Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tħassar id-Deċiżjoni 2009/590/KE dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fir-Rumanija /* COM/2013/0395 final - 2013/ () */
Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tħassar id-Deċiżjoni 2009/590/KE dwar
l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fir-Rumanija IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 126(12)
tiegħu, Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni
mill-Kummissjoni, Billi: (1) Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill
2009/590/KE tas-7 ta' Lulju 2009[1],
wara rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 104(6) tat-Trattat
li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (TKE), ġie deċiż li fir-Rumanija kien hemm
defiċit eċċessiv. Il-Kunsill innota li d-defiċit tal-gvern ġenerali laħaq 5,4%
tal-PDG fl-2008, għalhekk ogħla mit-3% tal-valur ta' referenza tal-PDG skont
it-Trattat, filwaqt li d-dejn gross tal-gvern ġenerali kien ta’ 13,6% tal-PDG,
li huwa ferm taħt is-60% tal-valur ta' referenza tal-PDG skont it-Trattat[2]. (2) Fis-7 ta' Lulju 2009,
skont l-Artikolu 104(7) TKE u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament
tal-Kunsill (KE) 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li
titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit
eċċessiv[3],
il-Kunsill, fuq il-bażi ta' rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, għamel
rakkomandazzjoni indirizzata lir-Rumanija bl-għan li s-sitwazzjoni tad-defiċit
eċċessiv titwaqqaf sa mhux aktar tard mill-2011. Ir-rakkomandazzjoni ġiet
ippubblikata. (3) Fit-12 ta' Frar 2010,
skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni
Ewropea (TFUE) u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE)
Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u li
tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv, il-Kunsill,
fuq il-bażi ta' rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, jirrikonoxxi li
l-awtoritajiet Rumeni ħadu azzjoni effettiva skont ir-Rakkomandazzjoni
tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2009 u li avvenimenti ekonomiċi negattivi mhux
mistennija b'konsegwenzi negattivi kbar għall-finanzi tal-gvern seħħew
fir-Rumanija, indirizza rakkomandazzjoni riveduta lir-Rumanija bl-għan li
twaqqaf is-sitwazzjoni tad-defiċit eċċessiv, l-aktar tard sa tmiem l-2012. Din
ir-rakkomandazzjoni ġiet ippubblikata. (4) Skont l-Artikolu 4
tal-Protokoll dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv mehmuża mat-Trattati,
il-Kummissjoni tipprovdi d-dejta għall-implimentazzjoni ta' din il-proċedura.
Bħala parti mill-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll, l-Istati Membri għandhom
jirrappurtaw dejta dwar id-defiċit u d-dejn tal-gvern tagħhom u dwar varjabbli
assoċjati oħra darbtejn fis-sena, jiġifieri qabel l-1 ta’ April u
qabel l-1 ta' Ottubru, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament
tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009
tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar
il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità
Ewropea[4].
(5) Meta jqis jekk deċiżjoni dwar
l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv għandhiex titħassar, il-Kunsill għandu jieħu
deċiżjoni fuq il-bażi tad-dejta notifikata. Barra minn hekk, deċiżjoni dwar
l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv għandha titħassar biss jekk it-tbassir
tal-Kummissjoni jindika li d-defiċit ma jkunx se jaqbeż il-limitu ta’ 3%
tal-PDG tul il-perjodu mbassar[5]. (6) Fuq il-bażi tad-dejta
pprovduta mill-Kummissjoni (Eurostat) skont l-Artikolu 14 tar-Regolament
(KE) Nru 479/2009 wara n-notifka mir-Rumanija qabel l-1 ta’
April 2013 u fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2013 tas-servizzi
tal-Kummissjoni, il-konklużjonijiet li ġejjin huma ġġustifikati: –
Ir-reċessjoni akbar milli mistennija fl-2009
rriżultat f’nuqqas sinifikanti fid-dħul tal-gvern, li għolla d-defiċit għal
madwar 9% tal-PDG minkejja l-isforzi biex titnaqqas in-nefqa tal-gvern. Wara
l-iżvilupp mhux mistenni u l-estensjoni tad-data ta' skadenza għall-korrezzjoni
tad-defiċit eċċessiv b'sena, id-defiċit tal-gvern ġenerali sussegwentament
tnaqqas għal 6,8% tal-PDG fl-2010, għal 5,6% tal-PDG fl-2011 u għal 2,9% tal-PDG
fl-2012, li huwa taħt it-3% tal-PDG tal-valur ta' referenza skont it-Trattat.
Din il-korrezzjoni tad-defiċit ġiet xprunata primarjament minn kontroll strett
taż-żieda fin-nefqa, inkluż permezz tal-kontroll tal-liġi dwar il-paga
fis-settur pubbliku, friżar tal-pensjonijiet u tnaqqis tal-benefiċji soċjali
għajr il-pensjonijiet. Kienet appoġġata wkoll minn miżuri ta' dħul bħal żieda
fir-rati tal-VAT b'ħames punti perċentwali u twessigħ tal-bażi tat-taxxa
tad-dħul personali. L-aġġustament fiskali ġie implimentat fil-kuntest ta' żewġ
programmi ta' aġġustament ekonomiku konsekuttivi appoġġati minn għajnuna
għall-bilanċi ta’ pagament. –
Il-programm ta’ konverġenza tal-2013 ibassar li
d-defiċit ikompli jonqos għal 2,4% tal-PDG fl-2013 u għal 2,0% tal-PDG fl-2014.
Fit-tbassir tar-rebbiegħa tal-2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni, id-defiċit
tal-gvern ġenerali huwa mbassar li jonqos għal 2,6% tal-PDG fl-2013 u għal 2,4%
tal-PDG fl-2014, fuq il-bażi ta' suppożizzjoni li ma jkunx hemm tibdil ta'
politika li jibqa' taħt il-valur ta' referenza skont it-Trattat. –
It-tbassir tar-rebbiegħa tal-2013 tas-servizzi
tal-Kummissjoni jbassar li d-dejn gross tal-gvern ġenerali jiżdied moderatament
minn 37,8% tal-PDG fl-2012 għal 38,5% tal-PDG fl-2014. (7) Il-Kunsill ifakkar li, mill-2013,
li hija s-sena li ssegwi l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, ir-Rumanija
għandha timxi lejn il-mira tagħha ta' perjodu medju b'pass xieraq, kif ukoll li
tirrispetta l-punt ta' referenza tan-nefqa. (8) Skont l-Artikolu 126(12)
tat-Trattat, Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv
għandha titħassar meta d-defiċit eċċessiv tal-Istat Membru konċernat, fil-fehma
tal-Kunsill ikun ġie kkoreġut. (9) Fil-fehma tal-Kunsill
id-defiċit eċċessiv fir-Rumanija ġie kkoreġut u għalhekk id-Deċiżjoni
2009/590/KE għandha għalhekk titħassar. ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Minn valutazzjoni globali jsegwi li
s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv fir-Rumanija tranġat. Artikolu 2 Id-Deċiżjoni 2009/590/KE hija b'dan
imħassra. Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata
lir-Rumanija. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] ĠU L 202, 4.8.2009, p. 48-49. [2] Id-defiċit u d-dejn tal-gvern ġenerali għall-2008
sussegwentement ġew riveduti u bħalissa qegħdin 5,8% tal-PDG u 13,4% tal-PDG
rispettivament. [3] ĠU L 209, 2.8.1997, p. 8. [4] ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1. [5] Skont l-“Ispeċifikazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni
tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u l-Linji Gwida dwar il-format u l-kontenut
ta' Programmi ta' Stabbiltà u Konverġenza”, tat-3 ta’ Settembru 2012.
Ara:
http://ec.europa.eu/economy_finance/economic_governance/sgp/pdf/coc/code_of_conduct_en.pdf