|
29.9.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 242/318 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2023/1890 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tal-10 ta’ Mejju 2023
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) għas-sena finanzjarja 2021
IL-PARLAMENT EWROPEW,
|
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) għas-sena finanzjarja 2021, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0130/2023), |
|
A. |
billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tiegħu (1), il-baġit finali tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) (l-“Istitut”) għas-sena finanzjarja 2021 kien jammonta għal EUR 360 913 825,71, li jirrappreżenta tnaqqis ta’ 42,26 % meta mqabbel mal-2020; |
|
B. |
billi EUR 357 511 198 (96 %) ġew allokati mill-Bord tat-Tmexxija lit-tmien Komunitajiet ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni (KKI) tal-Istitut għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ direzzjoni tan-negozju tal-2021 tagħhom; |
|
C. |
billi l-baġit għas-sena finanzjarja 2021 naqas minħabba l-ammont ferm aktar baxx ta’ għotjiet mogħtija u implimentati għall-KKI fl-2021 minħabba t-tranżizzjoni bejn il-perjodu tal-qafas finanzjarju pluriennali preċedenti u dak ġdid; |
|
D. |
billi l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Istitut għas-sena finanzjarja 2021 (ir-“rapport tal-Qorti”), tiddikjara li l-Qorti kisbet aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Istitut huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari; |
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
|
1. |
Jinnota li l-isforzi ta’ monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2021 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn tas-sena attwali ta’ 97,91 %, li tfisser tnaqqis ta’ 1,94 % meta mqabbla mal-2020; jinnota, barra minn hekk, li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament tas-sena attwali kienet ta’ 99,47 %, li tirrappreżenta żieda ta’ 0,34 % meta mqabbla mal-2020; |
|
2. |
Jinnota l-adozzjoni tal-Aġenda Strateġika ta’ Innovazzjoni (ASI) 2021-2027 tal-Istitut li timmarka ż-żieda fil-baġit tal-Istitut ta’ kważi EUR 3 biljun għall-perjodu ta’ seba’ snin u mandat imsaħħaħ; |
|
3. |
Jinnota, fir-rigward tal-osservazzjoni ta’ segwitu fir-rigward tar-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza ta’ EUR 1 200 imġarrba minn membru interim tal-persunal tal-Istitut, li, bħala miżura korrettiva, fl-2022 l-Istitut nieda offerta ġdida għall-ikkuntrattar ta’ servizzi interim, li tkopri l-ispejjeż tal-missjonijiet tal-aġenti interim u l-aspetti relatati mal-ivvjaġġar sabiex jittaffew ir-riskji potenzjali; |
Prestazzjoni
|
4. |
Jinnota li l-Istitut juża sistema ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni assoċjata mal-KKI tal-Istitut; jinnota li, bħal f’dawn l-aħħar snin, il-KKI ma użawx bis-sħiħ l-ammonti tal-għotjiet mogħtija mill-Istitut; |
|
5. |
Jinnota li l-Istitut implimenta b’mod estensiv il-programm ta’ ħidma tiegħu fl-2021, għalkemm seħħ xi dewmien minħabba l-adozzjoni tardiva tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 (2) u r-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3); jinnota li xi prijoritajiet ġew posposti għall-2022, jiġifieri l-istrateġija ta’ monitoraġġ u t-tranżizzjoni lejn eGrants, minħabba r-riżorsi umani insuffiċjenti tal-Istitut; jinnota, fost il-kisbiet ewlenin tal-Istitut fl-2021, it-tnedija tal-“Inizjattiva HEI: Bini ta’ Kapaċità ta’ Innovazzjoni għall-Edukazzjoni Għolja”, li tirrappreżenta objettiv ewlieni tal-ASI għall-2021-2027; japprezza li ż-żmien medju għall-għotja naqas minn 187 jum għal 117-il jum; |
|
6. |
Jilqa’ l-iżvilupp ta’ sinerġiji u prattiki ta’ kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet u korpi oħra; jinnota f’dan il-kuntest il-progress fl-2021 fl-implimentazzjoni tal-memorandum ta’ qbil tal-Istitut mal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC), hekk kif proġetti konġunti rigward in-negozji ġodda tal-KKI jingħaqdu mal-programm ta’ aċċellerazzjoni tal-EIC jew bil-promozzjoni tal-aġenda tal-intraprenditorija tan-nisa; jinnota l-kooperazzjoni tal-Istitut mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi f’oqsma bħall-bordijiet ta’ reklutaġġ jew il-back up tat-teknoloġija tal-informazzjoni (IT); jinnota wkoll il-kollaborazzjoni produttiva tal-Istitut mal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea biex tingħata spinta lill-innovazzjoni fost in-negozji Ewropej u l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, hekk kif aktar minn 700 persuna pparteċipaw f’35 attività fl-2021; |
Politika dwar il-persunal
|
7. |
Jinnota li, fil-31 ta’ Diċembru 2021, 93 % tat-tabella tal-persunal kienet implimentata, bil-ħatra ta’ 42 aġent temporanju minn total ta’ 45 aġent temporanju awtorizzat skont il-baġit tal-Unjoni (l-istess għadd ta’ pożizzjonijiet awtorizzati bħal fl-2020); jinnota wkoll, barra minn hekk, li fl-2021 kienu jaħdmu għall-Istitut 21 aġent kuntrattwali, 15-il persuna interim kif ukoll espert nazzjonali sekondat; |
|
8. |
Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ bilanċ bejn il-ġeneri fil-pożizzjonijiet maniġerjali superjuri u intermedji tal-Istitut, peress li ħamsa minn sitta (83 %) huma rġiel; jinnota r-rappreżentazzjoni tal-ġeneri fi ħdan il-bord tat-tmexxija tal-Istitut, fejn 9 minn 15-il persuna (60 %) huma rġiel u fi ħdan il-persunal ġenerali tal-Istitut, fejn 35 minn 63 persuna (56 %) huma nisa; jinnota l-impenn tal-Istitut biex jimplimenta l-pjan ta’ azzjoni tiegħu dwar il-ġeneru, b’sensiela ta’ attivitajiet organizzati fl-2021, bħall-programm trasversali tal-KKI ddedikat għall-intraprenditorija u t-tmexxija tan-nisa u l-proġett iddedikat “Girls Go Circular” biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-oqsma tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika; jistieden lill-Istitut jieħu miżuri konkreti biex itejjeb il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-livelli kollha tal-ġerarkija malajr kemm jista’ jkun u jirrapporta lura lill-awtorità ta’ kwittanza; |
|
9. |
Jinnota li eks Kummissarju u eks Membru tal-Parlament Ewropew qed jirċievu flus mill-baġit tal-Istitut bħala membri tal-bord tat-tmexxija tal-Istitut; |
|
10. |
Jinnota d-dawran tal-impjegati tal-Istitut ta’ 6,3 % fl-2021; jinnota d-diffikultajiet tal-Istitut biex jattira u jżomm professjonisti b’ħiliet għolja minħabba l-koeffiċjenza baxxa tas-salarju għall-Ungerija; jilqa’ l-miżuri ta’ inċentivar u l-inizjattivi soċjali tal-Istitut biex jipprevjeni rata għolja ta’ dawran tal-impjegati; |
|
11. |
Jinnota ż-żieda konsiderevoli fl-ammont ta’ xogħol tal-Istitut fl-2021 kif ukoll il-kompiti ġodda marbuta mal-mandat estiż tal-Istitut fl-ambitu tal-Orizzont Ewropa; jinnota, madankollu, li ż-żieda fix-xogħol fir-rigward tal-mandat u l-kompiti ma kinux akkumpanjati minn riżorsi ġodda ta’ persunal, u dan wassal għal sitwazzjoni kritika ta’ nuqqas ta’ persunal li tpoġġi f’riskju l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma pluriennali tal-Istitut kif ukoll l-assigurazzjoni dwar il-fondi ġestiti; jinnota li, b’konsegwenza, l-ispejjeż amministrattivi tal-Istitut huma baxxi ħafna, jiġifieri 2 % tal-baġit totali tiegħu meta mqabbel ma’ medja ta’ 4,6 % taħt Orizzont 2020; jinnota, f’dan il-kuntest, ir-riskju li l-elementi ewlenin kollha tal-programm ta’ ħidma annwali tal-Istitut ma jiġux implimentati; jinnota li n-nuqqas ta’ persunal tal-Istitut u r-riskji li dan iġib miegħu ġew indirizzati mill-bord tat-tmexxija tal-Istitut li, fi tmiem l-2021, approva r-riorganizzazzjoni tal-ġestjoni tar-riżorsi disponibbli, b’reviżjoni tal-istruttura u l-organigramma tal-Istitut prevista fl-2022; jenfasizza li l-Istitut, wara li ġie rrifjutat l-ewwel talba għal karigi addizzjonali għall-2021 u l-2022, introduċa mill-ġdid talba għal 10 pożizzjonijiet addizzjonali fl-2022; jirrikonoxxi l-ħtieġa għall-allinjament tar-riżorsi tal-Istitut mal-aspettattivi l-ġodda tal-mandat; ifakkar li jekk ir-rekwiżiti tal-persunal ma jiġux issodisfati, jikber ir-riskju ta’ żbalji u irregolaritajiet u b’hekk tiġi kkawżata wkoll ħsara potenzjali lill-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni; |
|
12. |
Ifakkar fl-importanza li tiġi żviluppata politika tar-riżorsi umani fit-tul dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-gwida tul il-ħajja u l-għoti ta’ possibbiltajiet ta’ taħriġ speċifiku għall-iżvilupp tal-karriera, il-kisba tal-bilanċ bejn il-ġeneri fil-livelli kollha tal-persunal, it-telexogħol, id-dritt għall-iskonnessjoni, it-titjib ta’ bilanċ ġeografiku biex tiġi żgurata rappreżentanza xierqa mill-Istati Membri kollha, u r-reklutaġġ u l-integrazzjoni ta’ persuni b’diżabbiltà, kif ukoll l-iżgurar li jiġu ttrattati b’mod ugwali u li l-opportunitajiet tagħhom jiġu promossi b’mod wiesa’; |
Akkwist
|
13. |
Jinnota li, fl-2021, l-Istitut lesta 87 % tal-proċeduri ta’ akkwist skont il-pjan tiegħu, u b’hekk qabeż il-mira ta’ 85 % tal-proċeduri ta’ akkwist li kellhom jitlestew fl-2021; jinnota li l-Istitut irrapporta li l-proċeduri prijoritarji kollha tiegħu tlestew ħlief għall-kuntratt qafas il-ġdid għas-servizzi ta’ komunikazzjoni u l-ġestjoni tal-avvenimenti; |
|
14. |
Jinnota mir-rapport tal-Qorti li, għal żewġ pagamenti awditjati, l-Istitut kien awtorizza l-impenji baġitarji relatati biss wara li ġie ffirmat il-kuntratt; jinnota l-osservazzjoni tal-Qorti li dan kien bi ksur tal-Artikolu 73(2) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 (4); jinnota mit-tweġiba tal-Istitut li, mill-2023, l-għodda tal-IT standard ta’ Orizzont Ewropa tal-Kummissjoni se tintuża għall-ġestjoni tal-għotjiet, fejn il-kontrolli interni xierqa li jipprevjenu żbalji simili huma inkorporati fis-sistema; jinnota wkoll l-impenn tal-Istitut li jaġġorna l-proċedura operattiva standard tiegħu għaċ-ċirkwiti finanzjarji sabiex jirrifletti l-bidliet meħtieġa; jistieden lill-Istitut jirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-progress f’din il-kwistjoni; |
Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u trasparenza
|
15. |
Jirrikonoxxi l-miżuri eżistenti u l-isforzi kontinwi tal-Istitut biex jiżgura t-trasparenza, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess, u biex jiżgura l-protezzjoni tal-informaturi; jinnota li l-Istitut ippubblika fuq is-sit web tiegħu d-dikjarazzjonijiet ta’ interess u s-CVs tal-membri tal-bord tat-tmexxija u tat-tim maniġerjali tiegħu; |
|
16. |
Jinnota l-impenn tal-Istitut li jaġġorna u jtejjeb il-politika tiegħu dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess; jinnota li l-bord tat-tmexxija tal-Istitut talab lill-Kummissjoni għal qbil minn qabel biex jadotta deċiżjoni dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni ta’ kunflitti ta’ interess u l-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet biex jiġi evitat kunflitt ta’ interess tal-persunal tal-Istitut li se tikkomplementa r-regoli attwali fis-seħħ tal-Istitut; jilqa’ l-introduzzjoni tal-miżuri addizzjonali tal-Istitut bħall-mudelli standardizzati ta’ kunflitti ta’ interess u l-istabbiliment tal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Kunflitti ta’ Interess; jinnota li l-każijiet ta’ kunflitti ta’ interess fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ riklassifikazzjoni u l-proċeduri ta’ selezzjoni ġew identifikati u indirizzati bil-miżuri ta’ mitigazzjoni eżistenti; |
|
17. |
Jilqa’ l-fatt li l-Istitut għadu fost id-disa’ aġenziji li introduċew ir-regoli interni tagħhom stess li jirregolaw l-attivitajiet tal-membri tal-bordijiet tagħhom, li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti legali minimi dwar sitwazzjonijiet potenzjali ta’ revolving doors; jinnota, b’mod partikolari, li, skont il-kodiċi ta’ kondotta tajba tal-Istitut, il-membri tal-bordijiet ma jistgħux jieħdu kwalunkwe pożizzjoni, imħallsa jew mhux imħallsa, fi kwalunkwe negozju, ċentru ta’ riċerka jew università li jipparteċipaw fil-KKI tal-Istitut jew jirċievu l-għotjiet tal-Istitut, għal sentejn wara li jkunu telqu mill-pożizzjoni tagħhom; jinnota wkoll li l-Istitut abbozza politika dwar l-aċċess għal informazzjoni kunfidenzjali għall-persunal li jitlaq u gwida ta’ restrizzjonijiet u projbizzjonijiet ta’ wara l-impjieg; jistieden lill-Istitut iżomm lill-awtorità ta’ kwittanza aġġornata dwar l-implimentazzjoni tal-politika; |
|
18. |
Jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu stabbiliti regoli aktar sistematiċi dwar it-trasparenza, l-inkompatibbiltajiet, il-kunflitti ta’ interessi, il-lobbjar illegali u r-revolving doors; jistieden lill-Istitut isaħħaħ il-mekkaniżmi ta’ kontroll intern tiegħu, inkluż l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu intern kontra l-korruzzjoni; |
Kontroll intern
|
19. |
Jinnota li skont ir-rapport dwar il-kapaċità tal-awditjar intern (IAC) tal-Istitut, minn 87 rakkomandazzjoni fl-ambitu tal-awditu ta’ segwitu, ingħalqu 29 rakkomandazzjoni miftuħa, 25 rakkomandazzjoni miftuħa tnaqqsu fil-grad, u l-ebda rakkomandazzjoni miftuħa ma ġiet aġġornata; jinnota li, bħala konsegwenza, l-ebda kwistjoni kritika ma baqgħet miftuħa sal-31 ta’ Diċembru 2021; |
|
20. |
Jinnota li l-Istitut, fil-kuntest ta’ eżerċizzju ta’ reviżjoni tal-istruttura organizzattiva tiegħu, beda t-tranżizzjoni tal-funzjoni tal-IAC għal funzjoni ta’ monitoraġġ u superviżjoni tal-KKI fl-2021; |
|
21. |
Jinnota l-istrateġija kontra l-frodi riveduta għall-2021-2023 tal-Istitut; jinnota li, minn 14-il objettiv kontra l-frodi stabbilit għas-sena 2021, disgħa ntlaħqu bis-sħiħ, erbgħa ntlaħqu parzjalment u wieħed ġie pospost; |
|
22. |
Jinnota li awditu dwar il-ġestjoni tar-riżorsi umani twettaq u tlesta mis-servizz tal-awditjar intern (IAS) tal-Kummissjoni fl-2021; josserva li f’dik l-okkażjoni nħarġu tliet rakkomandazzjonijiet importanti; fir-rigward tas-segwitu għall-awditi preċedenti tal-IAS, jinnota li għall-Istitut fl-2021 ma kien hemm l-ebda rakkomandazzjoni miftuħa kritika jew importanti ħafna tal-IAS, filwaqt li xi rakkomandazzjonijiet importanti ddewmu u għadhom miftuħa; |
|
23. |
Jinnota l-konklużjonijiet tal-awtovalutazzjoni tal-kontroll intern tal-Istitut li s-sistema ta’ kontroll intern tiegħu hija ġeneralment effettiva u effiċjenti, b’xi titjib ulterjuri meħtieġ fir-rigward tal-prinċipju 12; |
|
24. |
Ifakkar fl-importanza li jissaħħu s-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll biex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tal-Istitut; jinsisti bil-qawwa fuq ir-rekwiżit ta’ sistemi ta’ ġestjoni u kontroll effettivi biex jiġu evitati każijiet potenzjali ta’ kunflitt ta’ interess, kontrolli ex ante u ex post neqsin, ġestjoni inadegwata tal-impenji baġitarji u legali, u nuqqasijiet ta’ rappurtar ta’ kwistjonijiet fir-reġistru tal-eċċezzjonijiet. |
Diġitalizzazzjoni u t-tranżizzjoni ekoloġika
|
25. |
Jinnota l-miżuri tal-Istitut biex itejjeb is-sigurtà online u d-diġitalizzazzjoni tiegħu; jinnota li, mill-2021, l-Istitut implimenta s-servizzi ta’ monitoraġġ kollha mill-Iskwadra ta’ Rispons f’Emerġenza relatata mal-Kompjuters għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji Ewropej; jinnota li l-Istitut wettaq awditi taċ-ċibersigurtà fl-2021 u implimenta r-rakkomandazzjonijiet kollha maħruġa; jieħu nota tal-fatt li ma ġie rrappurtat l-ebda inċident taċ-ċibersigurtà fl-2021; jinnota li, fil-kuntest tal-implimentazzjoni gradwali ta’ SYSPER (sistema ta’ informazzjoni għall-ġestjoni tar-riżorsi umani tal-Kummissjoni Ewropea), fl-2021 l-Istitut adotta moduli addizzjonali għall-ġestjoni tar-riżorsi umani; |
|
26. |
Jirrikonoxxi r-rwol ewlieni tal-KKI għall-Klima tal-Istitut lejn ġestjoni ambjentali li tħalli impatt fl-Unjoni; ifaħħar l-isforzi kontinwi tal-Istitut biex inaqqas l-ivvjaġġar u l-emissjonijiet tas-CO2; jinnota li, fl-2021, ġie stabbilit Kumitat għas-Sostenibbiltà biex jiddefinixxi azzjonijiet ulterjuri biex l-attivitajiet tal-Istitut isiru newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju; |
|
27. |
Ifakkar fl-importanza li tiżdied id-diġitalizzazzjoni tal-Istitut f’termini ta’ operazzjoni u ġestjoni interni iżda wkoll sabiex titħaffef id-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Istitut jibqa’ jkun proattiv f’dan ir-rigward sabiex jiġi evitat distakk diġitali bejn l-aġenziji tal-Unjoni; jiġbed l-attenzjoni, madankollu, għall-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri ta’ sigurtà kollha meħtieġa biex jiġi evitat kwalunkwe riskju għas-sigurtà online tal-informazzjoni pproċessata; |
|
28. |
Iħeġġeġ lill-Istitut jaħdem f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ENISA (Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà); jissuġġerixxi li jiġu offruti programmi ta’ taħriġ relatati maċ-ċibersigurtà aġġornati regolarment għall-membri tal-persunal kollu fi ħdan l-Istitut; jistieden lill-Istitut jiżviluppa l-politika tiegħu fil-qasam taċ-ċibersigurtà aktar malajr, iwettaqha qabel il-31 ta’ Diċembru 2023 u jirrapporta lura lill-awtorità ta’ kwittanza; |
Kontinwità tal-operat matul il-kriżi tal-COVID-19
|
29. |
Jirrikonoxxi l-isfidi tal-Istitut fil-ġestjoni tal-kontinwità tal-operat matul it-tranżizzjoni lejn Orizzont Ewropa minħabba l-adozzjoni mhux f’waqtha tal-qafas legali rivedut tal-Istitut; jinnota l-miżuri ta’ mitigazzjoni approvati mill-Istitut fl-2021 biex jiġu adottati r-rekwiżiti tal-qafas legali ta’ Orizzont Ewropa minkejja d-dewmien imsemmi, bħal-laqgħat tat-Task Force għas-Simplifikazzjoni u l-pjan direzzjonali ta’ tranżizzjoni għall-2021; jilqa’ l-fatt li tali sforzi ppermettew it-tranżizzjoni b’suċċess tal-Istitut lejn Orizzont Ewropa filwaqt li ġie minimizzat it-tfixkil operattiv; |
|
30. |
Jinnota l-azzjonijiet kontinwi tal-Istitut biex jiżgura l-kontinwità tal-operat fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, bħall-introduzzjoni tal-Microsoft Teams għall-komunikazzjoni u l-kollaborazzjoni kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ stħarriġ qasir u regolari biex jinġabar il-feedback tal-persunal dwar suġġetti ewlenin; iħeġġeġ lill-Istitut biex, fil-futur, isarraf fil-prattika t-tagħlimiet rigward il-metodi ta’ ħidma remoti u ibridi, sabiex fil-futur jorganizza aħjar il-laqgħat u l-eventi li jistgħu jsiru b’mod aktar effiċjenti b’mod remot aktar milli fiżikament; ifakkar li l-Istitut kiseb riżultati favorevoli f’termini tal-parteċipazzjoni f’avvenimenti ibridi; |
Kummenti oħra
|
31. |
Josserva li l-ASI l-ġdida għall-2021-2027 titlob involviment ikbar mal-Istati Membri permezz ta’ aktar kooperazzjoni, komunikazzjoni u viżibbiltà; jinnota l-miżuri ta’ segwitu tal-Istitut biex isaħħaħ il-komunikazzjoni u s-sensibilizzazzjoni fi ħdan il-komunità tiegħu; jinnota, b’mod partikolari, li l-Istitut stabbilixxa network ta’ 89 punt ta’ kuntatt nazzjonali, li jirrappreżentaw 57 pajjiż, inklużi l-Istati Membri, pajjiżi assoċjati ma’ Orizzont Ewropa u pajjiżi terzi oħra; jinnota wkoll l-iżvilupp taċ-ċentru tal-għarfien tal-Istitut bħala repożitorju pubbliku ta’ dokumenti ta’ ħidma u rapporti ta’ politika; |
|
32. |
Jistieden lill-Istitut ikompli jiżviluppa s-sinerġiji tiegħu (pereżempju fir-rigward tar-riżorsi umani, il-ġestjoni tal-bini, is-servizzi tal-IT u s-sigurtà), u jsaħħaħ il-kooperazzjoni tiegħu, l-iskambju tal-prattiki tajba u d-diskussjonijiet tiegħu rigward oqsma ta’ interess reċiproku ma’ aġenziji oħra tal-Unjoni bil-għan li tittejjeb l-effiċjenza; |
|
33. |
Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta’ natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2023 (5) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji. |
(1) ĠU C 141, 29.3.2022, p. 161.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021 sa 2027 (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11).
(3) Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1).
(4) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 tat-18 ta’ Diċembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju qafas għall-korpi mwaqqfin skont it-TFUE u t-Trattat Euratom u msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal- Kunsill (ĠU L 122, 10.5.2019, p. 1).
(5) Testi adottati, P9_TA(2023)0190.