European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2482

12.12.2025

DIRETTIVA (UE) 2025/2482 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-26 ta’ Novembru 2025

li temenda d-Direttiva 2005/44/KE dwar is-servizzi armonizzati tal-informazzjoni tax-xmajjar (RIS) fil-passaġġi fuq l-ilma interni fil-Komunità

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari l-Artikolu 91(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw mal-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2005/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) tistabbilixxi qafas għall-varar u l-użu tas-servizzi armonizzati tal-informazzjoni tax-xmajjar (RIS) fl-Unjoni. Il-varar tal-RIS fil-passaġġi fuq l-ilma interni jappoġġa s-sikurezza u l-effiċjenza tat-trasport fil-passaġġi fuq l-ilma interni, u fuq kollox is-sostenibbiltà u l-attraenza tas-settur, billi jżid l-effiċjenza tal-operazzjonijiet tat-trasport fil-passaġġi fuq l-ilma interni.

(2)

Mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2005/44/KE, is-settur tal-passaġġi fuq l-ilma interni bbenefika mill-forniment ta’ RIS armonizzati. Iżda, il-livell tal-armonizzazzjoni bejn l-Istati Membri jvarja, u l-proċess biex jiddaħħlu l-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa jidher li ħa ħafna żmien. Barra minn hekk, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2019 intitolata “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew” tappella biex tkompli tiġi żviluppata l-mobbiltà multimodali awtomatizzata u konnessa. Konsegwentement, l-RIS jenħtieġ li tiġi adattata biex tindirizza dawk l-isfidi l-ġodda. Barra minn hekk, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Diċembru 2020 intitolata “Strateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti – inqiegħdu t-trasport Ewropew fit-triq it-tajba għall-futur” tipproponi r-reviżjoni tad-Direttiva 2005/44/KE bħala waħda mill-miżuri biex jintlaħaq l-objettiv tal-promozzjoni tal-ħolqien ta’ sistema tat-trasport verament intelliġenti, allokazzjoni effiċjenti tal-kapaċità u ġestjoni tat-traffiku. Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Ġunju 2021 stabbiliet pjan ta’ azzjoni intitolat “NAIADES III: It-tisħiħ tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni Ewropej”, li jiddikjara li biex jiġi appoġġat l-objettiv li l-passaġġi fuq l-ilma interni jkunu parti minn sistema bla xkiel ta’ RIS armonizzati sal-2030, ir-reviżjonijiet tal-qafas legali dwar l-RIS ikollhom l-għan li jgħinu biex jixxejnu l-lakuni eżistenti fl-armonizzazzjoni u l-interoperabbiltà ma’ mezzi oħra tat-trasport, u biex jiżdiedu d-disponibbiltà, l-użu mill-ġdid u l-interoperabbiltà tad-data tas-sistemi diġitali, f’konformità mal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Frar 2020 intitolata “Strateġija Ewropea għad-Data”. Dawk il-bidliet u l-iżviluppi, kif ukoll l-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2005/44/KE, jenħtieġ li jitqiesu meta jiġu adattati l-RIS.

(3)

Fl-interess tal-adozzjoni ta’ approċċ koerenti għall-interoperabbiltà fis-settur tas-servizz pubbliku, meta tiġi implimentata l-pjattaforma elettronika b’punt ta’ aċċess uniku għall-RIS (l-“Ambjent Ewropew tal-RIS”) u soluzzjonijiet oħra li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/44/KE, jenħtieġ li jiġu segwiti l-prinċipji stabbiliti fil-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà (EIF), li huwa stabbilit fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Marzu 2017 intitolata “Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà – Strateġija ta’ Implimentazzjoni”, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2024/903 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(4)

Ir-Regolament (UE) 2024/1679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jistabbilixxi rekwiżiti għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport (“TEN-T”) biex jinkiseb il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern, u għandu l-għan li jiżgura li l-istess servizzi ta’ kwalità għolja jkunu disponibbli u kompatibbli mas-sistemi ta’ mezzi oħra tat-trasport tul dak in-network.

(5)

Minħabba li l-maġġoranza tal-vjaġġi tal-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni huma ta’ natura internazzjonali, l-RIS jenħtieġ li jkunu ffukati fuq dawk il-passaġġi fuq l-ilma interni tal-Istati Membri li jiffurmaw parti mit-TEN-T u li huma konnessi direttament mal-passaġġi fuq l-ilma interni ta’ Stat Membru ieħor li wkoll jiffurmaw parti mit-TEN-T, u li għalhekk huma ta’ importanza kbira għall-Unjoni. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu, fuq bażi volontarja, jibqgħu jwessgħu r-rekwiżiti tal-RIS għal partijiet min-network tal-passaġġi fuq l-ilma interni tagħhom, ħlief għal dawk li jiffurmaw parti mit-TEN-T, biex iqisu l-ispeċifiċitajiet nazzjonali. F’kuntest transfruntier, jenħtieġ li jkun possibbli wkoll għal wieħed mill-Istati Membri kkonċernati li jipprovdi l-RIS. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jikkooperaw bil-ħsieb li jipprovdu RIS fil-passaġġi fuq l-ilma interni transfruntiera.

(6)

Fid-dawl tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u r-Russja fil-qasam tal-RIS la hija xierqa u lanqas fl-interess tal-Unjoni. B’konsegwenza ta’ dan, il-kooperazzjoni transfruntiera dwar l-RIS mar-Russja ma għadhiex prijorità fit-territorju tal-Istati Membri.

(7)

L-esperjenza miksuba bl-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/44/KE uriet l-importanza li jissaħħu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi relatati mal-forniment tad-data għan-navigazzjoni u għall-ippjanar tal-vjaġġi fuq passaġġi fuq l-ilma interni biex jittejbu l-kwalità u t-tempestività tal-informazzjoni pprovduta lill-utenti tal-RIS. Is-Sistema Ewropea għall-Ġestjoni tad-Data ta’ Referenza (ERDMS) fiha d-data ta’ referenza u l-listi ta’ kodiċi meħtieġa għall-funzjonament xieraq tal-RIS u twaqqfet u attwalment qed titħaddem mill-Kummissjoni. It-tħaddim tal-ERDMS jista’ jiġi ttrasferit lil parti terza fil-futur.

(8)

Id-disponibbiltà għall-utenti tal-RIS, waqt in-navigazzjoni, ta’ informazzjoni aġġornata u preċiża rigward il-kundizzjoni tal-kanali navigabbli u ta’ punti speċifiċi bħal pontijiet, imgħalaq u portijiet interni, mistenni jtejjeb l-effiċjenza ġenerali tas-settur tal-passaġġi fuq l-ilma intern. Għalhekk, l-RIS jenħtieġ li jkunu jinkludu skambji aġġornati tad-data b’ġestjoni parzjalment u kompletament awtomatizzata tas-sistemi infrastrutturali tal-imgħalaq u l-pontijiet mobbli kif ukoll ma’ sistemi komunitarji tal-port tal-portijiet interni.

(9)

Sabiex l-RIS jippermettu interkonnessjoni mal-katina loġistika, hu importanti li l-informazzjoni tinqasam mhux biss fost l-utenti tat-trasport fil-passaġġi fuq l-ilma interni, pereżempju permezz ta’ sistemi komunitarji tal-port ta’ portijiet interni u sistemi intelliġenti ta’ infrastruttura tal-passaġġi fuq l-ilma intern, iżda wkoll ma’ sistemi u applikazzjonijiet ta’ mezzi oħra tat-trasport. Jenħtieġ li s-Single Windows Nazzjonali marittimi (MNSW) fl-ambjent tas-Single Window Marittima Ewropea (EMSWe), stabbilita mir-Regolament (UE) 2019/1239 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), jippermettu r-rappurtar armonizzat tal-bastimenti madwar l-Unjoni kollha fit-trasport marittimu. L-iskambju tal-informazzjoni relatata mat-traffiku, bħall-ħinijiet tal-wasla u tat-tluq, jiżgura l-interoperabbiltà, il-multimodalità u l-integrazzjoni bla xkiel tat-trasport fil-passaġġi fuq l-ilma interni (IWT) mal-katina loġistika ġenerali. Jenħtieġ li l-informazzjoni elettronika dwar it-trasport tal-merkanzija (eFTI), stabbilita mir-Regolament (UE) 2020/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), tifforma l-bażi għall-iskambju tal-informazzjoni dwar il-merkanzija dwar oġġetti u skart perikolużi bejn l-utenti tal-RIS, fejn meħtieġ. Meta meħtieġ, jenħtieġ li l-RIS jippermettu rabtiet mas-sistemi diġitali u pjattaformi ta’ mezzi oħra tat-trasport u jagħmlu l-informazzjoni disponibbli għalihom.

(10)

L-iskambju tal-informazzjoni bejn il-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni u l-portijiet interni, pereżempju dwar id-disponibbiltà tal-installazzjonijiet tal-port, il-ħinijiet operatorji, jew informazzjoni dwar il-bastimenti u l-merkanzija, mhux dejjem ikun ottimali, u b’hekk iħalli impatt fuq l-effiċjenza tal-operazzjonijiet tal-IWT. L-informazzjoni dwar id-disponibbiltà tal-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi fil-portijiet interni għandha importanza partikolari fil-promozzjoni tal-prestazzjoni ambjentali tas-settur. Biex jiġi ssimplifikat u razzjonalizzat l-iskambju ta’ din l-informazzjoni u tittejjeb l-effiċjenza ġenerali tas-settur, hu importanti li jiġu stabbiliti interfaċċi standardizzati u jsiru parti mill-RIS u li jiġu żviluppati l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi meħtieġa.

(11)

Jenħtieġ li l-użu tal-Ambjent Ewropew tal-RIS jissimplifika l-provvista tal-RIS, itejjeb l-effiċjenza tal-operazzjonijiet tal-IWT u jnaqqas il-piż fuq il-fornituri u l-utenti tal-RIS. Jenħtieġ li l-Ambjent Ewropew tal-RIS jappoġġa s-servizzi rilevanti, ikun punt ċentrali għall-iskambju tal-informazzjoni tal-RIS fis-settur tal-passaġġi fuq l-ilma interni kif ukoll ma’ mezzi oħra tat-trasport, u għalhekk isir is-sinsla diġitali ewlenija għall-forniment tal-RIS fl-Unjoni. Jenħtieġ li l-Istati Membri jaħtru awtorità kompetenti waħda jew aktar responsabbli għat-tħaddim tal-Ambjent Ewropew tal-RIS. Dawk l-awtoritajiet kompetenti huma kontrolluri, kif definit fir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), għall-fini tat-tħaddim tal-Ambjent Ewropew tal-RIS.

(12)

Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-introduzzjoni tal-Ambjent Ewropew tal-RIS, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-qafas għall-iżvilupp u għall-funzjonament tal-Ambjent Ewropew tal-RIS. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

(13)

Jenħtieġ li l-atti ta’ implimentazzjoni skont din id-Direttiva ma jiġux adottati mill-Kummissjoni meta l-kumitat imsemmi f’din id-Direttiva ma jagħti l-ebda opinjoni, pereżempju meta ma jkun hemm l-ebda maġġoranza kwalifikata b’appoġġ għal opinjoni, kemm jekk pożittiva kif ukoll jekk negattiva, u meta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni ma jiġix ippreżentat lill-kumitat ta’ appell jew meta l-kumitat ta’ appell jagħti opinjoni negattiva. F’konformità mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jikkollaboraw biex jistabbilixxu malajr il-karatteristiċi operazzjonali, ir-rwoli u l-proċeduri meħtieġa għall-Ambjent Ewropew tal-RIS.

(14)

Il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari pajjiżi ġirien, hija rilevanti sabiex jiġu żgurati l-konnessjoni u l-interoperabbiltà bejn l-Ambjent Ewropew tal-RIS u l-RIS nazzjonali ta’ dawk il-pajjiżi terzi.

(15)

Jenħtieġ li l-Ambjent Ewropew tal-RIS jipprevedi l-possibbiltà li l-utenti tal-RIS jissottomettu reazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u jiżgura li tali reazzjoni tintbagħat lill-Istat Membru kkonċernat. Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu proċedura sempliċi u aċċessibbli għat-trattament ta’ tali reazzjoni b’manjiera trasparenti u imparzjali. Jenħtieġ li l-awtoritajiet tal-Istati Membri jikkooperaw meta jittrattaw reazzjoni li tinvolvi elementi transkonfinali, bħal standards inkompatibbli fir-rappurtar tal-informazzjoni dwar il-bastimenti, peress li 75 % tal-operazzjonijiet tat-trasport fil-passaġġi fuq l-ilma interni jinkludu vjaġġi internazzjonali. L-analiżi tas-suġġett tar-reazzjoni riċevuta, kif ukoll il-frekwenza tagħha, tagħmilha possibbli li tiġi identifikata l-firxa tal-konformità ma’ din id-Direttiva, u b’hekk tappoġġa l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni billi tidentifika oqsma fejn l-implimentazzjoni tista’ tittejjeb. Għalhekk huwa importanti li dik l-informazzjoni tinġabar u tingħata lill-Kummissjoni fuq bażi annwali.

(16)

Jenħtieġ li l-iżvilupp tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jimxu ma’ sett ta’ prinċipji, b’mod partikolari l-prinċipji stipulati fl-Anness II ta’ din id-Direttiva, sabiex jiżgura l-implimentazzjoni xierqa u armonizzata tad-Direttiva 2005/44/KE. Dawk il-prinċipji jenħtieġ li jiddeskrivu l-elementi ewlenin li kull komponent tal-RIS jenħtieġ li jinkludi.

(17)

Jenħtieġ li r-rekwiżiti u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-RIS jiżguraw b’mod partikolari li: id-data tal-RIS li tikkostitwixxi data personali skont ir-Regolament (UE) 2016/679 tista’ tiġi pproċessata biss f’konformità ma’ sistema komprensiva ta’ kontroll tal-aċċess ibbażata fuq id-drittijiet li tipprovdi funzjonalitajiet assenjati; l-awtoritajiet kompetenti kollha jista’ jkollhom aċċess immedjat għal dik id-data f’konformità mal-kompetenzi regolatorji rispettivi tagħhom; jiġu implimentati miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa biex jiġi żgurat li l-ipproċessar b’mezzi elettroniċi ta’ data personali jkun jista’ jsir f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 u r-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), inkluż għall-finijiet ta’ protezzjoni kontra ksur ta’ data personali; u l-ipproċessar ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva jista’ jsir b’mod li jirrispetta l-kunfidenzjalità ta’ dik l-informazzjoni.

(18)

Biex tkun żgurata n-navigazzjoni sikura u ottimali tal-bastimenti fil-passaġġi fuq l-ilma interni, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jafu l-lokalizzazzjoni tal-bastimenti kollha fil-passaġġi fuq l-ilma interni, inkluż permezz tal-użu tad-data tas-sistemi ta’ identifikazzjoni awtomatika (AIS). Jenħtieġ li l-Istati Membri jiskambjaw ukoll informazzjoni relatata mal-RIS biex iżidu l-effiċjenza tal-RIS u jnaqqsu r-rekwiżiti tar-rappurtar. Meta t-trażmissjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni relatata mal-RIS għal dawk il-finijiet jinvolvu l-ipproċessar ta’ data personali, bħall-ipproċessar ta’ ismijiet jew l-ipproċessar ta’ data ta’ lokalizzazzjoni meta tali pproċessar jippermetti l-identifikazzjoni, direttament jew indirettament, ta’ persuna, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw il-legalità tal-ipproċessar ta’ dik id-data personali f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), fejn applikabbli.

(19)

Biex ikun żgurat li l-utenti tal-RIS jkollhom l-informazzjoni meħtieġa dwar in-navigazzjoni u l-ippjanar tal-vjaġġi fil-passaġġi fuq l-ilma interni, u filwaqt li jitqies il-progress xjentifiku u tekniku, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) fir-rigward tal-emendar tar-rekwiżiti minimi tad-data stipulati fl-Anness I tad-Direttiva 2005/44/KE. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (12). B’mod partikolari, biex tkun żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.

(20)

Meta jkun debitament ġustifikat b’analiżi xierqa, u fin-nuqqas ta’ standards internazzjonali rilevanti u aġġornati li jiżguraw is-sikurezza tan-navigazzjoni, jew meta xi bidliet fil-proċess jew l-eżitu tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-kumitat Ewropew għat-tfassil tal-istandards fil-qasam tan-navigazzjoni interna (CESNI) jkunu jikkompromettu l-interessi tal-Unjoni, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-TFUE fir-rigward tal-emendar tal-Anness III tad-Direttiva 2005/44/KE biex tipprovdi speċifikazzjonijiet tekniċi xierqa għall-RIS, skont il-prinċipji stipulati fl-Anness II tad-Direttiva 2005/44/KE u bil-għan li tħares l-interessi tal-Unjoni.

(21)

L-esperjenza miksuba bl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2005/44/KE turi li l-perjodu twil għall-introduzzjoni u l-aġġornament tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stipulat fiha affettwa l-prestazzjoni tas-settur. Għalhekk, hu importanti li jinbidel il-proċess kif jiddaħħlu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi.

(22)

Id-Direttiva (UE) 2016/1629 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) introduċiet proċess ibbażat fuq speċifikazzjonijiet tekniċi żviluppati mis-CESNI. Is-CESNI, li jaġixxi taħt l-awspiċi tal-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu (CCNR) u hu miftuħ għal esperti mill-Istati Membri kollha, hu responsabbli għat-tfassil tal-istandards tekniċi fil-qasam tat-trasport fil-passaġġi fuq l-ilma interni. L-esperjenza turi li s-CESNI żviluppa u aġġorna r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tan-navigazzjoni interna b’mod organizzat u fil-ħin. Filwaqt li jitqiesu l-għarfien espert tas-CESNI u l-esperjenza miksuba mill-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/1629, jenħtieġ li jiġi applikat approċċ simili fir-rigward tad-Direttiva 2005/44/KE.

(23)

Biex ikun żgurat livell għoli ta’ sikurezza u effiċjenza fin-navigazzjoni interna, ikun żgurat il-forniment tal-RIS, u biex jitqiesu l-progress tekniku u xjentifiku u żviluppi oħra fis-settur, ir-referenza għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi applikabbli għall-RIS, jiġifieri l-Istandard Ewropew għas-Servizzi tal-Informazzjoni tax-Xmajjar (ES-RIS), jenħtieġ li tkun tifforma parti integrali mid-Direttiva 2005/44/KE.

(24)

Il-Kumitat dwar iċ-ċertifikati tal-kaptani għat-trasport tal-merkanzija u l-passiġġieri fil-passaġġi fuq l-ilma intern imsemmi fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2005/44/KE tneħħa. Minfloku, il-Kumitat għat-Trasport fil-Passaġġi fuq l-Ilma Interni, li għandu għarfien espert fl-istandards u fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi fis-settur tal-passaġġi fuq l-ilma interni, jenħtieġ li jassisti lill-Kummissjoni fir-rigward tal-RIS bħala kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Barra minn hekk, din id-Direttiva tintroduċi emendi għall-Artikoli 5 u 12 tad-Direttiva 2005/44/KE relatati mal-Proċedura ta’ kumitat. Jenħtieġ għalhekk li l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2005/44/KE jiġi emendat biex jirrifletti dawk il-bidliet.

(25)

Għall-finijiet ta’ regolamentazzjoni u simplifikazzjoni aħjar, id-Direttiva 2005/44/KE jenħtieġ li tkun tista’ tirreferi għall-istandards internazzjonali mingħajr ma tidduplikahom fil-qafas legali tal-Unjoni.

(26)

L-RIS ġew stabbiliti fl-Unjoni fl-2005, u minn dakinhar l-Istati Membri kisbu esperjenza konsiderevoli fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi meħtieġa għall-funzjonament tal-RIS jinsabu fl-Anness III tad-Direttiva 2005/44/KE. F’dak ir-rigward, jenħtieġ li jitħassar l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2005/44/KE. Barra minn hekk, billi jiġi emendat il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/44/KE ħalli tiffoka fuq it-TEN-T, ir-rekwiżit li jiġu implimentati l-RIS hu applikabbli għall-aktar passaġġi fuq l-ilma interni importanti, u b’hekk jinħoloq network tat-trasport affidabbli. Għaldaqstant jenħtieġ li jitħassar l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2005/44/KE.

(27)

F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, biex jintlaħaq l-objettiv bażiku, jeħtieġ u jixraq jiġi stabbilit qafas għall-forniment tar-RIS fl-Unjoni li jistabbilixxi regoli dwar it-twaqqif, it-tħaddim u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tiegħu. F’konformità mal-Artikolu 5(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu l-objettivi mixtieqa.

(28)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta opinjoni fl-20 ta’ Marzu 2024.

(29)

Għalhekk, id-Direttiva 2005/44/KE jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2005/44/KE

Id-Direttiva 2005/44/KE hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Suġġett

1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas għall-varar u l-użu tas-servizzi armonizzati tal-informazzjoni tax-xmajjar (RIS) fl-Unjoni biex jappoġġa t-trasport fil-passaġġi fuq l-ilma interni ħalli jiżdiedu s-sikurezza, l-effiċjenza u s-sostenibbiltà tiegħu u biex jiġu ffaċilitati l-interfaċċi ma’ mezzi oħra tat-trasport.

2.   Din id-Direttiva tipprovdi qafas għall-istabbiliment u l-iżvilupp ulterjuri ta’ rekwiżiti tekniċi, speċifikazzjonijiet u kundizzjonijiet li jiżguraw RIS armonizzati, interoperabbli u aċċessibbli fil-passaġġi fuq l-ilma interni tal-Unjoni u li jiffaċilitaw il-kontinwità ma’ servizzi tal-ġestjoni tat-traffiku ta’ modi ta’ trasport oħra permezz ta’ interfaċċi standardizzati.”

;

(2)

fl-Artikolu 2, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Din id-Direttiva tapplika għall-implimentazzjoni u l-operazzjoni tal-RIS fil-passaġġi fuq l-ilma interni u l-portijiet interni kollha tal-Istati Membri li jagħmlu parti min-network trans-Ewropew tat-trasport, kif speċifikat u elenkat fl-Annessi I u II tar-Regolament (UE) 2024/1679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), u li huma konnessi direttament mal-passaġġi fuq l-ilma interni u l-portijiet interni ta’ Stat Membru ieħor li jagħmel parti min-network trans-Ewropew tat-trasport, kif speċifikat u elenkat f’dawk l-Annessi.

(*1)  Ir-Regolament (UE) 2024/1679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport, li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1153 u (UE) Nru 913/2010 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 (ĠU L, 2024/1679, 28.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1679/oj).”;"

(3)

fl-Artikolu 3, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(i)

‘network trans-Ewropew tat-trasport’ jew ‘TEN-T’ tfisser passaġġi fuq l-ilma interni kif speċifikat fil-mapep stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2024/1679;

(j)

‘Sistema Ewropea għall-Ġestjoni tad-Data ta’ Referenza’ jew ‘ERDMS’ tfisser repożitorju (librerija) b’punt tal-aċċess uniku ta’ data ta’ referenza u listi tal-kodiċijiet li jintużaw mill-applikazzjonijiet tal-IT fit-trasport fil-passaġġi fuq l-ilma interni taħt l-awtorità tal-Kummissjoni; ma tinkludix id-data tan-network ipprovduta mill-Istat Membru f’konformità mal-Annessi I u III;

(k)

‘sistema komunitarja tal-port’ tfisser pjattaforma elettronika għall-iskambju tal-informazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati biex tiżgura proċessi portwarji u loġistiċi bla skossi;

(l)

‘sistema intelliġenti tal-infrastruttura fil-passaġġi fuq l-ilma interni’ tfisser pjattaforma elettronika li tappoġġa l-ġestjoni parzjalment u kompletament awtomatizzata tal-infrastruttura tat-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni fl-imgħalaq u l-pontijiet mobbli tat-TEN-T u hi mħaddma mill-awtoritajiet pubbliċi tal-ġestjoni tal-passaġġi fuq l-ilma interni;

(m)

‘Ambjent Ewropew tal-RIS’ tfisser pjattaforma elettronika b’punt ta’ aċċess uniku bbażata fuq informazzjoni nazzjonali tal-RIS li tipprovdi servizzi tekniċi u operazzjonali għall-utenti tal-RIS u fiha links għar-rappurtar elettroniku skont il-prinċipju ta’ ‘darba biss’;

(n)

‘port intern’ tfisser port tal-passaġġi fuq l-ilma interni tan-network ewlieni TEN-T jew tan-network komprensiv TEN-T, kif elenkat u kkategorizzat fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2024/1679.”

;

(4)

L-Artikolu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 4

Il-ħolqien tal-RIS

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jimplimentaw l-RIS fil-passaġġi fuq l-ilma interni u l-portijiet interni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw l-RIS b’tali mod li l-applikazzjoni tal-RIS tkun effiċjenti, espandibbli u interoperabbli biex tinteraġixxi ma’ applikazzjonijiet oħra tal-RIS u ma’ sistemi għal mezzi oħra tat-trasport, filwaqt li tipprovdi wkoll interfaċċi għas-sistemi tal-ġestjoni tat-trasport u għall-attivitajiet kummerċjali.

3.   Sabiex jinħolqu l-RIS, l-Istati Membri għandhom:

(a)

jiżguraw li d-data rilevanti kollha għan-navigazzjoni u għall-ippjanar ta’ vjaġġi fil-passaġġi fuq l-ilma interni tiġi pprovduta lill-utenti tar-RIS; dik id-data tan-network, kif stabbilit fl-Anness I, għandha tkun aġġornata u tingħata mill-inqas b’format elettroniku komuni aċċessibbli skont l-Anness III;

(b)

jiżguraw li għall-passaġġi fuq l-ilma interni u l-portijiet interni kollha tagħhom tat-TEN-T, apparti d-data msemmija fil-punt (a), l-utenti tal-RIS ikollhom disponibbli għalihom mapep elettroniċi tan-navigazzjoni adattati għal finijiet ta’ navigazzjoni;

(c)

jippermettu li, sa fejn ir-rapportar tal-bastimenti jkun meħtieġ skont regolamenti nazzjonali jew internazzjonali, l-awtoritajiet kompetenti jirċievu rapporti elettroniċi tal-bastimenti tad-data kollha meħtieġa mill-bastimenti; fit-trasport transkonfinali, dik id-data għandha tkun disponibbli kollha kemm hi għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ġar qabel il-wasla tal-bastimenti fil-fruntiera;

(d)

jiżguraw li l-avviżi lill-kaptani, inkluż dwar il-livell tal-ilma jew l-għoli massimu permess, u rapporti dwar is-silġ tal-passaġġi fuq l-ilma interni tagħhom jingħataw bħala messaġġi standardizzati, kodifikati u li jistgħu jitniżżlu; il-messaġġ standardizzat għandu jkun fih mill-inqas l-informazzjoni meħtieġa għan-navigazzjoni sikura u l-avviżi lill-kaptani għandhom jinżammu aġġornati u jiġu pprovduti mill-inqas f’format elettroniku komuni aċċessibbli f’konformità mal-Anness III;

(e)

jiżguraw li d-data tan-network fl-Ambjent Ewropew tal-RIS tinżamm aġġornata billi tingħata d-data kollha meħtieġa tan-network f’konformità mal-Annessi I u III mingħajr dewmien;

(f)

jiżguraw li, meta disponibbli, mill-inqas l-informazzjoni relatata mat-traffiku ssir disponibbli permezz ta’ interfaċċi skont l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stipulati f’konformità mal-punt 7 tal-Anness II, fejn applikabbli, għal ambjenti ta’ skambju elettroniku tal-informazzjoni stabbiliti mil-liġijiet tal-Unjoni u użati f’mezzi oħra ta’ trasport;

(g)

jiżguraw li interfaċċi standardizzati skont l-Annessi II u III ta’ din id-Direttiva jkunu disponibbli għas-sistemi komunitarji tal-port tal-portijiet interni, inkluż, meta disponibbli, informazzjoni aġġornata dwar id-disponibbiltà tal-irmiġġi u ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi, u b’mod partikolari l-installazzjonijiet meħtieġa skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2023/1804 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2);

(h)

jiżguraw li interfaċċi standardizzati skont l-Annessi II u III jkunu disponibbli għal sistemi intelliġenti oħra tal-infrastruttura tal-passaġġi fuq l-ilma interni għall-fini tal-ġestjoni tat-traffiku fil-passaġġi fuq l-ilma interni.

L-obbligi msemmija f’dan il-paragrafu għandhom jiġu mħarsa f’konformità mar-rekwiżiti u l-prinċipji stipulati fl-Annessi I u II.

4.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jistabbilixxu ċentri tal-RIS skont il-ħtiġijiet reġjonali.

5.   L-Istati Membri għandhom b’mod konġunt joħolqu, jirregolaw, joperaw, jużaw u jżommu Ambjent Ewropew tal-RIS li jipprovdi servizzi relatati mal-kanali navigabbli, l-infrastruttura, it-traffiku u t-trasport u għandu jipprovdi d-data meħtieġa. L-Ambjent Ewropew tal-RIS għandu jkun aċċessibbli għall-utenti kollha tal-RIS u għandu jkun il-pjattaforma ewlenija għall-iskambju tal-informazzjoni relatata mal-RIS. Għandu jkun fiha interfaċċi għal konnessjonijiet mas-sistemi ta’ mezzi oħra tat-trasport u portijiet interni. L-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità kompetenti waħda jew aktar responsabbli għat-tħaddim tal-Ambjent Ewropew tal-RIS. L-Ambjent Ewropew tal-RIS għandu jippermetti l-possibbiltà ta’ kontribuzzjonijiet minn pajjiżi terzi li l-passaġġi fuq l-ilma tagħhom huma konnessi man-network Ewropew tal-passaġġi fuq l-ilma interni u li huma lesti li jikkooperaw u jipprovdu d-data tan-network tagħhom, dment li d-data tkun ta’ kwalità u format identiċi għal dawk tal-Istati Membri u li jaderixxu mal-istess livell ta’ ċibersigurtà u protezzjoni tad-data.

6.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-karatteristiċi tat-tħaddim, ir-rwoli u l-proċeduri għall-Ambjent Ewropew tal-RIS u li jidentifikaw l-entità operattiva tiegħu, abbażi tal-prinċipji għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-RIS stabbiliti fil-punt 6 tal-Anness II, biex tiżgura l-implimentazzjoni uniformi tagħhom madwar l-Unjoni kollha. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 11(2).

7.   Għall-użu tas-sistemi ta’ identifikazzjoni awtomatika (‘AIS’), għandu japplika l-Arranġament Reġjonali dwar is-Servizz Radjukomunikazzjoni fil-Passaġġi fuq l-Ilma Interni (RAINWAT), konkluż f’Bucharest fit-12 ta’ April 2012, fil-qafas tar-regolamenti tar-radju tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (UIT).

8.   L-Istati Membri, f’kooperazzjoni mal-Unjoni, fejn xieraq, għandhom jinkoraġġixxu lill-kaptani, lill-operaturi, lill-aġenti jew lis-sidien tal-bastimenti li jinnavigaw fil-passaġġi fuq l-ilma interni tagħhom u lit-trasportaturi jew lis-sidien tal-merkanzija li tinġarr abbord tali bastimenti biex japprofittaw bis-sħiħ mis-servizzi li jsiru disponibbli skont din id-Direttiva.

9.   Il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri xierqa biex tivverifika l-interoperabbiltà, l-affidabbiltà, id-disponibbiltà u s-sikurezza tal-RIS.

(*2)  Ir-Regolament (UE) 2023/1804 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar il-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi u li jħassar id-Direttiva 2014/94/UE (ĠU L 234, 22.9.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1804/oj).”;"

(5)

L-Artikolu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 5

Speċifikazzjonijiet tekniċi

1.   Biex jiġu appoġġati l-RIS u tkun żgurata l-interoperabbiltà tas-servizzi f’konformità mal-Artikolu 4(2), għandhom japplikaw l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Anness III f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Anness II u dawn għandhom ikopru b’mod partikolari l-oqsma li ġejjin:

(a)

is-sistema elettronika ta’ viżwalizzazzjoni ta’ mapep u ta’ informazzjoni għan-navigazzjoni interna (l-ECDIS interna);

(b)

ir-rapportar elettroniku tal-bastimenti;

(c)

l-avviżi lill-kaptani;

(d)

is-sistemi tat-trekkjar u tat-traċċar tal-bastimenti;

(e)

il-kompatibbiltà tat-tagħmir meħtieġ għall-użu tal-RIS;

(f)

tħaddim tal-Ambjent Ewropew tal-RIS;

(g)

l-interkonnessjoni u l-iskambju tal-informazzjoni mal-bażijiet tad-data tal-Unjoni (ERDMS);

(h)

interfaċċa standardizzata għall-pjattaformi tal-IT ta’ mezzi oħra ta’ trasport;

(i)

interfaċċa standardizzata bejn l-Ambjent Ewropew tal-RIS u sistemi komunitarji tal-port ta’ portijiet interni u bejn l-Ambjent Ewropew tal-RIS u sistemi intelliġenti tal-infrastruttura tal-passaġġi fuq l-ilma interni;

(j)

data għan-navigazzjoni u l-ippjanar tal-vjaġġi f’passaġġi fuq l-ilma interni.”

;

(6)

L-Artikolu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 6

Pożizzjonament bis-Satellita

Għall-finijiet tal-RIS, li għalihom huwa meħtieġ pożizzjonament eżatt, huwa rrakkomandat li jintużaw sistemi ta’ pożizzjonament u ta’ navigazzjoni bis-satellita, bħas-servizzi tan-navigazzjoni pprovduti minn Galileo, inkluż is-servizz b’akkuratezza għolja u l-Awtentikazzjoni tal-Messaġġi ta’ Navigazzjoni b’Servizz Miftuħ u s-Sistema Ewropea ta’ Navigazzjoni b’Kopertura Ġeostazzjonarja (EGNOS) imsemmija fir-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3). Għall-finijiet ta’ applikazzjonijiet u servizzi li jiddependu fuq data ta’ osservazzjoni tad-Dinja, huwa rrakkomandat l-użu ta’ data, informazzjoni u servizzi ta’ Copernicus.

(*3)  Ir-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Spazjali tal-Unjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 912/2010, (UE) Nru 1285/2013 u (UE) Nru 377/2014 u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 69, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/696/oj).”;"

(7)

L-Artikolu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 8

Awtoritajiet kompetenti

L-Istati Membri għandhom jaħtru awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-applikazzjoni tal-RIS, għall-iskambju internazzjonali tad-data, għat-tħaddim tal-Ambjent Ewropew tal-RIS, u għat-trattament tar-reazzjoni mill-utenti tal-RIS. Għandhom jinnotifikaw lil dawk l-awtoritajiet maħtura għall-Kummissjoni sas-17 ta’ Jannar 2029.”

;

(8)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 8a

Mekkaniżmu ta’ reazzjoni

1.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li jkollu fis-seħħ proċedura effettiva, sempliċi u aċċessibbli, li tibni, meta possibbli, fuq l-istrutturi eżistenti, li tittratta r-reazzjoni mill-utenti tal-RIS, li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

2.   It-trattament tar-reazzjoni mill-utenti tal-RIS għandu jitwettaq b’mod li jevita kunflitti ta’ interess. It-trattament tar-reazzjoni għandu jkun imparzjali u trasparenti u għandu jirrispetta kif xieraq id-dritt li n-negozju jitwettaq liberament.

3.   Ir-reazzjoni mill-utenti tal-RIS għandu jiġi ppreżentat permezz tal-Ambjent Ewropew tal-RIS u jiġi trażmess lill-Istati Membri rilevanti. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-utenti tal-RIS u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jiġu infurmati dwar fejn u kif għandhom jissottomettu r-reazzjoni.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reazzjonijiet mill-utenti tal-RIS jiġu ttrattati fil-ħin u b’mod xieraq u li l-informazzjoni dwar is-segwitu tagħhom tiġi pprovduta permezz tal-Ambjent Ewropew tal-RIS.

5.   L-Ambjent Ewropew tal-RIS għandu jinforma lill-Kummissjoni, fuq bażi annwali, dwar l-ammont ta’ reazzjonijiet riċevuti u dwar il-mod kif ġew ittratti.”

;

(9)

L-Artikolu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 9

Regoli dwar il-privatezza, is-sigurtà tal-informazzjoni u l-ipproċessar tad-data personali

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri tekniċi u organizzazzjonali meħtieġa f’konformità ma’ liġijiet tal-Unjoni u ma’ liġijiet nazzjonali applikabbli sabiex jipproteġu l-informazzjoni u r-rekords tal-RIS kontra avvenimenti mhux mixtieqa jew użu ħażin, inkluż kontra l-aċċess mhux xieraq, bidla jew telf, u biex jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjali u ta’ informazzjoni sensittiva oħra skambjata skont din id-Direttiva.

2.   Id-data li tikkostitwixxi data personali kif definita fl-Artikolu 4, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4) tista’ tiġi pproċessata abbażi ta’ din id-Direttiva biss sa fejn tali pproċessar ikun meħtieġ għat-tħaddim tal-applikazzjonijiet tal-RIS, bil-ħsieb li jiġu żgurati RIS armonizzati, interoperabbli u aċċessibbli fil-passaġġi fuq l-ilma interni fl-Unjoni u biex jiġu ffaċilitati interfaċċi standardizzati mas-servizzi tal-ġestjoni tat-traffiku ta’ mezzi oħra tat-trasport.

(*4)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).”;"

(10)

L-Artikolu 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 10

Setgħat delegati

1.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 10a biex temenda l-Anness I, billi taġġorna u tirrevedi r-rekwiżiti minimi tad-data, filwaqt li tqis l-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, u l-progress tekniku fl-iżvilupp tat-teknoloġiji u l-applikazzjonijiet tal-RIS.

2.   Fin-nuqqas ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi pertinenti u aġġornati, jew meta l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi żviluppati mill-Kumitat Ewropew għat-tfassil ta’ standards fil-qasam tan-navigazzjoni interna (CESNI) ma jikkonformawx ma’ kwalunkwe rekwiżit applikabbli stabbilit fl-Anness II, jew meta bidliet fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tas-CESNI jew f’elementi oħra tal-istandard ikunu jikkompromettu l-interessi tal-Unjoni, u meta jkun debitament ġustifikat minn analiżi xierqa, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 10a biex temenda l-Anness III ħalli tipprovdi speċifikazzjonijiet tekniċi xierqa bbażati fuq il-prinċipji stabbiliti fl-Anness II.”

;

(11)

l-Artikolu 10a huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 10 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mill-1 ta’ Jannar 2026. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel tmiem ta’ kull perjodu.”

;

(b)

il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 10 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”

;

(12)

L-Artikolu 11 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 11

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat għat-Trasport fuq l-Ilma Interni. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5).

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Fejn il-kumitat ma jagħti ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni, u għandu japplika l-Artikolu 5(4), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(*5)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/182/oj).”;"

(13)

fl-Artikolu 12, jitħassru l-paragrafi 2 u 3;

(14)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 12a

Monitoraġġ

Il-Kummissjoni għandha timmonitorja t-twaqqif tal-RIS fl-Unjoni u għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sat-3 ta’ Jannar 2034. Ir-rapport għandu jinkludi analiżi tal-impatt ta’ din id-Direttiva fuq il-livell ta’ integrazzjoni tat-trasport fil-passaġġi fuq l-ilma interni fil-katina loġistika ġenerali u għandu jeżamina l-potenzjal għal għodod diġitali ġodda biex tiżdied l-effiċjenza fin-network kollu tal-passaġġi fuq l-ilma interni tat-TEN-T.”

;

(15)

l-Anness I tad-Direttiva 2005/44/KE huwa sostitwit bit-test li jinsab fl-Anness I ta’ din id-Direttiva;

(16)

l-Anness II tad-Direttiva 2005/44/KE huwa sostitwit bit-test li jinsab fl-Anness II ta’ din id-Direttiva;

(17)

it-test li jinsab fl-Anness III ta’ din id-Direttiva jiżdied bħala l-Anness III tad-Direttiva 2005/44/KE.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri li għandhom passaġġi fuq l-ilma interni u portijiet interni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sat-2 ta’ Jannar 2029. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni f’dak ir-rigward.

2.   Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, huma għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew jinkludu referenza għaliha meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

3.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri li għandhom passaġġi fuq l-ilma interni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2005/44/KE.

Magħmul fi Strasburgu, is-26 ta’ Novembru 2025.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

M. BJERRE


(1)   ĠU C, C/2024/4064, 12.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4064/oj.

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ Ottubru 2025 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2025.

(3)  Id-Direttiva 2005/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar is-servizzi armonizzati tal-informazzjoni tax-xmajjar (RIS) fil-passaġġi fuq l-ilma interni fil-Komunità (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 152, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2005/44/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2024/903 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2024 li jistipula miżuri għal livell għoli ta’ interoperabbiltà tas-settur pubbliku fl-Unjoni kollha (Att dwar Ewropa Interoperabbli) (ĠU L, 2024/903, 22.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/903/oj).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2024/1679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport, li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1153 u (UE) Nru 913/2010 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 (ĠU L, 2024/1679, 28.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1679/oj).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2019/1239 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi sistema ta’ Single Window Marittima Ewropea u li jħassar id-Direttiva 2010/65/UE (ĠU L 198, 25.7.2019, p. 64, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1239/oj).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2020/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2020 dwar l-informazzjoni elettronika dwar it-trasport tal-merkanzija (ĠU L 249, 31.7.2020, p. 33, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/1056/oj).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).

(9)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/182/oj).

(10)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).

(11)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2002/58/oj).

(12)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_interinstit/2016/512/oj.

(13)  Id-Direttiva (UE) 2016/1629 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 li tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni, li temenda d-Direttiva 2009/100/KE u li tħassar id-Direttiva 2006/87/KE (ĠU L 252, 16.9.2016, p. 118, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2016/1629/oj).


ANNESS I

“ANNESS I

REKWIŻITI MINIMI TA’ DATA

Kif imsemmi fl-Artikolu 4(3), il-punt (a), b’mod partikolari, id-data li ġejja għandha tiġi fornuta:

(a)

il-linja tal-passaġġ fuq l-ilma b’indikazzjoni kilometrika;

(b)

ir-restrizzjonijiet għal bastimenti jew konvoj f’termini ta’ tul, wisa’, fundar jew kurrenti tal-arja;

(c)

il-ħinijiet ta’ operazzjoni ta’ strutturi restrittivi, b’mod partikolari tal-imgħalaq u ta’ pontijiet;

(d)

il-ħinijiet ta’ stennija previsti fil-pontijiet, fl-imgħalaq u fil-portijiet interni, f’ħin reali fejn disponibbli;

(e)

il-post tal-portijiet u tas-siti ta’ trażbord;

(f)

id-data ta’ referenza għal kejl standard tal-livell tal-ilma rilevanti għan-navigazzjoni;

(g)

il-post u, meta disponibbli, id-disponibbiltà attwali tal-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi, inkluż il-provvista tal-elettriku mix-xatt.

L-informazzjoni mogħtija għandha tinżamm aġġornata u, fejn disponibbli, tirrifletti s-sitwazzjoni fil-ħin reali.”.


ANNESS II

“ANNESS II

PRINĊIPJI GĦALL-ISPEĊIFIKAZZJONIJIET TEKNIĊI TAL-RIS

1.   Prinċipji ġenerali

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-RIS għandhom jirrispettaw il-prinċipji ġenerali li ġejjin:

(a)

l-indikazzjoni tar-rekwiżiti tekniċi għall-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-użu operattiv tas-servizzi u s-sistemi relatati;

(b)

l-arkitettura u l-organizzazzjoni tal-RIS;

(c)

ir-rakkomandazzjonijiet għall-bastimenti biex jipparteċipaw fir-RIS, għal servizzi individwali u għall-iżvilupp gradwali tal-RIS.

2.   Sistema Elettronika ta’ viżwalizzazzjoni ta’ mapep u ta’ informazzjoni għan-navigazzjoni interna (ECDIS interna)

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jridu jiġu stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 5 għal sistema elettronika ta’ viżwalizzazzjoni ta’ mapep u ta’ informazzjoni għan-navigazzjoni interna (ECDIS interna) għandhom jirrispettaw il-prinċipji li ġejjin:

(a)

il-kompatibbiltà mas-sistema elettronika marittima ta’ viżwalizzazzjoni ta’ mapep u ta’ informazzjoni (ECDIS marittima) biex ikun iffaċilitat it-traffiku tal-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni f’żoni tat-traffiku mħallat bi traffiku estwarju u traffiku bejn il-baħar u x-xmajjar;

(b)

l-ispeċifikazzjoni ta’ rekwiżiti minimi għat-tagħmir tal-ECDIS interna, u l-kontenut minimu tal-mapep elettroniċi tan-navigazzjoni, bil-għan tas-sikurezza fin-navigazzjoni, b’mod partikolari:

(i)

livell għoli ta’ affidabbiltà u aċċessibbiltà tat-tagħmir tal-ECDIS interna użat;

(ii)

ir-robustezza tat-tagħmir tal-ECDIS interna biex ikun jiflaħ għall-kundizzjonijiet ambjentali tipiċi abbord il-bastimenti, bla ma jitnaqqru l-kwalità jew l-affidabbiltà;

(iii)

il-mappa elettronika tan-navigazzjoni tkun tinkludi kull tip ta’ oġġetti ġeografiċi, pereżempju l-konfini tal-kanali navigabbli, il-binjiet mal-linji tal-kosta, u s-sinjali markaturi tant meħtieġa għal navigazzjoni sikura;

(iv)

il-monitoraġġ tal-mappa elettronika b’immaġni sovrapposta tar-radar meta tintuża għat-treġija tal-bastiment;

(c)

il-mappa elettronika tan-navigazzjoni tkun tinkludi informazzjoni aġġornata dwar il-fond tal-kanali navigabbli u tintwera tali informazzjoni b’rabta mal-livell tal-ilma predefinit jew attwali;

(d)

il-mappa elettronika tan-navigazzjoni tkun tinkludi ċertu informazzjoni addizzjonali, pereżempju dwar partijiet oħrajn li mhumiex l-awtoritajiet kompetenti u tintwera tali informazzjoni fl-ECDIS interna mingħajr ma tiġi affettwata l-informazzjoni meħtieġa għal navigazzjoni sikura;

(e)

il-mapep elettroniċi tan-navigazzjoni jkunu disponibbli għall-utenti tal-RIS;

(f)

id-data tal-mapep elettroniċi tan-navigazzjoni tkun disponibbli għall-manifatturi kollha tal-applikazzjonijiet, meta xieraq bi ħlas raġonevoli skont il-kost;

(g)

l-integrazzjoni ta’ informazzjoni aġġornata dwar il-ħinijiet tal-istennija fl-imgħalaq, fil-pontijiet u fil-portijiet interni u li tali informazzjoni tintwera fl-ECDIS interna mingħajr ma tiġi affettwata l-informazzjoni meħtieġa għal navigazzjoni sikura.

3.   Ir-rapportar elettroniku tal-bastimenti

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tar-rapportar elettroniku tal-bastimenti involuti fin-navigazzjoni interna f’konformità mal-Artikolu 5 għandhom jirrispettaw il-prinċipji li ġejjin:

(a)

il-faċilitazzjoni tal-iskambju tad-data elettronika bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, bejn il-parteċipanti fin-navigazzjoni interna u marittima u fit-trasport multimodali li jinvolvi n-navigazzjoni interna;

(b)

l-użu ta’ sistema standardizzata tal-messaġġ ta’ notifika tat-trasport għall-messaġġi bejn il-bastimenti u l-awtoritajiet, bejn l-awtoritajiet u l-bastimenti, u bejn l-awtoritajiet biex tinkiseb il-kompatibbiltà man-navigazzjoni marittima;

(c)

l-użu ta’ listi ta’ kodiċijiet u klassifikazzjonijiet aċċettati internazzjonalment, possibbilment miżjuda biex ikunu jgħoddu għal ħtiġijiet addizzjonali tan-navigazzjoni interna;

(d)

l-użu ta’ numru tal-identifikazzjoni uniku għall-bastimenti Ewropej.

4.   Avviżi lill-kaptani

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-avviżi lill-kaptani f’konformità mal-Artikolu 5, b’mod partikolari b’rabta mal-informazzjoni tal-kanali navigabbli, l-informazzjoni tat-traffiku u l-ġestjoni tat-traffiku, u l-ippjanar ta’ vjaġġi fil-passaġġi fuq l-ilma interni għandhom jirrispettaw il-prinċipji li ġejjin:

(a)

struttura standardizzata tad-data li tuża moduli predefiniti tat-test u kodifikati f’livell għoli biex tkun tista’ ssir it-traduzzjoni awtomatika tal-aktar kontenut importanti għal lingwi oħra u biex teħfief l-integrazzjoni tal-avviżi lill-kaptani fis-sistemi tal-ippjanar tal-vjaġġi;

(b)

kompatibbiltà tal-istruttura standardizzata tad-data mal-istruttura tad-data tal-ECDIS interna biex teħfief l-integrazzjoni tal-avviżi lill-kaptani fl-ECDIS interna;

(c)

allinjament mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għan-navigazzjoni u l-ippjanar ta’ vjaġġi fil-passaġġi fuq l-ilma interni biex tkun żgurata l-koerenza tal-informazzjoni mogħtija.

5.   Sistemi tat-trekkjar u tat-traċċar tal-bastimenti

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tas-sistemi tat-traċċar u r-rintraċċar tal-bastimenti f’konformità mal-Artikolu 5 għandhom jirrispettaw il-prinċipji li ġejjin:

(a)

l-ispeċifikazzjoni tar-rekwiżiti dwar is-sistemi u tal-messaġġi standard, u tal-proċeduri biex ikunu jistgħu jingħataw b’mod awtomatiku;

(b)

id-divrenzjar bejn is-sistemi adegwati għar-rekwiżiti tal-informazzjoni tattika tat-traffiku u s-sistemi adegwati għar-rekwiżiti tal-informazzjoni strateġika tat-traffiku, fir-rigward tal-akkuratezza fil-pożizzjonament u fir-rigward tar-rata tal-aġġornament meħtieġa;

(c)

id-deskrizzjoni tas-sistemi tekniċi rilevanti għat-traċċar u r-rintraċċar tal-bastimenti, bħall-AIS interna (sistema interna tal-identifikazzjoni awtomatika);

(d)

il-kompatibbiltà tal-formati tad-data mas-sistema marittima tal-AIS.

6.   Prinċipji operazzjonali tal-Ambjent Ewropew tal-RIS

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-Ambjent Ewropew tal-RIS f’konformità mal-Artikolu 5 għandhom jirrispettaw il-prinċipji li ġejjin:

(a)

ikunu tieqa diġitali unika għan-navigazzjoni interna;

(b)

punt uniku u armonizzat tal-aċċess għal informazzjoni aġġornata u, jekk possibbli fil-ħin reali, dwar il-kundizzjonijiet fil-kanali navigabbli għal navigazzjoni, ippjanar tal-vjaġġi u operazzjonijiet portwarji sikuri u sostenibbli tul it-TEN-T;

(c)

jippermettu li jitħaddmu ktajjen tat-trasport multimodali, filwaqt li tilħaq livell xieraq tal-protezzjoni tad-data;

(d)

livell għoli ta’ akkuratezza tad-data għal skambju bla xkiel tad-data fost l-utenti rilevanti tal-RIS tul it-TEN-T (fl-Unjoni u barra minnha);

(e)

interfaċċa faċli għall-utenti b’funzjonalitajiet utli u prattiċi li jistgħu jittejbu bħall-possibbiltà li tissejvja u taħżen il-profili;

(f)

punt uniku u armonizzat tar-rapportar f’konformità mal-prinċipju ta’ ‘darba biss’, anki għal vjaġġi internazzjonali;

(g)

rabta ma’ sistemi oħra li jużaw teknoloġiji tal-informazzjoni, tal-komunikazzjoni, tan-navigazzjoni u tal-pożizzjonament/lokalizzazzjoni biex jimmaniġġjaw l-infrastruttura, il-mobbiltà u t-traffiku fuq it-TEN-T b’mod effettiv u biex jingħataw servizzi tal-valur miżjud liċ-ċittadini u lill-operaturi, inkluż sistemi biex it-TEN-T jintuża b’mod sigur, mingħajr perikli, favur l-ambjent u b’effiċjenza tal-kapaċitajiet;

(h)

ikunu jiġbru u jirrapportaw data anonimizzata u aggregata dwar l-użu li tista’ tintuża għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-RIS, inkluż imqar l-għadd ta’ utenti tal-RIS, id-disponibbiltà tad-data fl-Ambjent Ewropew tal-RIS, il-konnessjoni u l-għadd ta’ skambji ma’ sistemi jew pjattaformi diġitali oħra;

(i)

jiżguraw iċ-ċibersigurtà.

7.   Disponibbiltà tad-data għal sistemi jew pjattaformi diġitali oħra

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-iskambju tad-data ma’ sistemi jew pjattaformi diġitali oħra, f’konformità mal-Artikolu 5 għandhom jirrispettaw il-prinċipji li ġejjin:

(a)

jibnu fuq il-funzjonalitajiet mogħtija mill-Ambjent Ewropew tal-RIS;

(b)

jiffaċilitaw l-iskambju elettroniku tad-data bejn it-teknoloġiji tal-RIS u l-bażijiet tad-data u s-sistemi li jintużaw minn modi oħra tat-trasport, b’konnessjonijiet u interfaċċi xierqa tad-data;

(c)

l-ispeċifikazzjoni tar-rekwiżiti fir-rigward ta’ sistemi jew pjattaformi diġitali oħra fir-rigward tal-proċeduri għall-iskambju awtomatizzat tad-data;

(d)

l-iskambju tal-informazzjoni fil-ħin reali b’mod partikolari għad-data kritika fil-ħin;

(e)

jiġi żgurat l-iskambju sigur tal-informazzjoni f’konformità ma’ sistema komprensiva b’kontroll tal-aċċess ibbażat fuq id-drittijiet;

(f)

jantiċipaw sistema qafas ta’ skambju li jkunu jistgħu jsirulha żviluppi futuri u li tintrabat ma’ sistemi addizzjonali kif meħtieġ, inkluż skambji mal-Ispazju Ewropew futur tad-Data dwar il-Mobbiltà u ma’ kwalunkwe sistema oħra maħsuba biex tippromwovi l-innovazzjonijiet fit-trasport multimodali.

8.   Data għan-navigazzjoni, u l-ippjanar ta’ vjaġġi fil-passaġġi fuq l-ilma interni

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għad-data għan-navigazzjoni u l-ippjanar ta’ vjaġġi fil-passaġġi tal-ilma interni f’konformità mal-Artikolu 5 għandhom jirrispettaw il-prinċipji li ġejjin:

(a)

jagħtu informazzjoni aġġornata f’intervalli regolari u mill-inqas meta jsiru bidliet sinifikanti fis-sitwazzjoni fil-kanali navigabbli li jistgħu jimpattaw in-navigazzjoni;

(b)

ikopru mqar l-informazzjoni li ġejja:

(i)

il-ħinijiet tal-istennija previsti fl-imgħalaq, fil-pontijiet (mobbli) u fil-portijiet interni;

(ii)

data dwar in-network Ewropew tal-passaġġi fuq l-ilma meħtieġa għan-navigazzjoni u għall-ippjanar tal-vjaġġi f’passaġġi tal-ilma interni u li tkopri tal-inqas ir-rekwiżiti tad-data minimi stabbiliti fl-Anness I;

(iii)

il-livell tal-ilma, l-inqas fond imkejjel, il-fond ħieles, l-istat tal-milqgħa jekk tkun qed timblokka n-navigazzjoni, ir-reġim, il-livell previst tal-ilma, l-inqas fond imkejjel imbassar;

(iv)

is-sitwazzjoni tas-silġ u n-navigabbiltà relatata jew twissijiet estremi oħra tat-temp;

(v)

il-ħinijiet operatorji tal-imgħalaq, tal-pontijiet (mobbli) u tal-portijiet interni.

(c)

il-forniment ta’ informazzjoni permezz tal-ECDIS interna, avviżi lill-kaptani u l-Ambjent Ewropew tal-RIS kif xieraq.”.


ANNESS III

“ANNESS III

SPEĊIFIKAZZJONIJIET TEKNIĊI TAL-RIS

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi applikabbli għall-RIS għandhom ikunu dawk stabbiliti fl-aħħar edizzjoni tal-Istandard Ewropew għas-Servizzi tal-Informazzjoni tax-Xmajjar (ES-RIS) adottata mis-CESNI.”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2025/2482/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)