European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2204

30.10.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2204

tal-24 ta’ Ottubru 2025

li taħtar il-Koordinatur Ewropew għall-interkonnettività tal-enerġija fl-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk u li tistabbilixxi l-arranġamenti dettaljati għat-twettiq tal-missjoni u l-kompiti tagħhom

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2022/869 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2022 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2009, (UE) 2019/942 u (UE) 2019/943 u d-Direttivi 2009/73/KE u (UE) 2019/944, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 347/2013 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-reġjun tal-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk qed jiffaċċja sfidi, bħal bidliet strutturali fis-sistemi tal-elettriku, l-iżvilupp tan-network u l-ħtiġijiet tal-infrastruttura korrispondenti, l-integrazzjoni dejjem akbar fis-setturi tal-enerġija, id-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-gass, ix-xejriet li qed jinbidlu fil-provvisti tal-gass Ewropej, il-kuntest ġeopolitiku tal-lum definit b’mod importanti mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, l-ispeċifiċitajiet nazzjonali u reġjonali fir-reġjun tal-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk u d-domanda għall-affordabbiltà u l-kompetittività.

(2)

Biex iwieġeb b’mod effettiv għal dawn l-isfidi, ir-reġjun jeħtieġ appoġġ ulterjuri taħt il-qafas ta’ politika tal-enerġija Trans-Ewropew u l-kooperazzjoni reġjonali biex tissaħħaħ l-interkonnettività reġjonali fl-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk, biex jiġi promoss qafas regolatorju li jiżgura l-integrazzjoni tas-suq, l-użu effiċjenti tal-infrastruttura u l-affordabbiltà f’allinjament mal-acquis tal-UE, u biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fir-reġjun tal-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk.

(3)

Skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2022/869, il-Kummissjoni tista’ taħtar, bi qbil mal-Istati Membri kkonċernati, koordinaturi Ewropej għal perjodu ta’ mhux aktar minn sena, li jista’ jiġġedded darbtejn. Sabiex jiġi żgurat li l-Kummissjoni tkun tista’ tipprovdi l-appoġġ meħtieġ biex issaħħaħ l-interkonnettività reġjonali tal-enerġija u l-integrazzjoni tas-suq, jeħtieġ li jinħatar koordinatur Ewropew iddedikat għall-interkonnettività tal-enerġija fl-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk. Il-Koordinatur se jkun responsabbli biex jiffaċilita l-implimentazzjoni ta’ proġetti li jippromwovu l-interkonnettività u l-funzjonament tajjeb tas-swieq tal-enerġija fl-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk inklużi l-proġetti ta’ interess komuni (PCI, Projects of Common Interest) skont ir-Regolament (UE) 2022/869 u inizjattivi li jaqgħu taħt l-awspiċji tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Konnettività tal-Enerġija fl-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk (CESEC, Central and South Eastern Europe Energy Connectivity) (2) ippresedut mill-Kummissjoni. Il-Koordinatur se jipprovdi għarfien espert għall-implimentazzjoni u l-progress tal-investimenti fl-infrastruttura tal-enerġija, l-integrazzjoni tas-suq u l-azzjonijiet ta’ politika fir-reġjun, jidentifika l-konġestjonijiet u jipprovdi pariri lill-partijiet ikkonċernati u lill-awtoritajiet dwar kif jingħelbu d-diffikultajiet potenzjali biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni f’waqtha u b’suċċess tal-proġetti u l-azzjonijiet ta’ politika relatati mal-mandat. Il-Koordinatur għandu jwettaq il-kompiti tal-mandat f’koordinazzjoni u komplementarjetà mal-kooperazzjoni reġjonali fil-Grupp ta’ Livell Għoli għall-Konnettività tal-Enerġija fl-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk (CESEC).

(4)

Jenħtieġ li l-Koordinatur jinħatar għal mandat ta’ sena f’konformità mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2022/869. Id-deċiżjoni li jiġġedded jew le l-mandat jenħtieġ li tittieħed flimkien mal-Istati Membri kkonċernati skont il-ħtiġijiet tal-mandat f’dak il-waqt.

(5)

Sabiex jiżviluppa l-kompiti tiegħu, jenħtieġ li l-Koordinatur Ewropew jingħata indennizz b’rata fissa ta’ kull xahar biex ikopri l-ispejjeż segretarjali li ma jistgħux jitwasslu direttament mis-servizzi tal-Kummissjoni u jiġi rimborżat għall-ispejjeż tal-missjonijiet f’konformità mar-regoli tal-Kummissjoni u mal-Vademecum anness ma’ din id-deċiżjoni.

(6)

Abbażi tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2022/869, il-proċedura tal-għażla saret permezz ta’ sejħa miftuħa għal espressjoni ta’ interess għal xahar bejn l-4 ta’ Awwissu u l-4 ta’ Settembru 2025. L-applikant magħżul huwa Prof Dr Klaus-Dieter Borchardt.

(7)

F’konformità mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2022/869, l-Istati Membri rilevanti għall-interkonnettività tal-enerġija fl-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk, jiġifieri l-Awstrija, il-Bulgarija, il-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, ir-Rumanija, il-Polonja, is-Slovenja, is-Slovakkja, ġew ikkonsultati dwar ir-riżultati tal-proċedura tal-għażla u l-mandat għall-Koordinatur Ewropew. L-Istati Membri kkonċernati esprimew il-qbil tagħhom rigward il-ħatra tal-Koordinatur Ewropew f’Ottubru 2025.

(8)

Il-ħatra hija urġenti minħabba l-isfidi fir-reġjun. Għal din ir-raġuni, jenħtieġ li d-deċiżjoni tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tagħha,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Prof Dr Klaus-Dieter Borchardt huwa maħtur bħala Koordinatur Ewropew għall-interkonnettività tal-enerġija fl-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk.

Artikolu 2

(1)   Il-mandat tal-Koordinatur Ewropew għandu jibda fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni u għandu jintemm sena wara dik id-data.

(2)   Il-mandat tal-Koordinatur jista’ jiġġedded darbtejn jekk ikun hemm bżonn. Il-Koordinatur Ewropew jista’, fi kwalunkwe żmien, jitlob lill-Kummissjoni biex ittemm il-mandat tiegħu.

Artikolu 3

L-Anness I jistabbilixxi l-arranġamenti dettaljati għat-twettiq tal-missjoni u tal-kompiti tal-Koordinatur Ewropew.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Ottubru 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 152, 3.6.2022, p. 45, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/869/oj.

(2)  Il-Grupp ta’ Livell Għoli tas-CESEC ġie stabbilit fl-2015 u għandu 17-il membru magħmula minn disa’ Stati Membri tal-UE (l-Awstrija, il-Bulgarija, il-Kroazja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, ir-Rumanija, is-Slovenja u s-Slovakkja) u tmien Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija (l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kosovo*, il-Maċedonja ta’ Fuq, il-Moldova, il-Montenegro, is-Serbja u l-Ukrajna).

* f’konformità mal-UNSCR 1244 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.


ANNESS

Termini ta’ Referenza

Ir-Regolament TEN-E — Koordinatur Ewropew għall-interkonnettività tal-enerġija fl-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk

Introduzzjoni

Il-Koordinatur Ewropew għall-interkonnettività tal-enerġija fl-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Koordinatur”) jinħatar mill-Kummissjoni Ewropea f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2022/869 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea (ir-Regolament TEN-E). Il-Koordinatur se jkun responsabbli biex jiffaċilita l-implimentazzjoni ta’ proġetti li jippromwovu l-interkonnettività u l-funzjonament tajjeb tas-swieq tal-enerġija fl-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk inklużi l-proġetti ta’ interess komuni (PCI, Projects of Common Interest) skont ir-Regolament TEN-E u inizjattivi li jaqgħu taħt l-awspiċji tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Konnettività tal-Enerġija fl-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk (CESEC, Central and South Eastern Europe Energy Connectivity) (1) ippresedut mill-Kummissjoni.

Tul tal-Mandat

Il-Koordinatur se jinħatar għal perjodu inizjali ta’ sena, li jista’ jiġġedded darbtejn, soġġett għal prestazzjoni sodisfaċenti u għall-ħtiġijiet tal-proġetti. Il-Kummissjoni Ewropea tirriżerva d-dritt li tirtira l-ħatra tal-Koordinatur magħżul, fi kwalunkwe mument, f’każ ta’ inattività, kontribut insuffiċjenti jew ta’ kwalità baxxa għall-interkonnettività tal-enerġija fl-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk jew meta l-Koordinatur ma jibqax jissodisfa xi wieħed mir-rekwiżiti tal-għażla.

Kompiti Speċifiċi u Skadenzi Korrispondenti

Il-missjoni tal-Koordinaturi hija li jsaħħaħ l-interkonnettività reġjonali fl-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk, biex jiġi promoss qafas regolatorju li jiżgura l-integrazzjoni tas-suq, l-użu effiċjenti tal-infrastruttura u l-affordabbiltà f’allinjament mal-acquis tal-UE, u biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista u d-diversifikazzjoni tal-enerġija fir-reġjun tal-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk. Il-missjoni tal-Koordinatur hija marbuta mal-implimentazzjoni b’suċċess u f’waqtha ta’ proġetti, kompiti, azzjonijiet u investimenti relatati mat-tlestija tal-proġetti ta’ interess komuni skont ir-Regolament TEN-E fl-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk.

Il-Koordinatur se jipprovdi l-għarfien espert kritiku meħtieġ u s-segwitu mill-qrib meħtieġ għat-tlestija f’waqtha u ordnata tal-proġetti u l-kompiti f’konformità mal-iskadenzi u l-pjan ta’ implimentazzjoni tal-proġetti kif definit fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Elettriku u l-Enerġija Rinnovabbli tas-CESEC u l-Pjan ta’ Azzjoni tas-CESEC dwar il-Gassijiet, inkluż l-iżvilupp futur tagħhom li jirrifletti b’mod partikolari r-riżultati tal-proċedura tal-għażla tal-PCI/PMI li jmiss skont ir-Regolament TEN-E.

Il-Koordinatur se jimmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni kif ukoll il-progress fuq l-investimenti fl-infrastruttura u l-azzjonijiet ta’ politika, jipprovdi pariri u jiffaċilita kwalunkwe miżura li jeħtieġ li tittieħed mill-partijiet ikkonċernati jew mill-awtoritajiet biex jingħelbu d-diffikultajiet potenzjali li jistgħu jdewmu l-implimentazzjoni b’mod sinifikanti, u jirrapporta lura lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri dwar il-progress rilevanti. Il-Koordinatur se jaħdem mill-qrib ma l-Istati Membri kkonċernati, l-awtoritajiet regolatorji, il-promoturi tal-proġetti, u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, u jiffaċilita l-kooperazzjoni bejniethom, biex jiżgura l-implimentazzjoni f’waqtha u b’suċċess tal-proġetti u l-azzjonijiet ta’ politika relatati mal-missjoni. Il-Koordinatur se jkun qed jieħu approċċ proattiv u jikkontribwixxi b’mod attiv, flimkien mal-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri kkonċernati, għall-kisba tal-kompiti u d-dmirijiet definiti meħtieġa għall-proġetti inkluż li jipparteċipa fi gruppi ta’ ħidma, laqgħat jew workshops. Il-Koordinatur se jsejjaħ u jorganizza laqgħat ta’ dan it-tip flimkien mal-Kummissjoni jekk iqishom meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-mandat tiegħu. Il-Koordinatur se jqis il-kooperazzjoni reġjonali fis-CESEC u l-attivitajiet tal-Grupp ta’ Livell Għoli, kif deskritti fil-konklużjonijiet politiċi u fil-pjanijiet ta’ azzjoni rispettivi. Il-ħidma tal-Koordinatur Ewropew għandha tkun bl-Ingliż.

B’mod partikolari, il-Koordinatur se jkun qed jiżgura li l-Kummissjoni tkun tista’ tipprovdi l-appoġġ meħtieġ lill-Istati Membri u lill-promoturi tal-proġetti kkonċernati billi jimplimenta l-kompiti previsti fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament TEN-E:

—

Jippromwovi proġetti PCI li huma inklużi fl-ewwel lista ta’ PCI/PMI fl-Istati Membri tal-UE tas-CESEC, b’mod konkret il-PCI 2.4 tal-Interkonnettur tal-elettriku bejn Würmlach (AT) u Somplago (IT), il-PCI 2.5 tar-raggruppament tal-elettriku bejn l-Ungerija u r-Rumanija, il-PCI 2.8 tal-Interkonnettur bejn Lienz (AT) u r-reġjun tal-Veneto (IT), il-PCI 10.3 tal-Interkonnettur tal-idroġenu bejn il-Greċja u l-Bulgarija, il-PCI 10.4 tal-Kuritur ġeneriku li għandu l-għan li jittrażmetti l-idroġenu mill-Ukrajna lis-Slovakkja, iċ-Ċekja, l-Awstrija u l-Ġermanja, il-grilja intelliġenti tal-elettriku permezz tal-PCI 12.2 CARMEN (BG, RO), il-PCI 12.3 Danube InGrid (HU, SK), il-PCI 12.5 GreenSwitch (AT, HR, SI) u d-djalogu transfruntier bejn il-promoturi tal-proġetti u l-partijiet ikkonċernati kollha. Il-kopertura tal-proġett tista’ titwessa’ abbażi tar-riżultati tal-proċeduri tal-għażla tal-PCI/PMI li jmiss;

—

Jassisti lill-partijiet kollha kif meħtieġ u rikjest fl-azzjonijiet ta’ konsultazzjoni tagħhom mal-partijiet ikkonċernati, fid-diskussjoni dwar orjentazzjonijiet alternattivi, fejn ikun xieraq, u fil-ksib tal-permessi meħtieġa għall-proġetti;

—

Fejn ikun xieraq, jagħti pariri lill-promoturi tal-proġetti dwar il-finanzjament tal-proġetti;

—

Jiżgura appoġġ xieraq u direzzjoni strateġika mill-Istati Membri kkonċernati — u mill-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija sal-punt ikkonċernat — għat-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-proġetti u l-iffaċilitar ta’ fehim komuni u skambju ta’ informazzjoni lejn azzjoni bi qbil u b’mod koeżiv u koerenti mill-entitajiet kollha rilevanti għall-proġetti;

—

Jagħti gwida għall-iżvilupp tan-network tal-enerġija reġjonali fl-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk, inkluż l-appoġġ għall-implimentazzjoni f’waqtha ta’ proġetti ta’ interess reċiproku fir-reġjun; ikkomplementati bl-appoġġ meħtieġ għall-integrazzjoni tas-suq tal-enerġija, is-sigurtà tal-provvista u l-affordabbiltà — f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, l-awtoritajiet, l-atturi tas-suq u l-Partijiet Kontraenti kkonċernati kollha tal-Komunità tal-Enerġija u partijiet ikkonċernati oħra;

—

Jippromwovi l-prijoritajiet definiti fil-Pjan ta’ Azzjoni tas-CESEC dwar l-Elettriku u l-Enerġija Rinnovabbli u l-Pjan ta’ Azzjoni tas-CESEC dwar il-Gassijiet; u

—

Jippreżenta kull sena, u, meta jkun xieraq, mat-twettiq tal-mandat tiegħu, rapport lill-Kummissjoni dwar il-konnettività tas-CESEC u dwar kwalunkwe diffikultà u ostaklu li x’aktarx idewmu b’mod sinifikanti d-data tal-kummissjonar tal-investimenti rilevanti jew il-kisba tal-azzjonijiet rilevanti. Ir-rapport se jintbagħat lill-Parlament Ewropew.

Il-Koordinatur se jkun qed iwettaq il-missjonijiet kollha meħtieġa fis-siti rilevanti marbuta mal-implimentazzjoni tal-proġett jew fejn isiru laqgħat relatati mal-proġett.

L-isforz ta’ koordinazzjoni għandu jkun proporzjonat għall-kumplessità u għall-kostijiet stmati tal-proġetti.

Il-Metodoloġija li għandha tiġi Segwita

Il-Koordinatur se jaħdem f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, b’mod partikolari d-Direttorat Ġenerali għall-Enerġija, il-Grupp ta’ Livell Għoli tas-CESEC, l-Istati Membri u fejn ikun rilevanti, is-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija u l-Partijiet Kontraenti kkonċernati tal-Komunità tal-Enerġija, il-promoturi tal-proġetti, l-awtoritajiet regolatorji u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra.

Indennizz u Rimborż

Il-Koordinatur se jingħata ammont b’rata fissa ta’ EUR 3 000 fix-xahar biex ikopri l-kostijiet relatati mal-assistenza segretarjali, meta din ma tkunx ipprovduta direttament mis-servizzi tal-Kummissjoni, (il-komunikazzjoni, l-għamara tal-uffiċċju mixxellanja, l-ispazju tal-uffiċċju, is-segretarjat), u l-ispejjeż relatati mal-ivvjaġġar fir-rigward tar-rappreżentanza tal-missjonijiet f’konformità mar-regoli tal-Kummissjoni. Il-baġit annwali tal-missjonijiet huwa ta’ EUR 15 000. Ir-regoli dettaljati dwar ir-rimborż għall-missjonijiet se jkunu mfakkra f’dokument separat (“ Vademecum ”).

Kunfidenzjalità u Kunflitt ta’ Interess

Il-Koordinatur ma għandu juża jew jiżvela ebda dokument jew informazzjoni li jsir jaf biha waqt il-qadi ta’ dmirijietu, sakemm tali informazzjoni ma tkunx diġà fid-dominju pubbliku. Il-Koordinatur għandu jevita wkoll kwalunkwe sitwazzjoni li twassal għal kunflitt ta’ interess fir-rigward tal-oqsma li fihom huwa mitlub jintervjeni.

Aċċettazzjoni tat-Termini ta’ Referenza

Meta jaċċetta dan il-mandat, il-Koordinatur jirrikonoxxi li qara, fehem u aċċetta t-termini ta’ referenza u l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan id-dokument.

Vademecum dwar regoli ta’ ħidma speċifiċi għall-Koordinatur Ewropew

I.   Organizzazzjoni tal-missjonijiet

Dan id-dokument jiddeskrivi l-proċedura li għandha tiġi segwita għall-missjonijiet kollha li jitwettqu fil-kuntest tal-attivitajiet tal-Koordinatur Ewropew (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-Koordinatur).

Il-punt ta’ kuntatt tal-Koordinatur fil-Kummissjoni se jkun l-Unità C4 tad-DĠ ENER (Infrastruttura u Kooperazzjoni Reġjonali). Il-persunal tiegħu se jassisti fl-organizzazzjoni tal-missjonijiet u, fejn ikun meħtieġ, jakkumpanja lill-Koordinatur.

1.   TĦEJJIJA TAL-MISSJONI

1.1.   Ordni tal-missjoni

Il-missjonijiet tal-Koordinatur iridu jiġu kkodifikati fl-għodda korporattiva MIPS+ (Sistema Integrata għall-Ipproċessar tal-Missjonijiet) u jenħtieġ li jsegwu r-regoli ġenerali stabbiliti fl-Anness “Gwida għall-missjonijiet u l-ivvjaġġar awtorizzat” li jakkumpanja d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar id-dispożizzjonijiet ġenerali għall-implimentazzjoni tal-Artikoli 11, 12 u 13 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali (spejjeż tal-missjonijiet) u dwar l-ivvjaġġar awtorizzat.

Il-missjonijiet jitqiesu validi biss jekk jiġu approvati mid-Direttur tad-DĠ ENER C (uffiċjal tal-awtorizzazzjoni). Ir-rikjesta għall-missjoni jenħtieġ li tinkludi d-data u l-ħin tal-missjoni, id-destinazzjoni u l-iskop.

1.2.   Prenotazzjoni tal-mezzi tat-trasport

Abbażi tal-ordni tal-missjoni approvata, il-mezzi tal-ivvjaġġar jistgħu jiġu pprenotati permezz tal-aġenzija tal-ivvjaġġar uffiċjali bl-għajnuna tal-Unità C4 tad-DĠ ENER jew mill-Koordinatur personalment. Fil-każ tal-aħħar, il-Koordinatur juri l-biljetti u l-irċevuti bil-prezz indikat b’mod ċar lill-Unità C4 tad-DĠ ENER. Id-DĠ ENER C4 jikkodifika l-arranġamenti tal-ivvjaġġar f’MIPS+.

—

Il-Koordinatur jista’ jitlob biljetti flessibbli jekk ikun hemm riskju apprezzabbli li l-missjoni tiġi kkanċellata jew emendata.

1.3.   Rimborż tal-ispejjeż tal-lukanda

Il-Koordinatur jista’ jagħżel l-akkomodazzjoni, filwaqt li jżomm f’moħħu l-limiti massimi għar-rimborż tal-ispejjeż tal-akkomodazzjoni. Il-kostijiet tal-akkomodazzjoni jiġu rimborżati, mal-preżentazzjoni tal-fattura, sal-limitu massimu għall-post tal-missjoni jew, jekk l-awtorizzazzjoni biex jinqabeż il-limitu massimu tkun ingħatat mill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni, jiġi rimborżat l-ammont sħiħ tal-fattura.

Il-kost ta’ ljieli żejda f’każ ta’ vjaġġar ikkombinat mal-vaganzi ma jkunx kopert.

1.4.   Spejjeż tat-taxi

It-trasferimenti bit-taxi jistgħu jiġu awtorizzati mill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni jekk it-trasport pubbliku ma jkunx alternattiva xierqa. Il-kostijiet jiġu rimborżati mal-preżentazzjoni tad-dokumenti ta’ sostenn.

Il-vjaġġi bit-taxi jenħtieġ li jsiru fiż-żmien indikat fl-ordni tal-missjoni.

1.5.   Kunflitt ta’ interess

—

Għadha tiġi evitata kull sitwazzjoni li twassal għal kunflitt ta’ interess fir-rigward tal-oqsma li fihom il-Koordinatur jintalab jintervjeni. Il-Koordinatur għandu jinforma minnufih lill-Kummissjoni b’kull kunflitt ta’ interess li jinqala’ matul il-mandat tiegħu.

—

Barra minn hekk, il-Koordinatur ma għandu juża jew jiżvela ebda dokument jew informazzjoni li jsir jaf biha waqt il-qadi ta’ dmirijietu, sakemm tali informazzjoni ma tkunx diġà fid-dominju pubbliku. Ir-riżultati kollha prodotti mill-Koordinatur se jkunu proprjetà tal-Unjoni, li tista’ tużahom jew tippubblikahom kif jidhrilha xieraq.

—

Il-missjonijiet ma jistgħux jitħallsu mill-organizzaturi ta’ avveniment. Dan japplika wkoll għal missjonijiet offruti mill-Istati Membri. L-arranġamenti tal-ivvjaġġar/missjoni se jkunu koperti mill-Kummissjoni Ewropea.

—

Sabiex isir l-aħjar użu mill-baġit tal-missjoni, jekk ikun possibbli, il-laqgħat jew iż-żjarat jenħtieġ li jinġabru flimkien biex jitnaqqas in-numru tagħhom, u jkunu mmirati u ottimizzati.

—

Jenħtieġ li modi ta’ trasport li jkunu aktar ekoloġiċi jingħataw prijorità għall-missjonijiet. Kwalunkwe offerta ta’ rigali b’rabta mal-qadi tad-dmirijiet tal-Koordinatur jenħtieġ li tiġi rrifjutata sakemm ma tkunx ta’ valur simboliku u ma taqbiżx EUR 50. Il-Koordinatur għandu jkun marbut bil-gwida tal-Kummissjoni għall-missjonijiet bħala referenza fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni għall-ħatra tiegħu.

2.   WARA L-MISSJONI

2.1.   Rapport tal-missjoni

Il-Koordinatur irid jipprovdi rapport tal-missjoni. Jekk il-Koordinatur ikun akkumpanjat minn rappreżentant tal-Unità C4 tad-DĠ ENER, il-Koordinatur jista’ juża l-appoġġ tar-Rappreżentant biex jipprovdi r-rapport. Ir-rapport tal-missjoni jintbagħat lid-Direttur tad-DĠ ENER C għall-informazzjoni, mehmuż mat-talba għar-rimborż tal-ispejjeż. F’ċertu stadju, dawn id-dokumenti jistgħu jintalbu mill-Parlament Ewropew jew mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri biex jivvalutaw il-ġustifikazzjoni tal-ispejjeż.

Data:

Isem, kunjom:

Firma:


(1)  Il-Grupp ta’ Livell Għoli tas-CESEC ġie stabbilit fl-2015 u għandu 17-il membru magħmula minn disa’ Stati Membri tal-UE (l-Awstrija, il-Bulgarija, il-Kroazja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, ir-Rumanija, is-Slovenja u s-Slovakkja) u tmien Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija (l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kosovo*, il-Maċedonja ta’ Fuq, il-Moldova, il-Montenegro, is-Serbja u l-Ukrajna).

* f’konformità mal-UNSCR 1244 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2204/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)