European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/2286

15.4.2025

AVVIŻ TA’ REKLUTAĠĠ PE/331/2025/S

DIRETTUR

(grupp ta’ funzjonijiet ad, grad 14)

direttorat ġenerali għall-persunal — direttorat għall-amministrazzjoni tar-riżorsi umani (direttorat b)

(C/2025/2286)

 

1.   Pożizzjoni vakanti

Il-President tal-Parlament Ewropew iddeċidiet li tniedi proċedura għall-pożizzjoni ta’ direttur (AD, grad 14) fi ħdan id-Direttorat Ġenerali għall-Persunal, id-Direttorat għall-Amministrazzjoni tar-Riżorsi Umani (Direttorat B), skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (1) (minn hawn ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”).

Din il-proċedura ta’ selezzjoni, li għandha l-iskop li tagħti lill-Awtorità tal-Ħatra għażla akbar ta’ kandidati, se tiżvolġi b’mod parallel mal-proċedura interna u dik interistituzzjonali ta’ reklutaġġ.

Ir-remunerazzjoni u l-kondizzjonijiet tal-impjieg huma previsti mir-Regolamenti tal-Persunal. Ir-reklutaġġ se jsir fil-grad AD 14 (2). Mas-salarju bażiku, li huwa soġġett għat-taxxa għall-benefiċċju tal-Unjoni u eżenti mit-taxxa nazzjonali, jistgħu jiżdiedu ċerti allowances skont il-kondizzjonijiet previsti mir-Regolamenti tal-Persunal.

Il-kandidati għandhom jieħdu nota li, b’obbligu impost mir-Regolamenti tal-Persunal, il-membri l-ġodda kollha tal-persunal jeħtiġilhom itemmu b’suċċess perjodu ta’ prova ta’ disa’ xhur u li dan l-impjieg huwa soġġett għar-regoli dwar il-politika tal-mobbiltà li ġew adottati mill-Bureau tal-Parlament Ewropew fil-15 ta’ Jannar 2018.

Dan l-impjieg jirrikjedi disponibbiltà kif ukoll kuntatt frekwenti ma’ nies fil-Parlament u barra minnu, b’mod partikolari mal-Membri tal-Parlament Ewropew. Il-persuna reklutata bħala direttur se tkun mitluba twettaq missjonijiet frekwenti fil-postijiet tax-xogħol differenti tal-Parlament Ewropew.

2.   Post tax-xogħol

Il-Lussemburgu. Dan l-impjieg jaf jiġi trasferit lejn wieħed mill-postijiet tax-xogħol l-oħra tal-Parlament Ewropew.

3.   Opportunitajiet indaqs

Il-Parlament Ewropew japplika politika ta’ opportunitajiet indaqs u jagħti l-akbar attenzjoni lill-applikazzjonijiet kollha mingħajr ebda diskriminazzjoni, kemm jekk tkun ibbażata fuq il-ġeneru, l-etniċità, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.

4.   Deskrizzjoni tal-funzjonijiet

Bħala uffiċjal ta’ livell għoli, il-persuna reklutata bħala direttur, fid-dawl tal-linji gwida u d-deċiżjonijiet stabbiliti mill-awtorità parlamentari u mid-direttur ġenerali, tkun inkarigata minn dawn il-kompiti (3):

—

tiżgura l-funzjonament tajjeb ta’ dipartiment kbir tas-Segretarjat Ġenerali li jinkludi diversi unitajiet li jkopru l-oqsma ta’ attività tad-direttorat, f’konformità mal-politiki tal-istituzzjoni,

—

tmexxi, tistimula, timmotiva u tikkoordina timijiet ta’ aġenti; taħdem biex isir l-aħjar użu mir-riżorsi tad-direttorat filwaqt li tiżgura servizz ta’ kwalità għolja (organizzazzjoni, ġestjoni tar-riżorsi umani u baġitarji, innovazzjoni, eċċ.) fl-oqsma ta’ attività tiegħu,

—

tippjana l-attivitajiet tad-direttorat (tfassil tal-objettivi u l-istrateġiji); tieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti; tivvaluta s-servizzi pprovduti bl-iskop li tiggarantixxi l-kwalità tagħhom,

—

tagħti pariri lid-direttur ġenerali, lis-Segretarju Ġenerali u lill-Membri tal-Parlament Ewropew fl-oqsma ta’ attività tad-direttorat,

—

tikkoopera mad-direttorati differenti tas-Segretarjat Ġenerali, tirrappreżenta lill-istituzzjoni u tinnegozja kuntratti jew ftehimiet fl-oqsma ta’ attività tad-direttorat,

—

tmexxi u twassal fi tmiemhom proġetti speċifiċi li jistgħu jinvolvu responsabbiltajiet finanzjarji,

—

twettaq il-funzjoni ta’ uffiċjal awtorizzanti b’sottodelega.

5.   Rekwiżiti ta’ eleġibbiltà

Din il-proċedura ta’ selezzjoni hija miftuħa għall-kandidati kollha li, sad-data meta jagħlqu l-applikazzjonijiet, ikunu ssodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)     Rekwiżiti ġenerali

Skont l-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal, jeħtieġ b’mod partikolari li l-kandidati:

—

ikunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (4),

—

igawdu mid-drittijiet ċivili tagħhom,

—

ikunu ssodisfaw kull obbligu impost fuqhom mil-liġijiet dwar is-servizz militari,

—

joffru l-garanziji ta’ moralità mitluba għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet previsti.

(b)     Rekwiżiti speċifiċi

(i)   Kwalifiki u diplomi meħtieġa

—

Livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta’ studji universitarji ċċertifikati b’diploma rikonoxxuta uffiċjalment f’wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni, meta l-perjodu normali ta’ dawn l-istudji universitarji jkun ta’ erba’ snin jew aktar,

jew

—

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta’ studji universitarji ċċertifikati b’diploma rikonoxxuta uffiċjalment f’wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni flimkien ma’ esperjenza professjonali xierqa ta’ mill-anqas sena (5) meta l-perjodu normali ta’ dawn l-istudji universitarji jkun ta’ tliet snin jew aktar.

Id-diplomi, kemm jekk maħruġa fi Stat Membru tal-Unjoni jew f’pajjiż ieħor, iridu jiġu rikonoxxuti minn korp uffiċjali ta’ Stat Membru tal-Unjoni, bħall-ministeru għall-edukazzjoni ta’ Stat Membru.

Il-kandidati li jkollhom diplomi maħruġa f’pajjiż mhux tal-UE (6) jeħtiġilhom jehmżu mal-applikazzjoni tagħhom ekwivalenza tal-UE għad-diplomi tagħhom. Għal aktar informazzjoni dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki miksuba f’pajjiż mhux tal-UE fin-networks ENIC-NARIC, ara https://www.enic-naric.net/.

(ii)   Esperjenza professjonali meħtieġa

Esperjenza professjonali miksuba wara li jkunu nkisbu l-kwalifiki msemmija hawn fuq:

—

tnax-il sena, eżerċitati mill-anqas parzjalment fl-oqsma ta’ attività tad-direttorat u li jinkludu:

—

minimu ta’ sitt snin f’ambjent Ewropew u/jew internazzjonali, u

—

minimu ta’ sitt snin f’funzjonijiet maniġerjali f’dipartiment kbir.

(iii)   Għarfien lingwistiku

Il-pożizzjoni teżiġi għarfien komplut (livell minimu C1) ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (7), kif ukoll għarfien sodisfaċenti (livell minimu B2) ta’ mill-anqas lingwa waħda oħra minnhom.

Dan huwa definit fil-Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza għal-Lingwi. Tista’ tikkonsultahom fuq is-sit web: https://europa.eu/europass/common-european-framework-reference-language-skills.

Il-Kumitat Konsultattiv għall-Ħatra ta’ Uffiċjali Għolja jqis ukoll l-għarfien ta’ lingwi uffiċjali oħrajn tal-Unjoni Ewropea.

6.   Testijiet

Sabiex jgħin lill-Awtorità tal-Ħatra fl-għażla tagħha, il-Kumitat Konsultattiv għall-Ħatra ta’ Uffiċjali Għolja jistabbilixxi l-lista tal-kandidati u jirrakkomanda lill-Bureau tal-Parlament Ewropew il-persuni li għandhom jiġu mistiedna għal intervista. Il-Bureau jiffinalizza l-lista ta’ dawn il-persuni, filwaqt li l-kumitat jagħmel l-intervisti u jippreżenta r-rapport finali tiegħu lill-Bureau għad-deċiżjoni. F’dan il-qafas, il-Bureau jkun jista’ jipproċedi għas-smigħ tal-kandidati.

L-intervisti jkunu bbażati fuq id-deskrizzjoni tal-funzjonijiet, kif imsemmija fil-punt 4 ta’ dan l-avviż, kif ukoll fuq il-kapaċitajiet li ġejjin:

—

sens ta’ strateġija,

—

kapaċità maniġerjali,

—

kapaċità ta’ ppjanar bil-quddiem,

—

kapaċità ta’ reazzjoni għall-avvenimenti,

—

approċċ metikoluż,

—

kapaċità ta’ komunikazzjoni.

7.   Tressiq tal-applikazzjonijiet

Id-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet hija:

il-Ġimgħa, 2 ta’ Mejju 2025, f’12.00 (nofsinhar), ħin ta’ Brussell.

Il-kandidati huma mitluba jibagħtu, permezz ta’ email biss, f’format pdf u b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (8), ittra ta’ motivazzjoni (Għall-attenzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew, Avviż ta’ reklutaġġ numru PE/331/2025/S) u curriculum vitae fil-format tal-Europass (9), b’indikazzjoni tar-referenza tal-avviż (PE/331/2025/S) fis-suġġett tal-messaġġ, fl-indirizz li ġej:

PERS-EPSeniorManagement@ep.europa.eu

u jitqiesu bħala prova d-data u l-ħin tat-trażmissjoni tal-email.

Il-kandidati jeħtiġilhom jiżguraw li d-dokumenti skennjati jkunu jistgħu jinqraw.

Il-kandidati li jissejħu għal intervista għandhom jieħdu nota li jeħtiġilhom jipprovdu, sad-data tal-intervista, kopji jew fotokopji tad-dokumenti li jikkonfermaw l-istudji tagħhom, kif ukoll l-esperjenza professjonali tagħhom u l-attività li jeżerċitaw fil-preżent  (10) . L-ebda wieħed minn dawn id-dokumenti ma jingħata lura lill-kandidati.

Id-data ta’ natura personali li l-kandidati jibagħtu fil-qafas ta’ din il-proċedura ta’ selezzjoni se tkun ipproċessata skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), speċjalment f’dak li jirrigwarda l-kunfidenzjalità u s-sigurtà ta’ tali data.


(1)  Ara r-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tal-Kunsill (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1) emendat mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 723/2004 (ĠU L 124, 27.4.2004, p. 1) u l-aktar reċentement mir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 15).

(2)  Bħala uffiċjal, il-persuna reklutata tingħata grad skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 32 tar-Regolamenti tal-Persunal.

(3)  Għad-dmirijiet prinċipali, ara l-Anness.

(4)  L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea huma: il-Belġju, il-Bulgarija, iċ-Ċekja, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, Franza, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Finlandja u l-Iżvezja.

(5)  Din is-sena ta’ esperjenza ma titqiesx għall-evalwazzjoni tal-esperjenza professjonali li jirreferi għaliha l-punt li jmiss.

(6)  Il-kwalifiki/diplomi Brittaniċi miksuba sal-31/12/2020 jiġu aċċettati mingħajr rikonoxximent ieħor. Għad-diplomi miksuba wara din id-data, huwa meħtieġ rikonoxximent NARIC. Fil-prattika, dan ifisser li d-diplomi Brittaniċi maħruġa mill-1 ta’ Jannar 2021 iridu jkunu akkumpanjati minn ekwivalenza maħruġa minn awtorità kompetenti ta’ pajjiż li jkun Stat Membru tal-UE.

(7)  Il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea huma: il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż.

(8)  Il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea huma: il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż.

(9)   https://europa.eu/europass/

(10)  Dan ma japplikax għall-kandidati li jkunu fis-servizz tal-Parlament Ewropew fid-data meta jagħlqu l-applikazzjonijiet. Hija r-responsabbiltà tal-kandidati li jiżguraw li s-servizzi tal-Parlament ikollhom il-fajl komplut li jikkorrispondi għall-applikazzjoni tagħhom (fil-każ li xi dokumenti rilevanti jkunu neqsin fil-portal HRM (Streamline)).

(11)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).


ANNESS

DIRETTORAT ĠENERAL GĦALL-PERSUNAL

DIRETTORAT GĦALL-AMMINISTRAZZJONI TAR-RIŻORSI UMANI

DMIRIJIET PRINĊIPALI

—

Jiżgura d-direzzjoni, il-koordinament u l-motivazzjoni tal-unitajiet u tas-servizzi tad-direttorat, kif ukoll il-ġestjoni tal-persunal u l-organizzazzjoni ġenerali tad-direttorat;

—

Jiżgura d-direzzjoni u l-koordinament tal-politiki dwar ir-riżorsi umani fl-oqsma tad-drittijiet individwali, ir-remunerazzjoni, il-front office għall-persunal u l-APAs, il-missjonijiet, il-pensjonijiet u l-assigurazzjoni soċjali, ir-reklutaġġ ta’ trainees, il-ħin tax-xogħol u l-faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal;

—

Jiżgura ġestjoni amministrattiva effettiva u orjentata lejn il-bżonnijiet individwali tal-persunal filwaqt li tirrispetta r-regoli fis-seħħ u d-disponibbiltà tal-baġit;

—

Jiġġestixxi proġetti relatati mal-amministrazzjoni tar-riżorsi umani;

—

Jipparteċipa f’kumitati u f’gruppi ta’ ħidma bejn u fi ħdan id-DĠ, f’forums internazzjonali, eċċ., u jirrappreżenta lid-direttorat u, meta jkun applikabbli, lid-direttorat ġenerali;

—

Jeżerċita s-setgħat tal-Awtorità tal-Ħatra u tal-uffiċjal awtorizzanti b’sottodelega;

UNITÀ TAD-DRITTIJIET INDIVIDWALI

—

Tiddetermina u tiġġestixxi d-drittijiet individwali tal-uffiċjali u ta’ aġenti oħra meta jibdew dmirijiethom, ma’ trasferiment fil-karriera, u b’segwitu ta’ xi bidla fis-sitwazzjoni tal-familja tagħhom;

—

Tiddetermina u tiġġestixxi d-drittijiet individwali tal-uffiċjali u ta’ aġenti oħra meta jitilqu mis-servizz jew meta jibdlu l-post tax-xogħol tagħhom;

—

Twettaq kontrolli fuq id-deċiżjonijiet u d-data mdaħħla fil-portal tal-HRM;

—

Tiddetermina u tiġġestixxi d-drittijiet individwali tal-pensjonanti;

—

Tiddetermina u tiġġestixxi d-drittijiet previsti fl-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal għall-aġenti li jservu f’pajjiż terz;

—

Tiġġestixxi d-drittijiet tal-uffiċjali ssekondati;

—

Tiġġestixxi r-rimborż tal-ispejjeż tat-trasport għat-tfal li jattendu l-Iskejjel Ewropej tat-Tip I; Tiġġestixxi l-kontribuzzjonijiet għall-finanzjament tal-edukazzjoni tat-tfal li jattendu Skola Ewropea tat-Tip II;

—

Tħejji u tikkodifika d-deċiżjonijiet dwar l-allowances speċjali, għal xogħol bix-xift, għal sahra u għall-ivvjaġġar.

UNITÀ TAR-REMUNERAZZJONI

—

Tikkalkula/tikkodifika r-remunerazzjoni u l-allowances tal-uffiċjali, tal-persunal temporanju, tal-persunal kuntrattwali u tal-assistenti parlamentari;

—

Twettaq kontrolli fuq id-data mdaħħla fl-applikazzjoni NAP, li tikkalkula l-paga tal-persunal fuq bażi ta’ kull xahar u tirrifletti awtomatikament kwalunkwe aġġornament fl-intitolamenti individwali ta’ kull persuna;

—

Tinterpreta d-deċiżjonijiet tal-Awtorità tal-Ħatra li għandhom impatt fuq is-salarji;

—

Tivverifika r-riżultati miksuba fil-pagi;

—

Tiġġestixxi l-avvanzi u t-tnaqqis fis-salarji;

—

Toħroġ ċertifikati relatati mas-salarji;

—

Tiżgura li parti mis-salarju tal-membru tal-persunal tintbagħat barra mill-pajjiż;

—

Tiddetermina u tħallas l-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali, mad-dħul fis-servizz, mat-trasferiment u mat-terminazzjoni definittiva tas-servizz;

—

Twettaq qbid/ċessjonijiet mir-remunerazzjoni tal-persunal;

—

Tiġġestixxi l-assistenza soċjofinanzjarja skont l-Artikolu 76 tar-Regolamenti tal-Persunal relatata mal-għoti ta’ għotjiet, self jew avvanzi lill-persunal f’sitwazzjonijiet finanzjarji partikolarment diffiċli.

UNITÀ TAL-MISSJONIJIET

—

Twettaq is-saldu u l-ħlas għall-missjonijiet mill-persunal tal-Parlament, l-eġenti, l-APAs u t-trainees tal-Membri tal-Parlament Ewropew;

—

Toħloq u tivvalida ordnijiet ta’ missjoni, meta jkun il-każ;

—

Tipprovdi servizz ta’ kwalità għolja lill-klijenti tal-unità u tiġġestixxi r-relazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati;

—

Tiżgura l-kwalità tar-regolamenti tal-missjonijiet billi twettaq kontrolli ex ante regolari u ta’ kull ġimgħa;

—

Tmantni l-qafas legali tal-missjonijiet; u tiżgura li dan jibqa’ ekoloġiku, prattiku, modern u armonizzat;

—

Tiżgura ġestjoni baġitarja u finanzjarja tajba tal-linji baġitarji relatati mal-missjonijiet u l-kontijiet tal-imprest;

—

Tiżgura li l-ambjent tal-IT iddedikat għall-missjonijiet ikun robust, modern u faċli għall-utent;

—

Taħdem mill-qrib mal-aġenzija tal-ivvjaġġar tal-Parlament Ewropew u mal-Unità tal-Ġestjoni tal-Ivvjaġġar tad-Direttorat Ġenerali għall-Finanzi dwar kwistjonijiet relatati mal-ivvjaġġar;

—

Tiġġestixxi l-programm tal-karti ta’ kreditu korporattivi u l-assigurazzjoni relatata mal-missjonijiet tal-Parlament Ewropew;

—

Torganizza korsijiet ta’ taħriġ dwar il-missjonijiet;

—

Tipprovdi statistika u rapporti dwar il-missjonijiet.

UNITÀ TAL-PENSJONIJIET U L-ASSIGURAZZJONI SOĊJALI

—

Tistabbilixxi d-drittijiet tal-pensjoni, il-benefiċċji tal-invalidità u l-benefiċċji għall-istatus mhux attiv, il-liv fl-interessi tas-servizz u l-irtirar fl-interessi tas-servizz, skont l-Artikoli 41, 42c u 50 tar-Regolamenti tal-Persunal;

—

Tiġġestixxi d-drittijiet tal-pensjoni, l-allowances tal-invalidità u l-allowances (emenda, sospensjoni jew kanċellazzjoni, bidla fl-indirizz, aġġornament tad-data personali, dikjarazzjoni biannwali) u l-ħruġ ta’ ċertifikati;

—

Tipprovdi l-kalkolu tal-perċentwal tas-salarju dovut fil-każ ta’ xogħol half-time qabel l-irtirar;

—

Tipprovdi lill-persunal informazzjoni dwar id-drittijiet tal-pensjoni, inkluż il-kalkolu tal-pensjoni li għandha tiġi pprovduta;

—

Tiddetermina l-allowance għat-tluq mill-impjieg;

—

Tħejji l-fajls relatati mat-trasferiment tad-drittijiet tal-pensjoni miksuba lejn skema esterna;

—

Tipproċedi għat-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba matul attività preċedenti;

—

Tiġġestixxi l-kontribuzzjonijiet għall-iskema tas-sigurtà soċjali għall-persunal tal-Unjoni Ewropea mill-benefiċjarji tal-liv fuq raġunijiet personali (CCP);

—

Tiżgura l-kooperazzjoni ma’ entitajiet li jirrappreżentaw lill-ex-uffiċjali pensjonanti mill-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-AIACE;

—

Tipparteċipa f’seminars ta’ qabel l-irtirar;

—

Tagħti informazzjoni lill-membri tal-JSIS tal-Parlament Ewropew fil-kuntest tal-assigurazzjoni tal-mard;

—

Tiżgura l-ftuħ u l-ġestjoni tal-fajls, kif ukoll id-determinazzjoni tal-intitolamenti fil-kuntest tal-assigurazzjoni kontra l-inċidenti u l-mard okkupazzjonali.

UNITÀ TAL-FRONT OFFICE GĦALL-PERSUNAL

+ TAQSIMA TAL-PRIVILEĠĠI U L-IMMUNITAJIET

+ TAQSIMA TAL-PUNT TA’ INFORMAZZJONI

—

Tiddistribwixxi informazzjoni amministrattiva/pariri lill-persunal. Akkoljenza/integrazzjoni tal-persunal fil-Lussemburgu, fi Brussell u fi Strasburgu, appoġġ għall-kollegi li jitilqu mill-Parlament Ewropew. Implimentazzjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi (konferenzi ad hoc, żjarat, Back-to-school, ċentru telefoniku dwar it-tilqim, seminar ta’ qabel l-irtirar). Tiġġestixxi l-Uffiċċju Interistituzzjonali dwar l-Akkomodazzjoni;

—

Tiżgura l-proċeduri amministrattivi, tipprovdi informazzjoni għad-dħul fil-kariga; tassisti lill-persunal fir-relazzjonijiet mal-awtoritajiet tal-Istati Membri, li jkopru, fost l-oħrajn, permessi speċjali ta’ residenza, l-eżenzjoni mill-VAT, ċertifikati, formalitajiet amministrattivi, ċertifikati fuq talba: l-impjieg, it-tassazzjoni, l-iskejjel, il-benefiċċji tal-qgħad, l-istabbiliment ta’ laissez-passer, eċċ. L-iffirmar elettroniku tal-kuntratti fit-tliet postijiet tax-xogħol;

—

Tiżgura l-ippjanar, l-organizzazzjoni u s-segwitu tal-attivitajiet tal-unità, kif ukoll il-ġestjoni tar-riżorsi umani u finanzjarji.

UNITÀ TAL-FRONT OFFICE GĦALL-APA

+ TAQSIMA TAL-KUNTRATTI TAL-APA

+ TAQSIMA TAL-UFFIĊĊJU APA

—

Tiżgura l-operazzjonijiet tar-reklutaġġ, tat-tiġdid u tal-emendar tal-kuntratti tal-assistenti parlamentari akkreditati fuq talba tal-Membri (tħejjija, produzzjoni u verifika tal-kuntratt sakemm tiġi ffirmata l-AECE);

—

Tipprovdi lill-Membri u lill-Assistenti Parlamentari Akkreditati (APAs) punt ta’ kuntatt uniku fi Brussell (Uffiċċju APA) biex jipprovdi informazzjoni u pariri dwar il-kuntratti tal-APAs (reklutaġġi, addenda, emendi, riżenji u sensji) u dwar proċeduri amministrattivi relatati oħra. Tkun punt ta’ orjentazzjoni privileġġjat għall-APAs fir-rigward tal-ħajja amministrattiva tagħhom fil-Parlament Ewropew;

—

Tiżgura l-ġestjoni baġitarja tal-parti tal-allowance għall-assistenza parlamentari tal-Membri relatata mal-kuntratti tal-assistenti parlamentari akkreditati, it-talbiet għal taħriġ professjonali estern u l-allowances ta’ installazzjoni jew ta’ risistemazzjoni;

—

Timmaniġġja t-tmiem tal-kuntratti tal-APAs: it-tmiem il-mandat tal-Membri, riżenji u talbiet għat-terminazzjoni mill-Membri. Twettaq intervisti qabel it-tkeċċija;

—

Tiżgura l-aġġornament u l-iżvilupp tal-applikazzjonijiet u l-għodod tal-IT meħtieġa għall-ipproċessar tal-fajls tal-APA f’kooperazzjoni mill-qrib mad-dipartimenti kkonċernati bil-għan li jiġu ssimplifikati u awtomatizzati l-proċeduri.

UNITÀ TAR-REKLUTAĠĠ TAT-TRAINEES

—

Tiżgura r-reklutaġġ tat-trainees tal-Membri u tat-trainees “Schuman”. Tiżgura l-estensjonijiet, is-sospensjonijiet temporanji u t-terminazzjoni bikrija tat-traineeships. Tiżgura l-bilanċ ġeografiku meta jiġu reklutati t-trainees “Schuman”;

—

Tagħti assistenza personalizzata lit-trainees u lill-Membri qabel, matul u wara t-traineeships;

—

Tiġġestixxi ż-żjarat ta’ studju tal-Membri u ż-żjarat ta’ studju fis-Segretarjat Ġenerali tal-istituzzjoni;

—

Tiżviluppa l-komunikazzjoni mad-dinja esterna sabiex titqajjem kuxjenza dwar l-opportunitajiet ta’ internship offruti fil-Parlament Ewropew u b’hekk tiżdied l-attraenza tal-istituzzjoni tagħna bħala impjegatur ta’ kwalità;

—

Timplimenta l-Programm ta’ Reklutaġġ u Żvilupp tat-Trainees Schuman. Timplimenta l-Programm ta’ Azzjoni Pożittiva għat-trainees b’diżabilità;

—

Tħejji l-pakketti “Trainees” allokati lid-Direttorati Ġenerali. Issegwi t-twettiq tagħhom. Tissorvelja t-twettiq tal-linji baġitarji li jikkonċernaw lit-trainees tal-Membri. Tiżgura l-ġestjoni xierqa tal-approprjazzjonijiet tal-linji baġitarji xierqa;

—

Tħaddem il-mekkaniżmu għall-monitoraġġ tal-kwalità tat-traineeships Schuman bil-ħsieb li jittejjbu s-servizzi offruti lit-trainees;

—

Tkompli tiżviluppa l-għodod meħtieġa għall-għażla, ir-reklutaġġ u l-ġestjoni tat-trainees (T-People u l-portal tal-HRM). Issegwi l-kuntratti attwali għall-assigurazzjoni tas-saħħa u tal-inċidenti tat-trainees.

UNITÀ TAL-ĦIN TAX-XOGĦOL U L-FAĊILITAJIET GĦALL-INDUKRAR TAT-TFAL

+ SERVIZZ TAL-ĦIN TAX-XOGĦOL

+ SERVIZZI TAL-FAĊILITAJIET GĦALL-INDUKRAR TAT-TFAL

—

Tiżgura d-direzzjoni, il-kontroll u l-monitoraġġ tal-ħidma tal-unità; Teżerċita s-setgħat tal-Awtorità tal-Ħatra fir-rigward tal-liv speċjali u tax-xogħol part-time b’95% tal-ħin għall-persunal kollu. Teżerċita s-setgħat tal-Awtorità tal-Ħatra fir-rigward tax-xogħol part-time/liv tal-ġenituri/liv tal-familja għall-APAs. Teżerċita s-setgħat tal-Awtorità tal-Ħatra bil-ħsieb li jitħallas il-liv (li ma tteħidx/li ttieħed wisq) mat-tluq mis-servizz għall-persunal kollu;

—

Timmaniġġja l-linji baġitarji relatati mal-faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal (taħt ir-responsabbiltà tal-Parlament Ewropew), iċ-ċentri ta’ matul il-jum, iċ-ċentri ta’ studju (taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni Ewropea (OIB/OIL)) u t-twettiq tad-dmirijiet tal-uffiċjal awtorizzanti b’sottodelega fuq dawn il-linji. Tippjana sejħiet għall-offerti, Tfassal l-ispeċifikazzjonijiet u tiżgura l-monitoraġġ tal-kuntratti (maniġers esterni, postijiet privati, catering, pedjatri, eċċ.);

—

Tiżgura l-monitoraġġ tat-telexogħol fis-Segretarjat tal-Parlament: pariri lill-maniġers u lill-utenti, monitoraġġ regolatorju, rapporti, statistika, relazzjonijiet mal-unità tal-IT għall-aspetti tekniċi;

—

Twettaq il-funzjonijiet tal-presidenza u tas-segretarjat u tipparteċipa f’diversi kumitati konġunti interistituzzjonali. Tiġġestixxi l-Librerija ta’ Rikreazzjoni Interistituzzjonali.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/2286/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)