IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 29.9.2025
COM(2025) 561 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Immexxu 'l quddiem il-ġestjoni tar-riskju u l-bini tar-reżiljenza fl-Ewropa:
L-ewwel rapport dwar l-implimentazzjoni tal-għanijiet tal-Unjoni marbuta mar-reżiljenza għad-diżastri
It-tieni aġġornament dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskju tad-diżastri fl-Ewropa
{SWD(2025) 279 final}
1.Sommarju Eżekuttiv
Il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (UCPM, Union Civil Protection Mechanism) għandu rwol essenzjali fit-tfassil tal-futur tal-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri madwar l-Ewropa. Jippromwovi approċċ proattiv u antiċipatorju għall-preparatezza u r-reżiljenza għad-diżastri, f’konformità mal-Għanijiet tal-Unjoni marbuta mar-Reżiljenza għad-Diżastri (DRGs, Disaster Resilience Goals) adottati fl-2023, u l-Istrateġija tal-UE għal Unjoni tal-Preparatezza adottata reċentement.
Dan ir-rapport jeżamina l-ġestjoni tar-riskju u l-bini tar-reżiljenza fl-UE minn perspettiva tal-UCPM. Iqis l-iżviluppi kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-UE, b’enfasi fuq erba’ oqsma tematiċi: l-antiċipazzjoni; il-preparatezza tal-popolazzjoni; it-twissija bikrija; u r-reżiljenza tal-protezzjoni ċivili. Jirrappreżenta l-ewwel rapport ta’ progress dwar l-implimentazzjoni tad-DRGs skont l-Artikolu 34(2) u t-tieni rapport ta’ progress dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskji skont l-Artikolu 5(1)(g) tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE.
Is-sejbiet jikkonfermaw b’mod wiesa’ l-ħtieġa għal approċċ aktar proattiv, aktar komprensiv u integrat aħjar għar-reżiljenza u l-preparatezza kif propost fl-Istrateġija tal-UE għal Unjoni tal-Preparatezza. Fil-qasam tal-antiċipazzjoni, hemm bżonn ta’ żvilupp ulterjuri ta’ data ta’ kwalità għolja, riċerka xjentifika, u għodod u kapaċitajiet analitiċi biex jiġi appoġġat it-teħid ta’ deċiżjonijiet konxju mir-riskji. Il-valutazzjoni komprensiva tal-UE dwar ir-riskji u t-theddid ippjanata għall-2026 se tagħti spinta ulterjuri lil dan l-isforz fis-setturi kollha.
It-titjib tal-preparatezza tal-popolazzjoni għadu kruċjali. Filwaqt li sar progress, għad hemm lakuni sostanzjali, li jenfasizzaw il-ħtieġa li jiġu żviluppati b’mod ulterjuri l-għodod ta’ komunikazzjoni li jmexxu t-tibdil fl-imġiba, irawmu kultura ta’ preparatezza, u jiżguraw il-komunikazzjoni inklużiva li tinvolvi lil gruppi vulnerabbli, inklużi persuni b’diżabilità. Fil-livell tal-UE, l-azzjonijiet ippjanati jinkludu jum tal-UE għas-sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji u linji gwida ġodda u taħriġ pilota għall-esperti nazzjonali dwar il-komunikazzjoni tar-riskju. Is-sinerġiji mal-Istrateġija ta’ Sigurtà Interna ProtectEU se jkomplu jtejbu l-komunikazzjoni u l-koordinazzjoni dwar ir-riskji, it-theddid u r-reżiljenza madwar l-UE.
L-effettività tas-sistemi ta’ twissija bikrija kienet qasam kritiku ieħor ta’ fokus. Filwaqt li avvanzi teknoloġiċi bħas-Servizz ta’ Ġestjoni ta’ Emerġenzi ta’ Copernicus u t-tnedija tas-Servizz ta’ Twissija ta’ Emerġenzi bis-Satellita ta’ Galileo jtejbu b’mod sinifikanti l-kapaċitajiet ta’ twissija pubblika, il-fatturi organizzattivi u umani jibqgħu ċentrali biex it-twissijiet jinbidlu f’azzjonijiet f’waqthom u li jsalvaw il-ħajjiet. Hija meħtieġa ħidma kontinwa biex jissaħħu d-disseminazzjoni tal-allerti, l-ippjanar ta’ kontinġenza, u l-integrazzjoni ta’ sistemi ta’ twissija bikrija interoperabbli ta’ perikli multipli fil-livell nazzjonali u dak transfruntier.
Biex tinbena r-reżiljenza tal-protezzjoni ċivili, il-Kummissjoni u l-Istati Membri ħadu inizjattivi biex iwettqu testijiet tal-istress taċ-ċentri tal-operazzjonijiet ta’ emerġenza u jtejbu l-ippjanar tal-investiment. L-investimenti sostnuti kemm fl-infrastruttura fiżika kif ukoll fil-proċessi operazzjonali huma kruċjali biex tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizzi ta’ emerġenza. It-tisħiħ tar-reżiljenza finanzjarja huwa importanti wkoll għat-tisħiħ tar-rispons għal kriżijiet mhux mistennija u għall-irkupru malajr minnhom. Il-kooperazzjoni transsettorjali u transfruntiera tibqa’ essenzjali għar-reżiljenza għad-diżastri f’approċċ ta’ gvern sħiħ.
Il-Kummissjoni espandiet is-sett ta’ għodod għall-bini tal-kapaċitajiet tal-UCPM biex tappoġġa aħjar l-isforzi tal-protezzjoni ċivili madwar l-UE. Se jkun meħtieġ tisħiħ ulterjuri ta’ dan l-appoġġ biex jissaħħu l-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri u biex tissaħħaħ l-implimentazzjoni tad-DRGs.
Filwaqt li dan ir-rapport jiffoka primarjament fuq l-iżviluppi fl-UE, u b’mod partikolari l-UCPM, huwa jirrikonoxxi li s-sikurezza u l-isforzi tal-Unjoni fil-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri ma jistgħux jiġu segwiti b’mod iżolat. It-tisħiħ tar-reżiljenza fir-reġjuni tal-viċinat u l-ħidma lejn ċinturin tas-sikurezza usa’ madwar l-UE se jkunu essenzjali biex tissaħħaħ il-preparatezza tal-Unjoni u biex tiġi żgurata s-sigurtà komuni.
2.Introduzzjoni
F’dawn l-aħħar snin, l-UE ġiet ikkonfrontata b’firxa wiesgħa ta’ diżastri, kriżijiet, u theddid li wasslu għal telf ta’ ħajja, għal żieda fil-ħsarat, u esponew vulnerabbiltajiet fis-sistemi li jipprovdu servizzi essenzjali. Il-UCPM kellu rwol ċentrali fir-rispons kollettiv tal-UE billi pprovda assistenza ta’ emerġenza koordinata lill-pajjiżi fil-bżonn. Fl-istess ħin, il-UCPM qam għall-isfida ta’ xenarju ta’ riskju dejjem aktar kumpless billi saħħaħ il-kapaċitajiet ta’ rispons tiegħu permezz tal-espansjoni tar-rescEU u t-tisħiħ taċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza (ERCC, Emergency Response Coordination Centre). L-isforzi ffukaw ukoll fuq it-tisħiħ tal-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri u l-bini tar-reżiljenza, b’mod partikolari permezz tal-adozzjoni tad-DRGs fil-qasam tal-protezzjoni ċivili fl-2023, u l-Istrateġija tal-UE għal Unjoni tal-Preparatezza fl-2025 b’kamp ta’ applikazzjoni transsettorjali usa’.
Dan ir-rapport jeżamina l-ġestjoni tar-riskju u l-bini tar-reżiljenza fl-UE, filwaqt li jiffoka fuq erba’ oqsma tematiċi:
1.Antiċipazzjoni;
2.Preparatezza tal-popolazzjoni;
3.Twissija bikrija; u
4.Reżiljenza tal-protezzjoni ċivili.
Se jiġu koperti żewġ obbligi distinti skont id-Deċiżjoni dwar il-UCPM, jiġifieri l-ewwel rapport ta’ progress dwar id-DRGs skont l-Artikolu 34(2) u t-tieni rapport ta’ progress dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskji skont l-Artikolu 5(1)(g).
Ir-rapport iqis l-iżviluppi kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-UE, filwaqt li jirrikonoxxi ċerti limitazzjonijiet minħabba l-perjodu ta’ żmien u l-kamp ta’ applikazzjoni differenti tad-data disponibbli. L-għarfien nazzjonali huwa bbażat fuq is-sottomissjonijiet tal-Istati Membri u tal-Istati Parteċipanti skont l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni dwar il-UCPM, li jenfasizzaw il-progress li sar wara l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-Kummissjoni tal-2024 dwar “Il-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskju tad-diżastru fl-Ewropa”. Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja dan ir-rapport jidħol aktar fil-fond fir-rigward tas-sejbiet ta’ dan l-għarfien nazzjonali. L-iżviluppi fil-livell tal-UE jinkludu inizjattivi aktar reċenti tal-Kummissjoni li għandhom l-għan li jmexxu ’l quddiem id-DRGs u jappoġġaw il-ġestjoni tar-riskju taħt il-UCPM.
3.antiċipazzjoni
DRG 1 “Antiċipazzjoni” - Biex jittejbu l-valutazzjoni tar-riskju, l-antiċipazzjoni u l-ippjanar tal-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri. L-Għan 1, flimkien mal-inizjattiva ewlenija li takkumpanjah dwar l-iżvilupp tax-xenarji, ta momentum ġdid għall-flussi tax-xogħol antiċipatorji. Dan jappella għal titjib fl-użu ta’ approċċi ta’ previżjoni u ta’ perikli multipli, il-valutazzjoni tal-vulnerabbiltajiet, l-impatti transfruntiera u transsettorjali, u l-integrazzjoni tal-għarfien dwar ir-riskju fl-ippjanar tal-prevenzjoni u tal-preparatezza.
3.1.Inizjattivi tal-Kummissjoni
Żewġ attivitajiet ewlenin saħħew il-kapaċità antiċipatorja fil-perjodu 2023–2024: (i) l-iżvilupp ta’ xenarji ta’ diżastru li jinfurmaw l-ippjanar tal-UCPM; u (ii) it-titjib tad-data dwar ir-riskju għal riskji transfruntiera.
3.1.1.Il-bini tax-xenarji: għodda ġdida biex tissaħħaħ il-preparatezza tal-UCPM għal diżastri kbar
Imniedi bħala inizjattiva ewlenija fl-2023, l-eżerċizzju tal-bini tax-xenarji pproduċa għaxar xenarji ta’ diżastri madwar l-UE kollha, żviluppati f’kollaborazzjoni mal-esperti nazzjonali, is-servizzi tal-Kummissjoni, u r-riċerkaturi, abbażi ta’ għarfien espert operazzjonali, xjentifiku u tematiku tal-politika. Ix-xenarji jkopru 16-il periklu naturali u kkawżat mill-bniedem, magħżula biex jirriflettu l-firxa tax-xenarju tar-riskju tal-UE li qed jevolvi, u jesploraw avvenimenti plawżibbli tal-agħar każ possibbli b’impatti transfruntiera u transsettorjali.
L-analiżi pproduċiet firxa wiesgħa ta’ sejbiet speċifiċi għax-xenarju, filwaqt li żvelat ukoll diversi oqsma prijoritarji trasversali għal azzjoni msaħħa (ara hawn taħt il-Kaxxa 1). Ir-riżultati jintużaw biex jinfurmaw l-ippjanar tal-prevenzjoni u l-preparatezza fil-livell tal-UE, inkluż l-istabbiliment ta’ miri għall-kapaċitajiet ta’ rispons tal-UCPM u t-tisħiħ tal-koordinazzjoni bejn il-protezzjoni ċivili u oqsma ta’ politika oħrajn. Il-bini tax-xenarji huwa previst bħala proċess kontinwu: jistgħu jiġu żviluppati xenarji addizzjonali u dawk eżistenti jiġu riveduti b’reazzjoni għar-riskji u l-prijoritajiet ta’ politika li jevolvu.
3.1.2.Il-bini ta’ data dwar ir-riskju għall-UE kollha għall-valutazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji transfruntiera
Il-UCPM investa fit-tisħiħ tal-bażi tal-għarfien meħtieġa għall-ġestjoni antiċipatorja tar-riskju, inkluż permezz taċ-Ċentru tad-Data dwar ir-Riskju, żviluppat fi ħdan iċ-Ċentru ta’ Għarfien għall-Ġestjoni tar-Riskju ta’ Diżastri taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka.
Iċ-Ċentru tad-Data dwar ir-Riskju ġie stabbilit biex jindirizza l-isfida li ilha teżisti ta’ data dwar ir-riskju frammentata u inkonsistenti fil-livell tal-UE, sabiex jappoġġa kemm il-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri kif ukoll l-adattament għat-tibdil fil-klima. Bħala pjattaforma ċentrali, jipprovdi aċċess liberu għal settijiet ta’ data bbażati fuq l-evidenza u kurati dwar il-perikli, l-esponiment, il-vulnerabbiltà, u l-ħsarat u t-telf minn diżastri. L-isforzi kontinwi għandhom l-għan li jespandu l-volum u l-kwalità ta’ dawn is-settijiet ta’ data, jintegraw il-punteġġi tal-periklu, l-esponiment tal-popolazzjoni, il-bini, l-infrastruttura kritika, u l-vulnerabbiltà multidimensjonali biex jipprovdu ħarsa ġenerali integrata tar-riskji ta’ diżastri u jżidu s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku.
|
Kaxxa 1: Tagħlimiet meħuda mill-bini tax-xenarju tad-diżastri tal-UE:
ħames oqsma prijoritarji għal azzjoni msaħħa
|
|
I.Kapaċità ta’ rispons tal-UCPM: il-ħtieġa li jkomplu jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ rispons operazzjonali, inkluż l-iżvilupp kontinwat u d-diversifikazzjoni tar-riżerva tar-rescEU;
II.Koordinazzjoni transsettorjali: hija meħtieġa enfasi aktar qawwija fuq approċċ li jkopri l-perikli kollha, il-koordinazzjoni transsettorjali, u l-interazzjoni ma’ atturi tal-protezzjoni mhux ċivili għal preparazzjoni aħjar għal emerġenzi kumplessi;
III.Għarfien u komunikazzjoni tar-riskju: il-ħtieġa li jittejbu l-antiċipazzjoni, l-identifikazzjoni tar-riskji, il-komunikazzjoni, il-preparatezza tal-popolazzjoni, u t-twissija bikrija;
IV.Inklużjoni ta’ gruppi vulnerabbli: l-arranġamenti ta’ prevenzjoni, preparatezza u rispons għandhom jintegraw b’mod aktar sistematiku l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ gruppi vulnerabbli u ta’ persuni b’diżabilità;
V.Finanzjament: mekkaniżmi ta’ finanzjament imsaħħa u aktar flessibbli jistgħu jgħinu biex ikun hemm rispons għal diżastri transsettorjali, fit-tul u transfruntiera.
|
3.2. inizjattivi nazzjonali
Ir-rapportar mill-Istati Membri u mill-Istati Parteċipanti relatat mal-antiċipazzjoni juri evoluzzjoni kontinwata fil-metodoloġiji tal-valutazzjoni tar-riskju, u dan jindika l-progress f’diversi oqsma. Filwaqt li l-valutazzjonijiet tradizzjonali ta’ riskju uniku jibqgħu l-aktar approċċ komuni, qed tingħata dejjem aktar attenzjoni lill-approċċi li jkopru l-perikli kollha u lill-eżami tar-riskji li jakkumulaw u tal-effetti kaskata, b’mod partikolari fir-rigward tal-infrastruttura kritika. L-attenzjoni għar-riskji emerġenti qed tiżdied ukoll, b’aktar minn terz tal-pajjiżi issa qegħdin jużaw metodi ta’ previżjoni u antiċipazzjoni fl-identifikazzjoni tar-riskji. Fost dawn, il-Belġju, l-Irlanda, u n-Netherlands integraw l-analiżi tal-prospettivi fil-proċessi ta’ valutazzjoni tar-riskju tagħhom.
L-għargħar, it-temp estrem, l-aċċidenti nukleari u radjoloġiċi, in-nixfa, u r-riskji relatati mas-saħħa (li joriġinaw mill-bnedmin jew mill-annimali) għadhom l-aktar riskji rrapportati ta’ spiss. Madankollu, ix-xenarju ta’ riskju li qed jevolvi wassal għall-kunsiderazzjoni ta’ theddid u xenarji ġodda, b’mod partikolari fil-qasam tas-sigurtà. Hemm għarfien dejjem akbar dwar ir-riskji kkawżati mill-bniedem, inklużi l-inċidenti industrijali u nukleari, it-tfixkil fl-infrastruttura kritika, u l-attakki ċibernetiċi. Ir-riskji ambjentali u kimiċi raw żieda sinifikanti fir-rapportar mill-2015, filwaqt li r-riskji tat-trasport esperjenzaw l-akbar żieda mill-2020 ’l hawn.
Il-pajjiżi qed jivvalutaw dejjem aktar il-vulnerabbiltà taż-żoni, tas-setturi u tal-popolazzjonijiet, u qed jikkwantifikaw l-impatti umani, ekonomiċi u ambjentali tad-diżastri. Diversi pajjiżi integraw l-impatti tat-tibdil fil-klima fil-valutazzjonijiet tar-riskju tagħhom, filwaqt li qiesu wkoll l-implikazzjonijiet politiċi u soċjetali tat-tibdil fil-klima, bħall-migrazzjoni kkawżata mill-klima. Dan jirrifletti fehim dejjem akbar tar-rabtiet bejn il-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri u l-adattament għat-tibdil fil-klima, bit-tibdil fil-klima rikonoxxut bħala xprunatur ewlieni tar-riskju.
Ir-rapporti nazzjonali jindikaw il-progress fil-ġbir tad-data dwar it-telf minn diżastri, bi Spanja, il-Portugall, u l-Ungerija jsemmu l-iżvilupp ta’ bażi tad-data nazzjonali unika. Minkejja r-rikonoxximent mifrux tal-importanza tad-data dwar it-telf u l-ħsarat għall-analiżi u l-ippjanar tar-riskju, għad hemm lakuni sinifikanti, bħan-nuqqas ta’ sistema nazzjonali unifikata għall-konsolidazzjoni tad-data u l-ġbir tad-data b’kopertura limitata.
3.3
It-Triq ’il Quddiem
L-Istrateġija tal-UE għal Unjoni tal-Preparatezza twitti t-triq għal ħidma futura, filwaqt li tenfasizza l-importanza tal-antiċipazzjoni u ta’ approċċ li jkopri l-perikli kollha għall-preparatezza. Sabiex din il-viżjoni ssir realtà, huwa essenzjali li tiġi żviluppata l-kapaċità ta’ previżjoni, valutazzjoni, u preparatezza għal firxa wiesgħa ta’ xenarji ta’ diżastri, b’enfasi fuq il-vulnerabbiltajiet trasversali, ir-riskji li jakkumulaw u l-effetti kaskata.
Fis-snin li ġejjin, l-investiment kontinwat fix-xjenza, id-data ta’ kwalità għolja, u l-kapaċitajiet analitiċi se jkun kruċjali biex jiġġenera l-għarfien u t-tagħrif meħtieġa biex jiġi infurmat it-teħid tad-deċiżjonijiet. L-iżvilupp ta’ xenarji ta’ diżastri għall-UE kollha kien pass sinifikanti ’l quddiem fl-ippjanar tal-preparatezza minħabba li jsarraf l-evidenza bbażata fuq ir-riskju f’suppożizzjonijiet għall-ippjanar miftiehma għall-UCPM. Il-valutazzjoni komprensiva tar-riskju tal-UE ppjanata għall-2026 se tkun għodda ewlenija għat-tisħiħ tal-bażi tal-evidenza għal prevenzjoni u preparatezza transsettorjali usa’. Din il-valutazzjoni għandha toffri appoġġ u evidenza addizzjonali biex tinforma l-isforzi nazzjonali tal-ġestjoni tar-riskju u tiggwida l-investiment strateġiku fir-reżiljenza madwar l-UE, u tgħin biex jiġu indirizzati l-lakuni persistenti fid-data dwar ir-riskju ta’ diżastri u t-telf minn diżastri li bħalissa jxekklu l-antiċipazzjoni kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-UE.
Fil-kuntest tar-riskji relatati mal-klima, antiċipazzjoni effettiva teħtieġ integrazzjoni aktar b’saħħitha bejn il-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri u l-adattament għat-tibdil fil-klima. Il-Missjoni tal-UE ta’ Adattament għat-Tibdil fil-Klima diġà qed tiġġenera għarfien u soluzzjonijiet biex tappoġġa dan l-isforz u se tkompli tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-atturi tar-riskju tal-klima u tad-diżastri fil-livelli Ewropej, nazzjonali u reġjonali, u b’hekk tgħin biex tiġi allinjata l-preparatezza fuq perjodu ta’ żmien qasir u medju mal-ippjanar ta’ adattament fit-tul għal perikli relatati mal-klima.
It-tisħiħ tal-kapaċitajiet antiċipatorji għandu jestendi wkoll lil hinn mill-UE, b’mod partikolari għall-pajjiżi fil-viċinat li ta’ spiss ikunu fuq quddiem nett tar-riskji emerġenti u jista’ jkollhom rwol importanti fl-evitar ta’ effetti konsegwenzjali negattivi. Peress li ħafna minn dawn is-sħab bħalissa ma għandhomx id-data dwar ir-riskju u l-kapaċitajiet istituzzjonali meħtieġa għal preparatezza antiċipatorja, l-indirizzar ta’ dawn il-lakuni jsaħħaħ ukoll ir-reżiljenza tal-UE stess.
4.Preparatezza tal-popolazzjoni
DRG 2 “Tħejjija” - Biex jiżdiedu s-sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji u l-preparatezza tal-popolazzjoni. Għan 2 jippromwovi l-aċċess pubbliku għal informazzjoni dwar ir-riskji, jinkoraġġixxi l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ preparatezza, u jrawwem kultura ta’ prevenzjoni u parteċipazzjoni ċivika. L-għan jistabbilixxi mira ambizzjuża: sal-2030, 90 % tal-popolazzjoni tal-UE għandha tkun konxja mir-riskji ta’ diżastri fir-reġjun tagħha. Sal-2024, is-sensibilizzazzjoni kienet fil-livell ta’ 67 %, li jenfasizza li hemm opportunitajiet biex isir progress.
Filwaqt li l-komunikazzjoni pubblika dwar ir-riskji u l-preparatezza hija r-responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali, il-UCPM jista’ jappoġġa l-isforzi nazzjonali permezz tal-iskambju tal-għarfien, il-bini tal-kapaċità, u l-assistenza finanzjarja għal inizjattivi nazzjonali u transfruntiera.
4.1.Inizjattivi tal-Kummissjoni
4.1.1.l-inizjattiva ewlenija preparEU
Biex isir progress fid-DRG 2 “Tħejjija”, il-Kummissjoni nediet l-inizjattiva ewlenija preparEU. F’dan il-kuntest, l-immappjar tal-prattiki ta’ komunikazzjoni tar-riskju madwar l-UE, flimkien ma’ konsultazzjonijiet mal-Istati Membri u mal-Istati Parteċipanti, identifika ħtiġijiet u oqsma komuni fejn l-azzjoni fil-livell tal-UE tista’ żżid il-valur (ara l-Kaxxa 2). Il-proċess żvela xenarju ta’ komunikazzjoni tar-riskju rikk iżda frammentat, b’diversi inizjattivi siewja li huma mxerrda u diffiċli biex jiġu aċċessati għall-apprendiment bejn il-pari. B’reazzjoni għall-ħtiġijiet identifikati, il-Kummissjoni żviluppat pakkett ta’ bini tal-kapaċità li jinkludi:
·repożitorju ta’ prattiki tajbin u materjali ta’ appoġġ fuq il-pjattaforma tan-Network tal-Unjoni ta’ Għarfien dwar il-Protezzjoni Ċivili;
·taħriġ tal-UE għall-professjonisti tal-komunikazzjoni tar-riskju;
·komunità ta’ prattika biex tlaqqa’ l-prattikanti u tiffaċilita l-apprendiment bejn il-pari.
Fl-2024, il-Kummissjoni ppubblikat manwal ta’ prattika tajba dwar is-sensibilizzazzjoni dwar ir-riskju ta’ nirien fis-selvaġġ
, li jindirizza kwistjoni kritika minħabba li 96 % tan-nirien huma kkawżati minn azzjoni umana. Il-manwal juri inizjattivi madwar l-UE u lil hinn minnha, filwaqt li jenfasizza fatturi ewlenin li jikkontribwixxu għas-sensibilizzazzjoni, bħall-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ komunikazzjoni mmirati, il-kollaborazzjoni bejn is-setturi u l-livelli ta’ governanza, l-involviment tal-partijiet ikkonċernati, it-tfassil ta’ messaġġi għal kuntesti lokali, l-iżgurar ta’ finanzjament sostnut, u l-konnessjoni tax-xjenza u l-prattika.
Il-fehim ta’ kif in-nies jipperċepixxu r-riskji u jirrispondu għall-pariri dwar il-preparatezza huwa wkoll kruċjali għas-sensibilizzazzjoni. F’dan il-kuntest, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni qed iwettaq studji dwar l-imġiba biex jifhem kif l-individwi jinterpretaw u jirreaġixxu għall-komunikazzjoni tar-riskju. L-għarfien minn din il-ħidma jista’ jgħin fit-titjib tat-tfassil ta’ messaġġi pubbliċi u approċċi, u jrawwem mhux biss sensibilizzazzjoni akbar, iżda wkoll l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet ta’ preparatezza.
Kaxxa 2: Il-proġett pilota preparEU - Jingħaqdu l-isforzi għall-preparatezza tal-popolazzjoni.
L-Istati Membri u l-Istati Parteċipanti kellhom rwol importanti fit-tmexxija tal-inizjattiva ewlenija preparEU. L-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni ċivili mill-Iżvezja, min-Norveġja, minn Spanja u mill-Belġju esploraw kif dimensjoni Ewropea tista’ tikkomplementa u tappoġġa l-attivitajiet nazzjonali ta’ informazzjoni dwar ir-riskju. Fi proġett pilotaffinanzjat mill-UE, ġew identifikati l-oqsma ta’ azzjoni li ġejjin biex jittejbu s-sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji u l-preparatezza fl-UE:
i.
Il-punti bażiċi biex wieħed ikun ippreparat – linji gwida għall-preparatezza tal-unitajiet domestiċi li jindirizzaw il-ħtiġijiet ġenerali u universali;
ii.
Programm ta’ apprendiment għall-iskejjel – l-integrazzjoni tal-preparatezza għad-diżastri fil-kurrikuli tal-iskejjel biex titrawwem kultura ta’ preparatezza minn età bikrija;
iii.
Gruppi vulnerabbli – il-komunikazzjoni ma’ u l-involviment ta’ gruppi vulnerabbli (ukoll: linji gwida li jappoġġaw lill-professjonisti fit-twettiq ta’ komunikazzjoni inklużiva dwar ir-riskju);
iv.
Jum/Jiem ta’ preparEU – avveniment annwali propost madwar l-UE kollha mfassal biex iżid is-sensibilizzazzjoni pubblika dwar kif wieħed ikun ippreparat u r-reżiljenza għar-riskju;
v.
Ċentru tal-web għall-komunikazzjoni tar-riskju u l-preparatezza – repożitorju online propost għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-għodod relatati mal-komunikazzjoni dwar is-sensibilizzazzjoni tar-riskju lill-pubbliku madwar l-UE.
Dawn ir-rakkomandazzjonijiet se jgħinu fit-tfassil tal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-inizjattiva ewlenija preparEU u l-preparatezza tal-popolazzjoni.
4.1.2.Ewrobarometru dwar is-sensibilizzazzjoni dwar ir-riskju u l-preparatezza tal-popolazzjoni
Sabiex jinkiseb fehim komprensiv tas-sensibilizzazzjoni dwar ir-riskju u l-preparatezza tal-pubbliku madwar l-UE, il-Kummissjoni wettqet l-ewwel stħarriġ tal-Ewrobarometru li qatt sar dwar dan is-suġġett, li ġie ppubblikat f’Settembru 2024. L-istħarriġ esplora diversi aspetti tas-sensibilizzazzjoni dwar ir-riskju u l-preparatezza, inklużi r-riskji perċepiti, is-sorsi ta’ informazzjoni, u r-rieda li l-pubbliku jipparteċipa f’attivitajiet ta’ preparatezza.
Is-sejbiet ewlenin mill-istħarriġ juru li ħafna Ewropej ma għandhomx sensibilizzazzjoni u ma humiex ippreparati għad-diżastri. Madwar nofs ir-rispondenti ma jħossuhomx ippreparati tajjeb għar-riskji lokali u madwar żewġ terzi tar-rispondenti jħossu li jeħtieġu aktar informazzjoni biex ikunu jistgħu jippreparaw għal diżastri jew emerġenzi. Il-livelli ta’ tħejjija huma limitati, b’madwar nofs ir-rispondenti jħossuhom li ma humiex ippreparati għad-diżastri, u dan ivarja b’mod sinifikanti skont fatturi bħall-pajjiż, l-introjtu, l-edukazzjoni, u l-ambjent urban-rurali.
L-istħarriġ jenfasizza oqsma għat-titjib, inkluż l-involviment baxx tal-komunità u r-reżiljenza limitata għat-tfixkil tas-servizzi kritiċi. Madankollu, jiżvela wkoll fiduċja qawwija fis-servizzi ta’ emerġenza u xewqa għal informazzjoni dwar il-preparatezza għad-diżastri, u jippreżenta opportunità biex wieħed jibni fuq dawn il-punti b’saħħithom u jtejjeb is-sensibilizzazzjoni dwar ir-riskju u l-preparatezza ġenerali.
4.2.Inizjattivi Nazzjonali
Id-data mill-Istati Membri u mill-Istati Parteċipanti tenfasizza l-importanza tal-komunikazzjoni lill-pubbliku dwar ir-riskji u l-preparatezza, bil-pajjiżi jagħmlu progress f’firxa wiesgħa ta’ attivitajiet.
Aktar pajjiżi issa qed jagħmlu l-informazzjoni dwar ir-riskju aċċessibbli għall-pubbliku, bi 23 pajjiż jippubblikaw ir-riżultati tal-valutazzjonijiet tar-riskju tagħhom fuq siti web uffiċjali u jużaw dawn is-sejbiet biex jappoġġaw l-isforzi ta’ preparatezza. Pereżempju, il-Finlandja u l-Montenegro jużaw ir-riżultati pubbliċi tal-valutazzjonijiet tar-riskju biex jinformaw l-eżerċizzji ta’ taħriġ u preparatezza. Id-Danimarka u l-Irlanda jwettqu stħarriġ dwar il-perċezzjoni taċ-ċittadini dwar ir-riskji u l-preparatezza.
L-Istati Membri u l-Istati Parteċipanti implimentaw approċċi ġodda għall-komunikazzjoni tar-riskju u s-sensibilizzazzjoni, bħal-logħob didattiku u l-organizzazzjoni ta’ jum jew ġimgħa nazzjonali tal-protezzjoni ċivili. Filwaqt li s-siti web u l-internet jibqgħu l-mezzi ta’ komunikazzjoni l-aktar irrapportati, il-kampanji ta’ sensibilizzazzjoni dwar ir-riskju u l-użu ta’ materjali stampati rduppjaw meta mqabbla mal-2020. Il-pajjiżi Nordiċi nedew inizjattivi ta’ sensibilizzazzjoni pubblika bħal kampanji dwar il-preparatezza fid-dar, riżorsi edukattivi, u fuljetti informattivi biex jagħtu spinta lill-preparatezza tas-soċjetà għall-emerġenzi u l-kunflitti potenzjali.
L-attivitajiet nazzjonali ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ komunikazzjoni dwar ir-riskju huma mmirati lejn gruppi speċifiċi, inklużi l-popolazzjonijiet vulnerabbli, ir-residenti staġunali, u l-anzjani. L-istudenti u ż-żgħażagħ spiss ikunu l-mira primarja ta’ dawn l-inizjattivi. Pereżempju, iċ-Ċekja għandha programm komprensiv tal-iskejjel li jgħallem lill-istudenti kif iċemplu lin-numri ta’ emerġenza, kif iġibu ruħhom f’sitwazzjonijiet perikolużi, u biex jifhmu s-sinjali tal-protezzjoni u tas-sireni. L-attivitajiet għall-promozzjoni ta’ mġiba sikura fil-ħajja ta’ kuljum u f’emerġenzi huma organizzati wkoll għal ċittadini anzjani u għal persuni b’diżabilità, bħall-Olimpjadi tas-Sikurezza għat-Tfal u għall-Anzjani tal-Awstrija.
4.3.It-Triq ’il Quddiem
Minkejja l-progress li sar, għad hemm lakuni sinifikanti fis-sensibilizzazzjoni dwar ir-riskju u fil-preparatezza tal-pubbliku, li jenfasizzaw il-ħtieġa għal strateġiji ta’ komunikazzjoni aktar effettivi u inklużivi. Wisq ċittadini jħossuhom li ma humiex infurmati biżżejjed jew li ma humiex ippreparati biżżejjed għad-diżastri, kif indikat mis-sejbiet tal-Ewrobarometru, filwaqt li l-awtoritajiet nazzjonali jiffaċċjaw sfidi fil-kejl tal-impatt tal-inizjattivi ta’ komunikazzjoni u biex isarrfu l-informazzjoni f’bidla fl-imġiba. L-evidenza tindika wkoll il-ħtieġa għal inklużjoni akbar tal-gruppi vulnerabbli (bħal studenti, tfal tal-iskola u żgħażagħ, persuni b’diżabilità, anzjani u immigranti) fl-isforzi ta’ komunikazzjoni u preparatezza.
Sabiex jiġu indirizzati dawn il-lakuni, huwa meħtieġ approċċ aktar proattiv, inklużiv u parteċipattiv, investiment fl-edukazzjoni, l-involviment tal-komunitajiet u taċ-ċittadini, il-bini tal-fiduċja, u l-promozzjoni ta’ preparatezza interġenerazzjonali u ċċentrata fuq ir-reżiljenza. L-Istrateġija tal-UE għal Unjoni tal-Preparatezza se tappoġġa din il-bidla permezz tal-approċċ tagħha min-naħa tas-soċjetà kollha, bl-għan li trawwem kultura ta’ preparatezza u reżiljenza madwar l-UE. Is-sinerġiji mal-Istrateġija ta’ Sigurtà Interna ProtectEU se jgħinu biex tissaħħaħ il-komunikazzjoni dwar riskji u theddid diversi, filwaqt li jappoġġaw il-messaġġi pubbliċi koerenti u jrawmu preparatezza aktar versatili għall-popolazzjoni madwar l-UE.
L-inizjattiva preparEU se jkollha rwol ewlieni biex tmexxi ’l quddiem il-viżjoni tal-Istrateġija tal-UE għal Unjoni tal-Preparatezza, inkluż permezz ta’ azzjonijiet biex tippromwovi minimu ta’ awtosuffiċjenza tal-popolazzjoni għal 72 siegħa f’emerġenzi u kriżijiet. Biex tappoġġa lill-awtoritajiet nazzjonali dwar il-komunikazzjoni tar-riskju, l-UE se tiżviluppa linji gwida, se tniedi taħriġ pilota lejn tmiem l-2025, u se torganizza Jum tal-UE għall-Preparatezza kull sena. Azzjonijiet ulterjuri se jinkludu l-promozzjoni tal-preparatezza permezz ta’ programmi edukattivi u taż-żgħażagħ u l-ġenerazzjoni ta’ riċerka ġdida biex jiġu infurmati l-politika u l-prattika.
Jista’ jkun hemm ukoll il-ħtieġa li ċ-ċittadini jitħejjew aħjar biex jipprovdu appoġġ bażiku għas-saħħa f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi, inklużi xenarji ta’ gwerra, permezz ta’ inizjattivi bħal kits ta’ taħriġ għall-ewwel għajnuna jew l-istabbiliment ta’ riżerva għas-saħħa taċ-ċittadini.
It-tisħiħ tal-preparatezza tal-popolazzjonijiet fil-viċinat l-aktar qrib tal-UE, b’mod partikolari l-Mediterran, se jkun importanti wkoll għall-preparatezza tal-UE stess, peress li reżiljenza insuffiċjenti barra mill-Unjoni tista’ twassal għal pressjonijiet akbar ta’ spostament u għal effetti konsegwenzjali oħra li jaffettwaw direttament lill-Unjoni.
5.Twissija bikrija
DRG 3 “Twissija” – Biex tissaħħaħ it-twissija bikrija. Filwaqt li bnew fuq l-Għan 3, kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Istati Membri għamlu sforzi addizzjonali fil-kompetenzi rispettivi tagħhom biex itejbu l-kapaċitajiet ta’ tbassir, ta’ detezzjoni u ta’ twissija tal-pubbliku – element essenzjali tal-ġestjoni antiċipatorja tar-riskji.
Rikonoxxuti b’mod mifrux bħala għodda mill-aktar effettiva biex jiġu salvati l-ħajjiet u biex jitnaqqas it-telf relatat mad-diżastri, is-sistemi ta’ twissija bikrija (EWS, early warning systems) huma ċentrali kemm għall-isforzi ta’ preparatezza nazzjonali kif ukoll għal dawk internazzjonali. B’mod partikolari, in-Nazzjonijiet Uniti qiegħda tippromwovi azzjoni favur EWS inklużivi u ta’ perikli multipli permezz tal-inizjattiva ewlenija tagħha Twissijiet Bikrija għal Kulħadd.
Fl-UE, ir-responsabbiltà għat-twissija bikrija u għat-twissijiet pubbliċi hija primarjament tal-awtoritajiet nazzjonali. Il-UCPM jaqdi rwol komplementari billi jiżviluppa għodod tranżnazzjonali, isaħħaħ il-kapaċitajiet ta’ għarfien tas-sitwazzjoni tal-ERCC, u jipprovdi assistenza teknika u finanzjarja għall-kapaċitajiet nazzjonali ta’ twissija bikrija.
5.1.Inizjattivi tal-Kummissjoni
Il-Kummissjoni żviluppat firxa wiesgħa ta’ sistemi ta’ twissija bikrija u ta’ informazzjoni (ara l-Kaxxa 3) li jistgħu jintużaw ukoll mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri biex jikkomplementaw l-għodod nazzjonali tagħhom. Fost dawn, l-inizjattivi deskritti hawn taħt jikkontribwixxu b’mod sinifikanti biex jappoġġaw il-protezzjoni ċivili u l-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri.
Kaxxa 3: Sistemi ta’ Twissija Bikrija u ta’ Informazzjoni
i.
Katalogu ta’ 27 sistema fil-livell tal-UE li jkopru diversi tipi ta’ perikli aċċessibbli għall-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni ċivili, li jappoġġaw il-monitoraġġ tar-riskju u t-teħid ta’ deċiżjonijiet;
ii.
Is-Sistema tas-Sitwazzjoni Globali (GSS, Global Situation System), pjattaforma unika li tgħaqqad id-data minn diversi sistemi ta’ twissija bikrija u ta’ informazzjoni fil-livell tal-UE, issaħħaħ il-kapaċità tal-ERCC li jintraċċa t-theddid li qed jevolvi u li tantiċipa l-impatti kritiċi potenzjali. Il-pjattaforma hija disponibbli wkoll għall-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni ċivili;
iii.
Is-Servizz ta’ Ġestjoni ta’ Emerġenzi ta’ Copernicus (CEMS, Copernicus Emergency Management Service), li jipprovdi servizzi ta’ twissija bikrija dwar l-għargħar, in-nirien fis-selvaġġ, u n-nixfiet, joħloq mapep li jappoġġaw l-interventi ta’ rispons, ta’ rkupru, u preventivi, u li jiġġenera data dwar l-esponiment biex jgħin fl-identifikazzjoni ta’ żoni u assi f’riskju;
iv.
Is-Sħubija Xjentifika Ewropea dwar il-Perikli Naturali (ENHSP, European Natural Hazard Scientific Partnership), kollaborazzjoni xjentifika li tipprovdi lill-ERCC b’monitoraġġ espert f’ħin reali dwar il-kundizzjonijiet tan-nirien fis-selvaġġ madwar l-Ewropa matul l-istaġun tan-nirien fis-selvaġġ. Biex jaqsam dan il-benefiċċju mal-Istati Membri u mal-Istati Parteċipanti, l-ERCC nieda programm li jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali jitolbu valutazzjonijiet bikrija mill-ENHSP, u mis-Sħubija Xjentifika Ewropea dwar il-Perikli Antropoġeniċi (EAPHP, European Anthropogenic Hazard Scientific Partnership) fir-rigward tal-perikli radjoloġiċi u nukleari, għal emerġenzi imminenti.
Il-Kummissjoni qed taħdem fuq inizjattivi ġodda, inkluż l-iżvilupp ta’ għodda mibnija fuq l-IA taħt l-Inizjattiva dwar l-IA għall-Ġid Pubbliku. Integrata fis-Sistema Globali ta’ Informazzjoni dwar in-Nirien fis-Selvaġġ, l-għodda se tibbaża fuq l-algoritmi tal-IA biex jiġu mmudellati l-previżjonijiet tal-periklu min-nirien, jiġu identifikati l-avvenimenti tan-nirien, u tiġi mbassra l-imġiba tan-nirien.
Avvanz kbir ieħor li ġej huwa s-Servizz ta’ Twissija ta’ Emerġenzi bis-Satellita ta’ Galileo, li se jipprovdi kanal ta’ twissija bbażat fuq is-satellita biex jilħaq lin-nies f’żoni remoti jew inqas konnessi, anke meta n-networks terrestri ma jkunux disponibbli. Dan is-saff miżjud ta’ ridondanza se jsaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistemi ta’ twissija pubblika, filwaqt li juri l-valur miżjud tal-Programm Spazjali tal-UE fl-appoġġ tal-protezzjoni ċivili u fil-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri. Bl-ittestjar pilota li għaddej f’diversi Stati Membri, is-servizz huwa mistenni li jkun operazzjonali sal-bidu tal-2026.
Il-UCPM qed jappoġġa wkoll inizjattivi nazzjonali u internazzjonali dwar it-twissija bikrija, bħall-inizjattiva CoastWAVE tal-Kummissjoni Oċeanografika Intergovernattiva tal-UNESCO, li għandha l-għan li tħejji lill-komunitajiet kostali fir-reġjuni tal-Grigal tal-Atlantiku u tal-Mediterran għat-tsunamis u perikli kostali oħra. Abbażi ta’ kollaborazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet nazzjonali u lokali ta’ emerġenza, ix-xjenzati u l-komunitajiet kostali, l-inizjattiva diġà appoġġat lill-komunitajiet f’Ċipru, fil-Greċja, fi Spanja, fit-Turkija, fl-Eġittu u fil-Marokk.
L-UE għamlet progress sinifikanti fit-twissija pubblika permezz tal-Artikolu 110 tal-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (id-Direttiva (UE) 2018/1972), li jirrikjedi lill-Istati Membri jippermettu li t-twissijiet jintbagħtu direttament lill-mowbajls tal-individwi f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi diġà implimentaw dan, b’xi wħud għadhom qed jiffinalizzaw il-proċess.
5.2.inizjattivi nazzjonali
Id-data mill-Istati Membri u mill-Istati Parteċipanti tindika użu aktar mifrux tal-EWS. Madankollu, l-informazzjoni disponibbli dwar il-metodoloġiji u l-infrastruttura għall-monitoraġġ, l-identifikazzjoni u l-kapaċitajiet ta’ tbassir tal-perikli tibqa’ limitata.
Meta mqabbel mal-2020, għadd akbar ta’ pajjiżi jirrapportaw li għandhom fis-seħħ EWS għall-identifikazzjoni bikrija tal-perikli għar-riskji ewlenin kollha, bir-riskji tat-temp estrem, nukleari u radjoloġiċi, u l-għargħar ikunu l-aktar irrapportati. Il-pajjiżi rrapportaw ukoll dwar l-EWS għal riskji bħat-tniġġis u l-migrazzjoni tal-massa, li ma kinux irrapportati qabel, u dan jindika espansjoni gradwali fil-kopertura tal-EWS.
Il-konnessjonijiet bejn l-EWS fil-livelli Ewropej u globali qed isiru wkoll aktar stabbiliti, b’għadd ogħla ta’ pajjiżi milli fl-2020 li jindikaw li s-sistema nazzjonali tagħhom hija konnessa mal-EWS fil-livell Ewropew jew globali. Madankollu, inqas minn 10 pajjiżi biss isemmu l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni transfruntiera dwar l-EWS, u dan jissuġġerixxi li hemm opportunitajiet għal titjib. Xi pajjiżi jindikaw li jużaw l-appoġġ tad-donaturi biex jespandu s-sistemi ta’ twissija pubblika tagħhom, u b’hekk isaħħu l-kapaċitajiet ta’ twissija pubblika.
5.3.It-Triq ’il Quddiem
Filwaqt li t-teknoloġija u l-għarfien dwar ir-riskji jipprovdu l-pedament, it-twissija bikrija effettiva tibbaża ħafna fuq fatturi organizzazzjonali u umani. Se jkunu meħtieġa sforzi kontinwati biex jiġi żgurat li s-sinjali ta’ twissija bikrija jiġu segwiti minn twissijiet f’waqthom u inklużivi għall-popolazzjoni, pjanijiet ta’ kontinġenza, u risponsi individwali infurmati. Fil-livell tal-UE, u kif deskritt fl-Istrateġija tal-UE għal Unjoni tal-Preparatezza, il-prijoritajiet jinkludu t-tisħiħ ulterjuri tas-CEMS, il-promozzjoni tal-użu u l-integrazzjoni tagħha fis-sistemi nazzjonali, u t-tmexxija ’l quddiem ta’ soluzzjonijiet interoperabbli u ta’ perikli multipli.
L-ERCC se jkompli jiżviluppa u jirfina l-kapaċitajiet tiegħu ta’ għarfien tas-sitwazzjoni. Filwaqt li l-pjattaforma GSS il-ġdida tirrappreżenta pass kbir ’il quddiem, hemm lok għal titjib ulterjuri billi jiġi inkorporat il-monitoraġġ settorjali biex jipprovdi għarfien kważi f’ħin reali dwar it-tfixkil tas-servizzi kritiċi, bħall-enerġija, it-trasport, jew il-kura tas-saħħa, biex jiġi appoġġat għarfien tas-sitwazzjoni aktar komprensiv u antiċipatorju.
Peress li t-twissija bikrija effettiva tiddependi wkoll fuq fatturi organizzazzjonali u umani b’saħħithom, is-sensibilizzazzjoni u l-preparatezza tal-popolazzjoni se jkunu essenzjali biex it-twissijiet bikrija jinbidlu f’azzjoni li ssalva l-ħajjiet. It-tnedija tas-Servizz ta’ Twissija ta’ Emerġenzi bis-Satellita ta’ Galileo fl-2026 hija mistennija li ttejjeb b’mod sinifikanti l-kapaċitajiet ta’ twissija pubblika, filwaqt li tespandi l-firxa u r-ridondanza tas-sistema.
Sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-EWS, se jkunu meħtieġa sforzi kontinwati biex jissaħħu l-proċessi sottostanti, tiġi promossa l-inklużività, jitmexxew ’il quddiem approċċi ta’ perikli multipli, u tissaħħaħ l-integrazzjoni transfruntiera tal-EWS. L-Istrateġija tal-UE għal Unjoni tal-Preparatezza se tiggwida dawn l-isforzi, filwaqt li tipprijoritizza l-iżvilupp u l-użu ta’ għodod fil-livell tal-UE u tespandi l-kapaċitajiet ta’ monitoraġġ transsettorjali tal-ERCC biex tappoġġa għarfien tas-sitwazzjoni aktar komprensiv.
Dan l-għarfien, flimkien mas-sistemi u l-kapaċitajiet meħtieġa, jista’ jiġi kondiviż ukoll mal-awtoritajiet fil-viċinat l-aktar qrib tal-UE biex mhux biss jibnu l-kapaċitajiet tagħhom iżda wkoll sinerġiji u interoperabbiltà.
6.reżiljenza tal-protezzjoni ċivili
Id-DRG 4 “Rispons” jiffoka fuq it-tisħiħ tal-kapaċità ta’ rispons tal-UCPM. Sabiex jibqa’ pass ’il quddiem fid-dawl tal-kumplessità dejjem tikber tax-xenarju tar-riskju u l-preparatezza minn qabel, il-UCPM qed jiffoka fuq l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet ta’ rispons għal emerġenza, bħal tagħmir u timijiet speċjalizzati, u kapaċitajiet relatati. Dawn l-isforzi huma riflessi fir-Rapport ta’ Progress dwar il-Kapaċità adottat reċentement mill-Kummissjoni u fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal korrispondenti.
Id-DRG 5 “Sigurtà” għandu l-għan li jtejjeb ir-reżiljenza tal-protezzjoni ċivili, li jallinja mal-oqfsa tal-UE u tan-NATO għall-bini tar-reżiljenza f’funzjonijiet tas-soċjetà vitali, bħad-Direttiva tal-UE dwar ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi (UE 2022/2557) u r-rekwiżiti ta’ referenza tar-reżiljenza tan-NATO. Huwa jippromwovi t-titjib tal-kontinwità tan-negozju, it-titjib tal-koordinazzjoni transsettorjali u transfruntiera, il-komunikazzjoni tar-riskju u l-ġestjoni tal-informazzjoni, u s-sħubijiet mas-settur privat, mas-soċjetà ċivili u mal-organizzazzjonijiet voluntiera. Jippromwovi wkoll l-evalwazzjoni u l-apprendiment ta’ wara diżastru biex jittejbu l-preparatezza, ir-rispons u l-prevenzjoni.
6.1. Inizjattivi tal-Kummissjoni
6.1.1. Inizjattiva ewlenija dwar it-twettiq ta’ testijiet tal-istress ta’ ċentri ta’ operazzjonijiet ta’ emerġenza
Biex ittejjeb il-kontinwità tan-negozju tal-operazzjonijiet ta’ emerġenza fil-UCPM, il-Kummissjoni nediet inizjattiva ewlenija b’żewġ komponenti ewlenin: (i) l-ittestjar tal-istress tal-kontinwità tan-negozju tal-ERCC u (ii) l-appoġġ tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali fit-testijiet tagħhom stess permezz ta’ metodoloġija volontarja u skambju ta’ esperjenzi. L-eżerċizzju jivvaluta elementi kritiċi tal-kontinwità tan-negozju, bħall-identifikazzjoni ta’ funzjonijiet, faċilitajiet u tagħmir essenzjali, riżorsi umani u koordinazzjoni, flussi ta’ ħidma ta’ komunikazzjoni, u t-twettiq ta’ provi u eżerċizzji.
Sa issa, 10 pajjiżi u l-ERCC wettqu testijiet tal-istress, u kkondividew l-approċċi u t-tagħlimiet meħuda tagħhom. L-inizjattiva għenet biex titqajjem kuxjenza dwar il-kontinwità tan-negozju u biex jiġu identifikati oqsma għal titjib. Kompliet fl-2025 b’workshops għall-kondiviżjoni tal-esperjenzi mill-eżerċizzji nazzjonali u l-iżvilupp ta’ linji gwida mhux vinkolanti dwar il-kontinwità tan-negozju fi ħdan il-UCPM. Sabiex jiġu żgurati skambji kontinwi dwar il-kontinwità operazzjonali 24/7 f’avvenimenti ta’ tfixkil, il-Kummissjoni se tistabbilixxi grupp ta’ esperti dedikat. It-tagħlimiet meħuda minn din l-inizjattiva jistgħu jinfurmaw il-ħidma dwar l-iżgurar tal-kontinwità tal-funzjonijiet vitali tas-soċjetà skont l-Istrateġija tal-UE għal Unjoni tal-Preparatezza.
6.1.2. L-ittestjar tal-preparatezza u l-koordinazzjoni fi kriżijiet kumplessi
Fl-2024, l-ERCC mexxa l-eżerċizzju fuq skala kbira “Integrated Resolve tal-UE tal-2024 – Eżerċizzju Parallel u Kkordinat (EU IR24 – PACE)” biex jittestja l-preparatezza fil-livell tal-UE għal kriżijiet kumplessi u ibridi. L-eżerċizzju ttestja l-funzjonijiet tal-UCPM u tal-ERCC, u evalwa l-prestazzjoni tagħhom fi kriżi kumplessa li teħtieġ koordinazzjoni transsettorjali, transfruntiera, u ċivili-militari. Involva lil aktar minn 900 parteċipant fost dawk li ppjanawh u udjenza tat-taħriġ mis-servizzi tal-Kummissjoni, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, l-aġenziji tal-UE, il-Kunsill, minn 24 Stat Membru, min-Norveġja, mill-Istati Uniti u min-NATO.
Fl-istess sena, il-UCPM wieġeb għal talba konġunta mill-Estonja, mil-Latvja u mil-Litwanja biex jivvaluta l-preparatezza tagħhom għal evakwazzjonijiet tal-massa u r-rispons għalihom. Tim ta’ 20 espert mill-Istati Membri vvaluta l-proċeduri nazzjonali ta’ evakwazzjoni tal-massa, il-kooperazzjoni reġjonali, il-preparatezza tal-pubbliku, u r-rwol tal-UCPM f’tali xenarji, billi pprovda rakkomandazzjonijiet dwar oqsma bħall-ippjanar, il-kenn ta’ emerġenza, l-evakwazzjoni medika u l-istrateġiji ta’ mitigazzjoni ta’ riskji kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari (CBRN, chemical, biological, radiological and nuclear). Huma u jwettqu din il-ħidma, l-esperti interaġixxew ma’ rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-istat u muniċipali kif ukoll ma’ organizzazzjonijiet nongovernattivi.
6.1.3. Tagħlimiet mill-attivitajiet tal-UCPM għall-prevenzjoni, il-preparatezza u r-rispons
Il-Programm tat-Tagħlimiet Meħuda (LLP, Lessons Learned Programme) stabbilit tal-UCPM jippermetti lill-Istati Membri u lill-Istati Parteċipanti jirriflettu dwar l-esperjenzi relatati mal-attivitajiet tal-UCPM, filwaqt li jidentifikaw oqsma għat-titjib fir-rispons, il-preparatezza u l-prevenzjoni. Minbarra l-laqgħat ġenerali tal-LLP, laqgħat iddedikati jiffokaw fuq suġġetti speċifiċi, bħan-nirien fis-selvaġġ, l-għargħar, ir-rispons għal terremoti kbar, jew l-evakwazzjonijiet konsulari, li jkopru l-attivitajiet ta’ prevenzjoni, preparatezza u rispons. Dawn il-laqgħat wasslu għal miżuri bħall-pożizzjonament minn qabel tal-ħaddiema tat-tifi tan-nar u t-tisħiħ tal-prontezza tal-Ewropa li tiġġieled kontra n-nirien fis-selvaġġ, inkluż permezz ta’ żieda fil-kapaċitajiet tat-tifi tan-nirien forestali mill-ajru tar-rescEU.
Fejn l-Istati Membri u l-Istati Parteċipanti ripetutament attivaw il-UCPM għall-istess tip ta’ diżastri, il-Kummissjoni wettqet analiżijiet bir-reqqa taċ-ċirkostanzi u l-azzjonijiet biex ittejjeb il-prevenzjoni u l-preparatezza, skont l-Artikolu 6(4) tad-Deċiżjoni dwar il-UCPM. Il-Kummissjoni tinteraġixxi b’mod attiv mal-awtoritajiet nazzjonali fi djalogi biex issaħħaħ il-miżuri ta’ prevenzjoni u preparatezza, filwaqt li toffri appoġġ mill-UE għal dan il-proċess.
6.2. inizjattivi nazzjonali
L-awtoritajiet tal-protezzjoni ċivili involvew ruħhom f’kooperazzjoni transsettorjali usa’, xejra aċċellerata mill-pandemija tal-COVID-19. Ħafna pajjiżi jirrapportaw li għandhom strutturi permanenti biex jikkoordinaw l-isforzi fost setturi, livelli amministrattivi, u partijiet ikkonċernati differenti. Il-valutazzjonijiet tar-riskju nazzjonali, pereżempju, ilhom ibbażati fuq approċċi transsettorjali u li jinvolvu bosta partijiet ikkonċernati. Madankollu, ir-rapporti nazzjonali u r-rieżamijiet bejn il-pari jkomplu jenfasizzaw il-ħtieġa għal aktar titjib fl-approċċi integrati għall-ippjanar u l-implimentazzjoni. Filwaqt li ħafna pajjiżi jikkonsultaw mas-settur privat, speċjalment l-operaturi kritiċi tal-infrastruttura, dawn l-iskambji spiss ikunu ta’ natura ad hoc.
Fir-rigward tal-kooperazzjoni transfruntiera, l-Istati Membri u l-Istati Parteċipanti jirrapportaw varjetà ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni bilaterali u multilaterali ma’ pajjiżi fil-viċinat, kif ukoll organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali. Eżempji notevoli ta’ prattiki tajbin jinkludu r-reġjuni Nordiċi, tal-Benelux u tal-Baħar Baltiku, fejn l-istrutturi ta’ kooperazzjoni stabbiliti jiffaċilitaw il-koordinazzjoni tal-kriżijiet, l-iskambju ta’ informazzjoni dwar ir-riskju, l-assistenza reċiproka u l-eżerċizzji konġunti.
Filwaqt li r-reżiljenza tal-protezzjoni ċivili tibbaża fuq finanzjament adegwat u flessibbli li jippermetti rispons rapidu f’każ ta’ emerġenza u investiment sostnut, l-informazzjoni nazzjonali dwar is-sorsi ta’ finanzjament u l-allokazzjoni hija nieqsa. Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri u l-Istati Parteċipanti jirrapportaw li għandhom arranġamenti għal allokazzjoni flessibbli ta’ fondi f’każ ta’ ħtieġa urġenti, ftit pajjiżi biss joperaw fondi ddedikati ta’ riżerva għal diżastri, li — għall-kuntrarju tar-riżervi ta’ kontinġenza ġenerali — huma speċifikament allokati għar-rispons għad-diżastri, u joffru prevedibbiltà akbar u aċċess aktar malajr għall-finanzjament.
Il-pajjiżi jirrapportaw dwar varjetà ta’ strumenti finanzjarji u sorsi ta’ finanzjament disponibbli għall-finanzjament ta’ investimenti tal-protezzjoni ċivili, l-aktar minn sorsi pubbliċi. Ftit li xejn pajjiżi jipprovdu informazzjoni dwar il-prijoritajiet ta’ investiment u l-allokazzjoni ta’ fondi għal attivitajiet ta’ prevenzjoni u preparatezza. Il-finanzjament tal-UE għandu rwol komplementari fl-indirizzar tad-diskrepanzi fl-investiment u fl-appoġġ tal-isforzi nazzjonali biex jissaħħu s-sistemi tal-protezzjoni ċivili. Madankollu, l-awtoritajiet tal-protezzjoni ċivili għadhom jesperjenzaw diffikultajiet fl-aċċess għal dawn ir-riżorsi minħabba restrizzjonijiet fil-kapaċità amministrattiva u familjarità limitata mar-regoli dwar il-finanzjament.
6.3. It-Triq ’il Quddiem
L-ittestjar tal-istress tal-kontinwità tan-negozju taċ-ċentri ta’ operazzjonijiet ta’ emerġenza kien promettenti, u eżerċizzji simili għandhom jiġu estiżi biex jiġu identifikati oqsma għat-titjib u jiġi ffaċilitat l-apprendiment reċiproku. L-investiment fir-reżiljenza tal-assi fiżiċi u tal-proċessi operazzjonali se jkun kruċjali wkoll biex tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizzi tal-protezzjoni ċivili.
Ir-reżiljenza finanzjarja hija essenzjali wkoll, u finanzjament adegwat, flessibbli u sostnut fil-livelli kollha se jkun meħtieġ biex jiġu appoġġati t-tħejjija u l-operazzjonijiet effettivi. Sar progress fil-bini tar-reżiljenza permezz ta’ sħubijiet transfruntiera u transsettorjali, iżda hemm bżonn ta’ aktar ħidma biex jingħelbu l-ostakli legali u amministrattivi għal azzjoni konġunta tal-protezzjoni ċivili. Għodod bħall-BridgeforEU jistgħu jgħinu biex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni, u l-oqfsa strateġiċi għall-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri jistgħu jippermettu approċċi aktar koordinati u sħaħ tal-gvern.
L-Istrateġija tal-UE għal Unjoni tal-Preparatezza se jkollha rwol ewlieni fil-gwida ta’ azzjoni dwar ir-reżiljenza fis-sistema kollha fl-oqsma ta’ politika rilevanti taħt approċċ ta’ gvern sħiħ, inkluż l-iżvilupp ta’ kriterji minimi ta’ tħejjija għal servizzi essenzjali. Id-diffikultajiet fl-aċċess għal sorsi ta’ finanzjament minn oqsma ta’ politika oħrajn se jkollhom jiġu indirizzati b’mod aktar sistematiku permezz ta’ tisħiħ tal-kapaċità u skambju tal-aħjar prattiki mtejba fost is-servizzi u l-pajjiżi bil-ħsieb ta’ approċċ aktar integrat għat-tisħiħ tar-reżiljenza u t-tħejjija għad-diżastri u għall-kriżijiet.
Il-UCPM ħadet passi biex tindirizza dawn l-ostakli permezz ta’ sensibilizzazzjoni, assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti, u għodod biex tappoġġa l-ippjanar tal-investiment. Dawn l-isforzi se jkollhom jiżdiedu biex ilaħħqu mad-domanda dejjem tikber.
7.Żieda fl-appoġġ għall-isforzi nazzjonali: is-sett ta’ għodod għall-bini tal-kapaċità li qed jevolvi
In-Network tal-Unjoni ta’ Għarfien dwar il-Protezzjoni Ċivili (UCPKN, Union Civil Protection Knowledge Network) sar il-punt ta’ kuntatt għall-komunità tal-protezzjoni ċivili mit-tnedija tiegħu fl-2021, li jippermetti lill-partijiet ikkonċernati jgħaqqdu u jikkondividu l-għarfien espert, filwaqt li jżid il-livell ta’ preparatezza tal-operazzjonijiet ta’ rispons ta’ emerġenza tal-UCPM. Permezz tal-pjattaforma tal-web, il-bullettin, u l-avvenimenti tagħha, il-UCPKN iżomm lill-komunità infurmata dwar l-implimentazzjoni tad-DRGs u s-suġġetti relatati. Il-Librerija tal-Għarfien online tan-network, imnedija fl-2024, tipprovdi repożitorju tar-riżorsi dwar id-DRGs u dwar il-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri, filwaqt li gruppi ta’ diskussjoni interattivi, bħal dak dwar il-komunikazzjoni tar-riskju, jippermettu lill-prattikanti jiskambjaw ideat u l-aħjar prattiki.
Il-Kummissjoni espandiet is-sett ta’ għodod għall-bini tal-kapaċità tal-UCPM biex tappoġġa aħjar l-isforzi tal-protezzjoni ċivili fil-prevenzjoni tar-riskju ta’ diżastri, fil-preparatezza, u fil-bini tar-reżiljenza. Is-sett ta’ għodod huwa allinjat mal-prijoritajiet strateġiċi tal-UCPM u mad-DRGs, u jinkludi:
I.Għotjiet tal-UCPM għar-Reżiljenza għad-Diżastri: “Assistenza Teknika għall-Ġestjoni tar-Riskju ta’ Diżastri” (Perkors 1), li tiffoka fuq proġetti ta’ pajjiż wieħed, u “Għarfien għal Azzjoni fil-Prevenzjoni u l-Preparatezza” (KAPP, Knowledge for Action in Prevention and Preparedness), li tappoġġa inizjattivi ta’ kooperazzjoni bejn diversi pajjiżi;
II.Il-Faċilità ta’ Finanzjament ta’ Assistenza Teknika (TAFF, Technical Assistance Financing Facility), introdotta fl-2024 biex toffri għarfien espert fil-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri pprovdut mill-Bank Dinji u mill-Faċilità Globali għat-Tnaqqis tad-Diżastri u l-Irkupru Minnhom (GFDRR, Global Facility for Disaster Reduction and Recovery).
65 proġett minn diversi pajjiżi rċevew appoġġ taħt Perkors 1, KAPP, u TAFF fl-2023–2024, b’kontribuzzjoni totali tal-UE ta’ EUR 43 miljun. Id-DRGs kollha ġew indirizzati permezz ta’ dawn il-proġetti.
III.Il-Programm ta’ Rieżami Bejn il-Pari tal-UCMP kompla joffri lill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali tal-protezzjoni ċivili bl-opportunità li jirċievu valutazzjoni indipendenti tas-sistemi tagħhom ta’ ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri minn pari f’pajjiżi oħra matul il-perjodu kollu tal-2022–2024 tiegħu. Il-programm ġie aġġornat biex jinkludi metodoloġija ġdida mfassla għall-ġestjoni tar-riskju tan-nirien fis-selvaġġ, li ġiet applikata fir-rieżamijiet tal-ġestjoni tar-riskju tan-nirien fis-selvaġġ fil-Greċja, fl-Italja, u fil-Land ta’ Brandenburg tal-Ġermanja, li turi l-adattabilità tal-approċċ għall-kuntesti nazzjonali u reġjonali.
Workshop fl-2024, li għalih attendew ir-rappreżentanti mill-pajjiżi rieżaminati u l-pari rieżaminaturi, enfasizza l-valur tal-programm ta’ rieżami bejn il-pari fl-iffaċilitar tal-kondiviżjoni tal-għarfien u biex jixpruna t-titjib. It-titjib li sar matul iċ-ċiklu tal-2022–2024, inkluż ir-raffinar għall-proċess, il-qafas analitiku, u l-promozzjoni tar-riforma, ġie rikonoxxut u apprezzat b’mod wiesa’.
Fl-2024, il-UCPM wettaq ukoll erba’ missjonijiet ta’ prevenzjoni u ta’ preparatezza fiċ-Ċekja dwar il-ġestjoni tar-riskju ta’ nirien, fiċ-Ċili dwar in-nirien fil-foresti, fl-Ukrajna dwar is-CBRN, u fl-Estonja, fil-Latvja u fil-Litwanja dwar l-evakwazzjoni tal-massa.
Il-programm ta’ taħriġ tal-UCMP komprensiv ikkontribwixxa għat-tħejjija ta’ esperti u għat-titjib tal-kapaċitajiet biex jirrispondu għal diversi tipi ta’ diżastri. Fl-2023, il-programm ġie rivedut biex jissaħħu l-kompetenzi individwali tal-esperti u tal-persunal, il-koordinazzjoni, u l-interoperabbiltà tal-kapaċitajiet ta’ rispons involuti fl-iskjeramenti internazzjonali. Saru tletin eżerċizzju (EU MODEX u Eżerċizzji fuq skala sħiħa) ibbażati fuq xenarji speċifiċi, inklużi t-terremoti, l-emerġenzi mediċi, in-nirien forestali, l-għargħar, u s-CBRN. Dawn l-attivitajiet ikkontribwew biex jiżdied il-livell kollettiv ta’ preparatezza tal-UE biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tad-diżastri.
7.1.It-Triq ’il Quddiem
L-għodod ta’ appoġġ tal-UCPM għaddew minn żviluppi sinifikanti, li joffru firxa usa’ ta’ għażliet li huma allinjati mad-DRGs filwaqt li jippermettu wkoll l-adattament għall-ħtiġijiet uniċi tal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali. Il-UCPKN ġie żviluppat ulterjorment biex jiffaċilita l-aċċess għall-prattiki tajbin, għar-riċerka u għall-apprendiment reċiproku.
Fis-snin li ġejjin, se jiġi aġġornat il-qafas ġenerali ta’ valutazzjoni tar-rieżami bejn il-pari (PRAF, peer review assessment framework), li se jiżgura r-rilevanza u l-effettività kontinwati tiegħu. Barra minn hekk, huma skedati li jsiru sitt rieżamijiet bejn il-pari bejn l-2025 u l-2027, li se jibdew mill-Kosovo* u miċ-Ċekja, u li għandhom jipprovdu opportunitajiet siewja għall-apprendiment reċiproku u għall-iskambju tal-aħjar prattiki. Billi tkompli tevolvi u ttejjeb l-għodod ta’ appoġġ, il-Kummissjoni kif ukoll l-Istati Membri u l-Istati Parteċipanti se jkunu mgħammra aħjar biex isaħħu l-ġestjoni tar-riskju u l-bini tar-reżiljenza.
8.konklużjonijiet
Il-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri fl-UE tjiebet b’mod sinifikanti f’dawn l-aħħar snin permezz tat-tisħiħ tas-sistema tal-protezzjoni ċivili tal-UE, u wriet il-kapaċità tagħha li tadatta għad-domandi dejjem akbar ta’ xenarju ta’ riskju li qed jinbidel malajr. Bl-istess mod, ir-rapportar nazzjonali taħt id-Deċiżjoni tal-UCPM jirrifletti l-progress kontinwat fil-ġestjoni tar-riskju fil-livell nazzjonali. L-espansjoni tal-abbiltà u l-kapaċità ta’ rispons tal-UCPM, flimkien ma’ enfasi akbar fuq il-ġestjoni proattiva tar-riskju u l-bini tar-reżiljenza, poġġiet lill-UE f’pożizzjoni aħjar biex tindirizza aħjar id-diżastri dejjem aktar kumplessi.
L-adozzjoni tad-DRGs fl-2023 kienet pass importanti ewlieni, u pprovdiet direzzjoni komuni f’ħames oqsma ewlenin tal-protezzjoni ċivili: it-titjib tal-antiċipazzjoni, it-tħejjija tal-popolazzjoni, it-twissija bikrija, il-kapaċità ta’ rispons, u r-reżiljenza tal-protezzjoni ċivili. L-inizjattivi ewlenin iddedikati li segwew sarrfu b’suċċess dawn il-prijoritajiet f’azzjoni konkreta, u involvew lill-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni ċivili u lil sħab oħra fi sforz kollaborattiv biex tiżdied ir-reżiljenza tal-UE.
Il-progress tal-UCPM ma huwiex biss rilevanti bħala żvilupp settorjali iżda jinforma wkoll l-isforz strateġiku usa’ biex tissaħħaħ it-tħejjija tal-UE. L-Istrateġija tal-UE għal Unjoni tal-Preparatezza, bil-viżjoni komprensiva tagħha għall-preparatezza tal-UE, tiddeskrivi azzjonijiet biex jiġu antiċipati, evitati, u indirizzati aħjar firxa wiesgħa ta’ riskji u theddid, kif ukoll għas-sensibilizzazzjoni u l-komunikazzjoni lill-pubbliku u biex ikun hemm interazzjoni maċ-ċittadini. L-allinjament mill-qrib bejn il-ħidma tal-UCPM u l-viżjoni tal-Istrateġija tal-UE għal Unjoni tal-Preparatezza jippreżenta opportunità unika għall-UE biex tagħmel użu mill-punti tajbin u l-għarfien espert tal-UCPM biex tixpruna l-progress fil-preparatezza u l-bini tar-reżiljenza.
Il-UCPM wera l-valur tiegħu bħala komponent ewlieni tas-sistema tal-protezzjoni ċivili tal-UE. L-iżvilupp kontinwat tiegħu, b’mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni ulterjuri tad-DRGs u l-iżvilupp kontinwat tal-għodod tiegħu għall-bini tal-kapaċità taħt il-UCPKN, se jipprovdi kontribuzzjonijiet essenzjali għall-kamp ta’ applikazzjoni u l-ambizzjoni usa’ tal-Istrateġija tal-UE għal Unjoni tal-Preparatezza.
Għall-futur, u f’xenarju ta’ riskju li qed jevolvi b’mod rapidu, għadu essenzjali li jkun hemm sforzi ulterjuri. It-tisħiħ tar-reżiljenza tal-Ewropa se jirrikjedi impenn sostnut u azzjoni kollettiva mill-UE kollha kemm hi, mill-Istati Membri tagħha, u mis-soċjetà ċivili. Approċċ komprensiv u konxju mir-riskji huwa kruċjali biex jitnaqqsu l-vulnerabbiltajiet u biex jiġu ggwidati l-investimenti strateġiċi fil-kapaċitajiet tal-UE meħtieġa għall-prevenzjoni u l-mitigazzjoni ta’ kriżijiet futuri, it-tħejjija għalihom, u l-irkupru minnhom.
Il-kooperazzjoni dwar il-preparatezza trid testendi wkoll lil hinn mill-Unjoni għall-viċinat immedjati. It-tisħiħ tar-reżiljenza f’dawn ir-reġjuni se jikkontribwixxi għal sigurtà kondiviża, u fl-aħħar mill-aħħar se jsaħħaħ ir-reżiljenza tal-UE stess.