SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
17 ta’ Novembru 2022 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2014/24/UE – Prinċipji ta’ għoti ta’ kuntratti – Artikolu 18 – Trasparenza – Artikolu 21 – Kunfidenzjalità – Adattament ta’ dawn il-prinċipji fil-leġiżlazzjoni nazzjonali – Dritt ta’ aċċess għall-kontenut essenzjali tal-informazzjoni trażmessa mill-offerenti dwar l-esperjenzi u r-referenzi tagħhom, dwar il-persuni proposti għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt u dwar id-disinn tal-proġetti previsti u l-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni – Artikolu 67 – Kriterji għall-għoti tal-kuntratt – Kriterji dwar il-kwalità tax-xogħlijiet jew servizzi proposti – Rekwiżit ta’ preċiżjoni – Direttiva 89/665/KEE – Artikolu 1(1) u (3) – Dritt għal rimedju effettiv – Rimedju fil-każ ta’ ksur ta’ dan id-dritt minħabba r-rifjut li jingħata aċċess għall-informazzjoni mhux kunfidenzjali”
Fil-Kawża C‑54/21,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Krajowa Izba Odwoławcza (l-Awla Nazzjonali tal-Appelli, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Diċembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Jannar 2021, fil-proċedura
Antea Polska S.A.,
Pectore-Eco sp. z o.o.,
Instytut Ochrony Środowiska – Państwowy Instytut Badawczy
vs
Państwowe Gospodarstwo Wodne Wody Polskie,
fil-preżenza ta’:
Arup Polska sp. z o.o.,
CDM Smith sp. z o.o.,
Multiconsult Polska sp. z o.o.,
Arcadis sp. z o.o.,
Hydroconsult sp. z o.o. Biuro Studiów i Badań Hydrogeologicznych i Geofizycznych,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn C. Lycourgos (Relatur), President tal-Awla, L. S. Rossi, J.‑C. Bonichot, S. Rodin u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: M. Siekierzyńska, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑16 ta’ Marzu 2022,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Antea Polska S.A., Pectore-Eco sp. z o.o. u Instytut Ochrony Środowiska – Państwowy Instytut Badawczy, minn D. Ziembiński, radca prawny, |
|
– |
għal Państwowe Gospodarstwo Wodne Wody Polskie, minn P. Daca, M. Klink u T. Skoczyński, radcowie prawni, |
|
– |
għal CDM Smith sp. z o.o., minn F. Łapecki, adwokat, u J. Zabierzewski, |
|
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u M. Horoszko, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, bħala aġent, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Ondrůšek, J. Szczodrowski u G. Wils, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat‑12 ta’ Mejju 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18(1) u tal-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku [l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi] u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68), tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni ta’ konoxxenza u ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom (ĠU 2016, L 157, p. 1), kif ukoll tal-Artikolu 1(1) u (3) u tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246, rettifika fil-ĠU 2016, L 63, p. 44), kif emendata bid-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 (ĠU 2017, L 94, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2015, L 114, p. 24 u fil-ĠU 2018, L 82, p. 17). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Antea Polska S.A., Pectore-Eco sp. z o.o. u Instytut Ochrony Środowiska – Państwowy Instytut Badawczy, li qegħdin jaġixxu flimkien bħala offerent uniku (iktar ’il quddiem “Antea”), u, min-naħa l-oħra, Państwowe Gospodarstwo Wodne Wody Polskie (l-Awtorità Nazzjonali għall-Ġestjoni tal-Ilma, il-Polonja, iktar ’il quddiem l-“awtorità kontraenti”), sostnuta minn Arup Polska sp. z o.o. (iktar ’il quddiem “Arup”), minn CDM Smith sp. z o.o. (iktar ’il quddiem “CDM Smith”), kif ukoll minn Multiconsult Polska sp. z o.o., Arcadis sp. z o.o. u Hydroconsult sp. z o.o. Biuro Studiów i Badań Hydrogeologicznych i Geofizycznych, li qegħdin jaġixxu flimkien bħala offerent uniku (iktar ’il quddiem “Multiconsult”), dwar l-għoti ta’ kuntratt pubbliku lil CDM Smith. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Id‑Direttiva 89/665
|
3 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665, intitolat “Skop u disponibbiltà ta’ proċeduri ta’ reviżjoni”, jiddisponi: “1. Din id-Direttiva tapplika għal kuntratti msemmija fid-Direttiva [2014/24] […] […] L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi […] id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiġu riveduti b’mod effettiv u, b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 2f ta’ din id-Direttiva, għar-raġuni li dawn id-deċiżjonijiet ikunu kisru l-liġi tal-Unjoni fil-qasam tal-akkwist pubbliku jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponu dik il-liġi. […] 3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni jkunu disponibbli, taħt regoli dettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, lil kwalunkwe persuna li jkollha jew kellha interess tikseb kuntratt partikolari u li jkun sarilha jew tkun tinsab fir-riskju li jsirilha dannu minħabba ksur allegat. […]” |
Id‑Direttiva 2014/24
|
4 |
Il-premessi 90 u 92 tad-Direttiva 2014/24 jipprovdu:
[…]
[…]” |
|
5 |
L-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva, intitolat “Prinċipji tal-akkwist [Prinċipji tal-għoti ta’ kuntratti]”, jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-awtoritajiet kontraenti għandhom jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi bl-istess mod u mingħajr diskriminazzjoni u għandhom jaġixxu b’mod trasparenti u proporzjonat. […]” |
|
6 |
L-Artikolu 21 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kunfidenzjalità”, jipprevedi: “1. Sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor f’din id-Direttiva jew fil-liġi nazzjonali li għaliha l-awtorità kontraenti tkun soġġetta, b’mod partikolari leġislazzjoni li tikkonċerna l-aċċess għal informazzjoni, u mingħajr ħasara għall-obbligi relatati mar-reklamar ta’ kuntratti mogħtija u mal-informazzjoni għal kandidati u offerenti stabbiliti fl-Artikoli 50 u 55, l-awtorità kontraenti ma għandhiex tiddivulga informazzjoni mgħoddija lilha minn operaturi ekonomiċi li hija mniżżla bħala kunfidenzjali, inklużi, iżda mhux limitati għal, sigrieti tekniċi jew kummerċjali u l-aspetti kunfidenzjali tal-offerti. 2. L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jimponu rekwiżiti fuq l-operaturi ekonomiċi bil-għan li tiġi mħarsa n-natura kunfidenzjali tal-informazzjonli li l-awtoritajiet kontraenti jqiegħdu għad-dispożizzjoni matul il-proċedura kollha ta’ akkwist.” |
|
7 |
L-Artikolu 50 tal-istess direttiva, intitolat “Avviżi dwar l-għoti ta’ kuntratt”, jipprovdi: “1. Mhux aktar tard minn 30 jum wara l-konklużjoni ta’ kuntratt jew ta’ ftehim qafas, li huwa sussegwenti għad-deċiżjoni dwar l-għoti jew il-konklużjoni tiegħu, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jibagħtu avviż dwar kuntratt bir-riżultati tal-proċedura tal-akkwist. Dawn l-avviżi għandu jkun fihom l-informazzjoni stabbilita fl-Anness V, parti D […] […] 4. Ċerta informazzjoni dwar l-għoti ta’ kuntratt jew il-konklużjoni tal-ftehim qafas tista’ ma titħalliex tiġi ppubblikata fejn il-pubblikazzjoni tkun ta’ xkiel għall-infurzar tal-liġi jew inkella tmur kontra l-interess pubbliku, tkun ta’ ħsara għall-interessi kummerċjali leġittimi ta’ operatur ekonomiku, pubbliku jew privat partikolari, jew fejn din tista’ tippreġudika l-kompetizzjoni leali bejn l-operaturi ekonomiċi.” |
|
8 |
L-Artikolu 55 tad-Direttiva 2014/24, intitolat “L-informar ta’ kandidati u offerenti”, jiddisponi: “1. Malajr kemm jista’ jkun, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jgħarrfu lil kull kandidat u offerent bid-deċiżjonijiet li ħadu rigward il-konklużjoni ta’ ftehim qafas, l-għoti ta’ kuntratt jew ammissjoni għal sistema dinamika ta’ xiri […] 2. Fuq talba mill-kandidat jew offerent ikkonċernat, malajr kemm jista’ jkun, u f’kull eventwalità fi żmien 15‑il jum mir-riċevuta ta’ talba bil-miktub, l-awtorità kontraenti għandha tinforma: […]
[…] 3. L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiddeċiedu li jżommu mistura ċerta informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2, rigward l-għoti ta’ kuntratt, il-konklużjoni ta’ ftehim qafas jew ammissjoni għal sistema dinamika ta’ xiri, fejn l-għoti ta’ din l-informazzjoni xxekkel l-infurzar tal-liġi, jew inkella tmur kontra l-interess pubbliku, tkun tippreġudika l-interessi kummerċjali leġittimi ta’ operatur ekonomiku, pubbliku jew privat partikolari, jew tkun tista’ tippreġudika l-kompetizzjoni ġusta bejn l-operaturi ekonomiċi.” |
|
9 |
L-Artikolu 58 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kriterji ta’ għażla”, jipprevedi: “1. Kriterji ta’ għażla jistgħu jirreferu għal:
[…] 4. Fir-rigward tal-abbiltà teknika u professjonali, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jimponu rekwiżiti li jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi jkollhom ir-riżorsi umani u tekniċi u l-esperjenza meħtieġa sabiex iwettqu l-kuntratt bi standard adegwat ta’ kwalità. B’mod partikolari, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jesiġu li l-operaturi ekonomiċi jkollhom livell ta’ esperjenza suffiċjenti verifikata permezz ta’ riferenzi adatti minn kuntratti mwettqa fil-passat. […] Fi proċeduri tal-akkwist għal provvisti li jirrikjedu xogħol ta’ tqegħid fil-post jew installazzjoni, servizzi jew xogħlijiet, il-kapaċità professjonali tal-operaturi ekonomiċi li jipprovdu s-servizz jew li jwettqu l-installazzjoni jew ix-xogħol tista’ tiġi evalwata fir-rigward tal-ħiliet, l-effiċjenza, l-esperjenza u l-affidabbiltà tagħhom. […]” |
|
10 |
Skont l-Artikolu 59 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dokument Ewropew ta’ Akkwist Uniku”: “1. Fil-mument tas-sottomissjoni ta’ talbiet għall-parteċipazzjoni jew tal-offerti, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jaċċettaw id-Dokument Ewropew ta’ Akkwist Uniku (DEAU) li jikkonsisti minn awtodikjarazzjoni aġġornata bħala evidenza preliminari b’sostituzzjoni għal ċertifikati maħruġin minn awtoritajiet pubbliċi jew terzi persuni li jikkonfermaw li l-operatur ekonomiku rilevanti jissodisfa kwalunkwe waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin:
Fejn l-operatur ekonomiku jiddependi fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra skont l-Artikolu 63, id-Dokument Ewropew ta’ Akkwist Uniku għandu jkun fih ukoll l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu fir-rigward tat-tali entitajiet. Id-Dokument Ewropew ta’ Akkwist Uniku għandu jikkonsisti f’dikjarazzjoni formali mill-operatur ekonomiku li r-raġuni rilevanti għall-esklużjoni ma tapplikax u/jew li l-kriterju rilevanti ta’ għażla huwa ssodisfat u għandu jipprovdi l-informazzjoni rilevanti kif meħtieġa mill-awtorità kontraenti. […] […] 4. Awtorità kontraenti tista’, fi kwalunkwe mument matul il-proċedura, titlob lill-offerenti u lill-kandidati jissottomettu d-dokumenti ta’ sostenn kollha jew parti minnhom fejn dan huwa meħtieġ sabiex tiġi żgurata t-tmexxija korretta tal-proċedura. […]” |
|
11 |
L-Artikolu 60 tal-istess direttiva, intitolat “Mezzi ta’ prova”, jipprovdi: “1. L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jesiġu ċ-ċertifikati, id-dikjarazzjonijiet u l-mezzi l-oħra ta’ prova imsemmijin fil-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu u l-Anness XII bħala evidenza tan-nuqqas ta’ raġunijiet għall-esklużjoni kif imsemmi fl-Artikolu 57 u għall-issodisfar tal-kriterji ta’ għażla skont l-Artikolu 58. L-awtoritajiet kontraenti ma għandhomx jitolbu mezzi ta’ prova għajr dawk imsemmija f’dan l-Artikolu u fl-Artikolu 62. Fir-rigward tal-Artikolu 63, l-atturi ekonomiċi jistgħu jiddependu fuq kwalunkwe mezz adegwat sabiex jagħtu prova lill-awtorità kontraenti li ser jkollhom ir-riżorsi meħtieġa għad-dispożizzjoni tagħhom. […] 3. Bħala regola ġenerali, il-prova tal-qagħda ekonomika u finanzjarja tal-operatur ekonomiku tista’ tiġi pprovduta permezz ta’ waħda jew aktar mir-referenzi elenkati fl-Anness XII, Parti 1. […] 4. Evidenza tal-abbiltajiet tekniċi tal-operaturi ekonomiċi tista’ tiġi pprovduta permezz ta’ mezz wieħed jew aktar minn dawk elenkati fl-Anness XII, Parti 2, skont in-natura, il-kwantità jew l-importanza, u l-użu tax-xogħlijiet, provvisti jew servizzi. […]” |
|
12 |
L-Artikolu 63 tad-Direttiva 2014/24, intitolat “Dipendenza fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Fir-rigward tal-kriterji relatati mal-qagħda ekonomika u finanzjarja kif stabbilit skont l-Artikolu 58(3), u l-kriterji relatati mal-abbiltà teknika jew professjonali kif stabbilit skont l-Artikolu 58(4), operatur ekonomiku jista’, fejn dan ikun adegwat u għal kuntratt partikolari, jiddependi fuq il-kapaċitjiet ta’ entitajiet oħra, irrilevanti min-natura legali tar-rabtiet li għandu magħhom. Fir-rigward tal-kriterji relatati mal-kwalifiki edukattivi u professjonali kif jinsabu fil-punt (f) tal-Anness XII Parti II jew l-esperjenza professjonali rilevanti, l-operaturi ekonomiċi jistgħu madankollu jiddependu biss fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra meta dawn tal-aħħar ser iwettqu l-ħidmiet jew is-servizzi li għalihom huma meħtieġa dawn il-kapaċitajiet. Meta operatur ekonomiku jkun irid jiddependi fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra, dan għandu jagħti prova lill-awtorità kontraenti li huwa ser ikollu r-riżorsi meħtieġa għad-dispożizzjoni tiegħu, pereżempju, billi jippreżenta impenn minn dawk l-entitajiet għal dan il-għan. […]” |
|
13 |
Skont l-Artikolu 67 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kriterji għall-għoti tal-kuntratt”: “1. Mingħajr ħsara għal-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali li jikkonċernaw il-prezz ta’ ċerti provvisti jew ir-remunerazzjoni ta’ ċerti servizzi, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jibbażaw l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi fuq l-offerta l-aktar ekonomikament vantaġġuża. 2. Mill-perspettiva tal-awtorità kontraenti, l-offerta l-aktar ekonomikament vantaġġuża għandha tiġi identifikata abbażi tal-prezz jew l-ispiża, bl-użu ta’ approċċ kost-effettiv […], u tista’ tinkludi l-aħjar bilanċ bejn il-prezz u l-kwalità, li għandu jiġi vvalutat abbażi ta’ kriterji li jinkludu aspetti kwalitattivi, ambjentali u/jew soċjali marbutin mas-suġġett tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni. Dawn il-kriterji jistgħu jinkludu, pereżempju:
L-element ta’ spiża jista’ wkoll jieħu l-forma ta’ prezz fissa jew spiża fissa li abbażi tagħhom l-operaturi ekonomiċi jikkompetu fuq il-kriterji ta’ kwalità biss. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-awtoritajiet kontraenti ma jistgħux jużaw il-prezz biss jew l-ispiża biss bħala l-kriterju uniku għall-għoti jew jillimitaw l-użu tagħhom għal ċerti kategoriji ta’ awtoritajiet kontraenti jew ċerti tipi ta’ kuntratti. […] 4. Il-kriterji tal-għoti ma għandux ikollhom l-effett li jagħtu lill-awtorità kontraenti libertà mingħajr restrizzjonijiet għall-għażla. Huma għandhom jiżguraw il-possibbiltà ta’ kompetizzjoni effettiva u għandhom jiġu akkumpanjati mill-ispeċifikazzjonijiet li jippermettu li l-informazzjoni mogħtija mill-offerenti tiġi vverifikata b’mod effettiv sabiex jiġi vvalutat kemm l-offerti jissodisfaw il-kriterji tal-għoti. Fil-każ ta’ dubju, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jivverifikaw b’mod effettiv il-preċiżjoni tal-informazzjoni u l-evidenza mogħtija mill-offerenti. 5. L-awtorità kontraenti għandha tispeċifika fid- dokumenti tal-akkwist, il-piż relattiv li hi tagħti lil kull wieħed mill-kriterji magħżula sabiex tiddetermina l-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża, għajr meta din tkun identifikata abbażi tal-prezz biss. […]” |
|
14 |
L-Anness V tal-imsemmija direttiva, intitolat “Informazzjoni li għandha tiġi inkluża fl-avviżi”, jelenka, fil-Parti D tiegħu, intitolata “Informazzjoni li għandha tiġi inkluża fl-avviżi tal-għoti tal-kuntratt (kif imsemmija fl-Artikolu 50)”: “[…]
[…]
|
|
15 |
Skont l-Anness XII tal-istess direttiva, intitolat “Mezzi ta’ prova tal-kriterji tal-għażla”: “Parti I: Il-qagħda ekonomika u finanzjarja Bħala regola ġenerali, prova tal-qagħda ekonomika u finanzjarja tal-operatur ekonomiku tista’ tkun ipprovduta minn waħda jew aktar mir-referenzi li ġejjin:
Parti II: Abbiltà teknika Mezzi li jipprovdu prova tal-abbiltajiet tekniċi tal-operaturi ekonomiċi, kif stipulat fl-Artikolu 58:
[…]” |
Id‑Direttiva 2016/943
|
16 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2016/943, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar il-protezzjoni kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tas-sigrieti kummerċjali. […]” |
|
17 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jiddisponi: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]” |
Id‑dritt Pollakk
Il‑Liġi dwar il‑Kuntratti Pubbliċi
|
18 |
L-Ustawa Prawo zamówień publicznych (il-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi) tad‑29 ta’ Jannar 2004 (Dz. U. 2015, pożizzjoni 2164), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi”), tipprevedi, fl-Artikolu 8 tagħha: “1. Il-proċedura tal-għoti ta’ kuntratt għandha tkun pubblika. 2. L-awtorità kontraenti tista’ tirrestrinġi l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-proċedura tal-għoti ta’ kuntratt biss fil-każijiet stabbiliti bil-liġi. 2a. L-awtorità kontraenti tista’ tiddetermina fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ir-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex tinżamm il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni pprovduta lill-operatur ekonomiku matul il-proċedura. 3. Ma għandhiex tiġi żvelata informazzjoni li tikkostitwixxi sigriet tan-negozju fis-sens tal-leġiżlazzjoni dwar il-kompetizzjoni żleali jekk, qabel ma jiskadi t-terminu għas-sottomissjoni tal-offerti jew ta’ talbiet għall-parteċipazzjoni fil-proċedura, l-operatur ekonomiku jkun iddikjara li tali informazzjoni ma tistax tiġi żvelata u jkun ipproduċa provi li l-informazzjoni mhux żvelata tikkostitwixxi sigriet tan-negozju. L-operatur ekonomiku ma jistax jiddikjara l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 86(4) bħala kunfidenzjali. […]” |
|
19 |
Skont l-Artikolu 86(4) tal-imsemmija liġi: “L-isem (l-isem kummerċjali) u l-indirizz tal-offerenti, kif ukoll l-informazzjoni dwar il-prezz, it-terminu għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt, il-perijodu ta’ garanzija u l-kundizzjonijiet ta’ ħlas li jinsabu fl-offerti għandhom jiġu żvelati mal-ftuħ ta’ dawn l-offerti.” |
|
20 |
L-Artikolu 96 tal-istess liġi jipprevedi: “1. Matul il-proċedura tal-għoti tal-kuntratt, l-awtorità kontraenti għandha tħejji minuti li għandhom jinkludu tal-inqas: […]
[…]
[…] 2. L-offerti, perizji, dikjarazzjonijiet, […] l-avviżi, talbiet, dokumenti u informazzjoni oħra ppreżentati mill-awtorità kontraenti u mill-offerenti, kif ukoll il-kuntratt pubbliku konkluż, jikkostitwixxu annessi għall-minuti. 3. Il-minuti u l-annessi tiegħu għandhom ikunu pubbliċi. L-annessi għall-minuti għandhom ikunu disponibbli wara s-selezzjoni tal-offerta l-iktar vantaġġuża jew l-annullament tal-proċedura, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li l-offerti għandhom ikunu disponibbli sa mill-ftuħ tagħhom, l-offerti inizjali, mill-istedina għall-offerti, u t-talbiet għal parteċipazzjoni fil-proċedura, mid-data li fiha jiġu kkomunikati r-riżultati tal-eżami tal-issodisfar tal-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni fil-proċedura.” |
Il‑Liġi dwar il‑Ġlieda kontra l‑Kompetizzjoni Żleali
|
21 |
L-Artikolu 11(2) tal-Ustawa o zwalczaniu nieuczciwej konkurencji (il-Liġi dwar il-Ġlieda kontra l-Kompetizzjoni Żleali) tas‑16 ta’ April 1993 (test ikkodifikat, Dz. U. tal‑2020, pożizzjoni 1913) jipprovdi: “Sigriet tan-negozju jfisser l-informazzjoni teknika, teknoloġika, xjentifika, u rigward l-organizzazzjoni tal-impriża, kif ukoll informazzjoni oħra li jkollha valur ekonomiku, li, meqjusa kollha kemm hi jew fil-konfigurazzjoni u l-ġbir eżatti tal-komponenti tagħha, ma tkunx ġeneralment magħrufa mill-persuni li jkunu fiċ-ċrieki li fihom jintuża dan it-tip ta’ informazzjoni jew li ma tkunx faċilment aċċessibbli għal dawn il-persuni, sakemm il-persuna awtorizzata li tuża jew tiddisponi minn din l-informazzjoni tkun ħadet miżuri, b’diliġenza dovuta, sabiex iżżommha sigrieta”. |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
22 |
Matul l‑2019, l-awtorità kontraenti ppubblikat avviż ta’ kuntratt pubbliku, li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24, għall-finijiet tal-iżvilupp ta’ proġetti li jirrigwardaw il-ġestjoni ambjentali ta’ ċerti baċiri idrografiċi fil-Polonja. L-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kienu jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni fil-proċedura, id-dokumenti meħtieġa kif ukoll il-kriterji għall-għoti ta’ dan il-kuntratt. |
|
23 |
F’dan l-aħħar rigward, dawn l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kienu jipprevedu li l-offerti kienu ser jiġu evalwati abbażi ta’ tliet kriterji, jiġifieri l-prezz (40 %), id-disinn tal-iżvilupp tal-proġetti (42 %) u d-deskrizzjoni tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt (18 %), fejn dawn l-aħħar żewġ kriterji jirrigwardaw il-kwalità tal-offerta li huma stess huma s-suġġett ta’ diversi subkriterji. |
|
24 |
Wara l-evalwazzjoni tal-erba’ offerti ppreżentati, il-kuntratt ingħata lil CDM Smith. Għalkemm il-prezz tal-offerta ta’ Antea kien inqas għoli minn dak tal-offerta ta’ CDM Smith, Antea kisbu marka globali inqas minn dik miksuba minn dan l-offerent l-ieħor, peress li ngħataw iktar punti lil dan tal-aħħar skont il-kriterji ta’ kwalità. |
|
25 |
Antea ppreżentaw appell quddiem il-qorti tar-rinviju intiż, b’mod partikolari, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-għoti tal-kuntratt lil CDM Smith, għal eżami ġdid tal-offerti u għall-iżvelar ta’ ċerta informazzjoni. |
|
26 |
Insostenn ta’ dan l-appell, Antea jikkritikaw, b’mod partikolari, lill-awtorità kontraenti talli naqset milli tiżvela l-informazzjoni li kienet ġiet ikkomunikata lilha minn CDM Smith, minn Multiconsult u minn Arup dwar l-offerti tagħhom. Din tinkludi b’mod partikolari l-listi ta’ prestazzjonijiet ipprovduti preċedentement, il-listi tal-persuni li, fil-każ ta’ għoti, jiġu assenjati għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt, informazzjoni dwar is-subappaltaturi jew it-terzi l-oħra li jipprovdu r-riżorsi u, b’mod iktar ġenerali, id-disinn tal-iżvilupp tal-proġetti u d-deskrizzjoni tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt. |
|
27 |
Billi aċċettat it-trattament kunfidenzjali ta’ din l-informazzjoni, l-awtorità kontraenti kisret il-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi u l-Liġi dwar il-Ġlieda kontra l-Kompetizzjoni Żleali. Hija kkunsidrat b’mod żbaljat li CDM Smith, Multiconsult u Arup kienu stabbilixxew li l-imsemmija informazzjoni kienet tikkostitwixxi sigriet tan-negozju. |
|
28 |
Barra minn hekk, l-awtorità kontraenti kisret l-obbligu tagħha li timmotiva b’mod adegwat, billi bbażat ruħha fuq is-subkriterji stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, l-evalwazzjoni ta’ kull waħda mill-offerti. |
|
29 |
Antea jqisu li ġew imċaħħda mid-dritt tagħhom għal rimedju effettiv, minħabba, minn naħa, in-natura eċċessiva tat-trattament kunfidenzjali mogħti lill-informazzjoni li tinsab fl-offerti tal-kompetituri tagħhom u, min-naħa l-oħra, minħabba n-nuqqas ta’ motivazzjoni adegwata tal-marki mogħtija. Fid-dawl tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza, id-dritt għal trattament kunfidenzjali ta’ ċerta informazzjoni għandu jiġi interpretat b’mod strett. L-operaturi ekonomiċi li jiddeċiedu li jipparteċipaw fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku għandhom jaċċettaw li ċerta informazzjoni dwar l-attivitajiet tagħhom tiġi żvelata. |
|
30 |
L-awtorità kontraenti topponi dawn l-argumenti. |
|
31 |
Hija tqis li d-disinn tal-iżvilupp tal-proġetti u d-deskrizzjoni tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt jinkludu studji li rriżultaw minn esperjenzi miksuba matul is-snin u rfinati għall-proċedura inkwistjoni. Dawn l-istudji għalhekk jaqgħu taħt il-proprjetà intellettwali tal-awtur tagħhom. |
|
32 |
L-iżvelar ta’ din l-informazzjoni jista’, fi kwalunkwe każ, jippreġudika l-interessi leġittimi tal-offerent. Għalhekk, l-informazzjoni li tinsab fl-offerta ta’ CDM Smith għandha valur kummerċjali u dan l-offerent kien ħa, permezz ta’ regoli proċedurali, ta’ klawżoli kuntrattwali u ta’ struzzjonijiet ta’ organizzazzjoni tax-xogħol u ta’ konservazzjoni tad-dokumenti, il-miżuri neċessarji sabiex din tibqa’ sigrieta. L-iżvelar tagħha jippermetti lill-kompetituri jużaw l-għarfien tekniku tal-offerent u s-soluzzjonijiet tekniċi jew organizzattivi żviluppati minnu. |
|
33 |
F’dan il-każ, kull offerent kien jakkumpanja l-offerta tiegħu bi spjegazzjonijiet kredibbli u koerenti dwar il-klassifikazzjoni tal-informazzjoni bħala sigriet tan-negozju, li abbażi tagħha ġie deċiż li jingħata t-trattament kunfidenzjali mitlub. F’dan ir-rigward, l-awtorità kontraenti tikkunsidra li l-prinċipju ta’ trasparenza ma jipprevalixxix fuq id-dritt għall-protezzjoni tas-sigriet tan-negozju. |
|
34 |
Il-kunfidenzjalità testendi, b’mod partikolari, għal-listi tal-persuni assenjati għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt. L-iżvelar ta’ tali listi, li fihom informazzjoni li tippermetti li jiġu identifikati l-periti, jista’ jesponi lill-offerenti għal telf ta’ persunal, peress li l-kompetituri jistgħu jippruvaw jirreklutaw lil dawn il-periti. L-informazzjoni dwar is-subappaltaturi jew terzi oħra tinkludi, hija wkoll, informazzjoni dwar il-periti tagħhom. |
|
35 |
L-awtorità kontraenti tosserva, barra minn hekk, li kull wieħed mill-kriterji għall-għoti kien ġie applikat skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u li l-evalwazzjoni tal-offerti fir-rigward ta’ dawn il-kriterji kienet ġiet immotivata b’mod eżawrjenti. |
|
36 |
Skont CDM Smith u Multiconsult, l-informazzjoni dwar l-organizzazzjoni u l-modalitajiet tas-servizzi tagħhom, bħal dik li ġiet trażmessa lill-awtorità kontraenti, hija ass intanġibbli li taqa’ taħt il-“kapital intellettwali” tal-offerent. Fil-każ tal-iżvelar ta’ din l-informazzjoni, il-kompetituri jistgħu jieħdu l-ideat u s-soluzzjonijiet riflessi fiha. Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni dwar ir-riżorsi umani għandha valur kummerċjali kbir u tikkostitwixxi sigriet tan-negozju. |
|
37 |
Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li mill-Artikolu 96 tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi jirriżulta li l-offerenti, bħala prinċipju, għandhom aċċess sħiħ għad-dokumenti trażmessi fil-kuntest tal-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi. L-assenza ta’ tali aċċess ikollha, skont din il-qorti, effett negattiv fuq il-fiduċja tal-offerenti fid-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti u fuq l-eżerċizzju tad-dritt għal rimedju effettiv. |
|
38 |
L-imsemmija qorti tindika li diversi offerenti jitolbu t-trattament kunfidenzjali tad-dokumenti li huma jittrażmettu lill-awtoritajiet kontraenti, billi jsostnu li l-informazzjoni inkluża fihom hija sigriet tan-negozju. Fil-fatt, skont l-Artikolu 8(3) tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, l-awtoritajiet kontraenti huma pprojbiti milli jiżvelaw tali informazzjoni jekk l-offerent ikun talab dan it-trattament u pproduċa l-provi neċessarji. |
|
39 |
Issa, teżisti inċertezza dwar il-portata tal-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2014/24 u dwar ir-rilevanza, f’dan il-kuntest, tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2016/943. Huwa neċessarju, sabiex tiġi ggarantita, sa fejn huwa possibbli, l-uniformità tal-prattika fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, li tiġi stabbilita interpretazzjoni tal-imsemmi Artikolu 21 li tkun konformi, b’mod partikolari, mal-prinċipji ta’ kompetizzjoni leali, ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ trasparenza u ta’ proporzjonalità. |
|
40 |
Skont il-qorti tar-rinviju, l-informazzjoni trażmessa mill-offerenti lill-awtorità kontraenti ma tistax kollha titqies bħala koperta mis-sigriet tan-negozju jew, b’mod iktar ġenerali, bħala kunfidenzjali. Li kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea kien ikkunsidra li d-data kollha msemmija fl-Artikoli 59 u 60 tad-Direttiva 2014/24 u fl-Anness XII tagħha hija sigriet tan-negozju, huwa kien jindika dan. L-iffaċilitar, abbażi ta’ interpretazzjoni eċċessivament wiesgħa tal-kunċett ta’ sigriet tan-negozju, tal-għoti ta’ trattament kunfidenzjali tal-informazzjoni trażmessa mill-offerenti jippreġudika l-prinċipji msemmija iktar ’il fuq. |
|
41 |
Dik il-qorti tippreżenta deskrizzjoni tal-informazzjoni u, b’mod partikolari, tal-elementi ta’ studju li kull offerent kellu, f’dan il-każ, konformement mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, jibgħat lill-awtorità kontraenti. Hija tosserva li, għalkemm is-soluzzjonijiet tekniċi u metodoloġiċi hekk ippreżentati lill-awtorità kontraenti għandhom valur intellettwali u jistgħu għalhekk jaqgħu taħt xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur, minn dan ma jirriżultax neċessarjament li dawn l-elementi jikkostitwixxu sigriet tan-negozju. |
|
42 |
L-imsemmija qorti lanqas ma hija konvinta mir-rilevanza tar-riskju ta’ “ħtif” ta’ periti invokat mill-awtorità kontraenti. Tali riskju jeżisti, ċertament, iżda ma huwiex problematiku. Huwa naturali li l-impjegati jfittxu impjiegi ġodda u li l-persuni li jimpjegaw ifittxu kollaboraturi ġodda, b’mod partikolari fir-rigward ta’ oqsma li fihom hija meħtieġa l-perizja. |
|
43 |
Għall-kuntrarju, huwa problematiku l-fatt li offerent ikollu ftit li xejn informazzjoni dwar l-offerti li l-kompetituri tiegħu ssottomettew lill-awtorità kontraenti, għaliex dan ikollu l-effett li jostakola jew saħansitra jipprekludi l-użu effettiv tar-rimedji ġudizzjarji. F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk, fil-każ li hija tikkonstata li ċerti dokumenti ma kellhomx jiġu kkunsidrati bħala kunfidenzjali, ir-rikorrent għandux jitħalla jippreżenta appell ġdid. |
|
44 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar il-kriterji għall-għoti relatati mad-“disinn tal-iżvilupp tal-proġetti” u mad-“deskrizzjoni tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt”. Hija tistaqsi jekk tali kriterji humiex wiesgħa wisq u vagi. Kull kriterju stabbilit mill-awtorità ta’ għoti għandu jippermetti lil din tal-aħħar li tieħu deċiżjoni abbażi ta’ data oġġettiva li hija faċilment komparabbli u kwantifikabbli. |
|
45 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Krajowa Izba Odwoławcza (l-Awla Nazzjonali tal-Appelli, il-Polonja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiema u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
|
46 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 18(1) u l-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2014/24 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi li teżiġi li, bl-eċċezzjoni biss tas-sigrieti tan-negozju, l-informazzjoni trażmessa mill-offerenti lill-awtoritajiet kontraenti tkun kompletament ippubblikata jew ikkomunikata lill-offerenti l-oħra, kif ukoll prattika tal-awtoritajiet kontraenti li tikkonsisti fl-aċċettazzjoni sistematika tat-talbiet għal trattament kunfidenzjali bħala sigriet tan-negozju. |
|
47 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat qabel kollox li l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2014/24 jistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi msemmija f’din id-direttiva. Kif jirriżulta mill-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi “bl-istess mod u mingħajr diskriminazzjoni” u għandhom jaġixxu, b’mod partikolari, “b’mod trasparenti”. |
|
48 |
Issa, minkejja l-obbligu tal-awtoritajiet kontraenti li jaġixxu bi trasparenza, tali entità, skont l-Artikolu 21(1) tal-imsemmija direttiva, hija pprojbita milli tiżvela “informazzjoni mgħoddija lilha minn operaturi ekonomiċi li hija mniżżla bħala kunfidenzjali”. |
|
49 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li r-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi huma prinċipalment intiżi sabiex jiżguraw l-eżistenza ta’ kompetizzjoni mhux distorta u li, sabiex jintlaħaq dan l-għan, huwa importanti li l-awtoritajiet kontraenti ma jiżvelawx informazzjoni relatata ma’ proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi li l-kontenut tagħhom jista’ jintuża għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni kemm fi proċedura ta’ għoti fis-seħħ, kif ukoll fi proċeduri ta’ għoti sussegwenti. Peress li l-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi huma bbażati fuq relazzjoni ta’ fiduċja bejn l-awtoritajiet kontraenti u l-operaturi ekonomiċi, dawn tal-aħħar għandhom ikunu jistgħu jikkomunikaw lill-awtoritajiet kontraenti kull informazzjoni utli fil-kuntest ta’ tali proċedura mingħajr biża’ li dawn jikkomunikaw lil terzi elementi ta’ informazzjoni li l-iżvelar tagħhom jista’ jkun ta’ dannu għall-imsemmija operaturi (sentenzi tal‑14 ta’ Frar 2008, Varec, C‑450/06, EU:C:2008:91, punti 34 sa 36, u tas‑7 ta’ Settembru 2021, Klaipėdos regiono atliekų tvarkymo centras, C‑927/19, EU:C:2021:700, punt 115). |
|
50 |
Madankollu, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali għandu jiġi rrikonċiljat mar-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Għal dan l-għan, il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2014/24 għandha tiġi bbilanċjata mal-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba, li minnu jirriżulta l-obbligu ta’ motivazzjoni. Dan l-ibbilanċjar għandu b’mod partikolari jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, fl-assenza ta’ informazzjoni suffiċjenti li tippermettilha tivverifika jekk id-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti dwar l-għoti tal-kuntratt hijiex ivvizzjata minn żbalji jew illegalitajiet possibbli, offerent eskluż ma jkollux il-possibbiltà, fil-prattika, li jinvoka d-dritt tiegħu għal rimedju effettiv previst fl-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva 89/665 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2021, Klaipėdos regiono atliekų tvarkymo centras, C‑927/19, EU:C:2021:700, punti 121 sa 123). |
|
51 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-talba tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali għal aċċess għall-informazzjoni ppreżentata lill-awtorità kontraenti minn CDM Smith, Arup u Multiconsult kienet ġiet eżaminata abbażi tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi. Skont l-Artikolu 8 ta’ din il-liġi, is-sigrieti tan-negozju għandhom, fuq talba tal-offerenti li jkollhom dawn is-sigrieti, ikunu suġġetti għal trattament kunfidenzjali, filwaqt li kull informazzjoni oħra trażmessa mill-offerenti lill-awtorità kontraenti għandha, skont l-Artikolu 96 tal-imsemmija liġi, tiġi ppubblikata f’anness mal-minuti ppreparati minn din l-entità. |
|
52 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li l-kunċett ta’ “sigriet tan-negozju”, li huwa ddefinit fid-dritt Pollakk fl-Artikolu 11(2) tal-Liġi dwar il-Ġlieda kontra l-Kompetizzjoni Żleali, jirreferi għall-informazzjoni li għandha valur kummerċjali u li ma hijiex ġeneralment magħrufa mill-persuni li normalment jittrattaw it-tip ta’ informazzjoni inkwistjoni jew li ma hijiex faċilment aċċessibbli għalihom, sakemm il-persuna awtorizzata li tuża din l-informazzjoni jew li tiddisponi minnha tkun ħadet miżuri b’mod diliġenti sabiex tippreżerva l-kunfidenzjalità tagħha. |
|
53 |
Din id-definizzjoni tikkorrispondi essenzjalment għal dik tal-kunċett ta’ sigriet tan-negozju li jinsab fil-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2016/943. |
|
54 |
Għandu jiġi rrilevat li la mill-kliem u lanqas mill-għan tad-Direttiva 2014/24 ma jirriżulta li din tipprekludi l-użu, mil-leġiżlatur ta’ Stat Membru, ta’ tali kunċett sabiex jiddelimita l-portata tal-Artikolu 21(1) ta’ din id-direttiva. |
|
55 |
Ċertament, il-kunċett ta’ “sigriet tan-negozju”, kif iddefinit fil-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2016/943 jew f’dispożizzjoni korrispondenti tad-dritt nazzjonali, jikkoinċidi biss parzjalment mal-kliem “informazzjoni […] li hija mniżżla bħala kunfidenzjali” li jinsab fl-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2014/24. Fil-fatt, skont il-formulazzjoni stess ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, l-informazzjoni msemmija fiha tinkludi, “iżda mhux limitat[a] għal, sigrieti tekniċi jew kummerċjali u l-aspetti kunfidenzjali tal-offerti”, li jindika, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 34 u 35 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità stabbilita fid-Direttiva 2014/24 hija usa’ minn dik ta’ protezzjoni li testendi biss għas-sigrieti tan-negozju. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li r-regoli fil-qasam tal-kisba, tal-użu jew tal-iżvelar illegali ta’ sigrieti tan-negozju, fis-sens tad-Direttiva 2016/943, ma jeħilsux lill-awtoritajiet pubbliċi mill-obbligi ta’ kunfidenzjalità li jistgħu jirriżultaw mid-Direttiva 2014/24 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2021, Klaipėdos regiono atliekų tvarkymo centras, C‑927/19, EU:C:2021:700, punti 97 u 99). |
|
56 |
Madankollu, l-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2014/24 jippreċiża li l-projbizzjoni ta’ żvelar tal-informazzjoni kkomunikata b’mod kunfidenzjali tapplika “[s]akemm ma jiġix stipulat mod ieħor […] fil-liġi nazzjonali li għaliha l-awtorità kontraenti tkun soġġetta”. |
|
57 |
Minn din il-preċiżazzjoni jirriżulta li kull Stat Membru jista’ jwettaq ibbilanċjar bejn il-kunfidenzjalità msemmija f’din id-dispożizzjoni tad-Direttiva 2014/24 u r-regoli tad-dritt nazzjonali li jsegwu interessi leġittimi oħra, fosthom dik, imsemmija espressament fl-imsemmija dispożizzjoni, li tiggarantixxi “l-aċċess għal informazzjoni”, sabiex tiġi żgurata l-ikbar trasparenza tal-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi. |
|
58 |
Madankollu, sabiex ma jiġix ippreġudikat l-effett utli tad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri, meta jeżerċitaw is-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilhom mill-Artikolu 21(1) ta’ din id-direttiva, għandhom jastjenu milli jintroduċu sistemi li ma jiżgurawx l-osservanza sħiħa tal-iskop ta’ din id-dispożizzjoni, imfakkar fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, li jippreġudikaw l-ibbilanċjar imsemmi fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, jew li jibdlu s-sistema fil-qasam tar-reklamar fir-rigward tal-kuntratti mogħtija kif ukoll ir-regoli dwar l-informazzjoni għall-kandidati u għall-offerenti previsti fl-Artikoli 50 u 55 tal-imsemmija direttiva. |
|
59 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li kull sistema fil-qasam tal-kunfidenzjalità għandha, kif jiddikjara espressament l-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2014/24, tkun bla ħsara għall-imsemmija sistema u għall-imsemmija regoli previsti fl-Artikoli 50 u 55 ta’ din id-direttiva. |
|
60 |
Skont l-Artikolu 50(1) tal-imsemmija direttiva, l-awtorità kontraenti għandha, fi tmiem il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, toħroġ, għall-pubblikazzjoni, avviż ta’ għoti ta’ kuntratt li jinkludi, konformement mal-Parti D tal-Anness V tal-istess direttiva, ċerta informazzjoni dwar, b’mod partikolari, l-offerent li lilu ngħata l-kuntratt kif ukoll l-offerta li dan l-offerent kien ippreżenta. Madankollu, l-Artikolu 50(4) tad-Direttiva 2014/24 jipprevedi wkoll li din l-informazzjoni tista’ ma tiġix ippubblikata f’każ li l-iżvelar tagħha jkun ta’ ostakolu għall-applikazzjoni tal-liġijiet, ikun kuntrarju għall-interess pubbliku, jippreġudika l-interessi kummerċjali leġittimi ta’ operatur ekonomiku jew jista’ jippreġudika l-kompetizzjoni leali. |
|
61 |
Bl-istess mod, għalkemm l-Artikolu 55(2) tad-Direttiva 2014/24 jippermetti espressament lil kull offerent li jkun għamel offerta ammissibbli li jitlob lill-awtorità kontraenti sabiex tikkomunikalu r-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-offerta tiegħu, il-karatteristiċi u l-vantaġġi relatati mal-offerta magħżula kif ukoll mal-isem tal-offerent rebbieħ, huwa madankollu previst, fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, li l-awtorità kontraenti tista’ tiddeċiedi li ma tikkomunikax ċerta informazzjoni, meta l-iżvelar tagħha jkun ta’ ostakolu għall-applikazzjoni tal-liġijiet, ikun kuntrarju għall-interess pubbliku, jippreġudika l-interessi kummerċjali leġittimi ta’ operatur ekonomiku jew jista’ jippreġudika l-kompetizzjoni leali. |
|
62 |
Issa, leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi r-reklamar ta’ kull informazzjoni li tkun ġiet ikkomunikata mill-offerenti kollha, inkluż l-offerent rebbieħ, lill-awtorità kontraenti, bl-eċċezzjoni biss tal-informazzjoni koperta mill-kunċett ta’ sigriet tan-negozju, tista’ tipprekludi lill-awtorità kontraenti, kuntrarjament għal dak li jippermettu l-Artikoli 50(4) u 55(3) tad-Direttiva 2014/24, milli tiddeċiedi li ma tiżvelax ċerta informazzjoni fir-rigward tal-interessi jew tal-għanijiet imsemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet, peress li din l-informazzjoni ma taqax taħt dan il-kunċett ta’ sigriet tan-negozju. |
|
63 |
Konsegwentement, l-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-Artikoli 50 u 55 ta’ din id-direttiva, minn naħa, ma jipprekludix li Stat Membru jistabbilixxi sistema li tiddelimita l-portata tal-obbligu ta’ trattament kunfidenzjali billi jibbaża ruħu fuq kunċett ta’ sigriet tan-negozju li jikkorrispondi, essenzjalment, għal dak li jinsab fil-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2016/943. Min-naħa l-oħra, huwa jipprekludi tali sistema meta din ma tinkludix regoli adegwati li jippermettu lill-awtoritajiet kontraenti, fiċ-ċirkustanzi fejn japplikaw dawn l-Artikoli 50 u 55, li jirrifjutaw eċċezzjonalment l-iżvelar ta’ informazzjoni li, filwaqt li ma taqax taħt il-kunċett ta’ sigriet tan-negozju, għandha tibqa’ mhux aċċessibbli minħabba interess jew għan imsemmi fl-imsemmija Artikoli 50 u 55. |
|
64 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-prattika, deskritta mill-qorti tar-rinviju, li, fl-Istat Membru kkonċernat, l-awtoritajiet kontraenti jaċċettaw b’mod sistematiku t-talbiet tal-offerenti sabiex jikklassifikaw bħala sigrieti tan-negozju l-informazzjoni kollha li huma ma jixtiqux l-iżvelar tagħha lil offerenti kompetituri, għandu jiġi kkonstatat li tali prattika, jekk wieħed jassumi li din ġiet effettivament stabbilita, ħaġa li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika, tista’ tippreġudika mhux biss il-bilanċ bejn il-prinċipju ta’ trasparenza msemmi fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24 u l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità msemmi fl-Artikolu 21(1) ta’ din id-direttiva, iżda wkoll ir-rekwiżiti, imfakkra fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif ukoll il-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba, li minnu jirriżulta l-obbligu ta’ motivazzjoni. |
|
65 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-awtorità kontraenti ma tistax tkun marbuta bis-sempliċi allegazzjoni ta’ operatur ekonomiku li l-informazzjoni trażmessa hija kunfidenzjali iżda għandha teżiġi, min-naħa ta’ dan l-operatur, li dan juri n-natura verament kunfidenzjali tal-informazzjoni li l-iżvelar tagħha huwa jopponi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2021, Klaipėdos regiono atliekų tvarkymo centras, C‑927/19, EU:C:2021:700, punt 117). |
|
66 |
Barra minn hekk, sabiex jiġi osservat il-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba u sabiex tiġi rrikonċiljata l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità mar-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, l-awtorità kontraenti għandha mhux biss timmotiva d-deċiżjoni tagħha li tipproċessa ċerta data bħala kunfidenzjali, iżda għandha wkoll tikkomunika f’forma newtrali, sa fejn ikun possibbli u sa fejn tali komunikazzjoni tkun ta’ natura li tippreżerva n-natura kunfidenzjali tal-elementi speċifiċi ta’ din id-data li għaliha protezzjoni hija ġġustifikata f’dan ir-rigward, il-kontenut essenzjali tagħha lil offerent eskluż li jitlobha, u b’mod iktar partikolari l-kontenut ta, u b’mod iktar partikolari l-kontenut tad-data li tikkonċerna l-aspetti determinanti tad-deċiżjoni tagħha u tal-offerta magħżula (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2021, Klaipėdos regiono atliekų tvarkymo centras, C‑927/19, EU:C:2021:700, punti 122 u 123). |
|
67 |
Għalhekk, l-awtorità kontraenti tista’, b’mod partikolari u sa fejn id-dritt nazzjonali li hija suġġetta għalih ma jopponix dan, tikkomunika f’forma mqassra ċerti aspetti ta’ kandidatura jew ta’ offerta kif ukoll il-karatteristiċi tekniċi tagħha, b’tali mod li l-informazzjoni kunfidenzjali ma tkunx tista’ tiġi identifikata. Barra minn hekk, anki jekk jitqies li l-informazzjoni mhux kunfidenzjali hija adegwata sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt għal rimedju effettiv tal-offerent eskluż, l-awtorità kontraenti tista’ titlob lill-operatur li l-offerta tiegħu tkun intgħażlet sabiex jipprovdilha verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dokumenti li jinkludu informazzjoni kunfidenzjali (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2021, Klaipėdos regiono atliekų tvarkymo centras, C‑927/19, EU:C:2021:700, punti 124 u 125). |
|
68 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda magħmula hija li l-Artikolu 18(1) u l-Artikolu 21(1), moqrija flimkien mal-Artikolu 50(4) u mal-Artikolu 55(3) tad-Direttiva 2014/24, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi li teżiġi li, bl-eċċezzjoni biss tas-sigrieti tan-negozju, l-informazzjoni trażmessa mill-offerenti lill-awtoritajiet kontraenti tkun kompletament ippubblikata jew ikkomunikata lill-offerenti l-oħra, kif ukoll prattika tal-awtoritajiet kontraenti li tikkonsisti fl-aċċettazzjoni sistematika tat-talbiet għal trattament kunfidenzjali bħala sigriet tan-negozju. |
Fuq it‑tieni sar‑raba’ domanda
|
69 |
It-tieni sar-raba’ domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, jirrigwardaw, b’mod partikolari, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18(1) u tal-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2014/24. |
|
70 |
Madankollu, kif ġie espost fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, din l-aħħar dispożizzjoni hija bla ħsara, b’mod partikolari, għas-sistema fil-qasam tal-informazzjoni għall-kandidati u għall-offerenti, prevista fl-Artikolu 55 ta’ din id-direttiva. |
|
71 |
Fil-fatt, indipendentement mill-portata tal-Artikolu 21(1) tal-imsemmija direttiva, l-Artikolu 55(2) tagħha jippermetti, inter alia, lil kull offerent li jkun għamel offerta ammissibbli li jitlob lill-awtorità kontraenti sabiex tikkomunikalu r-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-offerta tiegħu, il-karatteristiċi u l-vantaġġi relatati mal-offerta magħżula kif ukoll l-isem tal-offerent rebbieħ, bla ħsara, biss, għall-possibbiltà mogħtija mill-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu lill-awtorità kontraenti li tiddeċiedi li ma tikkomunikax ċerti elementi minn din l-informazzjoni, meta l-iżvelar tagħhom jkun ta’ ostakolu għall-applikazzjoni tal-liġijiet, ikun kuntrarju għall-interess pubbliku, jippreġudika l-interessi kummerċjali leġittimi ta’ operatur ekonomiku jew jista’ jippreġudika l-kompetizzjoni leali. |
|
72 |
Fid-dawl tar-rilevanza ta’ dawn id-dispożizzjonijiet kollha, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tat-tieni sar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 18(1), l-Artikolu 21(1) u l-Artikolu 55 tad-Direttiva 2014/24 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità kontraenti għandha tippermetti jew, għall-kuntrarju, tirrifjuta, lil offerent li l-offerta ammissibbli tiegħu tkun ġiet miċħuda, l-aċċess għall-informazzjoni li l-offerenti l-oħra jkunu ppreżentaw dwar l-esperjenza rilevanti tagħhom u r-referenzi relatati magħha, dwar l-identità u l-kwalifiki professjonali tal-persuni proposti għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt jew tas-subappaltaturi, u dwar id-disinn tal-proġetti li t-twettiq tagħhom huwa previst fil-kuntest tal-kuntratt u l-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tiegħu. |
|
73 |
Fir-rigward, qabelxejn, tal-esperjenza rilevanti tal-offerenti u tar-referenzi li dawn jehmżu mal-offerti tagħhom, bħala prova ta’ din l-esperjenza u tal-kapaċitajiet tagħhom, għandu jiġi kkunsidrat li tali informazzjoni, li fil-parti l-kbira tagħha tikkorrispondi għal dik imsemmija fl-Anness XII tad-Direttiva 2014/24, li għaliha jirreferu b’mod partikolari l-Artikoli 60 u 63 tagħha, ma tistax tiġi kklassifikata bħala kunfidenzjali fl-intier tagħha. |
|
74 |
Meta operatur ekonomiku jipparteċipa fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, huwa ma jistax leġittimament jitlob li l-lista ta’ kuntratti miksuba jew ta’ proġetti mwettqa, li abbażi tagħhom huwa kiseb l-esperjenza rilevanti għall-kuntratt pubbliku inkwistjoni, kif ukoll ir-referenzi li jippermettu li din l-esperjenza tiġi kkonfermata jiġu kollha jew fil-parti l-kbira ttrattati bħala kunfidenzjali. |
|
75 |
Fil-fatt, peress li l-esperjenza ta’ offerent ma hijiex, bħala regola ġenerali, sigrieta, il-kompetituri tiegħu ma jistgħux, bħala prinċipju, jiġu mċaħħda mill-informazzjoni relatata ma’ din l-esperjenza, abbażi tal-kunċett ta’ “sigriet tan-negozju” li jinsab fid-dritt tal-Istat Membru kkonċernat sabiex jiddelimita il-kunfidenzjalità msemmija fl-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2014/24, jew abbażi tal-protezzjoni tal-“interessi kummerċjali leġittimi” jew tal-preżervazzjoni tal-“kompetizzjoni ġusta”, fis-sens tal-Artikolu 55(3) ta’ din id-direttiva. |
|
76 |
Fi kwalunkwe każ, konformement mal-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punti 66 u 67 ta’ din is-sentenza, l-offerenti għandhom, għall-finijiet ta’ trasparenza u għall-finijiet li tiġi żgurata l-osservanza tar-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, jibbenefikaw minn aċċess, tal-inqas, għall-kontenut essenzjali tal-informazzjoni trażmessa minn kull wieħed minnhom lill-awtorità kontraenti dwar l-esperjenza tagħhom li hija rilevanti għall-kuntratt pubbliku inkwistjoni u r-referenzi li jippermettu li din l-esperjenza tiġi kkonfermata. Madankollu, dan l-aċċess huwa bla ħsara għaċ-ċirkustanzi partikolari relatati ma’ ċerti swieq ta’ prodotti jew ta’ servizzi sensittivi li jistgħu eċċezzjonalment jiġġustifikaw rifjut ta’ informazzjoni fir-rigward ta’ waħda mir-raġunijiet l-oħra msemmija fl-Artikolu 55(3) tad-Direttiva 2014/24, marbuta mal-osservanza ta’ projbizzjoni jew ta’ rekwiżit stabbilit mil-liġi jew mal-protezzjoni ta’ interess pubbliku. |
|
77 |
Fir-rigward, sussegwentement, tal-informazzjoni dwar il-persuni, kemm fiżiċi kif ukoll ġuridiċi, inklużi s-subappaltaturi, li fuqhom offerent jindika li jista’ jiddependi għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt, għandha ssir distinzjoni bejn id-data li tippermetti li jiġu identifikati dawn il-persuni u dik li tirrigwarda, mingħajr il-possibbiltà li ssir tali identifikazzjoni, il-kwalifiki jew il-kapaċitajiet professjonali tal-imsemmija persuni. |
|
78 |
L-awtorità kontraenti għandha tiddetermina jekk l-iżvelar tal-identità tal-periti jew tas-subappaltaturi li impenjaw ruħhom, ma’ offerent, li jikkontribwixxu għall-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt fil-każ tal-għoti tiegħu, jirriskjax li jesponi lil dan l-offerent, kif ukoll lil dawn il-periti jew subappaltaturi, għal preġudizzju għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità msemmija fl-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2014/24. Għal dan l-għan, din l-awtorità kontraenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, inkluż is-suġġett tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni, kif ukoll l-interess tal-imsemmi offerent u tal-imsemmija periti jew subappaltaturi li jipparteċipaw, bl-istess impenji nnegozjati b’mod kunfidenzjali, fi proċeduri sussegwenti ta’ għoti ta’ kuntratt. L-iżvelar ta’ informazzjoni trażmessa lill-awtorità kontraenti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku ma jistax jiġi rrifjutat jekk din l-informazzjoni, filwaqt li tkun rilevanti għall-proċedura ta’ għoti inkwistjoni, ma jkollha l-ebda valur kummerċjali fil-kuntest iktar wiesa’ tal-attivitajiet ta’ dawn l-operaturi ekonomiċi. |
|
79 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet u sa fejn huwa plawżibbli li l-offerent u l-periti jew subappaltaturi proposti minnu jkunu ħolqu sinerġija b’valur kummerċjali, ma jistax jiġi eskluż li l-aċċess għad-data personali fir-rigward ta’ dawn l-impenji jkollu jiġi rrifjutat minħabba l-projbizzjoni ta’ żvelar imsemmija fl-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2014/24 jew jista’ jiġi rrifjutat abbażi tal-Artikolu 55(3) ta’ din id-direttiva. |
|
80 |
Fir-rigward tad-data mhux personali, li permezz tagħha jiġu indikati, mingħajr possibbiltà ta’ identifikazzjoni personali, il-kwalifiki jew il-kapaċitajiet professjonali tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi impenjati għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt, id-daqs u l-formazzjoni tal-persunal ikkostitwit b’dan il-mod, jew anki l-parti tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt li l-offerent jipprevedi li jafda lil subappaltaturi, għandu jitqies, fid-dawl tal-importanza ta’ din id-data għall-għoti tal-kuntratt, li l-prinċipju ta’ trasparenza u d-dritt għal rimedju effettiv jimponu, tal-inqas, li l-kontenut essenzjali ta’ tali data jkun aċċessibbli għall-offerenti kollha. |
|
81 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-disinn tal-proġetti li t-twettiq tagħhom huwa previst fil-kuntest tal-kuntratt pubbliku u tad-deskrizzjoni tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt, hija l-awtorità kontraenti li għandha teżamina jekk dawn jikkostitwixxux elementi jew jinkludux elementi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ protezzjoni permezz ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali, b’mod partikolari permezz ta’ drittijiet tal-awtur, u għalhekk jaqgħu taħt ir-raġuni għal rifjut ta’ żvelar stabbilit fl-Artikolu 55(3) tad-Direttiva 2014/24, dwar l-applikazzjoni tal-liġijiet. |
|
82 |
F’dan ir-rigward, għandu madankollu jitfakkar li, anki fil-każ fejn dan id-disinn u din id-deskrizzjoni, jew parti minnhom, jitqiesu li jikkostitwixxu xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur, dan jimplika li dawn jitqiesu li huma oriġinali fis-sens li jikkostitwixxu kreazzjoni intellettwali tal-awtur tiegħu stess, li tirrifletti l-personalità tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Funke Medien NRW, C‑469/17, EU:C:2019:623, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata), din il-protezzjoni hija rriżervata għall-elementi li huma l-espressjoni ta’ tali kreazzjoni u ma testendix għall-ideat, għall-proċeduri, għall-metodi ta’ funzjonament jew għall-kunċetti matematiċi fihom innifishom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2018, Levola Hengelo, C‑310/17, EU:C:2018:899, punti 37 u 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). L-imsemmija protezzjoni għalhekk ma tirrigwardax is-soluzzjonijiet tekniċi jew metodoloġiċi fihom innifishom li dawn ix-xogħlijiet jistgħu jinkludu. |
|
83 |
Barra minn hekk, u indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dawn jikkostitwixxux jew jinkludux elementi protetti minn dritt ta’ proprjetà intellettwali, id-disinn tal-proġetti li t-twettiq tagħhom huwa previst fil-kuntest tal-kuntratt pubbliku u d-deskrizzjoni tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tax-xogħlijiet jew tas-servizzi rilevanti jistgħu, jekk ikun il-każ, ikollhom valur kummerċjali li jkun indebitament ippreġudikat jekk dan id-disinn u din id-deskrizzjoni jkunu, bħala tali, żvelati. Il-pubblikazzjoni tagħhom tista’, f’każ bħal dan, toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari billi tnaqqas il-kapaċità tal-operatur ekonomiku kkonċernat li jiddistingwi ruħu permezz tal-istess disinn u tal-istess deskrizzjoni fi proċeduri futuri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi. |
|
84 |
Għalhekk, huwa possibbli li l-aċċess sħiħ għall-informazzjoni dwar id-disinn tal-proġetti li t-twettiq tagħhom huwa previst fil-kuntest tal-kuntratt pubbliku u d-deskrizzjoni tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt għandu jiġi rrifjutat abbażi tal-projbizzjoni ta’ żvelar prevista fl-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2014/24 jew jista’ jiġi miċħud skont l-Artikolu 55(3) ta’ din id-direttiva. Madankollu, ikun eċċessivament diffiċli, jekk mhux impossibbli, għall-offerenti l-oħra li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal rimedju effettiv kontra d-deċiżjonijiet tal-awtorità kontraenti dwar evalwazzjoni tal-offerti jekk ma jkollhom l-ebda informazzjoni dwar dan id-disinn jew dwar dawn il-modalitajiet. Konsegwentement, il-kontenut essenzjali ta’ din il-parti tal-offerti għandu jkun aċċessibbli, skont il-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punti 66 u 67 ta’ din is-sentenza. |
|
85 |
Fid-dawl tal-elementi preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni sar-raba’ domanda hija li l-Artikolu 18(1), l-Artikolu 21(1) u l-Artikolu 55 tad-Direttiva 2014/24 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità kontraenti għandha, sabiex tiddetermina jekk hijiex ser tirrifjuta, lil offerent li l-offerta ammissibbli tiegħu tkun ġiet miċħuda, l-aċċess għall-informazzjoni li l-offerenti l-oħra jkunu ppreżentaw dwar l-esperjenza rilevanti tagħhom u r-referenzi relatati magħha, dwar l-identità u l-kwalifiki professjonali tal-persuni proposti għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt jew tas-subappaltaturi, u dwar id-disinn tal-proġetti li t-twettiq tagħhom huwa previst fil-kuntest tal-kuntratt u l-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tiegħu, tevalwa jekk din l-informazzjoni għandhiex valur kummerċjali li ma huwiex limitat għall-kuntratt pubbliku kkonċernat, peress li l-iżvelar tagħha jista’ jippreġudika interessi kummerċjali leġittimi jew il-kompetizzjoni leali. L-awtorità kontraenti tista’, barra minn hekk, tirrifjuta li tagħti aċċess għal din l-informazzjoni meta, anki jekk din ma jkollhiex tali valur kummerċjali, l-iżvelar tagħha jkun ta’ ostakolu għall-applikazzjoni tal-liġijiet jew ikun imur kontra interess pubbliku. L-awtorità kontraenti għandha, meta l-aċċess sħiħ għall-informazzjoni jiġi rrifjutat, tagħti lill-imsemmi offerent aċċess għall-kontenut essenzjali ta’ din l-istess informazzjoni, b’mod li jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt għal rimedju effettiv. |
Fuq il‑ħames domanda
|
86 |
Il-ħames domanda hija bbażata fuq il-premessa fattwali li, fl-Istat Membru tal-qorti tar-rinviju, l-awtoritajiet kontraenti sistematikament jaċċettaw it-talbiet tal-offerenti sabiex l-informazzjoni, li tinsab fl-offerti, li hija determinanti fid-dawl tal-kriterji għall-għoti tal-kuntratt magħżul mill-awtorità kontraenti, tiġi ttrattata bħala kunfidenzjali. Minn dan isegwi li l-ebda offerent ma huwa f’pożizzjoni li jifforma opinjoni dwar il-kwalità tal-offerti tal-kompetituri tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kull offerent ma jistax ikun jaf jekk l-għoti tal-kuntratt huwiex ibbażat fuq paragun oġġettiv jew arbitrarju. |
|
87 |
Issa, mingħajr ma hija l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari, li għandha teżamina jekk din il-premessa tikkorrispondix effettivament għal prattika tal-awtoritajiet kontraenti f’dan l-Istat Membru, għandu jiġi rrilevat li mill-punti 71 sa 85 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-informazzjoni, li tinsab fl-offerti, li hija rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ dawn l-offerti u għall-għoti tal-kuntratt abbażi tal-kriterji li jinsabu fl-avviż ta’ kuntratt u fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, ma tistax sistematikament u kompletament tiġi kklassifikata bħala kunfidenzjali. Minn dan isegwi li d-Direttiva 2014/24 tipprekludi prattika bħal dik deskritta fil-ħames domanda bħala l-premessa fattwali tagħha. Konsegwentement, ma hemmx lok li tingħata risposta għal din id-domanda, li tirrigwarda l-kriterji għall-għoti tal-kuntratt li jistgħu jintużaw meta tiġi segwita tali prattika ta’ trattament kunfidenzjali. |
Fuq is‑sitt domanda
|
88 |
Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24, moqri fid-dawl tal-Artikolu 67(4) tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li jiġu inklużi, fost il-kriterji għall-għoti tal-kuntratt, id-“disinn tal-iżvilupp tal-proġetti” li t-twettiq tagħhom huwa previst fil-kuntest tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni u d-“deskrizzjoni tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni” ta’ dan il-kuntratt. |
|
89 |
Dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24 jimponu l-osservanza tal-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament, li jippermettu li jiġu ggarantiti kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettiva. |
|
90 |
Kif tenfasizza, barra minn hekk, il-premessa 90 ta’ din id-direttiva, il-kuntratti pubbliċi għandhom jingħataw skont kriterji li jiżguraw l-osservanza ta’ dawn il-prinċipji, bl-għan li jiġi ggarantit paragun oġġettiv tal-valur relattiv tal-offerti sabiex jiġi ddeterminat liema hija, abbażi tal-aħjar relazzjoni bejn il-kwalità u l-prezz, l-iktar offerta ekonomikament vantaġġuża. Għal dan l-għan, l-awtoritajiet kontraenti huma liberi li jistabbilixxu standards ta’ kwalità adegwati billi jużaw speċifikazzjonijiet tekniċi jew kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Bl-istess mod, il-premessa 92 tal-imsemmija direttiva tistabbilixxi li l-kriterji ekonomiċi u kwalitattivi stabbiliti mill-awtorità kontraenti għandhom jippermettu evalwazzjoni komparattiva tal-livell ta’ prestazzjoni offrut minn kull offerent. |
|
91 |
Għalhekk, il-kriterji għall-għoti ma jagħtux lill-awtorità kontraenti libertà ta’ għażla mingħajr kundizzjonijiet (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, Montte, C‑546/16, EU:C:2018:752, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, kif jirriżulta mill-Artikolu 67(4) tad-Direttiva 2014/24, dawn il-kriterji għandhom ikunu akkumpanjati minn preċiżazzjonijiet li jippermettu li tiġi vverifikata konkretament l-informazzjoni pprovduta mill-offerenti sabiex jiġi evalwat sa fejn l-offerti jissodisfaw l-imsemmija kriterji. |
|
92 |
Għaldaqstant, meta, bħal f’dan il-każ, l-awtorità kontraenti tistabbilixxi kriterji għall-għoti intiżi sabiex titkejjel il-kwalità tal-offerti, dawn il-kriterji ma jistgħux sempliċement jirreferu għad-disinn tal-proġetti li t-twettiq tagħhom huwa previst fil-kuntest tal-kuntratt inkwistjoni jew għall-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt deskritti mill-offerent, iżda għandhom ikunu akkumpanjati minn preċiżazzjonijiet li jippermettu evalwazzjoni komparattiva suffiċjentement konkreta tal-livell ta’ prestazzjoni offrut. F’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-kriterji marbuta mal-kwalità jikkorrispondu, b’kollox, għal 60 % tal-punti li jistgħu jingħataw għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-offerta, huwa iktar u iktar importanti, sabiex jiġi ggarantit paragun oġġettiv u li jiġi eskluż ir-riskju ta’ trattament arbitrarju, li dawn il-kriterji jkunu esposti bi preċiżjoni. |
|
93 |
Tali preċiżazzjonijiet jistgħu, b’mod partikolari, jiġu pprovduti permezz tal-iffissar ta’ subkriterji. |
|
94 |
Meta l-prestazzjoni li tkun is-suġġett tal-kuntratt tirrigwarda, bħal fil-kawża prinċipali, servizz ta’ żvilupp ta’ proġetti, għandhom b’mod partikolari jittieħdu inkunsiderazzjoni t-taħriġ u l-esperjenza professjonali tal-membri tat-tim propost għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2015, Ambisig, C‑601/13, EU:C:2015:204, punti 31 sa 34). |
|
95 |
F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk is-subkriterji dwar id-“disinn tal-iżvilupp tal-proġetti” u d-“deskrizzjoni tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt” kinux suffiċjentement preċiżi sabiex jippermettu lill-awtorità kontraenti tevalwa l-offerti ppreżentati b’mod konkret u oġġettiv. |
|
96 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għas-sitt domanda magħmula hija li l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24, moqri fid-dawl tal-Artikolu 67(4) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li jiġu inklużi, fost il-kriterji għall-għoti tal-kuntratt, id-“disinn tal-iżvilupp tal-proġetti” li t-twettiq tagħhom huwa previst fil-kuntest tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni u d-“deskrizzjoni tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni” ta’ dan il-kuntratt, sakemm dawn il-kriterji jkunu akkumpanjati minn preċiżazzjonijiet li jippermettu lill-awtorità kontraenti tevalwa l-offerti ppreżentati b’mod konkret u oġġettiv. |
Fuq is‑seba’ domanda
|
97 |
Kif jirriżulta mill-elementi tat-tilwima fil-kawża prinċipali miġbura fil-qosor fil-punti 25 sa 27 ta’ din is-sentenza, Antea ppreżentaw appell li permezz tiegħu talbu l-annullament tad-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt pubbliku minħabba, inter alia, li huma ma kellhomx aċċess, wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, għall-informazzjoni li l-kompetituri tagħhom, fosthom l-offerent rebbieħ, kienu bagħtu lill-awtorità kontraenti. |
|
98 |
Permezz tas-seba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva 89/665 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ konstatazzjoni, waqt it-trattament ta’ appell ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, ta’ obbligu għall-awtorità kontraenti li tiżvela lir-rikorrent informazzjoni li b’mod żbaljat kienet ġiet ittrattata bħala kunfidenzjali, din il-konstatazzjoni jkollha twassal ukoll għall-adozzjoni, minn din l-awtorità kontraenti, ta’ deċiżjoni ġdida ta’ għoti tal-kuntratt sabiex ir-rikorrent ikun jista’ jippreżenta appell ġdid. |
|
99 |
Mill-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 jirriżulta li d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtorità kontraenti fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni għandhom ikunu jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rimedji effettivi u kemm jista’ jkun rapidi, peress li dawn ir-rimedji jippermettu li tiġi kkontestata l-konformità ta’ dawn id-deċiżjonijiet ma’ dan id-dritt jew mar-regoli nazzjonali li jittrasponuh. Dan l-Artikolu 1 jippreċiża, barra minn hekk, fil-paragrafu 3 tiegħu, li dawn ir-rimedji għandhom ikunu aċċessibbli, tal-inqas, għal kull persuna li jkollha jew li kellha interess li tikseb kuntratt partikolari u li kienet jew li qiegħda fir-riskju li jsirilha dannu minħabba ksur allegat. |
|
100 |
L-imsemmi Artikolu 1 huwa għalhekk intiż sabiex jipproteġi lill-operaturi ekonomiċi mill-arbitrarjetà tal-awtorità kontraenti billi jiżgura l-eżistenza, fl-Istati Membri kollha, ta’ rimedji li jiggarantixxu l-applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, b’mod partikolari fi stadju fejn il-ksur ikun għadu jista’ jiġi korrett. Għaldaqstant, id-Direttiva 89/665 għandha bħala skop ir-rispett sħiħ tad-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali, stabbilit fl-ewwel u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2021, Klaipėdos regiono atliekų tvarkymo centras, C‑927/19, EU:C:2021:700, punti 127 u 128). |
|
101 |
Għall-finijiet tal-osservanza ta’ dan id-dritt għal rimedju effettiv, il-qorti nazzjonali adita b’appell dwar proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku għandha tivverifika, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-obbligu tal-awtorità kontraenti li tipprovdi lill-offerent eskluż informazzjoni suffiċjenti sabiex tipproteġi l-imsemmi dritt għal rimedju effettiv kif ukoll id-dritt ta’ operaturi ekonomiċi oħra għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità, li l-awtorità kontraenti ġustament ikkunsidrat li l-informazzjoni li hija rrifjutat li tikkomunika lir-rikorrent kienet kunfidenzjali. Għal dan l-għan, din il-qorti għandha twettaq eżami sħiħ tal-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti. Għandha wkoll neċessarjament tkun tista’ jkollha l-informazzjoni meħtieġa, inkluża informazzjoni li tkun ġiet ittrattata bħala kunfidenzjali, sabiex tkun tista’ tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-kunsiderazzjonijiet kollha involuti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2021, Klaipėdos regiono atliekų tvarkymo centras, C‑927/19, EU:C:2021:700, punti 129 u 130). |
|
102 |
Meta, fi tmiem din il-verifika, il-qorti nazzjonali tikkonstata li ċerta informazzjoni b’mod żbaljat ġiet ikklassifikata bħala kunfidenzjali, din il-qorti għandha tkun tista’ tannulla d-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti li tirrifjuta l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni kif ukoll, jekk ikun il-każ, id-deċiżjoni li tiċħad l-azzjoni amministrattiva kontra dan ir-rifjut. Barra minn hekk, jekk id-dritt nazzjonali jawtorizzaha tagħmel dan, l-imsemmija qorti għandha tkun tista’ tieħu hija stess deċiżjoni ġdida dwar dan is-suġġett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2021, Klaipėdos regiono atliekų tvarkymo centras, C‑927/19, EU:C:2021:700, punt 136). |
|
103 |
Fir-rigward tal-effetti tan-nuqqas ta’ żvelar tal-imsemmija informazzjoni fuq il-legalità tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt u, għalhekk, fuq id-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/665 ma jippermettux li jiġi ddeterminat skont liema modalitajiet proċedurali preċiżi l-qorti nazzjonali għandha teżamina dawn l-effetti. Għalhekk huwa kull Stat Membru li għandu jiddetermina dawn il-modalitajiet, li għandhom, skont l-Artikolu 1(3) ta’ din id-direttiva, jippermettu lil kull persuna li jkollha jew kellha interess li tikseb kuntratt partikolari u li jkollha jew kellha riskju li tiġi ppreġudikata minn allegat ksur li tikkontesta b’mod effettiv u rapidu d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2021, Klaipėdos regiono atliekų tvarkymo centras, C‑927/19, EU:C:2021:700, punt 136). |
|
104 |
Għaldaqstant, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt minħabba, b’mod partikolari, li ċerta informazzjoni b’mod żbaljat ġiet ikklassifikata bħala kunfidenzjali, hija l-qorti adita li għandha teżamina jekk din l-informazzjoni kellhiex fil-fatt tiġi żvelata u, fl-affermattiv, li tevalwa jekk in-nuqqas ta’ żvelar tal-imsemmija informazzjoni ċaħħadx lir-rikorrenti mill-possibbiltà li jkollhom rimedju effettiv kontra din id-deċiżjoni ta’ għoti. |
|
105 |
Sussegwentement, hija dik il-qorti li għandha tiżgura li jiġi rrimedjat kull ksur possibbilment ikkonstatat tad-dritt għal rimedju effettiv. |
|
106 |
F’dan il-kuntest, hija għandha b’mod partikolari tieħu inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-għan, stabbilit fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/655, li jiggarantixxi l-eżistenza ta’ rimedji effettivi kontra l-ksur tad-dispożizzjonijiet applikabbli fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jista’ jintlaħaq biss jekk it-terminu previst sabiex jiġi ppreżentat appell kontra d-deċiżjoni inkwistjoni jibda jiddekorri biss mid-data li fiha r-rikorrent kellu għarfien jew imissu kellu għarfien tal-ksur allegat tal-imsemmija dispożizzjonijiet (sentenzi tat‑28 ta’ Jannar 2010, Uniplex (UK), C‑406/08, EU:C:2010:45, punt 32, u tat‑8 ta’ Mejju 2014, Idrodinamica Spurgo Velox et, C‑161/13, EU:C:2014:307, punt 37, kif ukoll id-digriet tal‑14 ta’ Frar 2019, Cooperativa Animazione Valdocco, C‑54/18, EU:C:2019:118, punt 45). |
|
107 |
Konsegwentement, fil-każ fejn id-dritt proċedurali nazzjonali ma jippermettix lill-qorti li quddiemha ġie ppreżentat appell kontra deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku li tieħu, matul il-kawża, miżuri li jistabbilixxu mill-ġdid ir-rispett tad-dritt għal rimedju effettiv, dik il-qorti għandha, meta jirriżulta li dan id-dritt inkiser minħabba n-nuqqas ta’ żvelar ta’ informazzjoni, jew tannulla din id-deċiżjoni ta’ għoti, jew tikkunsidra li r-rikorrent jista’ jippreżenta appell ġdid kontra d-deċiżjoni ta’ għoti diġà meħuda, peress li t-terminu sabiex isir dan jibda jiddekorri biss mill-mument li fih dan ir-rikorrent ikollu aċċess għall-informazzjoni kollha li b’mod żbaljat kienet ġiet ikklassifikata bħala kunfidenzjali. |
|
108 |
Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għas-seba’ domanda hija li l-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva 89/665 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ konstatazzjoni, waqt it-trattament ta’ appell ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, ta’ obbligu għall-awtorità kontraenti li tiżvela lir-rikorrent informazzjoni li b’mod żbaljat kienet ġiet ittrattata bħala kunfidenzjali u ta’ ksur tad-dritt għal rimedju effettiv minħabba n-nuqqas ta’ żvelar ta’ din l-informazzjoni, din il-konstatazzjoni ma għandhiex neċessarjament twassal għall-adozzjoni, minn din l-awtorità kontraenti, ta’ deċiżjoni ġdida ta’ għoti tal-kuntratt, sakemm id-dritt proċedurali nazzjonali jippermetti lill-qorti adita li tadotta, matul il-kawża, miżuri li jistabbilixxu mill-ġdid ir-rispett tad-dritt għal rimedju effettiv jew jippermettilha li tqis li r-rikorrent jista’ jressaq appell ġdid kontra d-deċiżjoni ta’ għoti diġà meħuda. It-terminu għall-preżentata ta’ tali appell għandu jibda jiddekorri biss mill-mument li fih dan ir-rikorrent ikollu aċċess għall-informazzjoni kollha li b’mod żbaljat kienet ġiet ikklassifikata bħala kunfidenzjali. |
Fuq l‑ispejjeż
|
109 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il‑Pollakk.