SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
18 ta’ Diċembru 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Artikolu 102 TFUE – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Suq tal-kummerċ bl-ingrossa tal-fjuwils fil-Bulgarija – Kompressjoni tal-marġni tal-kompetituri jew kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet – Definizzjoni tas-suq tal-prodotti – Suq maqsum vertikalment – Teħid inkunsiderazzjoni tas-sistema tad-dazji tas-sisa”
Fil-Kawża C‑260/24,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad Sofia-oblast (il-Qorti Amministrattiva tal-Provinċja ta’ Sofija, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ April 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ April 2024, fil-proċedura
“Lukoil Bulgaria” EOOD
vs
Komisia za zashtita na konkurentsiata,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, O. Spineanu-Matei (Relatriċi), S. Rodin, S. Gervasoni u N. Fenger, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. Medina,
Reġistratur: R. Stefanova-Kamisheva, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑10 ta’ April 2025,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal “Lukoil Bulgaria” EOOD, minn Y. Pekunov u A. Velichkov, advokati, A. Pekunova, yuriskonsult, u A. Robertson, KC, |
|
– |
għall-Komisia za zashtita na konkurentsiata, minn M. Goranova, N. Mincheva u Y. Nenkova, |
|
– |
għall-Gvern Bulgaru, minn T. Mitova, R. Stoyanov u T. Tsingileva, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Hitrovs, E. Rousseva u I. Söderlund, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE. |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn “Lukoil Bulgaria” EOOD (iktar ’il quddiem “Lukoil Bulgaria”) u l-Komisia za zashtita na konkurentsiata (il-Kummissjoni għall-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni, il-Bulgarija, iktar ’il quddiem l-“awtorità tal-kompetizzjoni Bulgara”), dwar il-validità tad-Deċiżjoni Nru 184 tas‑16 ta’ Frar 2023 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni Bulgara”) li permezz tagħha din tal-aħħar ikkonstatat li din il-kumpannija kienet abbużat minn pożizzjoni dominanti. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
L-Artikolu 102 TFUE jipprovdi: “Safejn il-kummerċ bejn l-Istati Membri jista’ jiġi milqut, kull abbuż minn impriża waħda jew iktar minn pożizzjoni dominanti fi ħdan is-suq intern, jew fi ħdan parti sostanzjali tiegħu, jkun inkompatibbli mas-suq intern u jkun projbit. Eżempji ta’ abbuż bħal dan huma:
|
Id-dritt Bulgaru
|
4 |
L-Artikolu 21 taż-Zakon za zashtita na konkurentsiata (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni, DV Nru 102, tat‑28 ta’ Novembru 2008, iktar ’il quddiem iz-“ZZK”) jipprovdi: “Huwa pprojbit l-aġir tal-impriżi li jikkostitwixxi pożizzjoni ta’ monopolju jew pożizzjoni dominanti u ta’ żewġ impriżi jew iktar f’pożizzjoni dominanti kollettiva, li jista’ jfixkel, jirrestrinġi jew joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u li jaffettwa l-interessi tal-konsumaturi, li jikkonsisti b’mod partikolari: 1. fl-iffissar dirett jew indirett tal-prezzijiet tax-xiri jew tal-bejgħ jew ta’ kwalunkwe kundizzjonijiet oħra ta’ tranżazzjoni żleali; 2. fir-restrizzjoni fuq il-produzzjoni, il-kummerċ u l-iżvilupp tekniku għad-detriment tal-konsumaturi; 3. fl-applikazzjoni ta’ kundizzjonijiet differenti għall-istess tip ta’ kuntratti fir-rigward ta’ ċerti sħab, li tqiegħed lil dawn tal-aħħar f’sitwazzjoni ta’ inugwaljanza bejn il-kompetituri; 4. fil-fatt li l-konklużjoni ta’ kuntratti tkun suġġetta għat-teħid mill-parti l-oħra ta’ obbligi addizzjonali jew għall-konklużjoni ta’ kuntratti supplimentari li, minħabba n-natura tagħhom jew skont l-użanzi abitwali tal-kummerċ, ma jkunux marbuta mas-suġġett tal-kuntratt prinċipali jew mal-eżekuzzjoni tiegħu; 5. fir-rifjut mhux iġġustifikat li jiġu pprovduti oġġetti jew servizzi lil klijent attwali jew potenzjali, sabiex jiġu ostakolati l-attivitajiet kummerċjali ta’ dan il-klijent.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
5 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-Bulgarija, l-attivitajiet tal-grupp ekonomiku Lukoil (iktar ’il quddiem il-“grupp Lukoil”) jinkludu l-produzzjoni, il-kummerċ bl-ingrossa u d-distribuzzjoni bl-imnut ta’ prodotti petroliferi, u b’hekk ikopru l-katina tal-valur kollha fis-settur tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn il-prodotti. Fi ħdan dan il-grupp, “Lukoil Neftohim Burgas” AD, li għandha l-unika raffinerija taż-żejt mhux maħdum fil-Bulgarija, hija l-ikbar produttriċi ta’ fjuwils għall-magni mibjugħ f’dan l-Istat Membru. Lukoil Bulgaria hija attiva fis-suq tal-kummerċ bl-ingrossa ta’ fjuwils għall-magni, jiġifieri l-petrol għal vetturi bil-mutur u d-diżil (iktar ’il quddiem is-“suq bl-ingrossa tal-fjuwils”), u topera waħda mill-ikbar katini nazzjonali ta’ pompi tal-petrol. |
|
6 |
Skont id-Deċiżjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni Bulgara, fil-Bulgarija, il-grupp Lukoil għandu infrastruttura unika fil-qasam tal-loġistika, tal-ħażna u tat-trasport, li tagħtih vantaġġ kompetittiv eċċezzjonali fis-suq bl-ingrossa tal-fjuwils, suq li fih dan il-grupp jinsab f’pożizzjoni dominanti. |
|
7 |
Permezz ta’ din id-deċiżjoni, din l-awtorità qieset li Lukoil Bulgaria kienet implimentat prattika tariffarja f’dan is-suq li permezz tagħha din il-kumpannija kienet tapplika għall-fjuwils suġġetti għall-ħlas ta’ dazji tas-sisa (is-suq downstream) prezzijiet ta’ bejgħ iktar baxxi minn dawk li hija kienet tapplika għall-fjuwils taħt arranġament ta’ sospensjoni ta’ dawn id-dazji (is-suq upstream). Din il-prattika tariffarja li tirriżulta f’kompressjoni tal-marġni kienet tikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti li jmur kontra l-Artikolu 21 taz-ZZK. |
|
8 |
Fil-kuntest tar-rikors li hija ppreżentat kontra din id-deċiżjoni quddiem l-Administrativen sad Sofia-oblast (il-Qorti Amministrattiva tal-Provinċja ta’ Sofija, il-Bulgarija), li hija l-qorti tar-rinviju, Lukoil Bulgaria ssostni, b’mod partikolari, li l-imsemmija awtorità ddefinixxiet is-suq rilevanti b’mod żbaljat. |
|
9 |
Fl-ewwel lok, Lukoil Bulgaria tqis, minn naħa, li s-suq rilevanti kellu jinkludi l-gass likwifikat miż-żejt (LPG) u l-metan, peress li dawn iż-żewġ prodotti huma sostituti għall-petrol u għad-diżil. L-esklużjoni tagħhom wasslet għal stima eċċessiva tas-saħħa ta’ Lukoil Bulgaria fis-suq. L-awtorità tal-kompetizzjoni Bulgara tirribatti dan l-argument għar-raġuni li l-LPG u l-metan huma biss parzjalment sostitwibbli għall-petrol u għad-diżil. |
|
10 |
Min-naħa l-oħra, Lukoil Bulgaria ssostni li, peress li ma humiex prodotti sostitwibbli, la min-naħa tad-domanda u lanqas min-naħa tal-offerta, il-petrol u d-diżil ma jagħmlux parti mill-istess suq. L-awtorità tal-kompetizzjoni Bulgara tqis, min-naħa tagħha, li, għalkemm il-petrol u d-diżil ma humiex, mill-perspettiva tal-konsumatur finali, sostitwibbli, il-kummerċ ta’ dawn iż-żewġ tipi ta’ fjuwils, mill-istess fornituri, u l-formazzjoni tal-prezz tagħhom fis-suq bl-ingrossa tal-fjuwils jitwettqu, għall-kuntrarju, f’kundizzjonijiet identiċi. |
|
11 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li għalhekk għandu jiġi ddeterminat jekk, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE, awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali tistax tikkunsidra li fjuwils li ma humiex sostitwibbli jikkostitwixxu l-istess suq tal-prodotti. Skont din il-qorti, jekk dan ikun il-każ, id-Deċiżjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni Bulgara setgħet tinkludi d-diżil u l-petrol fl-istess suq. Madankollu, f’tali każ, ir-rifjut tal-awtorità tal-kompetizzjoni Bulgara li tinkludi l-LPG f’dan l-istess suq ikun nieqes minn ġustifikazzjoni raġonevoli, peress li l-petrol huwa parzjalment sostitwibbli għal-LPG. |
|
12 |
Fit-tieni lok, Lukoil Bulgaria tqis li l-awtorità tal-kompetizzjoni Bulgara qieset b’mod żbaljat li s-suq bl-ingrossa tal-fjuwils seta’ jinqasam vertikalment f’żewġ swieq sekondarji, jiġifieri, upstream, dak tal-fjuwils mibjugħa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa u, downstream, dak tal-fjuwils intiżi għall-konsum finali wara l-ħlas ta’ dawn id-dazji. |
|
13 |
Lukoil Bulgaria ssostni b’mod partikolari li l-awtorità tal-kompetizzjoni Bulgara affermat li din il-kumpannija għandha sehem mis-suq relattivament għoli fis-suq bl-ingrossa tal-fjuwils, jiġifieri sehem ta’ bejn 40 u 60 %, u għandha pożizzjoni dominanti f’dan is-suq kif ukoll fis-suq sekondarju tal-fjuwils mibjugħa taħt l-arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa. Madankollu, id-Deċiżjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni Bulgara ma tinkludi ebda evalwazzjoni tal-ishma mis-suq tal-imsemmija kumpannija fiż-żewġt iswieq sekondarji identifikati f’din id-deċiżjoni u ma tidentifikax l-operaturi preżenti f’kull wieħed minn dawn is-swieq sekondarji. Lukoil Bulgaria tqis li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi li awtorità tal-kompetizzjoni tikkonstata li impriża tinsab f’pożizzjoni dominanti mingħajr ma tindika espressament liema huma l-ishma mis-suq tagħha, argument dan li huwa kkontestat mill-awtorità tal-kompetizzjoni Bulgara. |
|
14 |
Il-qorti tar-rinviju għandha dubju, għalhekk, dwar jekk, sabiex tikkonstata ksur bħal dak allegatament imwettaq minn Lukoil Bulgaria, l-awtorità tal-kompetizzjoni Bulgara kinitx obbligata teżamina l-karatteristiċi essenzjali kollha taż-żewġt iswieq ikkonċernati, billi tiddetermina, għal kull wieħed minnhom, l-ishma mis-suq, il-volum tas-suq u l-atturi tas-suq. |
|
15 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administrativen sad Sofia-oblast (il-Qorti Amministrattiva tal-Provinċja ta’ Sofija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari
|
16 |
L-awtorità tal-kompetizzjoni Bulgara u l-Gvern Bulgaru jikkontestaw l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Dawn il-partijiet interessati jqajmu, essenzjalment, tliet argumenti f’dan ir-rigward. |
|
17 |
L-ewwel, huma jargumentaw li d-Deċiżjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni Bulgara hija bbażata esklużivament fuq l-applikazzjoni tad-dritt Bulgaru u li l-Artikolu 102 TFUE ma huwiex applikabbli peress li l-abbuż minn pożizzjoni dominanti allegat ma jaffettwax il-kummerċ bejn Stati Membri. It-tieni, huma jsostnu li l-qorti tar-rinviju ma ddefinixxietx il-kuntest fattwali u regolamentari tad-domandi preliminari, u lanqas ma spjegat l-ipoteżijiet fattwali li fuqhom huma bbażati dawn id-domandi, elementi dawn li huma neċessarji sabiex tinkiseb interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għaliha. Fir-realtà, din il-qorti sempliċement irriproduċiet l-argumenti tal-partijiet fil-tilwima fil-kawża prinċipali. It-tielet, skont l-awtorità tal-kompetizzjoni Bulgara, din it-talba għal deċiżjoni preliminari ser twassal, fil-prattika, għat-trasferiment lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju sabiex tiddeċiedi l-kwistjoni tad-definizzjoni tas-suq rilevanti, kwistjoni din li hija essenzjali għas-soluzzjoni tal-imsemmija tilwima. |
|
18 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita bl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li tkun adita bit-tilwima u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni li ser tagħti, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, meta d-domandi magħmula jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenzi tal‑21 ta’ April 1988, Pardini,338/85, EU:C:1988:194, punt 8, kif ukoll tat‑22 ta’ Ottubru 2024, Kolin Inșaat Turizm Sanayi ve Ticaret,C‑652/22, EU:C:2024:910, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
19 |
Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Huwa biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, GE Auto Service Leasing,C‑294/20, EU:C:2021:723, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
20 |
F’dan il-każ, fir-rigward tal-ewwel argument imsemmi fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tal-Artikolu 102 TFUE ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali. |
|
21 |
Minn naħa, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tqis li dan l-Artikolu 102 huwa applikabbli fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, l-imsemmi Artikolu 102 għandu jiġi applikat ex officio minn kull qorti nazzjonali (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et, C‑295/04 sa C‑298/04, EU:C:2006:461, punt 31). |
|
22 |
Min-naħa l-oħra, skont il-kontenut tad-Deċiżjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni Bulgara kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, Lukoil Bulgaria topera fit-territorju kollu tar-Repubblika tal-Bulgarija u l-prattika tal-prezzijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija implimentata fil-livell nazzjonali. Tali konstatazzjoni, li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju, hija, fiha nnifisha, suffiċjenti sabiex jitqies li din il-prattika tista’ taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri, fis-sens tal-Artikoli 101 u 102 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et, C‑94/04 u C‑202/04, EU:C:2006:758, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Issa, meta awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali tapplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jipprojbixxu l-abbużi minn pożizzjoni dominanti għall-aġir ta’ impriża li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, l-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), jimponilha tapplika wkoll, b’mod parallel, l-Artikolu 102 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ April 2019, Powszechny Zakład Ubezpieczeń na Życie,C‑617/17, EU:C:2019:283, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
23 |
Fir-rigward tat-tieni argument imsemmi fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar li, kif jipprovdi l-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-talba għal domanda preliminari għandu jkun fiha espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti nazzjonali sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll il-konnessjoni li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali. |
|
24 |
F’dan il-każ, mill-punti 11 u 14 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-qorti tar-rinviju, essenzjalment, esponiet ir-raġunijiet li wassluha sabiex tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, mill-osservazzjonijiet tal-partijiet fit-tilwima fil-kawża prinċipali, tal-Gvern Bulgaru kif ukoll tal-Kummissjoni Ewropea jirriżulta li dawn kienu, essenzjalment, f’pożizzjoni li jieħdu pożizzjoni b’mod komplet u utli dwar id-domandi magħmula. |
|
25 |
B’dan premess, ebda punt tad-deċiżjoni tar-rinviju ma jippermetti li jiġu identifikati r-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar il-prinċipji ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, inkluża l-preżunzjoni ta’ innoċenza. Minn dan isegwi li, f’dan ir-rigward, l-ewwel u t-tieni domanda preliminari huma inammissibbli. |
|
26 |
Fir-rigward tat-tielet argument imsemmi fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi rrilevat li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE, mingħajr ma l-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tapplika dan l-Artikolu 102 fil-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE tistabbilixxi kooperazzjoni mill-qrib bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja bbażata fuq it-tqassim tal-funzjonijiet bejniethom u tikkostitwixxi strument li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jkunu jeħtieġu għas-soluzzjoni tat-tilwimiet li jkunu ntalbu jiddeċiedu, mingħajr ma tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja s-setgħa li tapplika r-regoli tad-dritt tal-Unjoni għal kawża partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Novembru 2021, IS (Illegalità tad-digriet tar-rinviju),C‑564/19, EU:C:2021:949, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata; tat‑8 ta’ Diċembru 2022, HYA et (Impossibbiltà li jiġu eżaminati x-xhieda tal-prosekuzzjoni),C‑348/21, EU:C:2022:965, punt 49; kif ukoll tad‑9 ta’ April 2024, Profi Credit Polska (Ftuħ mill-ġdid tal-proċedura li ntemmet b’deċiżjoni definittiva), C‑582/21, EU:C:2024:282, punti 50 sa 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
27 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli biss sa fejn tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE. |
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
|
28 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 102 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ prattika abbużiva ta’ kompressjoni tal-marġni mwettqa minn impriża vertikalment integrata, awtorità tal-kompetizzjoni għandha tistabbilixxi, kemm għas-suq upstream kif ukoll għas-suq downstream ikkonċernati, il-volumi ta’ dawn is-swieq u l-ishma mill-imsemmija swieq miżmuma minn din l-impriża kif ukoll mill-kompetituri tagħha. |
|
29 |
F’dan il-każ, mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-awtorità tal-kompetizzjoni Bulgara kkonstatat li l-kompressjoni tal-marġni li biha hija akkużata Lukoil Bulgaria sseħħ fis-suq bl-ingrossa tal-fjuwils, bejn żewġ swieq sekondarji fejn is-suq sekondarju upstream huwa s-suq bl-ingrossa tal-fjuwils imqiegħda taħt l-arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa filwaqt li s-suq sekondarju downstream huwa s-suq bl-ingrossa tal-fjuwils wara l-ħlas tad-dazji tas-sisa. Il-kompressjoni tal-marġni tirriżulta mill-fatt li Lukoil Bulgaria tbigħ fjuwils bl-ingrossa fis-suq downstream, jiġifieri wara l-ħlas tad-dazji tas-sisa, bi prezz inqas mill-prezz li bih hija tbigħ il-fjuwils imqiegħda taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa fis-suq upstream. |
|
30 |
Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li prattika abbużiva ta’ kompressjoni tal-marġni tikkonsisti fi prattika tariffarja li, fl-assenza ta’ kwalunkwe ġustifikazzjoni oġġettiva, tkun ta’ natura inġusta sa fejn effettivament tikkompressa l-marġni tal-impriżi kompetituri u li b’hekk tkun tista’ toħloq effett ta’ esklużjoni għall-kompetituri li jkunu minn tal-inqas effiċjenti daqs l-impriża dominanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige,C‑52/09, EU:C:2011:83, punti 30 u 31). |
|
31 |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kompressjoni tal-marġni tikkostitwixxi abbuż awtonomu peress li n-natura inġusta, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, ta’ tali prattika tariffarja hija marbuta mal-eżistenza stess ta’ din il-kompressjoni, u mhux mal-portata preċiża tagħha, b’tali mod li bl-ebda mod ma huwa neċessarju li jiġi stabbilit li l-prezzijiet bl-ingrossa tal-prodott, fis-suq upstream, jew il-prezzijiet bl-imnut, fis-suq downstream, huma abbużivi minnhom infushom minħabba, skont il-każ, in-natura eċċessiva jew predatorja tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige,C‑52/09, EU:C:2011:83, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
32 |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk impriża f’pożizzjoni dominanti abbużatx minn din il-pożizzjoni bl-applikazzjoni ta’ tali prattiki tariffarji, għandhom jiġu evalwati ċ-ċirkustanzi kollha u għandu jiġi eżaminat jekk din il-prattika għandhiex it-tendenza li telimina jew tnaqqas il-possibbiltajiet ta’ għażla tax-xerrej fir-rigward tas-sorsi tiegħu ta’ provvista, li toħloq barrieri għall-aċċess għas-suq għall-kompetituri, li tapplika kundizzjonijiet inugwali għal provvisti ekwivalenti fil-konfront ta’ sħab kummerċjali jew li ssaħħaħ il-pożizzjoni dominanti permezz ta’ kompetizzjoni distorta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige,C‑52/09, EU:C:2011:83, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
33 |
Jista’ jkun hemm tali ċirkustanzi meta impriża vertikalment integrata, li tkun dominanti f’suq upstream, tipprova tostakola l-iżvolġiment normali tal-kompetizzjoni f’suq viċin, li jkun suq downstream għas-suq iddominat minnha, sa fejn tali aġir jista’ jkollu l-effett li jeskludi l-kompetituri minn tal-inqas effiċjenti daqsha minn dan is-suq viċin, jiġifieri s-suq downstream, permezz tal-kompressjoni tal-marġni ta’ dawn tal-aħħar. Fil-fatt, tali aġir jista’, minħabba b’mod partikolari r-rabtiet stretti bejn is-swieq ikkonċernati, idgħajjef il-kompetizzjoni fis-suq downstream (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige,C‑52/09, EU:C:2011:83, punti 87 u 91). |
|
34 |
Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi speċifiċi kollha tal-kawża prinċipali sabiex tevalwa jekk iż-żewġt iswieq identifikati mill-awtorità tal-kompetizzjoni Bulgara jikkostitwixxux swieq distinti li għandhom rabtiet mill-qrib. |
|
35 |
Fit-tieni lok, jekk il-qorti tar-rinviju tqis li ż-żewġt iswieq identifikati mill-awtorità tal-kompetizzjoni Bulgara jikkostitwixxu żewġt iswieq distinti iżda marbuta mill-qrib, din il-qorti jkollha teżamina wkoll, qabel ma tikkonkludi li kien hemm ksur tal-Artikolu 102 TFUE, jekk l-impriża vertikalment integrata hijiex dominanti fis-suq upstream (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige,C‑52/09, EU:C:2011:83, punti 85 sa 89). |
|
36 |
Issa, dan ikun il-każ jekk din l-impriża jkollha saħħa ekonomika li tagħtiha s-setgħa li tostakola ż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva f’dan is-suq upstream billi tagħtiha l-possibbiltà li taġixxi b’mod sinjifikattivament indipendenti fil-konfront tal-kompetituri tagħha, tal-klijenti tagħha u, fl-aħħar mill-aħħar, tal-konsumaturi (sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige,C‑52/09, EU:C:2011:83, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
37 |
Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti tirriżulta b’mod ġenerali mill-preżenza fl-istess ħin ta’ diversi fatturi li, meħuda waħedhom, ma jkunux neċessarjament determinanti (sentenza tal‑14 ta’ Frar 1978, United Brands u United Brands Continentaal vs Il‑Kummissjoni, 27/76, EU:C:1978:22, punt 66). |
|
38 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm is-sinjifikat tal-ishma mis-suq jista’ jvarja minn suq għall-ieħor, iż-żamma, fit-tul, ta’ sehem mis-suq kbir ħafna tikkostitwixxi, sakemm ma jkunx hemm ċirkustanzi eċċezzjonali, prova tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti u li ishma mis-suq ta’ iktar minn 50 % jikkostitwixxu ishma mis-suq kbar ħafna (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tat‑13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il‑Kummissjoni, 85/76, EU:C:1979:36, punt 41, u tas‑6 ta’ Diċembru 2012, AstraZeneca vs Il‑Kummissjoni, C‑457/10 P, EU:C:2012:770, punt 176). |
|
39 |
B’dan premess, għalkemm, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti f’suq, iż-żamma, fit-tul, ta’ sehem kbir mis-suq hija sinjifikattiva ħafna, xorta jibqa’ l-fatt li pożizzjoni dominanti tista’ tiġi stabbilita wkoll billi jittieħdu inkunsiderazzjoni karatteristiċi oħra tas-suq ikkonċernat, bħalma huma l-eżistenza ta’ barrieri sinjifikattivi għad-dħul jew ta’ infrastrutturi essenzjali, li jippermettu li jiġi evalwat jekk, f’dan is-suq, l-imsemmija impriża taġixxix b’mod sinjifikattivament indipendenti fil-konfront tal-kompetituri tagħha, tal-klijenti u tal-konsumaturi. |
|
40 |
F’dan ir-rigward, f’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Lukoil Bulgaria topera fuq il-katina kollha ta’ produzzjoni ta’ fjuwils sal-bejgħ finali tagħhom u għandha l-unika raffinerija tal-pajjiż kif ukoll infrastruttura loġistika, ta’ ħażna u ta’ trasport unika fil-pajjiż. |
|
41 |
Fit-tielet lok, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li n-natura abbużiva ta’ prattika tariffarja implimentata minn impriża vertikalment integrata f’pożizzjoni dominanti f’suq upstream li twassal għall-kompressjoni tal-marġni tal-kompetituri ta’ din l-impriża fis-suq downstream ma tiddependix mill-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti ta’ din l-impriża f’dan is-suq tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige,C‑52/09, EU:C:2011:83, punt 89). |
|
42 |
B’dan premess, kif tirrileva l-Kummissjoni, ma huwiex eskluż li data relatata ma’ dan is-suq downstream jista’ jkollha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi eżaminat jekk din il-prattika tariffarja tmurx kontra l-Artikolu 102 TFUE. |
|
43 |
Fil-fatt, sabiex jiġi stabbilit abbuż minn pożizzjoni dominanti li jikkonsisti f’kompressjoni tal-marġni, awtorità tal-kompetizzjoni hija obbligata turi li d-differenza bejn il-prezzijiet tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati fis-suq upstream u dawk fis-suq downstream jew hija negattiva jew hija insuffiċjenti sabiex jiġu koperti l-ispejjeż speċifiċi li l-impriża dominanti għandha ssostni għall-provvista tal-prodotti jew tas-servizzi tagħha stess fis-suq downstream, b’tali mod li din id-differenza ma tippermettix lil kompetitur effiċjenti daqs din l-impriża li jidħol f’kompetizzjoni magħha għall-provvista tal-imsemmija prodotti jew servizzi fis-suq downstream. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, sabiex tiġi evalwata l-legalità tal-politika tal-prezzijiet applikata minn impriża dominanti, għandu, bħala prinċipju, isir riferiment għal kriterji ta’ prezzijiet ibbażati fuq l-ispejjeż sostnuti mill-impriża dominanti stess u fuq l-istrateġija tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Slovak Telekom vs Il‑Kummissjoni, C‑165/19 P, EU:C:2021:239, punti 73 u 74 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
44 |
Għalhekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk id-differenza bejn il-prezzijiet ta’ impriża dominanti fis-suq upstream u l-prezzijiet ipprattikati minn din l-impriża fis-suq downstream tistax twassal, f’dan is-suq tal-aħħar, għal effett ta’ esklużjoni tal-kompetituri tagħha li jkunu minn tal-inqas effiċjenti daqsha, għandu jiġi ddeterminat jekk l-imsemmija impriża kinitx tkun suffiċjentement effiċjenti sabiex toffri prestazzjonijiet fis-suq downstream mingħajr telf li kieku kienet preċedentement obbligata tħallas il-prezzijiet tagħha stess fis-suq upstream, determinazzjoni din li teħtieġ, bħala prinċipju, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prezzijiet u l-ispejjeż tal-impriża dominanti fis-suq downstream jew, meta ma jkunx possibbli li jsir riferiment għal dawn il-prezzijiet u għal dawn l-ispejjeż, li jittieħdu inkunsiderazzjoni dawk tal-kompetituri f’dan l-istess suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige,C‑52/09, EU:C:2011:83, punti 41 sa 46). |
|
45 |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-impriża kkonċernata tista’ turi li l-prattika tariffarja tagħha, minkejja li tipproduċi effett ta’ esklużjoni fis-suq downstream, tibqa’ ekonomikament iġġustifikata, u dan jeħtieġ li jintwera, abbażi taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ ineżami, li tali effett ta’ esklużjoni, żvantaġġuż għall-kompetizzjoni, jista’ jiġi kkumpensat, jew anki maqbuż, permezz ta’ vantaġġi f’termini ta’ effiċjenza li minnhom jibbenefika wkoll il-konsumatur f’dan is-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige,C‑52/09, EU:C:2011:83, punti 75 u 76). |
|
46 |
Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ prattika abbużiva ta’ kompressjoni tal-marġni mwettqa minn impriża vertikalment integrata, awtorità tal-kompetizzjoni għandha tistabbilixxi, minn naħa, l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti ta’ din l-impriża fis-suq upstream, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-ishma minn dan is-suq miżmuma mill-imsemmija impriża jew karatteristiċi rilevanti oħra tal-imsemmi suq li jippermettu li jitqies li l-istess impriża għandha saħħa ekonomika li tippermettilha taġixxi, b’mod sinjifikattiv, indipendentement mill-kompetituri tagħha, mill-klijenti tagħha u mill-konsumaturi, kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-eżistenza, f’suq downstream, marbut mas-suq upstream, ta’ prezz, ipprattikat mill-impriża vertikalment integrata, li jista’ jwassal għal effett ta’ esklużjoni tal-kompetituri tagħha li jkunu minn tal-inqas effiċjenti daqsha, fid-dawl tal-karatteristiċi ta’ dan is-suq downstream. |
Fuq it-tieni u t-tielet domanda
|
47 |
Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 102 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li prodotti li ma jkunux sostitwibbli mill-perspettiva tal-offerta u tad-domanda, bħalma huma l-petrol u d-diżil, jistgħu jiġu inklużi fid-definizzjoni tas-suq tal-prodotti rilevanti, filwaqt li prodott li, bħalma huwa l-LPG, ikun sostitwibbli mill-perspettiva tal-offerta u tad-domanda għal mill-inqas wieħed minn dawn iż-żewġ fjuwils ikun eskluż minn din id-definizzjoni. |
|
48 |
Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-determinazzjoni tas-suq rilevanti, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE, hija ta’ importanza essenzjali peress li l-possibbiltajiet ta’ kompetizzjoni jistgħu jiġu evalwati biss skont il-karatteristiċi tal-prodotti inkwistjoni, u tikkostitwixxi, bħala prinċipju, prerekwiżit għall-evalwazzjoni tal-eventwali eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti tal-impriża kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Frar 1973, Europemballage u Continental Can vs Il‑Kummissjoni, 6/72, EU:C:1973:22, punt 32). L-għan ta’ din id-determinazzjoni huwa li jiġu ddefiniti l-limiti li fihom għandha tiġi evalwata l-kwistjoni jekk din l-impriża hijiex f’pożizzjoni li taġixxi, b’mod sinjifikattiv, indipendentement mill-kompetituri tagħha, mill-klijenti tagħha u mill-konsumaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il‑Kummissjoni, 322/81, EU:C:1983:313, punt 37, kif ukoll tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 127). |
|
49 |
Id-determinazzjoni tas-suq rilevanti teħtieġ li jiġu ddefiniti, fl-ewwel lok, is-suq tal-prodotti, u mbagħad, fit-tieni lok, is-suq ġeografiku tiegħu (sentenzi tal‑14 ta’ Frar 1978, United Brands u United Brands Continentaal vs Il‑Kummissjoni, 27/76, EU:C:1978:22, punti 10 u 11, kif ukoll tas‑27 ta’ Ġunju 2024, Il‑Kummissjoni vs Servier et, C‑176/19 P, EU:C:2024:549, punt 382). |
|
50 |
Fir-rigward tas-suq tal-prodotti, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċett ta’ suq rilevanti jimplika li jista’ jkun hemm kompetizzjoni effettiva bejn il-prodotti li jagħmlu parti minnu, u dan jeħtieġ grad suffiċjenti ta’ interkambjabbiltà jew ta’ sostitwibbiltà fid-dawl tal-istess użu bejn il-prodotti kollha li jagħmlu parti mill-istess suq. L-interkambjabbiltà jew is-sostitwibbiltà ma għandhomx jiġu evalwati biss fid-dawl tal-karatteristiċi oġġettivi tal-prodotti inkwistjoni. Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u l-istruttura tad-domanda u tal-offerta fis-suq (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2024, Il‑Kummissjoni vs Servier et, C‑176/19 P, EU:C:2024:549, punt 383 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
51 |
Minn dawn l-elementi jirriżulta li l-evalwazzjoni tas-sostitwibbiltà ta’ żewġ prodotti ma hijiex limitata għad-determinazzjoni ta’ jekk dawn il-prodotti humiex, minn perspettiva funzjonali, adattati sabiex jissodisfaw l-istess bżonn, iżda teżiġi, barra minn hekk, li jiġi ddeterminat jekk, ekonomikament, dawn il-prodotti humiex, fil-fatt, effettivament sostitwibbli. Is-sostitwibbiltà ekonomika bejn żewġ prodotti tista’ tiġi kkonstatata meta bidliet fil-prezzijiet relattivi tagħhom iwasslu għal trasferiment tal-bejgħ minn wieħed għall-ieħor. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, minn perspettiva ekonomika, is-sostitwibbiltà min-naħa tad-domanda hija l-fattur ta’ dixxiplina l-iktar immedjat u l-iktar effiċjenti fir-rigward tal-fornituri ta’ prodott partikolari. L-evalwazzjoni ta’ din is-sostitwibbiltà tista’ tikkonsisti fl-evalwazzjoni tal-elastiċità trażversali tad-domanda fir-rigward tal-prezz billi jiġi ddeterminat jekk il-konsumaturi ta’ prodott suġġett għal żieda żgħira iżda permanenti fil-prezz humiex ser iduru għal prodotti ta’ sostituzzjoni (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2024, Il‑Kummissjoni vs Servier et, C‑176/19 P, EU:C:2024:549, punt 384). |
|
52 |
Għalkemm evalwazzjoni li tippermetti li jiġi ddefinit is-suq li fih għandha tiġi evalwata l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti teħtieġ li jsiru konstatazzjonijiet fattwali dwar il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u l-istruttura tal-offerta u tad-domanda f’dan is-suq, evalwazzjoni li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju, għandu jiġi kkonstatat li ma huwiex eskluż li, minkejja l-assenza ta’ sostitwibbiltà minn perspettiva funzjonali bejn tliet tipi ta’ fjuwils tal-vetturi bil-mutur, bħalma huma d-diżil, il-petrol u l-LPG, fir-rigward tad-domanda min-naħa tal-konsumaturi finali jista’ jkun hemm, fid-dawl tal-kundizzjonijiet speċifiċi tal-offerta fil-Bulgarija, livell suffiċjenti ta’ sostitwibbiltà bejn uħud minn dawn il-fjuwils fis-suq bl-ingrossa ta’ fjuwils imqiegħda taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju, li jwassal sabiex dawn tal-aħħar jiġu inklużi fl-istess suq tal-prodotti. |
|
53 |
Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju ser ikollha teżamina, b’mod partikolari, minn naħa, jekk il-ħażna bl-ingrossa tal-petrol u tad-diżil għandhiex issir f’faċilitajiet ta’ natura analoga jew differenti u, min-naħa l-oħra, jekk il-LPG jistax ikun is-suġġett ta’ ħażna bl-ingrossa fl-istess installazzjonijiet bħall-petrol u d-diżil jew jekk, għall-kuntrarju, jeħtieġx installazzjonijiet speċifiċi. |
|
54 |
Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-awtorità tal-kompetizzjoni Bulgara ħadet inkunsiderazzjoni, fid-determinazzjoni tas-suq rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti, il-petrol u d-diżil biss, iżda mhux il-LPG, sa fejn, għall-grossisti, il-kundizzjonijiet ta’ ħażna ta’ dawn l-ewwel żewġ fjuwils huma l-istess, li jippermettilhom, skont id-domanda, joffru wieħed jew l-ieħor minn dawn l-ewwel żewġ fjuwils, mingħajr ma dan iwassal għal spejjeż addizzjonali għalihom. |
|
55 |
Għall-kuntrarju, fir-rigward tal-LPG, skont l-awtorità tal-kompetizzjoni Bulgara, jeżistu, fil-Bulgarija, rekwiżiti speċifiċi f’dak li jirrigwarda l-ħażna tiegħu kif ukoll il-bejgħ mill-ġdid tiegħu wara l-ħlas tad-dazji tas-sisa. Barra minn hekk, il-LPG jiġi ttrasportat b’mod differenti mill-petrol u mid-diżil. |
|
56 |
Tali kunsiderazzjonijiet jistgħu jikkostitwixxu ġustifikazzjoni oġġettiva tad-distinzjoni mwettqa mill-awtorità tal-kompetizzjoni Bulgara bejn il-petrol u d-diżil, minn naħa, u l-LPG, min-naħa l-oħra, punt dan li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
|
57 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li huma biss il-prodotti li jippreżentaw livell suffiċjenti ta’ sostitwibbiltà li jistgħu jiġu inklużi fl-istess suq għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti. Meta l-aġir meqjus li jikkostitwixxi ksur jikkonsisti fi prattiki tariffarji li jimplikaw kompressjonijiet tal-marġni, l-awtorità tal-kompetizzjoni għandha tivverifika jekk, minkejja l-assenza ta’ sostitwibbiltà minn perspettiva funzjonali bejn tliet tipi ta’ fjuwils tal-vetturi bil-mutur, bħalma huma d-diżil, il-petrol u l-LPG, fir-rigward tad-domanda min-naħa tal-konsumaturi finali, il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u l-istruttura tal-offerta u tad-domanda jippermettux li jiġi kkonstatat li wħud minn dawn il-fjuwils jaqgħu taħt l-istess suq tal-prodotti fis-suq upstream. |
Fuq l-ispejjeż
|
58 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.