|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/1793 |
17.7.2026 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1793
tas-16 ta’ Lulju 2026
li tapprova derogi mir-Regolament (UE) 2026/467 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà tal-prodotti tad-difiża għall-assistenza finanzjarja lill-Ukrajna
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2026/467 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Frar 2026 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa għall-istabbiliment tas-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna għall-2026 u l-2027 (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 13(5) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
F’konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2026/467, l-Ukrajna trid tfassal skeda għal kull attività, nefqa jew miżura relatata ma’ prodott tad-difiża jew prodott ieħor għal finijiet tad-difiża li għalih ikun beħsiebha tirċievi assistenza, biex tappoġġa l-kapaċitajiet industrijali tad-difiża tagħha, skont l-Artikolu 8(2), il-punt (a)(iii), tar-Regolament (UE) 2026/467. |
|
(2) |
Tali skeda għandha tistabbilixxi deskrizzjoni tal-prodott tad-difiża jew ta’ prodott ieħor għall-finijiet tad-difiża u informazzjoni dwar il-konformità mal-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2026/467. |
|
(3) |
L-Artikolu 13(5) tar-Regolament (UE) 2026/467 jistabbilixxi derogi mill-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà tal-prodotti tad-difiża għall-assistenza finanzjarja lill-Ukrajna. Il-Kummissjoni għandha tapprova tali derogi permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, filwaqt li tqis il-parir, l-għarfien espert u l-appoġġ tal-Grupp ta’ Esperti dwar il-Kapaċitajiet Industrijali tad-Difiża tal-Ukrajna, u sakemm il-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 27 ta’ dak ir-Regolament jagħti opinjoni pożittiva. |
|
(4) |
Fil-25 ta’ Ġunju 2026, l-Ukrajna ppreżentat skeda lill-Kummissjoni, ikklassifikata f’livell ekwivalenti għal RESTREINT UE/EU RESTRICTED f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 (2), għal attivitajiet, nefqiet jew miżuri relatati ma’ prodotti tad-difiża jew prodotti oħra għal finijiet tad-difiża li għalihom l-Ukrajna jkun beħsiebha titlob assistenza, f’konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2026/467 (“it-tieni skeda tal-prodotti”). |
|
(5) |
Għall-prodotti tad-difiża inklużi fit-tieni skeda tal-prodotti, l-Ukrajna talbet li tibbenefika mid-deroga stabbilita fl-Artikolu 13(5), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2026/467, fir-rigward tal-kost tal-komponenti tal-prodotti meħtieġa b’mod urġenti mill-Ukrajna biex twieġeb għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja, li joriġinaw barra mill-Unjoni, mill-Istati taż-ŻEE-EFTA u mill-Ukrajna, stabbiliti fl-Artikolu 13(4), il-punt (g), ta’ dak ir-Regolament. |
|
(6) |
B’appoġġ għat-talba tagħha, l-Ukrajna pprovdiet informazzjoni biex turi li ma hemm l-ebda prodott ekwivalenti li jwieġeb għall-ħtieġa urġenti tagħha li jikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(4), il-punt (g), tar-Regolament (UE) 2026/467, jew li jkun disponibbli fl-iskala meħtieġa u li ż-żmien meħtieġ għall-konsenja tiegħu jkun proporzjonat mal-urġenza tas-sitwazzjoni u mal-ħtiġijiet operazzjonali immedjati tal-Ukrajna. |
|
(7) |
Fit-2 ta’ Lulju 2026, il-Kummissjoni kkonsultat lill-Grupp ta’ Esperti dwar il-Kapaċitajiet Industrijali tad-Difiża tal-Ukrajna, stabbilit abbażi tal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2026/467, dwar it-talba għal deroga tal-Ukrajna u rċeviet il-parir tiegħu fl-istess data. |
|
(8) |
Minħabba li l-analiżi tat-talba u l-parir tal-Grupp ta’ Esperti wrew li l-kundizzjonijiet għad-deroga stabbiliti fl-Artikolu 13(5) tar-Regolament (UE) 2026/467 huma ssodisfati, jenħtieġ li d-deroga mitluba mill-Ukrajna fil-25 ta’ Ġunju 2026 tiġi approvata. |
|
(9) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-kumitat stabbilit fl-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) 2026/467. |
|
(10) |
Fid-dawl tal-urġenza biex l-Ukrajna takkwista l-prodotti mitluba u biex tippermetti implimentazzjoni rapida tad-deroga, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Kummissjoni tapprova l-użu tad-derogi f’konformità mal-Artikolu 13(5), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2026/467 kif mitlub mill-Ukrajna fit-tieni skeda tal-prodotti tagħha li waslet għand il-Kummissjoni fil-25 ta’ Ġunju 2026.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Lulju 2026.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L, 2026/467, 26.2.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2026/467/oj.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-Sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/444/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/1793/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)