpanija li kkooperatx ikunu skond dawk stabbiliti għal kumpaniji li kkooperaw. L-eżami ta’ jekk ikunx probabbli li jerġa’ jseħħ il-bejgħ taħt il-prezz jekk jitneħħew il-miżuri kien għalhekk ibbażat fuq l-informazzjoni disponibbli, jiġifieri l-informazzjoni pprovduta mill-produtturi li kkooperaw imsemmija fil-premessa (17) hawn fuq. (44) Sabiex ikun stabbilit jekk huwiex probabbli li jerġa’ jseħħ il-bejgħ taħt il-prezz jekk jitneħħew il-miżuri, kien eżaminat l-atteġġament tal-prezz fi swieq oħra ta’ l-esportazzjoni tal-produtturi li kkooperaw u l-kapaċità tal-produzzjoni u l-ħażniet ta’ l-esportaturi. Ir-relazzjoni bejn il-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi u l-livell tal-prezz fl-Indoneżja (45) Għal wieħed mill-erba’ produtturi Indoneżjani li kkooperaw, ma setat tinstab ebda data rrelatata mal-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni billi din il-kumpanija ma kienet tesporta ebda PSF matul l-RIP. Id-data li tikkonċerna t-tliet produtturi l-oħra wriet li l-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi kienu ġeneralment ftit iktar baxxi mill-prezzijiet domestiċi fl-Indoneżja għal tnejn minnhom. Fil-fatt, l-investigazzjoni stabbiliet li din id-differenza fil-prezz kienet ta’ madwar 4 % fil-medja matul l-RIP. Għat-tielet produttur, il-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi nstabu ġeneralment ftit għola mill-prezzijiet domestiċi fl-Indoneżja. Dan ma jindikax probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ xi bejgħ sinifikanti taħt il-prezz fuq esportazzjonijiet lejn il-Komunità jekk jitneħħew il-miżuri. Ir-relazzjoni bejn il-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi u l-livell tal-prezz fil-Komunità (46) Instab li l-prezzijiet tal-bejgħ tal-produtturi Komunitarji fil-Komunità kienu fil-medja aktar għaljin b’mod konsiderevoli mill-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi tal-produtturi Indoneżjani li kkoperaw matul l-RIP. Dan jista’ jindika li l-livell prevalenti tal-prezz tal-prodott konċernat fil-Komunità jista’ jagħmel lil dan is-suq attraenti għall-produtturi Indoneżjani. Fuq din il-bażi, huwa meqjus li jekk jitneħħew il-miżuri, jkun hemm inċentiv ekonomiku biex esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi jiġu ttrasferiti lejn is-suq Komunitarju fejn il-prezzijiet huma ogħla. Madankollu, billi l-prezzijiet fil-Komunità huma ogħla b’mod konsiderevoli mill-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi oħra, huwa improbabbli li kwalunkwe esportazzjonijiet lejn il-Komunità jsiru taħt il-prezz jekk jitneħħew il-miżuri. Il-kapaċità mhux użata u l-ħażniet (47) Ma kien hemm ebda disinn uniformi fejn jidħol l-użu tal-kapaċità tal-produtturi li kkooperaw fl-Indoneżja matul l-RIP. Filwaqt li wħud mill-kumpaniji setgħu jużaw kważi l-kapaċità installata kollha tagħhom, oħrajn kellhom kapaċitajiet sinifikanti żejda għad-dispożizzjoni tagħhom. Madankollu, din il-kapaċità żejda b’kollox kienet ta’ inqas minn 20 % tal-kapaċità totali tagħhom. L-ebda waħda mill-kumpaniji Indoneżjani li kkooperaw ma dehret li kienet qed tippjana xi investimenti sinifikanti sabiex tespandi l-kapaċità tal-produzzjopni ta’ PSF fil-futur. Fejn jidħol l-użu tal-kapaċità tal-produtturi Indoneżjani li ma kkooperawx, saret stima tal-kapaċità żejda fuq il-bażi ta’ infomazzjoni mogħtija mill-kumpaniji li kkooperaw u mill-assoċjazzjoni Indoneżjana tal-produtturi ta’ PSF. Skond din l-informazzjoni, il-kapaċità installata tal-produtturi li kkooperaw tgħodd għal inqas minn nofs il-kapaċità installata totali tal-produzzjoni ta’ PSF fl-Indoneżja. Fuq din il-bażi, ġie stmat li l-kapaċità żejda eżistenti tal-produzzjoni fl-Indoneżja hija ta’ madwar 90000 tunnellata fil-massimu. Barra minn hekk, id-data mill-produtturi li kkooperaw turi li l-bejgħ domestiku totali kien qed jiżdied matul il-perjodu meqjus u li se jkompli jiżdied fil-futur. Għalhekk, il-kapaċità żejda fl-Indoneżja x’aktarx tintuża għal bejgħ domestiku iktar milli għal bejgħ ta’ esportazzjoni lejn il-Komunità. (48) Il-livelli tal-ħażniet għall-erba’ produtturi Indoneżjani ma wrew ebda bidla sinifikanti fil-perjodu meqjus. Huwa, madankollu, innotat li l-ħażniet ma jistgħux jitqiesu indikatur sinifikanti għax il-produzzjoni ta’ PSF hija bbażata l-iktar fuq ordnijiet mill-klijenti u/jew l-użu ristrett. (49) B’mod ġenerali, huwa meqjus li m’hemm ebda probabbiltà li jerġgħu jibdew l-esportazzjonijiet lejn il-Komunità f’kwantitajiet sinifikanti u li, anki jekk parti mill-kapaċità żejda tal-produzzjoni fl-Indoneżja tispiċċa fil-Komunità jekk jitneħħew il-miżuri, huwa improbabbli għar-raġunijiet stabbiliti fil-premessi (45) u (46) hawn fuq li l-prezzijiet ta’ dawn l-esportazzjonijiet ikunu taħt il-prezz. 2.4. It-Tajlandja Rimarki preliminari (50) Hemm tmien produtturi ta’ PSF fit-Tajlandja li l-Kummissjoni taf bihom. Erbgħa minnhom ikkoperaw fl-investigazzjoni preżenti. Wieħed minnhom biss esporta kwantità minuri ta’ PSF lejn il-Komunità matul l-RIP. (51) L-informazzjoni dwar il-ħażniet u l-bejgħ lejn swieq oħra għajr il-Komunità tirreferi biss għall-produtturi li kkooperaw. Kien, madankollu, possibbli li tinkiseb data dwar il-kapaċità tal-produzzjoni fit-Tajlandja mingħand l-Assoċjazzjoni Tajlandiża tal-Fabbrikanti tal-Fibri Sintetiċi u li ssir stima tal-volum tal-produzzjoni tal-produtturi kollha fit-Tajlandja. Din l-istima kienet ibbażata fuq is-suppożizzjoni li l-użu tal-kapaċità tal-produtturi li ma kkoperawx kienet simili għal dak tal-produtturi li kkooperaw. F’dan ir-rigward, u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe indikazzjoni għall-kuntrarju, kien meqjus li s-sejbiet għall-kumpaniji li ma kkooperawx kienu jkunu skond dawk stabbiliti għall-kumpaniji li kkooperaw. (52) Sabiex jiġi stabbilit jekk tkunx probabbli r-rikorrenza ta’ dumping jekk jitneħħew il-miżuri, ġie eżaminat l-atteġġament tal-prezz tal-produtturi li kkooperaw fi swieq ta’ l-esportazzjoni minbarra l-Komunità, il-kapaċità tal-produzzjoni fit-Tajlandja u l-ħażniet tal-produtturi li kkooperaw. (53) Skond l-Eurostat, il-volumi ta’ l-importazzjoni li oriġinaw fit-Tajlandja kienu negliġibbli matul l-RIP. Ir-relazzjoni bejn il-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi u l-livell tal-prezz fit-Tajlandja (54) Id-data mingħand l-erba’ produtturi li kkooperaw turi li l-bejgħ lejn pajjiżi terzi sar bi prezzijiet iktar baxxi minn dawk fis-suq domestiku jew inqas mill-ispiża tal-produzzjoni — id-differenzi jvarjaw b’mod ġenerali minn 10 % sa 15 %. Dan jista’ jindika probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ bejgħ taħt il-prezz fl-esportazzjonijiet lejn il-Komunità jekk jitneħħew il-miżuri. Ir-relazzjoni bejn il-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi u l-livell tal-prezz fil-Komunità (55) Il-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi mitluba mill-produtturi Tajlandiżi li kkoperaw kienu fil-medja b’mod sinifikanti inqas mill-prezzijiet tal-bejgħ tal-produtturi Komunitarji fil-Komunità, li jista’ jindika li l-livell tal-prezz prevalenti tal-PSF fis-suq Komunitarju jista’ jagħmel lil dan is-suq attraenti għal produtturi fit-Tajlandja jekk jitneħħew il-miżuri kontra d-dumping. Fuq din il-bażi, huwa meqjus li hemm inċentiv ekonomiku biex l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi jiġu ttrasferiti lejn is-suq Komunitarju fejn il-prezzijiet huma ogħla fil-każ li jitneħħew il-miżuri fis-seħħ kontra d-dumping. Madankollu, billi l-prezzijiet fil-Komunità huma konsiderevolment ogħla mill-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi oħra, huwa improbabbli li xi esportazzjonijiet lejn il-Komunità jsiru bi prezzijiet taħt il-prezz jekk jitneħħew il-miżuri. Il-kapaċità mhux użata u l-ħażniet (56) L-użu tal-kapaċità tal-produtturi li kkooperaw kien pjuttost għoli matul il-perjodu meqjus, madwar 92 % fil-medja. F’dan il-livell ta’ użu ta’ kapaċità, u bis-suppożizzjoni li l-produtturi li ma kkooperawx kellhom livell simili ta’ użu tal-kapaċità, il-produtturi fit-Tajlandja kellhom kapaċità żejda ta’ mhux aktar minn 50000 tunnellata matul l-RIP. Għalkemm din il-kapaċità tista’ tintuża parzjalment biex jerġa’ jinbeda l-bejgħ ta’ l-esportazzjoni lejn il-Komunità jekk jitneħħew il-miżuri, meta wieħed jikkunsidra s-sehem importanti tal-bejgħ domestiku u n-numru kbir ta’ swieq ta’ esportazzjoni forniti mill-produtturi li kkooperaw, huwa improbabbli li jistgħu jispiċċaw xi volumi sinifikanti ta’ PSF fis-suq Komunitarju. (57) Il-ħażniet mhumiex indikatur sinifikanti fir-rigward ta’ PSF iffabrikati fit-Tajlandja. Il-produzzjoni hija bbażata l-aktar fuq ordnijiet mingħand il-klijenti u, għalhekk, il-ħażniet jikkonsistu prinċipalment f’PSF li qed jistenna li jiġi ttrasportat bil-baħar lejn xerrejja li diġà huma magħrufa. (58) B’mod ġenerali, huwa meqjus li m’hemm ebda probabbiltà li jerġgħu jibdew l-esportazzjonijiet lejn il-Komunità f’kwantitajiet sinifikanti u li, anki jekk parti mill-kapaċità żejda tal-produzzjoni fit-Tajlandja tispiċċa fil-Komunità jekk jitneħħew il-miżuri, huwa improbabbli għar-raġuni stabbilita fil-premessa (55) hawn fuq li dawn l-esportazzjonijiet ikunu ddumpjati. 2.5. Konklużjoni (59) Għall-eżami dwar jekk ikunx probabbli li jerġa’ jiġri l-bejgħ taħt il-prezz jekk jitneħħew il-miżuri kontra d-dumping, ġew analizzati l-kapaċitajiet żejda u l-ħażniet mhux użati kif ukoll l-istrateġiji tal-prezz u ta’ l-esportazzjoni fi swieq differenti. (60) L-eżami żvela li, filwaqt li jista’ jkun hemm xi kapaċitjiet żejda ta’ produzzjoni fl-Awstralja, fl-Indja, fl-Indoneżja u fit-Tajlandja li jistgħu jwasslu biex jerġgħu jibdew l-esportazzjonijeit lejn il-Komunità jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, m’hemm ebda raġuni biex wieħed jemmen li l-volum ta’ dawn l-esportazzjonijiet se jkun sinifikanti u, aktar importanti, dawn l-esportazzjonijiet mhumiex mistennija jsiru taħt il-prezz kif stabbilit fl-investigazzjonijiet oriġinali. (61) Għalhekk, billi m’hemm ebda probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ esportazzjonijiet taħt il-prezz li jistgħu jikkawżaw ħsara mill-pajjiżi kkonċernati, m’hemmx bżonn tiġi analizzata l-probabbiltà ta’ rikorrenza tal-ħsara u l-interess tal-Komunità. Il-miżuri fuq l-importazzjonijiet ta’ PSF li joriġinaw fl-Awstralja, fl-Indja, fl-Indoneżja u fit-Tajlandja għandhom għalhekk jitneħħew u l-proċediment għandu jintemm. D. IR-REVIŻJONI INTERIM PARZJALI LI TIKKONĊERNA LIT-TAJLANDJA (62) Billi skond il-premessa preċedenti il-miżuri kontra t-Tajlandja għandhom jitneħħew u l-proċediment għandu jintemm, ir-reviżjoni interim parzjali li tikkonċerna lil Tuntex għandha tintemm ukoll. E. L-IŻVELAR (63) Il-partijiet interessati kienu infurmati dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien maħsub li tiġi proposta t-tneħħija tal-miżuri eżistenti kontra l-Awstralja, l-Indja, l-Indoneżja u t-Tajlandja u li jintemm il-proċediment. Il-partijiet kollha ngħataw l-opportunità li jikkummentaw. Il-produtturi fil-pajjiżi kkonċernati u l-utenti fil-Komunità appoġġaw il-konklużjonijiet ta’ hawn fuq. Madankollu, CIRFS u ċerti produtturi Komunitarji opponew iżda, b’mod ġenerali, il-kummenti li waslu ma kinux ta’ natura li jwasslu għal bidla fil-konklużjoni. (64) CIRFS u ċerti produtturi Komunitarju sostnew li s-sejbiet tal-Kummissjoni stess dwar il-kapaċità żejda u l-bejgħ taħt il-prezz indikaw b’mod ċar li kien hemm il-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dumping li jagħmel il-ħsara. (65) Fir-rigward ta’ l-uniku produttur Awstraljan, huma qiesu li ma kienx ġie spjegat jekk il-kapaċità tal-produzzjoni li preċedentement kienet tintuża għall-esportazzjoni lejn il-Komunità għadhiex disponibbli, u jekk iva jekk huwiex probabbli li terġa’ tibda tintuża jekk il-miżuri jitħallew jiskadu. Huma nnotaw li l-bejgħ fis-suq domestiku kien taħt il-valur normali u, meta wieħed iqis li nstab bejgħ taħt il-prezz li jagħmel ħsara fuq l-esportazzjonijiet lejn il-Komunità fl-investigazzjoni oriġinali kif ukoll f’investigazzjoni oħra dwar il-PET, prodott relatat mill-qrib mal-PSF, għandu jiġi konkluż li hemm il-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dumping li jagħmel ħsara. (66) CIRFS u ċerti produtturi Komunitarji kkunsidraw li żieda fil-kapaċità ta’ żewġ produtturi prinċipali Indjani bi 361000 tunnellata fl-2007 u l-eżistenza ta’ mill-inqas produttur wieħed ġdid ta’ PSF fl-istadju tal-bidu b’kapaċità stmata ta’ 180000 tunnellata jfissru li l-kapaċità totali Indjana se taqbeż it-talba domestika għal PSF b’iktar minn 300000 tunnellata matul il-perjodu kollu sa l-2010. Dan il-fatt flimkien mal-marġini ta’ dumping bejn 15 % u 27 % fuq esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi matul l-RIP, kif ukoll l-ammissjoni tal-Kummissjoni stess li l-livell prevalenti tal-prezz fis-suq Komunitarju jista’ jwassal biex dan isir attraenti għall-produtturi Indjani, juri li ftit jista’ jkun hemm dubju dwar il-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ importazzjonijiet taħt il-prezz li jagħmlu ħsara jekk jitneħħew il-miżuri. (67) Fir-rigward ta’ l-Indoneżja, huma enfasizzaw il-fatt li l-Kummissjoni tislet il-konklużjonijiet biss mill-analiżi ta’ erba’ produtturi li kkooperaw meta s-suq u s-sitwazzjoni finanzjarja tal-produtturi li ma kkooperawx, li skond l-istima tal-Kummissjoni għandhom iktar minn nofs il-kapaċità installata totali fl-Indoneżja, hija ħafna agħar. Huma qiesu wkoll li hemm iktar minn 140000 tunnellata ta’ kapaċità żejda, jiġifieri 50000 tunnellata iktar mill-istima tal-Komunità, u li l-kapaċità żejda se tkun għadha ta’ iktar minn 100000 tunnellata fi żmien diversi snin. Anki d-90000 tunnellata ta’ kapaċità żejda stmata mill-Kummissjoni jagħmluha probabbli li l-produtturi Indoneżjani, li diġà għandhom kuntratti kummerċjali fil-Komunità għall-bejgħ ta’ filament tal-poliester, iżidu b’mod sinifikanti l-esportazzjonijiet tagħhom lejn il-Komunità ladarba jitneħħew il-miżuri. Billi l-marġnijiet tagħhom fuq l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi għadhom ’il fuq mill-livelli de minimis, l-importazzjonijiet li joriġinaw fl-Indoneżja jsiru bi prezzijiet ta’ dumping li jagħmlu l-ħsara. (68) CIRFS u ċerti produtturi Komunitarji nnotaw li l-marġini ta’ dumping ta’ 10 % sa 15 % fuq esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi minn produtturi Tajlandiżi li kkooperaw, il-kapaċità żejda sinifikanti u l-fatt li l-produtturi Tajlandiżi tal-PSF diġà qed jesportaw filament tessili tal-poliester lejn il-Komunità jindikaw b’mod ċar il-probabbiltà ta’ rikorrenza malajr ta’ dumping fuq importazzjonijiet li joriġinaw fit-Tajlandja jekk jitneħħew il-miżuri. (69) Huma sostnew ukoll li pajjiżi bħaċ-Ċina, l-Indja u l-Vjetnam, li sa ftit ilu kienu importaturi netti ta’ PSF u swieq importanti ta’ l-esportazzjoni għall-pajjiżi konċernati, issa bnew il-kapaċità sal-punt li dalwaqt ikunu esportaturi netti, u b’hekk iqiegħdu aktar pressjoni fuq il-pajjiżi konċernati biex jerġgħu jibdew l-esportazzjoni ta’ kwantitajiet sinifikanti lejn il-Komunità bi prezzijiet ta’ dumping li jagħmlu l-ħsara. (70) Fl-aħħar, produttur Komunitarju enfasizza l-importanza strateġika ta’ l-industriji tar-reċiklaġġ fi stadju iktar kmieni tal-produzzjoni, li jistgħu ikunu affetwati b’mod negattiv mit-tnaqqis fid-daqs jew anki l-għeluq ta’ produtturi Komunitarji tal-PSF. (71) F’reviżjoni ta’ skadenza, is-sejbiet dwar il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping u ħsara huma prospettivi u, għalhekk, jinkludu element ta’ apprezzament. B’mod ġenerali, il-fatti li jikkonċernaw il-kapaċità u l-użu tal-kapaċità fil-pajjiżi konċernati kif stabbiliti fl-investigazzjoni ma kinux ikkontestati. CIRFS u ċerti produtturi Komunitarji sempliċement għamlu tbassir differenti dwar il-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ esportazzjonijiet taħt il-prezz ta’ PSF lejn il-Komunità għall-pajjiżi kkonċernati. Hija pprovat issostni t-tbassir tagħha permezz ta’ referenzi għal prodotti għajr il-PSF. Madankollu, il-fatt li ċerti produtturi fil-pajjiżi kkonċernati jistgħu jesportaw prodotti oħra lejn il-Komunità, waħdu ma jurix li hemm il-probabbiltà li jerġa’ jkun hemm kwantitajiet sinifikanti ta’ esportazzjonijiet taħt il-prezz ta’ PSF lejn il-Komunità jekk jitneħħew il-miżuri. (72) Fil-każ preżenti, il-fatt li d-differenza fil-prezz bejn l-esportazzjonijiet mill-Indja, mill-Indoneżja u mit-Tajlandja lejn pajjiżi terzi u l-bejgħ domestiku tagħhom matul l-RIP instab li kien inqas b’mod sinifikanti minn dak stabbilit fl-investigazzjonijiet oriġinali fuq l-esportazzjonijiet tagħhom lejn il-Komunità huwa indikazzjoni li s-sitwazzjoni tal-prezzijiet fis-swieq inbidlet. Barra minn hekk, il-fatt li l-prezzijiet fil-Komunità huma ħafna ogħla mill-prezzijiet għall-bejgħ lejn pajjiżi terzi jindika li dawn id-differenzi fil-prezz jistgħu anki jkunu inqas, jekk mhux negattivi, kieku kellhom jerġgħu jibdew esportazzjonijiet sinifikanti lejn il-Komunità minn dawn it-tliet pajjiżi. B’hekk, skond iċ-ċirkostanzi preżenti mhuwiex mistenni li jista’ jseħħ id-dumping fuq esportazzjonijiet lejn il-Komunità minn dawn il-pajjiżi. Huwa mfakkar li ma kien hemm ebda esportazzjonijiet mill-Awstralja matul l-RIP u, għalhekk, ma jistgħux isiru dawn id-dikjarazzjonijiet għal dan il-pajjiż. (73) Barra minn hekk, l-użu tal-kapaċità fl-Indja, fl-Indoneżja u fit-Tajlandja kien ġeneralment għoli u s-swieq domestiċi tagħhom kienu importanti u f’xi każijiet qed jikbru malajr. Fl-Indja, 90 % tal-bejgħ tal-produtturi li kkoperaw sar fis-suq domestiku matul l-RIP. Fl-Indoneżja, l-istess proporzjoni kien ta’ 80 %. Fit-Tajlandja, fejn dan il-proporzjon kien ta’ madwar 40 %, il-kapaċità żejda stmata kienet żgħira u f’kwalunkwe każ kienet inqas b’mod sinifikanti minn dik fl-Indja u fl-Indoneżja. Ma ngħatat ebda evidenza li s-sitwazzjoni tal-produtturi li ma kkoperawx f’dawn il-pajjiżi kienet differenti. Fejn tidħol l-Awstralja, m’hemm ebda indikazzjoni li l-kapaċità l-antika ta’ l-uniku produttur tista’ terġa tiġi installata faċilment u użata biex jerġgħu jibdew l-esportazzjonijiet lejn il-Komunità jekk jineħħew il-miżuri. Kif diġà ntqal, il-kapaċità eżistenti fl-Awstralja, anki jekk se tintuża kompletament għal esportazzjonijiet lejn il-Komunità, ma tistax tilħaq sehem għola mil-limitu de minimis ta’ 1 % tas-suq Komunitarju. Huwa, għalhekk, meqjus li m’hemm ebda indikazzjoni li jistgħu jintużaw xi kapaċitajiet żejda biex jerġgħu jibdew esportazzjonijiet sinifikanti lejn il-Komunità jekk jitneħħew il-miżuri. (74) Fir-rigward ta’ l-argument li ċerti pajjiżi terzi bnew kapaċitajiet ġodda u jistgħu inaqqsu jew anki jwaqqfu l-importazzjonijiet fil-futur, u b’hekk iħallu aktar kapaċitajiet żejda għal esportazzjonijet lejn il-Komunità, huwa nnutat li m’hemm ebda indikazzjoni li t-talba għal PSF li qed tikber malajr madwar id-dinja tista’ tieqaf fil-futur qrib. F’dan ir-rigward, huwa nnutat ukoll li l-kapaċità eżistenti fil-Komunità tista’ tkopri massimu ta’ 60 % tat-talba Komunitarja li qed tiżdied fl-RIP. Għalhekk, mhuwiex mistenni li sitwazzjoni ta’ kapaċità żejda madwar id-dinja hija imminenti jew li tista’ taffetwa lis-suq Komunitarju. (75) Fl-aħħar, huwa veru li l-industriji tar-reċiklaġġ fi stadju aktar kmieni tal-produzzjoni jistgħu jkunu affettwati b’mod negattiv mit-tnaqqis fid-daqs jew anki l-għeluq ta’ produtturi Komunitarji ta’ PSF, billi dawn ta’ l-aħħar huma l-konsumaturi l-aktar importanti ta’ laqx tal-fliexken. Madankollu, din il-konsiderazzjoni hija irrelevanti għad-determinazzjoni dwar il-probabbiltà li jerġgħu jibdew l-esportazzjonijiet taħt il-prezz mill-pajjiżi konċernati. Huwa għalhekk meqjus li l-kummenti ta’ CIRFS u ċerti produtturi Komunitarji ma jistgħux ibiddlu l-konklużjoni li m’hemm ebda probabbiltà li jerġgħu jibdew esportazzjonijiet taħt il-prezz ta’ kwantitajiet sinifikanti lejn il-Komunità mill-pajjiżi konċernati u, għalhekk, il-miżuri għandhom jitneħħew u l-proċediment għandu jintemm, ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Il-miżuri kontra d-dumping fuq importazzjonijiet ta’ fibri sintetiċi prinċipali ta’ poliesteri, mhux imqardxa, mimxuta jew b’xi mod ieħor ipproċessati għall-għażil li joriġinaw fl-Awstralja, fl-Indja, fl-Indoneżja u fit-Tajlandja imposti permezz tar-Regolamenti (KE) Nru 1522/2000 u (KE) Nru 2852/2000 huma b’dan imħassrin u l-proċedimenti li jikkonċernaw dawn l-importazzjonijiet huma mitmuma. Artikolu 2 Ir-reviżjoni interim parzjali tal-miżuri kontra d-dumping li japplikaw għal importazzjonijiet ta’ fibri sintetiċi prinċipali ta’ poliesteri, mhux imqardxa, mimxuta jew b’xi mod ieħor ipproċessati għall-għażil li joriġinaw fit-Tajlandja hija b’dan mitmuma. Artikolu 3 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fil-Lussemburgu, 10 ta’ Ottubru 2006. Għall-Kunsill Il-President H. Heinäluoma [1] ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 17). [2] ĠU L 175, 14.7.2000, p. 10. [3] ĠU L 332, 28.12.2000, p. 17. [4] ĠU L 332, 28.12.2000, p. 116. [5] ĠU L 71, 17.3.2005, p. 1. Regolament kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 1333/2005 (ĠU L 211, 13.8.2005, p. 1). [6] ĠU C 261, 23.10.2004, p. 2. [7] ĠU C 130, 27.5.2005, p. 8. [8] ĠU C 174, 14.7.2005, p. 15; ĠU C 307, 3.12.2005, p. 2; ĠU C 323, 20.12.2005, p. 21. --------------------------------------------------