Brussell, 21.8.2020

COM(2020) 428 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-istat attwali tal-preparazzjonijiet għall-implimentazzjoni sħiħa tar-Regolamenti dwar l-Interoperabilità skont l-Artikolu 78(5) tar-Regolament (UE) 2019/817 u l-Artikolu 74(5) tar-Regolament (UE) 2019/818





1.Introduzzjoni

Fil-11 ta’ Ġunju 2019, ir-Regolamenti dwar l-Interoperabilità 1 daħlu fis-seħħ. Ir-Regolamenti huma mfassla biex jaġġornaw is-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE għall-ġestjoni tas-sigurtà, tal-fruntieri u tal-migrazzjoni u jagħmluhom jaħdmu flimkien b’mod aktar intelliġenti u effiċjenti. L-interoperabbiltà bejn is-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE ġiet stabbilita bil-ħsieb li ttejjeb l-effikaċja u l-effiċjenza tal-kontrolli fil-fruntieri esterni, tikkontribwixxi għall-prevenzjoni tal-immigrazzjoni illegali u tikkontribwixxi għal livell għoli ta’ sigurtà fil-qasam tal-libertà, sigurtà u ġustizzja tal-Unjoni. Hija għandha wkoll l-għan li ttejjeb l-implimentazzjoni tal-politika komuni dwar il-viżi, li tassisti fl-eżami ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, li tikkontribwixxi għall-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi u reati kriminali serji oħra u li tiffaċilita l-identifikazzjoni ta’ persuni mhux magħrufa.

Qabel l-adozzjoni tar-Regolamenti, f’April 2016, il-Kummissjoni ppreżentat Komunikazzjoni Sistemi ta’ Informazzjoni Aktar b’Saħħithom u Aktar Intelliġenti għall-Fruntieri u s-Sigurtà 2 . Din semmiet modi possibbli biex is-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE jaħdmu aħjar biex tissaħħaħ il-ġestjoni tal-fruntieri u s-sigurtà interna. Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Lulju 2016, il-Parlament Ewropew sejjaħ għal proposti għat-titjib u l-iżvilupp tas-sistemi ta’ informazzjoni eżistenti tal-UE, l-indirizzar tal-lakuni ta’ informazzjoni u l-mixja lejn l-interoperabbiltà tagħhom, kif ukoll proposti għall-kondiviżjoni obbligatorja ta’ informazzjoni fil-livell tal-UE, flimkien mas-salvagwardji neċessarji għall-ħarsien tal-informazzjoni. Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2016, il-Kunsill Ewropew talab għal xogħol li jkompli l-kisba tal-interoperabbiltà tas-sistemi ta' informazzjoni u tal-bażijiet ta' data tal-UE.

L-interoperabbiltà bejn is-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE ġiet stabbilita sabiex dawn is-sistemi u d-data tagħhom jissupplimentaw lil xulxin filwaqt li jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali tal-individwi, b’mod partikolari d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali.

Fiż-żmien tal-adozzjoni tar-Regolamenti dwar l-Interoperabilità, kienu qed joperaw tliet sistemi ta’ informazzjoni tal-UE: is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS), is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u s-sistema Eurodac. Barra minn hekk, tliet sistemi oħra bħalissa jinsabu fil-fażi ta’ żvilupp: is-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES), is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u s-sistema ċentralizzata għall-identifikazzjoni ta’ Stati Membri fil-pussess ta’ informazzjoni dwar kundanni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni mingħajr stat (sistema ECRIS-TCN).

Ir-Regolamenti dwar l-Interoperabbiltà jistabbilixxu dispożizzjonijiet dwar il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni u b’mod partikolari mill-eu-LISA għall-iżvilupp tekniku. L-eu-LISA ressqet l-ewwel rapport f’Diċembru 2019. 3

Skont it-termini tal-Artikolu 78(5) tar-Regolament (UE) 2019/817 u l-Artikolu 74(5) tar-Regolament (UE) 2019/818, il-Kummissjoni hija meħtieġa tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-istat attwali tat-tħejjijiet għall-implimentazzjoni sħiħa tar-Regolamenti. Ir-rapport jenħtieġ li jinkludi informazzjoni dettaljata dwar il-kostijiet imġarrba u informazzjoni dwar kwalunkwe riskju li jista’ jkollu impatt fuq il-kostijiet globali, kif previst fir-Regolamenti dwar l-Interoperabbiltà. Rapporti simili għandhom jiġu ppreżentati mill-Kummissjoni kull sena sakemm id-dati tal-bidu tal-operazzjonijiet tal-komponenti tal-interoperabbiltà jiġu ddeterminati permezz tal-atti ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 72 tar-Regolament (UE) 2019/817 u l-Artikolu 68 tar-Regolament (UE) 2019/818.

2.Leġiżlazzjoni implementattiva

Ir-Regolamenti dwar l-Interoperabbiltà jipprovdu li jenħtieġ li tiġi adottata leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni sabiex tissupplimenta u timplimenta ċerti aspetti tekniċi dettaljati tar-Regolamenti. Uħud minn dawn l-atti huma meħtieġa biex jippermettu b’mod sħiħ lil eu-LISA tibda d-disinn u l-iżvilupp tagħha tal-komponenti fil-kuntest tal-arkitettura ġenerali tas-sistema, speċjalment minħabba li din teħtieġ id-definizzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u t-tħejjija ta’ proċeduri ta’ akkwist sabiex taħdem mal-kuntratturi. Termini ta’ referenza bħal dawn iridu jkunu bbażati fuq speċifikazzjonijiet tekniċi ċari u kompluti stabbiliti fis-sejħiet għall-offerti meħtieġa. Huma meħtieġa atti oħra biex jiġu stabbiliti regoli tekniċi biex tiġi ffaċilitata l-operazzjoni fuq il-post mill-awtoritajiet rilevanti, pereżempju permezz tal-użu ta’ formoli standard u l-istabbiliment ta’ proċeduri ta’ kooperazzjoni biex jiġu indirizzati inċidenti ta’ sigurtà.

Mad-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti, il-Kummissjoni bdiet tħejji l-ewwel sett ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni (erba’ atti ta’ implimentazzjoni u żewġ atti delegati) meħtieġa fil-bidu nett tal-proċess ta’ tfassil u żvilupp.

Għall-atti ta’ implimentazzjoni, ġie stabbilit kumitat skont l-Artikolu 74 tar-Regolament (UE) 2019/817 u l-Artikolu 70 tar-Regolament (UE) 2019/818.

Għat-tħejjija tal-atti delegati meħtieġa, ġie stabbilit grupp ta’ esperti skont l-Artikolu 73 tar-Regolament (UE) 2019/817 u l-Artikolu 69 tar-Regolament (UE) 2019/818.

3.Monitoraġġ tal-implimentazzjoni mill-Istati Membri u mill-aġenziji tal-Unjoni

Ir-Regolamenti dwar l-Interoperabbiltà ġew identifikati bħala ta’ prijorità għolja taħt id-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi tal-UE għall-2018–19. Minbarra l-prijorità identifikata matul il-proċess leġiżlattiv, l-importanza tal-implimentazzjoni tar-Regolamenti kellha tiġi rikonoxxuta. Sabiex tinkiseb implimentazzjoni sħiħa, l-Istati Membri, l-aġenziji tal-Unjoni u l-Kummissjoni jridu javvanzaw flimkien sabiex jevitaw sitwazzjoni fejn in-nuqqas ta’ azzjoni minn xi wieħed minnhom iwassal għal dewmien fl-operazzjoni għal kulħadd.

B’dan f’moħħha, il-Kummissjoni bdiet sensiela ta’ laqgħat ta’ forum biex tlaqqa’ flimkien is-sħab kollha involuti biex jiddiskutu kif jistgħu javvanzaw it-tħejjija u l-prontezza, u biex jidentifikaw ir-riskji u s-soluzzjonijiet fl-interess ta’ kulħadd. L-għan kien li jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex tintlaħaq il-mira li s-sistemi ta’ informazzjoni kollha tal-UE jiġu allinjati kompletament mal-qafas għall-interoperabbiltà sa tmiem l-2023. Minbarra l-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati ta’ Schengen, u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni (eu-LISA, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u Europol), il-parteċipazzjoni fil-forum ġiet estiża għal partijiet interessati oħra: il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, il-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil, l-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

L-ewwel forum sar f’Marzu 2019, ladarba ntlaħaq qbil proviżorju bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul id-diskussjonijiet interistituzzjonali. Il-Forum għaraf il-prijorità immedjata li ssir enfasi fuq l-implimentazzjoni sħiħa tal-arkitettura l-ġdida għas-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE għall-fruntieri, il-migrazzjoni u s-sigurtà. Biex tappoġġa dan, il-Kummissjoni kienet ipprevediet tabella ta’ valutazzjoni bil-ħsieb li jiġu stabbiliti arranġamenti effettivi ta’ monitoraġġ u koordinazzjoni. L-għan kien li jiġi adottat approċċ ħafif li jaħdem mal-koordinaturi nazzjonali, li għandu jiżgura li l-partijiet interessati kollha jkunu konxji b’mod sħiħ. Kellha tingħata attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet finanzjarji u tar-riżorsi umani, inkluż it-taħriġ tal-utenti aħħarin sabiex l-implimentazzjoni tirrispetta l-iskeda. Ġie rikonoxxut ukoll li l-bord ta’ ġestjoni tal-eu-LISA kellu responsabbiltà ta’ koordinazzjoni teknika taħt id-diversi biċċiet ta’ leġiżlazzjoni, u li l-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni jenħtieġ li jinkludi regolarment fuq l-aġenda tiegħu l-istat attwali tal-implimentazzjoni.

F’Novembru 2019, it-tieni forum irrikonoxxa l-valur ta’ laqgħa fuq bażi regolari, u tat-tabella ta’ valutazzjoni bħala għodda biex tgħin lill-Istati Membri, lill-aġenziji tal-Unjoni u lill-Kummissjoni biex ikomplu jaħdmu flimkien fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-arkitettura l-ġdida tal-IT għall-fruntieri, il-migrazzjoni u s-sigurtà. Il-ħtiġijiet finanzjarji u tar-riżorsi umani komplew jiġu identifikati bħala kwistjoni ewlenija. Għalhekk, ġie ssuġġerit li l-partijiet involuti kollha jenħtieġ li jħejju pjanijiet indikattivi pluriennali tar-riżorsi. Il-Kummissjoni pproponiet ukoll li tiżviluppa pjattaforma biex tiġbor informazzjoni, inkluż dwar l-aħjar prattiki, u tagħmilha faċilment disponibbli għal kulħadd biex tiffaċilita l-iskambji u l-progress. Ġie rikonoxxut ukoll li hekk kif l-implimentazzjoni mxiet ’il quddiem, għandha tingħata aktar attenzjoni għall-implimentazzjoni operattiva u prattika.

It-tielet forum sar — b’vidjokonferenza — f’Mejju 2020. Il-Kummissjoni pprovdiet il-valutazzjoni tagħha tas-sitwazzjoni ġenerali abbażi ta’ tabella ta’ valutazzjoni li tkopri r-rekwiżiti ewlenin tal-implimentazzjoni:

·Matul l-aħħar sena l-implimentazzjoni mxiet ’il quddiem iżda għad fadal sfidi. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw appoġġ politiku ta’ livell għoli.

·L-Istati Membri jenħtieġ li jiffinalizzaw il-valutazzjoni tagħhom tal-leġiżlazzjoni nazzjonali meħtieġa u jħejjuha kif xieraq.

·B’mod ġenerali, ġie nnutat progress tajjeb dwar l-arranġamenti ta’ governanza.

·L-Istati Membri għandhom jistmaw b’mod rapidu l-ħtiġijiet tagħhom ta’ riżorsi u jiksbuhom.

B’mod parallel mal-implimentazzjoni tar-Regolamenti dwar l-Interoperabbiltà, l-iżvilupp relatat ta’ sistemi individwali tal-IT, kemm eżistenti kif ukoll ġodda, għadu għaddej ukoll. Hekk kif l-arkitettura ġenerali l-ġdida tiġi żviluppata, huwa essenzjali għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti dwar l-Interoperabilità li s-sistemi individwali kollha jkunu kompletament operattivi wkoll. Rigward il-progress fis-sistemi individwali, il-Kummissjoni esprimiet tħassib dwar ir-riżultati rigward l-iżvilupp tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ. Għalkemm il-perjodu ta’ ttestjar huwa ppjanat li jibda sal-aħħar ta’ din is-sena, l-Istati Membri indikaw livell baxx ta’ tħejjija għall-implimentazzjoni tas-sistema fil-livell nazzjonali. Dan jista’ jkollu impatti negattivi fuq il-bidu tal-operazzjonijiet tiegħu. Fid-dawl ta’ dan, l-Istati Membri jenħtieġ li jħaffu l-proċeduri interni biex jimmobilizzaw ir-riżorsi umani meħtieġa, u biex iħaffu l-proċess tal-akkwist, li kellu jitlesta s-sena l-oħra, għall-adattament tas-sistemi nazzjonali tagħhom fid-dawl tal-konnessjoni mas-sistema ċentrali ta’ Dħul/Ħruġ.

Il-forum kien ukoll l-okkażjoni biex xi wħud iqajmu tħassib minħabba l-kriżi tal-Covid-19, u dan indika li din tista’ twassal għal xi dewmien, b’mod partikolari fir-rigward tal-bidu tal-operazzjonijiet tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ. Tabilħaqq, l-impatti fuq l-iżvilupp tas-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE, bħas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ, jista’ jkollhom riperkussjonijiet fuq l-iżvilupp tal-komponenti tal-interoperabbiltà. Madankollu, dawn l-impatti mhumiex lineari, li jfisser li filwaqt li dewmien ta’ xahar għall-bidu tal-operazzjonijiet għal sistema waħda tal-IT potenzjalment jimplika dewmien sa xahar għall-bidu tal-operazzjonijiet tal-komponenti tal-interoperabbiltà, huwa wkoll possibbli li d-dewmien ma jdewwimx il-bidu tal-operazzjonijiet tagħhom.

Fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali, jibqa’ livell ta’ inċertezza għall-atturi kollha involuti fir-rigward tal-effett tal-kriżi tal-Covid-19 fuq proġetti li għaddejjin bħalissa. Il-Kummissjoni biħsiebha tinvolvi ruħha ma’ eu-LISA u l-Istati Membri fix-xhur li ġejjin sabiex issir diskussjoni dettaljata dwar l-impatti possibbli tal-kriżi fil-forum li jmiss, skedat għall-ħarifa tal-2020.

Matul il-perijodu ta’ rappurtar, il-Presidenzi tal-Kunsill komplew juru l-impenn tagħhom lejn l-implimentazzjoni, b’xi wħud jorganizzaw konferenzi tagħhom stess biex jilħqu l-udjenza usa’ kkonċernata. Il-Kummissjoni tilqa’ inizjattivi bħal dawn mill-Presidenzi.

4.Ħtiġijiet ta’ taħriġ

Matul id-diskussjonijiet fit-tliet laqgħat tal-Forum, ġie enfasizzat ripetutament li l-interoperabbiltà tirrappreżenta aktar minn proġett tal-IT. L-utenti aħħarin — il-gwardji tal-fruntiera, l-awtoritajiet tal-ażil, l-uffiċjali tal-pulizija — se jkollhom bżonn ikunu jafu eżattament kif jaċċessaw l-informazzjoni disponibbli għalihom. It-taħriġ tal-persunal ikkonċernat żdied b’mod kostanti bħala neċessità. Minħabba dan l-għarfien, il-Kummissjoni ħadet l-impenn li torganizza avveniment Taħriġ għall-Ambaxxaturi f’Marzu 2020, bil-għan li tipprovdi materjal lill-entitajiet responsabbli tal-Istati Membri biex tippermettilhom jinfurmaw u jagħtu struzzjonijiet lill-utenti aħħarin dwar l-użu tal-qafas u l-komponenti tal-interoperabbiltà. Filwaqt li l-avveniment ta’ taħriġ fiżiku ma setax isir minħabba l-kriżi tal-Covid-19, il-Kummissjoni għamlet disponibbli materjal ta’ taħriġ b’mod diġitali.

5.Kostijiet u Riskji

Id-Dikjarazzjoni Finanzjarja Leġiżlattiva annessa mal-proposti tal-Kummissjoni Ewropea għaż-żewġ Regolamenti dwar l-Interoperabilità rriservat ammont ta’ EUR 11,954,000 għall-iżvilupp tal-interoperabilità fl-2020. Kif imsemmi fit-tieni Rapport dwar il-Progress tal-Interoperabbiltà ta’ eu-LISA 4 ta’ Ġunju 2020, ammont ta’ EUR 1,718,606 s’issa ġie utilizzat biex jappoġġa l-attivitajiet ta’ tħejjija tal-interoperabbiltà.

Taħt il-Fond għas-Sigurtà Interna, ma hemm l-ebda baġit allokat lill-Istati Membri fl-2020 speċifikament għall-interoperabbiltà. Skont il-Qafas Finanzjarju Pluriennali futur, skedat li jkopri l-perjodu 2021–2027, qed jiġu proposti EUR 136.3 miljun għall-Istati Membri biex ikopru l-bidliet fis-sistemi nazzjonali tagħhom sabiex jużaw il-komponenti tal-interoperabbiltà. Dawn il-fondi huma allokazzjoni li tappoġġa lill-Istati Membri fil-proġetti tagħhom u mhumiex rimborż tal-kostijiet reali mġarrba. Bħala tali, dawn il-baġits ma għandhomx l-istess riskju li jkollhom jissodisfaw it-talbiet għal finanzjament addizzjonali bħal dawk attribwiti lill-aġenziji tal-Unjoni kompletament iffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni.

Fir-rigward ta’ riskji ta’ qbiż, il-kriżi tal-Covid-19 inevitabbilment se jkollha impatt fuq it-tul ta’ żmien ta’ xi partijiet individwali tal-proġett ġenerali biex tiġi implimentata l-arkitettura l-ġdida għas-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE għall-fruntieri, il-migrazzjoni u s-sigurtà. Dan l-impatt bħalissa qed jiġi evalwat skont l-iskeda ppjanata. Tul ta’ żmien itwal tal-proġett x’aktarx li jżid il-kostijiet. Madankollu, peress li l-iżvilupp tal-interoperabbiltà għadu kemm beda, għad hemm lok għal manuvrar biex jittaffa l-effett fuq l-iskeda u l-kost globali. Fiż-żmien tal-pubblikazzjoni tar-rapport, il-proġett ta’ interoperabbiltà għadu jżomm mal-iskeda u mal-istima baġitarja inizjali tiegħu.

6.Konklużjoni

Fid-dawl tal-impenn ġenerali mill-Istati Membri kollha, il-pajjiżi assoċjati ma’ Schengen u l-aġenziji tal-Unjoni li jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tar-Regolamenti dwar l-Interoperabbiltà, il-Kummissjoni qed tkompli tikkoordina u timmonitorja l-azzjonijiet ta’ dawk kollha involuti bl-għan li jkun hemm disponibbiltà sħiħa tas-sistemi tal-IT ġodda u aġġornati u l-komponenti tal-interoperabbiltà sa tmiem l-2023.

Kif innotat hawn fuq, il-ħidma fuq l-implimentazzjoni tar-Regolamenti dwar l-Interoperabbiltà s’issa tinsab fit-triq it-tajba. Madankollu, l-implimentazzjoni tal-qafas għall-interoperabbiltà teħtieġ li l-atturi kollha javvanzaw flimkien fuq is-sistemi ta’ informazzjoni u l-komponenti tal-interoperabbiltà kollha tal-UE. Il-possibbiltà ta’ dewmien li jirriżulta mill-kriżi tal-Covid-19, b’mod partikolari dwar l-iżvilupp tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ, se jkollha tinżamm taħt sorveljanza u l-Kummissjoni se timpenja ruħha ma’ dawk kollha kkonċernati biex tikseb l-aktar xenarju ċar possibbli ta’ dewmien potenzjali li jista’ jinqala’ u li kwalunkwe dewmien bħal dan jinżamm kemm jista’ jkun qasir biex tiġi rispettata l-iskeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni. Il-Kummissjoni hija impenjata li tagħmel l-almu tagħha, flimkien mal-Istati Membri u l-aġenziji tal-Unjoni, biex tiżgura li kwalunkwe impatt li jirriżulta mill-kriżi tal-Covid-19 fuq id-data mira għall-implimentazzjoni sħiħa jkun kemm jista’ jkun limitat, u li l-kostijiet ġenerali previsti jibqgħu fi ħdan il-baġit stmat stabbilit fid-Dikjarazzjoni Finanzjarja Leġiżlattiva.

(1)

   Ir-Regolament (UE) 2019/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta' informazzjoni tal-UE fil-qasam ta' fruntieri u viża u li jemenda r-Regolamenti (KE) 767/2008, (UE) 2016/399, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240, (UE) 2018/1726 u (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2004/512/KE u 2008/633/ĠAI;

   Ir-Regolament (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta' qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta' informazzjoni tal-UE fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja, l-ażil u l-migrazzjoni u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2018/1726, (UE) 2018/1862 u (UE) 2019/816.

(2)

COM/2016/0205 final.

(3)

   Ir-Rapport dwar l-iżvilupp tal-interoperabilità (2019–307).

(4)

   Rapport dwar l-iżvilupp tal-interoperabilità (2020-148).