|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/286 |
11.2.2026 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/286
tal-10 ta’ Frar 2026
li jawtorizza eżenzjoni skont ir-Regolament (UE) 2024/573 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tal-użu ta’ gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra f’ċerti chillers li jintużaw għall-manifattura tas-semikondutturi
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2024/573 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Frar 2024 dwar gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra, li jemenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(5) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Mill-1 ta’ Jannar 2027, l-Anness IV, il-punt 7(b) tar-Regolament (UE) 2024/573 jipprojbixxi l-introduzzjoni fis-suq ta’ chillers stazzjonarji li fihom il-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra jew li l-funzjonament tagħhom jiddependi minnhom b’potenzjal ta’ tisħin globali (“GWP”, global warming potential) ta’ 150 jew aktar, għal chillers b’kapaċità nominali massima ta’ 12 kW, ħlief jekk dawn ikunu meħtieġa biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ta’ sikurezza fis-sit tal-operat. Barra minn hekk, mill-1 ta’ Jannar 2027, l-Anness IV, il-punt 7(d) ta’ dak ir-Regolament jipprojbixxi l-introduzzjoni fis-suq ta’ chillers stazzjonarji li fihom il-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra jew li l-funzjonament tagħhom jiddependi minnhom b’GWP ta’ 750 jew aktar, għal chillers b’kapaċità nominali ta’ aktar minn 12 kW, ħlief jekk dawn ikunu meħtieġa biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ta’ sikurezza fis-sit tal-operat. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament (UE) 2024/573, fit-18 ta’ Lulju 2025, l-awtoritajiet kompetenti Ġermaniżi ressqu talba lill-Kummissjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ eżenzjoni (it-talba għal eżenzjoni) li tippermetti l-introduzzjoni fis-suq ta’ żewġ tipi ta’ chillers stazzjonarji li jintużaw biex jappoġġaw il-manifattura tas-semikondutturi li l-introduzzjoni tagħhom fis-suq se tiġi pprojbita mill-1 ta’ Jannar 2027, f’konformità mal-Anness IV, il-punti 7(b) u (d) tar-Regolament (UE) 2024/573, rispettivament. It-tip ta’ chillers ikkonċernati huma i) iċ-chillers stazzjonarji b’kapaċità ta’ tkessiħ ta’ inqas minn 12 kW li bħalissa jiddependu mill-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra b’GWP ta’ 150 jew aktar, u ii) iċ-chillers stazzjonarji b’kapaċità ta’ tkessiħ ta’ aktar minn 12 kW li joperaw taħt –50 °C li bħalissa jiddependu mill-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra b’GWP ta’ 750 jew aktar. Dawn iċ-chillers stazzjonarji huma parti integrali mill-biċċa l-kbira tal-impjanti tal-manifattura tas-semikondutturi u huma essenzjali għall-kontroll tat-temperatura tal-wafers u tal-partijiet kritiċi tat-tagħmir matul il-proċess tal-manifattura tiegħu. |
|
(3) |
Skont it-talba għal eżenzjoni, bħalissa, iċ-chillers stazzjonarji li jintużaw fil-manifattura tas-semikondutturi li jikkonformaw mal-Anness IV, il-punti 7(b) u (d) tar-Regolament (UE) 2024/573, mhumiex disponibbli kummerċjalment. Minkejja l-investiment sostnut u l-progress fl-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet alternattivi, inklużi alternattivi bbażati fuq is-CO2 u oħrajn b’GWP baxx, bħalissa ma hemm l-ebda soluzzjoni disponibbli li tista’ tissodisfa s-sett sħiħ ta’ rekwiżiti tat-temperatura, tas-sikurezza u tal-prestazzjoni għall-applikazzjonijiet kollha tas-semikondutturi. It-talba għal eżenzjoni targumenta wkoll li minħabba r-restrizzjonijiet tekniċi, regolatorji u ekonomiċi kumplessi li qed jiffaċċja s-settur, ma jkunx fattibbli li titlesta t-tranżizzjoni sal-iskadenza stabbilita mingħajr ma tiġi pperikolata l-kontinwità operazzjonali u jiġu ffaċċjati l-kostijiet sproporzjonati. |
|
(4) |
Il-Kummissjoni vvalutat it-talba għal eżenzjoni u tqis li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11(5), il-punti (a) u (b), tar-Regolament (UE) 2024/573 huma ssodisfati. Il-Kummissjoni tqis ukoll li f’ċirkostanzi eċċezzjonali bħal dawn, jenħtieġ li jingħata biżżejjed żmien biex jiġi evitat tfixkil fis-suq fil-provvista ta’ tali tagħmir essenzjali. Il-Kummissjoni tqis li perjodu ta’ 3 snin ikun biżżejjed biex titlesta l-konverżjoni għal alternattivi filwaqt li jiġu evitati kostijiet sproporzjonati. |
|
(5) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. B’deroga mill-Anness IV, il-punt 7(b) tar-Regolament (UE) 2024/573, l-introduzzjoni fis-suq ta’ chillers stazzjonarji li fihom il-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra jew li l-funzjonament tagħhom jiddependi minnhom b’GWP ta’ 150 jew aktar, b’kapaċità massima ta’ tkessiħ ta’ 12 kW, li jintużaw biex jappoġġaw il-manifattura tas-semikondutturi hija b’dan awtorizzata, dment li jkunu ttikkettati skont l-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2024/573.
2. B’deroga mill-Anness IV, il-punt 7(d) tar-Regolament (UE) 2024/573, l-introduzzjoni fis-suq ta’ chillers stazzjonarji li fihom il-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra jew li l-funzjonament tagħhom jiddependi minnhom b’GWP ta’ 750 jew aktar, b’kapaċità ta’ tkessiħ ta’ aktar minn 12 kW li joperaw taħt –50 °C, li jintużaw biex jappoġġaw il-manifattura tas-semikondutturi hija b’dan awtorizzata, dment li jkunu ttikkettati skont l-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2024/573.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2027 sal-31 ta’ Diċembru 2029.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Frar 2026.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L, 2024/573, 20.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/573/oj.
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/286/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)