|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/1337 |
17.5.2024 |
DEĊIŻJONI (UE) 2024/1337 TAL-BORD UNIKU TA’ RIŻOLUZZJONI
tat-13 ta’ Marzu 2024
dwar kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit u dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (“SRB”) għas-sena finanzjarja 2022 (SRB/PS/2024/06)
(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
IL-BORD UNIKU TA’ RIŻOLUZZJONI,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 50(1) u 63(8) tar-Regolament SRM,
Wara li kkunsidra l-Artikoli 97, 98 u 99 tar-Regolament Finanzjarju SRB tas-17 ta’ Jannar 2020,
Wara li kkunsidra l-Programm ta’ Ħidma tal-SRB tal-2022 kif adottat fid-29 ta’ Settembru 2021 (il-“Programm ta’ Ħidma tal-2022”),
Wara li kkunsidra l-Kontijiet Annwali Finali tal-SRB għas-sena finanzjarja 2022, kif adottati fis-26 ta’ Ġunju 2023 (il-“Kontijiet Annwali Finali tal-2022”),
Wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-SRB għas-sena finanzjarja 2022 kif adottat fit-8 ta’ Ġunju 2023 (ir-“Rapport Annwali tal-2022”),
Wara li kkunsidra r-Rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) għas-sena finanzjarja 2022, flimkien mat-tweġibiet tal-SRB (ir-“Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri tal-2022”),
Wara li kkunsidra r-Rapport dwar il-Kontijiet Annwali Finali tal-2022 inklużi l-opinjonijiet tal-awditjar datati s-16 ta’ Ġunju 2022 ippreparati minn Mazars Réviseurs d’Enterprises (ir-“Rapport ta’ Mazars tal-Awditjar tal-2022”),
Wara li kkunsidra r-Rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (skont l-Artikolu 92(4) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014) dwar kwalunkwe obbligazzjoni kontinġenti li tinħoloq bħala riżultat tal-prestazzjoni mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni, il-Kunsill jew il-Kummissjoni tal-kompiti tagħhom skont ir-Regolament SRM għas-sena finanzjarja 2022 (ir-“Rapport dwar l-Obbligazzjonijiet Kontinġenti tal-Qorti tal-Awdituri tal-2022”),
Wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Awditjar Intern tal-2022 datat it-18 ta’ Jannar 2023,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu Uniku
1. Jagħti l-kwittanza lill-President tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-SRB għas-sena finanzjarja 2022;
2. Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-SRB għas-sena finanzjarja 2022;
3. Jippreżenta l-kummenti tiegħu fil-mozzjoni t’hawn taħt;
4. Jagħti struzzjonijiet lill-President tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni biex jinnotifika din id-Deċiżjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, biex jiżgura li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L), u fuq is-sit web tal-SRB.
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-iffirmar tagħha.
Għall-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni,
Géraldine THIRY
Membru tal-Plenarja
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1337/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)