|
27.6.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 188/68 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/400/PESK
tas-26 ta' Ġunju 2014
li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Kosovo (1)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 31(2) u l-Artikolu 33 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fil-25 ta' Jannar 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/39/PESK (2) li taħtar lis-Sur Samuel ŽBOGAR bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) fil-Kosovo. Il-mandat tar-RSUE għandu jiskadi fit-30 ta' Ġunju 2014. |
|
(2) |
Il-mandat tar-RSUE għandu jiġi estiż għal perijodu ulterjuri ta' tmien xhur. |
|
(3) |
Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat tiegħu fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' xxekkel il-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 21 tat-Trattat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea
Il-mandat tas-Sur Samuel ŽBOGAR bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) huwa b'dan estiż sat-28 ta' Frar 2015. Il-Kunsill jista' jiddeċiedi li l-mandat tar-RSUE jintemm qabel abbażi ta' valutazzjoni mill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) u proposta tar-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ).
Artikolu 2
Objettivi ta' politika
Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi ta' politika tal-Unjoni fil-Kosovo. Dawn jinkludu rwol mexxej fil-promozzjoni ta' Kosovo stabbli, vijabbli, paċifiku, demokratiku u multietniku; it-tisħiħ tal-istabbiltà fir-reġjun u l-kontribut għal kooperazzjoni reġjonali u r-relazzjonijiet tajba tal-viċinat fil-Balkani tal-Punent; il-promozzjoni ta' Kosovo li jkun impenjat għall-istat tad-dritt u għall-protezzjoni tal-minoritajiet u tal-wirt kulturali u reliġjuż; l-appoġġ għall-progress tal-Kosovo lejn l-Unjoni f'konformità mal-perspettiva Ewropea fir-reġjun, f'konformità mal-Konklużjonijiet rilevanti tal-Kunsill.
Artikolu 3
Mandat
Sabiex jinkisbu l-objettivi ta' politika, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:
|
(a) |
joffri l-konsulenza u l-appoġġ tal-Unjoni fil-proċess politiku; |
|
(b) |
jippromovi koordinazzjoni politika ġenerali tal-Unjoni fil-Kosovo; |
|
(c) |
isaħħaħ il-preżenza tal-Unjoni fil-Kosovo u jiżgura l-koerenza u l-effettività tagħha; |
|
(d) |
jipprovdi gwida politika lokali lill-Kap tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo (EULEX KOSOVO), inkluż dwar l-aspetti politiċi ta' kwistjonijiet relatati ma' responsabbilitajiet eżekuttivi; |
|
(e) |
jiżgura l-konsistenza u l-koerenza tal-azzjoni tal-Unjoni fil-Kosovo, inkluż sabiex tiġi ggwidata t-tranżizzjoni tal-EULEX lokalment; |
|
(f) |
jappoġġa l-progress tal-Kosovo lejn l-Unjoni, f'konformità mal-perspettiva Ewropea fir-reġjun, permezz ta' komunikazzjoni pubblika mmirata u attivitajiet ta' komunikazzjoni tal-Unjoni mfassla biex ikunu żgurati l-fehim u l-appoġġ usa' mill-pubbliku tal-Kosovo dwar kwistjonijiet relatati mal-Unjoni, inkluża l-ħidma tal-EULEX; |
|
(g) |
jissorvelja, jassisti u jiffaċilita l-progress dwar il-prijoritajiet politiċi, ekonomiċi u Ewropej, f'konformità mal-kompetenzi u r-responsabbiltajiet istituzzjonali rispettivi; |
|
(h) |
jikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-konsolidazzjoni tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-Kosovo, inkluż fir-rigward tan-nisa u t-tfal u l-protezzjoni tal-minoranzi, skont il-politika dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-Unjoni u l-Linji Gwida tal-Unjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; |
|
(i) |
jassisti fl-implimentazzjoni tad-djalogu bejn Belgrad u Pristina ffaċilitat mill-Unjoni. |
Artikolu 4
Implimentazzjoni tal-mandat
1. Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat waqt li jaġixxi taħt l-awtorità tar-RGħ.
2. Il-KPS għandu jżomm kollegament privileġġat mar-RSUE u għandu jkun il-punt ta' kuntatt primarju tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi lir-RSUE gwida strateġika u direzzjoni politika fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-RGħ.
3. Ir-RSUE għandu jaħdem f'koordinazzjoni mill-qrib mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u d-dipartimenti rilevanti tiegħu.
Artikolu 5
Finanzjament
1. L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE fil-perijodu mill-1 ta' Lulju 2014 sat-28 ta' Frar 2015 għandu jkun ta' EUR 1 450 000.
2. In-nefqa għandha tiġi ġestita f'konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni. Iċ-ċittadini tal-pajjiżi tar-reġjun tal-Balkani tal-Punent għandhom ikunu jistgħu jagħmlu offerti għal kuntratti.
3. L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntrattat bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jkun responsabbli quddiem il-Kummissjoni għal kull nefqa.
Artikolu 6
Formazzjoni u kompożizzjoni tal-iskwadra
1. Għandu jiġi assenjat persunal ddedikat lir-RSUE biex jimplimenta l-mandat tiegħu u biex jikkontribwixxi għall-koerenza, il-viżibbiltà u l-effettività tal-azzjoni globali tal-Unjoni fil-Kosovo. Fil-limiti tal-mandat tiegħu u l-mezzi finanzjarji korrispondenti disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-istruttura tal-iskwadra tiegħu. L-iskwadra għandha tinkludi l-konsulenza esperta dwar kwistjonijiet speċifiċi ta' politika kif jirrikjedi l-mandat. Ir-RSUE għandu jżomm lill-Kunsill u lill-Kummissjoni infurmati fil-pront dwar il-kompożizzjoni tal-iskwadra tiegħu.
2. L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u s-SEAE jistgħu jipproponu l-issekondar ta' persunal biex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju ta' tali persunal sekondat għandu jkun kopert mill-Istat Membru jew mill-istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea konċernata jew l-SEAE, rispettivament. L-esperti sekondati mill-Istati Membri għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew is-SEAE jistgħu wkoll jiġu assenjati sabiex jaħdmu mar-RSUE. Il-persunal internazzjonali b'kuntratt għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta' Stat Membru.
3. Il-persunal kollu ssekondat għandu jibqa' taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru emittenti, l-istituzzjoni tal-Unjoni jew is-SEAE u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interessi tal-mandat tar-RSUE.
Artikolu 7
Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u l-persunal tiegħu
Il-privileġġi, immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament bla tfixkil tal-missjoni tar-RSUE u tal-membri tal-persunal tiegħu għandhom jiġu miftehmin mal-partijiet ospitanti, kif adatt. L-Istati Membri u s-SEAE għandhom jagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ għal dan il-għan.
Artikolu 8
Sigurtà ta' informazzjoni klassifikata tal-UE
1. Ir-RSUE u l-membri tal-iskwadra tiegħu għandhom jirrispettaw il-prinċipji u l-istandards minimi ta' sigurtà stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (3).
2. Ir-RGħ għandu l-awtorità sabiex jirrilaxxa lin-NATO/KFOR informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE sal-livell “CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL” iġġenerati għall-finijiet tal-azzjoni, f'konformità mar-regoli ta' sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE.
3. Ir-RGħ huwa awtorizzat biex jirrilaxxa lin-Nazzjonijiet Uniti (NU) u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), skont il-ħtiġijiet operattivi tar-RSUE, informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE sal-livell “RESTREINT UE/EU RESTRICTED” li jiġu ġġenerati għall-finijiet tal-azzjoni, skont ir-regoli ta' sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE. Għandhom jiġu mfassla arranġamenti lokali għal dan il-għan.
4. Ir-RGħ huwa awtorizzat jirrilaxxa dokumenti mhux klassifikati tal-UE li jkunu relatati mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill rigward l-azzjoni koperta mill-obbligu tas-segretezza professjonali skont l-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill (4) lil partijiet terzi assoċjati ma' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 9
Aċċess għal informazzjoni u appoġġ loġistiku
1. L-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li r-RSUE tingħata aċċess għal kull informazzjoni rilevanti.
2. Id-delegazzjoni tal-Unjoni u/jew l-Istati Membri, għandhom, kif xieraq, jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.
Artikolu 10
Sigurtà
F'konformità mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà ta' persunal skjerat barra l-Unjoni f'kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, f'konformità mal-mandat tar-RSUE u s-sitwazzjoni ta' sigurtà fiż-żona taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tar-RSUE, b'mod partikolari billi:
|
(a) |
jistabbilixxi pjan ta' sigurtà speċifiku bbażat fuq gwida mis-SEAE, li jinkludi miżuri ta' sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi, li jirregolaw l-immaniġġar tal-moviment mingħajr periklu tal-persunal lejn, u ġewwa, iż-żona taħt ir-responsabbiltà tiegħu, kif ukoll il-ġestjoni ta' inċidenti ta' sigurtà u pjan ta' kontinġenza u evakwazzjoni tal-missjoni; |
|
(b) |
jiżgura li l-persunal kollu skjerat barra mill-Unjoni jkun kopert b'assigurazzjoni ta' riskju għoli kif meħtieġ mill-kondizzjonijiet fiż-żona taħt ir-responsabbiltà tiegħu; |
|
(c) |
jiżgura li l-membri kollha tal-grupp tar-RSUE li jkunu ser jiġu skjerati barra l-Unjoni, inkluż persunal ikkuntrattat lokalment, ikunu rċevew taħriġ adatt fir-rigward tas-sigurtà qabel jaslu fiż-żona taħt ir-responsabbiltà tiegħu jew kif jaslu, abbażi tal-klassifikazzjonijiet tar-riskju assenjati għal dik iż-żona; |
|
(d) |
jiżgura li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet kollha maqbula magħmula wara valutazzjonijiet regolari ta' sigurtà u tipprovdi lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni b'rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta' sigurtà fil-qafas tar-rapporti dwar il-progress u l-implimentazzjoni tal-mandat. |
Artikolu 11
Rappurtar
Ir-RSUE għandu regolarment jipprovdi rapporti lir-RGħ u lill-KPS. Ir-RSUE għandu jirrapporta wkoll lill-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill, kif meħtieġ. Għandhom jiġu ċirkolati rapporti regolari permezz tan-netwerk COREU. Ir-RSUE jista' jipprovdi rapporti lill-Kunsill Affarijiet Barranin. F'konformità mal-Artikolu 36 tat-Trattat, ir-RSUE jista' jkun involut fl-għoti ta' informazzjoni lill-Parlament Ewropew.
Artikolu 12
Koordinazzjoni
1. Ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-unità, il-konsistenza u l-effikaċja tal-azzjoni tal-Unjoni u għandu jgħin biex jiġi żgurat li l-istrumenti kollha tal-Unjoni u l-azzjonijiet kollha tal-Istati Membri jkunu ta' impenn b'mod konsistenti biex jinkisbu l-objettivi ta' politika tal-Unjoni. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati ma' dawk tal-Kummissjoni, kif ukoll ma' dawk ta' RSUE oħrajn li jkunu attivi fir-reġjun, kif adatt. Ir-RSUE għandu jipprovdi informazzjoni regolari lill-missjonijiet tal-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni.
2. Fuq il-post, għandu jinżamm kollegament mill-qrib mal-Kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun u mal-Kapijiet tal-Missjoni tal-Istati Membri. Huma għandhom jagħmlu kull sforz biex jassistu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE għandu jipprovdi gwida politika lokali lill-Kap tal-EULEX KOSOVO, inkluż dwar l-aspetti politiċi ta' kwistjonijiet relatati ma' responsabbiltajiet eżekuttivi. Ir-RSUE u l-Kmandat tal-Operazzjoni Ċivili għandhom jikkonsultaw lil xulxin kif meħtieġ.
3. Ir-RSUE għandu wkoll iżomm kollegament ma' aġenziji lokali rilevanti u ma' atturi internazzjonali u reġjonali oħra fuq il-post.
4. Ir-RSUE, flimkien ma' atturi tal-Unjoni oħra preżenti fuq il-post, għandu jiżgura t-tixrid u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni bejn l-atturi tal-Unjoni fuq il-post bil-ħsieb li jinkiseb livell għoli ta' għarfien komuni dwar is-sitwazzjoni u ta' valutazzjoni komuni.
Artikolu 13
Assistenza b'rabta ma' pretensjonijiet
Ir-RSUE u l-persunal tiegħu għandu jassisti billi jipprovdu elementi li jirreaġixxu għal kwalunkwe pretensjoni u obbligu li joħroġ mill-mandati tar-RSUE preċedenti fil-Kosovo, u għandhom jipprovdu assistenza amministrattiva u aċċess għall-fajls rilevanti għal dawn l-għanijiet.
Artikolu 14
Reviżjoni
L-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma' kontributi oħra mill-Unjoni għar-reġjun għandhom jiġu analizzati regolarment. Ir-RSUE għandu jippreżenta lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapport komprensiv dwar l-implimentazzjoni tal-mandat qabel l-aħħar ta' Novembru 2014.
Artikolu 15
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Għandha tapplika mill-1 ta' Lulju 2014.
Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Ġunju 2014.
Għall-Kunsill
Il-President
E. VENIZELOS
(1) Din in-nomina hi mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi ma' UNSCR 1244/1999 u mal-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.
(3) Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli ta' sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).
(4) Id-Deċiżjoni 2009/937/KE tal-1 ta' Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).