|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/3473 |
16.7.2025 |
Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni fid-dawl tal-QFP li jmiss — Artikolu 46(3)(b)
(C/2025/3473)
IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR)
Il-baġit fit-tul tal-UE f’salib it-toroq
|
1. |
jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li jkollha baġit aktar iffukat, aktar ibbażat fuq il-politika, aktar sempliċi u aktar flessibbli b’impatt akbar kif deskritt fil-Komunikazzjoni dwar It-triq lejn il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss (QFP), kif ukoll it-tnedija ta’ konsultazzjoni pubblika madwar l-UE; |
|
2. |
jirrimarka li ħafna rapporti reċenti (Letta, Draghi, Niinistö) issottolinjaw li l-UE tbati minn diskrepanza kbira fl-investiment f’termini tat-twettiq tal-ambizzjonijiet dejjem akbar tagħha, mir-reżiljenza ċivili u klimatika, is-sigurtà, id-difiża u l-preparatezza militari sal-ħtieġa li terġa’ tinkiseb il-kompetittività u li jiġu implimentati l-objettivi ekoloġiċi u diġitali; jenfasizza li r-reġjuni u l-bliet huma konxji tar-rwol kruċjali li għandhom fit-twettiq tal-għanijiet ta’ politika ta’ UE kompetittiva; |
|
3. |
jafferma bil-qawwa li prijoritajiet ġodda jridu jfissru finanzjament ġdid, meta wieħed iqis li l-ħtiġijiet tal-politika ta’ koeżjoni, iffinanzjati minn programmi Ewropej attwali, għadhom jeżistu u għandhom ikunu prijorità; għalhekk jistieden b’mod urġenti lill-UE tgħammar lilha nnifisha b’mezzi finanzjarji suffiċjenti sabiex tilħaq l-objettivi l-ġodda importanti ħafna tagħha f’kuntest ġeopolitiku diffiċli, mingħajr ma tipperikola l-prijoritajiet u l-għanijiet tat-Trattat tagħha li ilhom jeżistu; |
|
4. |
jemmen li l-baġit tal-UE għandu jiġi ffinanzjat dejjem aktar minn sorsi ġodda ta’ finanzjament identifikati mill-Pjan Direzzjonali għar-Riżorsi Proprji (1); iħeġġeġ lill-Kunsill jilħaq ftehim, mingħajr aktar dewmien, dwar il-pakkett ta’ proposti mressqa mill-Kummissjoni; |
|
5. |
jappella għal sforz addizzjonali straordinarju biex jiġi aġġustat l-infiq pubbliku fl-UE. L-Ewropej jeħtiġilhom jipperċepixxu b’mod ċar li r-riżorsi tagħhom huma ġestiti bl-akbar effikaċja u li l-istituzzjonijiet tal-UE huma awsteri u effiċjenti. Għalhekk, qabel ma jitkellmu b’mod pubbliku dwar riżorsi addizzjonali ġodda biex jiżdied id-dħul, l-istituzzjonijiet jeħtiġilhom jintwerew li huma prudenti fl-infiq; |
QFP ta’ wara l-2027 mibni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala msieħba strateġiċi
|
6. |
jisħaq li l-QFP wara l-2027 irid jirrifletti l-prinċipju ta’ sussidjarjetà attiva u jqis it-tfassil aħjar tal-liġijiet; jemmen li jista’ jkun l-espressjoni ta’ kultura ġdida ta’ fiduċja, li fiha l-awtoritajiet lokali u reġjonali jitqiesu bħala msieħba affidabbli u indispensabbli fit-twettiq tal-aġenda strateġika tal-UE minħabba l-fehim uniku tagħhom tal-ħtiġijiet ta’ investiment lokali; |
|
7. |
jopponi, għalhekk, kwalunkwe miżura diretta jew indiretta ta’ ċentralizzazzjoni fi ħdan il-politika ta’ koeżjoni u jinsab lest li jesplora kwalunkwe mezz legali, speċjalment kif inhu previst skont il-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità u l-Artikolu 263 tat-TFUE, biex jiġi mblukkat kwalunkwe tentattiv f’din id-direzzjoni; jirrakkomanda l-istabbiliment ta’ aktar garanziji legali fil-qafas ta’ wara l-2027 biex tiġi żgurata deċentralizzazzjoni akbar u l-involviment komprensiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet; japprova, f’dan ir-rigward, l-impenn pubbliku tal-Kummissjoni li l-prijoritajiet tal-UE jridu jiġu determinati u mwettqa flimkien mal-Istati Membri u r-reġjuni li qed isawru l-investiment fil-post; b’mod partikolari, dan il-pjan nazzjonali uniku jrid jiġi negozjat bejn il-Kummissjoni, l-Istat Membru u r-reġjun. L-esperjenza mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza turi li l-ippjanar ċentrali jirrinforza r-riġiditajiet tad-disinn, jistabbilixxi miri barra mill-ħtiġijiet reġjonali u jagħmilha impossibbli li r-riżorsi jiġu ttrasferiti minn linji ta’ azzjoni mhux imħaddma għal dawk li jintużaw b’suċċess; |
|
8. |
jisħaq li biex il-prinċipju tas-sħubija jkun applikat bis-sħiħ u b’mod adegwat, irid jiġi implimentat fi tliet dimensjoniet b’mod parallel: b’mod orizzontali (bl-involviment tal-imsieħba rilevanti kollha tal-programm, inklużi s-soċjetà ċivili u l-atturi soċjoekonomiċi); b’mod vertikali (permezz ta’ governanza ġenwina f’diversi livelli li tiżgura l-involviment attiv tal-livelli kollha ta’ gvern, b’mod partikolari l-awtoritajiet lokali u reġjonali) u b’mod territorjali (permezz ta’ koordinazzjoni koerenti u sinerġiji bejn il-programmi kollha tal-UE li joperaw fl-istess żona ġeografika, waqt li jiġu evitati s-silos u jissaħħaħ l-iżvilupp territorjali integrat); |
|
9. |
jinsab imħasseb li d-dipendenza fuq l-Għodda ta’ Koordinazzjoni tal-Kompetittività jew il-proċess tas-Semestru Ewropew bħala mekkaniżmi ta’ tmexxija biex il-prijoritajiet tal-UE jintrabtu mal-baġit tal-UE tista’ twassal għal aktar ċentralizzazzjoni u inqas importanza lill-tal-gvernijiet sottonazzjonali, u dan jipperikola/li jimminaw s-sjieda lokali u għalhekk il-kwalità tal-implimentazzjoni; itenni t-talba tiegħu li għamel f’opinjonijiet preċedenti għal kodiċi ta’ kondotta għall-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. Is-Semestru Ewropew għandu jsir aktar trasparenti, inklużiv u demokratiku billi jinvolvi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali; |
|
10. |
jafferma mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu li Patt ta’ Sħubija Ewropew kif definit f’Opinjonijiet (2) preċedenti tal-KtR għandu jkun għodda vinkolanti u strateġika biex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tal-prinċipju tas-sħubija u biex jinħolqu sinerġiji bejn il-politiki tal-UE u l-azzjoni finanzjarja tal-UE; |
|
11. |
jistieden lill-Kummissjoni tirrikonoxxi b’mod espliċitu l-karatteristiċi speċifiċi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, li ħafna drabi jkunu aktar minn sempliċi partijiet ikkonċernati jew benefiċjarji tal-fondi tal-UE, u biex tirrikonoxxi wkoll il-kooperazzjoni territorjali Ewropea bħala prijorità u l-essenza tal-valur miżjud Ewropew u ssaħħaħha fil-QFP li jmiss (3), peress li jekk dan ma jsirx ir-riżultat ser ikun li l-kapaċità tagħhom li jikkontribwixxu b’mod effettiv għall-ilħuq tal-objettivi tal-UE se tixxekkel; ir-reġjuni żvantaġġati ġeografikament u ekonomikament b’mod partikolari u li qed jesperjenzaw tnaqqis demografiku ħafna drabi ma jkollhomx ir-riżorsi u/jew il-kapaċità amministrattiva biex jimplimentaw dawn l-objettivi; |
|
12. |
jemmen li l-awtoritajiet lokali u reġjonali kompetenti jeħtiġilhom jiġu rikonoxxuti b’mod espliċitu fir-Regolament Finanzjarju u involuti b’mod sistematiku matul il-programmazzjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-fondi kollha tal-UE b’dimensjoni territorjali, inklużi dawk taħt ġestjoni diretta (4); |
|
13. |
jinsisti li l-mistoqsija ewlenija tibqa’ t-tfassil u l-mekkaniżmi tat-twettiq tad-diversi programmi finanzjarji pluriennali inkorporati fil-QFP; isostni li n-numru ta’ programmi taħt il-forom kollha ta’ ġestjoni ma għandux ikun iddeterminat minn qabel b’mod artifiċjali iżda pjuttost żviluppat skont il-kuntest ta’ politika adatt u l-livell territorjali ottimali, waqt li tiġi evitata l-proliferazzjoni ta’ programmi u inizjattivi baġitarji; |
|
14. |
jaqbel mal-ħtieġa li jiġu kkonsolidati l-programmi, dment li dan inaqqas b’mod effettiv id-duplikazzjonijiet u jikkontribwixxi għal semplifikazzjoni ġenwina, inkluż fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ rappurtar, abbażi tal-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet tal-benefiċjarji; |
|
15. |
jemmen li l-QFP li jmiss għandu jiffaċilita aktar il-kombinazzjoni, il-koordinazzjoni u l-komplementarjetà tal-programmi pluriennali, u s-sinerġiji bejn il-politiki reġjonali, nazzjonali u tal-UE u s-sorsi ta’ finanzjament, sabiex jissaħħu l-impatt ġenerali u l-koerenza tal-appoġġ finanzjarju tal-UE; |
|
16. |
jenfasizza li l-QFP ma jridx jappoġġja proġetti jew miżuri li jikkontradixxu l-objettivi klimatiċi u ambjentali tal-Unjoni jew l-għanijiet politiċi fit-tul tagħha, bħan-newtralità klimatika sal-2050, u jitlob salvagwardji robusti biex tiġi żgurata l-koerenza fl-istrumenti ta’ finanzjament kollha; |
|
17. |
jemmen li l-armonizzazzjoni tar-regoli li jirregolaw il-fondi fi ħdan qafas uniku tista’ tkun ta’ benefiċċju, irrispettivament min-numru ta’ fondi kkunsidrati, dment li tali armonizzazzjoni ma ddgħajjifx il-governanza f’diversi livelli tal-politika ta’ koeżjoni futura; |
|
18. |
jirrimarka li l-implimentazzjoni ta’ approċċ aktar żviluppat u orjentat lejn ir-riżultati fil-QFP li jmiss tirrikjedi teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi robusti, ibbażati fuq l-evidenza u xprunati mill-impatt, appoġġjati minn ġbir, analiżi u evalwazzjoni aħjar tad-data fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali biex jiġi żgurat li d-diversità territorjali tiġi riflessa fil-miri tal-investiment u l-indikaturi tal-evalwazzjoni, kif ukoll l-integrazzjoni tal-prospettiva strateġika u l-promozzjoni ta’ ekosistemi ta’ innovazzjoni dinamiċi bbażati fuq il-post fil-programmazzjoni; jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali m’għandhomx jinżammu responsabbli għan-nuqqas ta’ kisba tal-miri nazzjonali, b’mod partikolari meta ma jkollhomx il-kompetenzi, ir-riżorsi jew is-setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet meħtieġa biex jinfluwenzaw ir-riżultati; |
|
19. |
iwissi kontra approċċ fejn it-tħaffif tal-eżekuzzjoni finanzjarja tal-baġit tal-UE jkun l-objettiv ewlieni; jesprimi dispjaċir għaż-żieda qawwija fil-proporzjon ta’ programmi finanzjarji pluriennali ġestiti ċentralment li huma għomja għar-realtajiet territorjali taħt il-QFP tal-2021-2027; jissottolinja l-fatt li, sa tmiem il-perjodi ta’ programmazzjoni, ma hemm l-ebda differenza sinifikanti fl-eżekuzzjoni tal-baġit bejn il-fondi taħt ġestjoni kondiviża u l-fondi taħt ġestjoni diretta minkejja l-fatt li l-fondi taħt ġestjoni kondiviża għandhom skeda ta’ żmien differenti; |
|
20. |
iqis li l-QFP li jmiss għandu jivvaluta u jidentifika l-mezzi u l-inċentivi t-tajbin biex jiġi attirat il-kapital privat, jiġu żviluppati sħubijiet pubbliċi-privati u tiġi mħeġġa l-kollaborazzjoni bejn is-setturi pubbliċi u privati sabiex il-finanzjament tal-UE jiġi ingranat biex jintlaħqu l-objettivi ta’ politika; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta valutazzjoni eżawrjenti tad-diversi tipi ta’ mekkaniżmi ta’ taħlit implimentati sa issa, waqt li jitqiesu b’mod partikolari l-aċċessibbiltà tagħhom u l-impatt tagħhom għat-tipi kollha ta’ awtoritajiet lokali u reġjonali; |
QFP ġdid ibbażat fuq prinċipji trażversali li jqisu ċ-ċirkustanzi abbażi tal-post
|
21. |
jilqa’ l-introduzzjoni ta’ prinċipji trażversali integrati fil-fondi kollha fil-QFP attwali 2021-2027 (il-klima, il-bijodiversità, il-ġeneru, l-SDGs) iżda jemmen li l-kejl tal-impatt ta’ dawn il-prinċipji fuq diversi żoni ġeografiċi jista’ jittejjeb aktar; jitlob għall-kontinwazzjoni tal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” u li jiġu introdotti miżuri ċari biex jiġu identifikati u pprevenuti prattiki tal-greenwashing fl-implimentazzjoni tal-programmi ta’ finanzjament tal-UE; |
|
22. |
jindika li, skont l-Artikolu 3 tat-TUE, “il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali” hija objettiv fundamentali tal-UE; jissottolinja l-fatt li, waqt li l-Kummissjoni poġġiet fid-dibattitu pubbliku l-prinċipju ta’ “la tagħmilx ħsara lill-koeżjoni” , sa issa naqset milli toperazzjonalizzah; jistieden lill-Kummissjoni biex tuża sistematikament il-Valutazzjonijiet tal-Impatt Territorjali u l-verifika rurali u tintegra prinċipji trażversali bħal dawk tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tan-nondiskriminazzjoni meta tfassal u timplimenta programmi ta’ finanzjament pluriennali ta’ wara l-2027, meta tfassal u timplimenta programmi ta’ finanzjament pluriennali wara l-2027; |
|
23. |
jappoġġja l-fehma tal-Kummissjoni li m’għandux jintefaq euro wieħed fuq attivitajiet fejn il-prinċipji tal-istat tad-dritt jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE mhumiex salvagwardjati; jinsisti fuq l-implimentazzjoni stretta tar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt (ir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 (5)), u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(2) tiegħu li jirrikjedu li l-awtoritajiet tal-Istati Membri jkomplu jimplimentaw il-programmi affettwati mis-sospensjoni tal-finanzjament tal-UE, u b’hekk jipproteġu lill-benefiċjarji finali fil-livell reġjonali u lokali; f’dan il-kuntest, jisħaq li l-protezzjoni tal-prinċipji tal-istat tad-dritt u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE huma fil-fatt iż-żewġ naħat tal-istess munita, għax aktar ma jkunu ogħla l-istandards demokratiċi tal-Istati Membri, aktar se jkun hemm garanziji li l-interessi finanzjarji tal-UE jiġu protetti; |
L-aġilità tal-QFP ta’ wara l-2027
|
24. |
jikkondividi l-valutazzjoni ġenerali tal-Kummissjoni li l-baġit tal-UE jeħtieġ li jkun aktar aġli biex jirreaġixxi aktar malajr għal avvenimenti mhux previsti u prijoritajiet politiċi li qed jinbidlu; jenfasizza, madankollu, li flessibbiltà akbar trid timxi id f’id mat-trasparenza, ir-responsabbiltà, u l-involviment bikri tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiġi żgurat li r-reazzjonijiet jibqgħu bilanċjati territorjalment; |
|
25. |
jaqbel li l-mekkaniżmi ta’ flessibbiltà integrati attwali kemm fil-livell tar-Regolament QFP innifsu kif ukoll fil-livell ta’ kull programm pluriennali (fejn rilevanti) iridu jiġu rieżaminati; |
|
26. |
jipproponi għalhekk li jiġu inkorporati fond ta’ emerġenza ferm akbar u pakkett ta’ riżerva ta’ flessibbiltà ġenerali mkabbar fir-Regolament QFP sa mill-bidu nett biex iwieġbu għal xokkijiet mhux previsti u sfidi emerġenti; jissottolinja f’dan il-kuntest li l-politika ta’ koeżjoni trid tibqa’ ffokata fuq l-objettivi ta’ żvilupp fit-tul tagħha u ma tridx tintuża bħala strument ta’ ġestjoni tal-kriżijiet; |
|
27. |
jissottolinja li r-rispons għal xokkijiet mhux previsti u sfidi ġodda m’għandux jagħmel użu mir-riżorsi għall-politiki u fondi eżistenti bħall-koeżjoni u l-agrikoltura bħala varjabbli ta’ aġġustament, kif inhu l-każ bħalissa, peress li dan jipperikola l-ilħuq tal-objettivi tat-Trattat ta’ dawn il-politiki u l-istabbiltà regolatorja għad-detriment tal-awtoritajiet maniġerjali u l-benefiċjarji; |
|
28. |
jaqbel li, waqt li jitqies il-kuntest ġeopolitiku, hemm ħtieġa li jinstab bilanċ ġdid bejn il-flessibbiltà u l-istabbiltà fi ħdan il-QFP; huwa miftuħ għal soluzzjonijiet innovattivi, sakemm il-programmi li jappoġġjaw investimenti u objettivi fit-tul jiġu ppreżervati u ma jkunux soġġetti għal bidliet leġiżlattivi rikorrenti u għal adattament għal skop differenti; |
It-tiswir ta’ futur sostenibbli flimkien: koeżjoni għal Ewropa kompetittiva u inklużiva (6)
|
29. |
jitlob li l-politika ta’ koeżjoni tibqa’ pilastru fundamentali tal-mudell tat-tkabbir tal-UE u tal-politika ta’ investiment ewlenija u deċentralizzata fit-tul għar-reġjuni kollha fil-QFP ta’ wara l-2027, b’allokazzjoni finanzjarja ikbar f’termini reali bħal dik taħt il-QFP attwali; jenfasizza li l-prijoritajiet tagħha dejjem ġew allinjati mal-prijoritajiet ġenerali tal-UE; itenni r-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu għal riforma komprensiva tal-politika ta’ koeżjoni sabiex jissaħħaħ ir-rwol ewlieni tagħha li tħares ’il quddiem mingħajr ma jitpoġġew f’dubju l-prinċipji ewlenin tagħha; jissottolinja li t-twettiq tal-politika ta’ koeżjoni diġà huwa soġġett għal qafas tal-prestazzjoni sofistikat ħafna, u jemmen li l-approċċ ibbażat fuq il-prestazzjoni, u mmirat biex irawwem l-innovazzjoni soċjetali u l-progress sostenibbli, jista’ jissaħħaħ aktar biex il-politika ssir saħansitra aktar rilevanti, effiċjenti u ta’ impatt, li jħallat id-dimensjoni territorjali tagħha ma’ enfasi akbar fuq ir-riżultati (7). |
|
30. |
jenfasizza l-fatt li atturi globali ewlenin oħra dan l-aħħar adottaw politiki bbażati fuq il-post fuq skala kbira biex isaħħu l-industriji tagħhom; jemmen li l-Kummissjoni għandha tibni fuq inizjattivi riċenti tal-OECD bħal Place-based policies for the future (Politiki bbażati fuq il-post għall-futur [mhux disponibbli bil-Malti]) u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-OECD dwar l-investiment pubbliku effettiv fil-livelli kollha ta’ gvern (8) biex tiżviluppa linji gwida tal-UE dwar l-investiment pubbliku fil-livelli kollha tal-gvern, twettaq diċentralizzazzjoni effettiva u finanzjament effettiv ibbażat fuq il-post u li jibqa’ validu fil-futur; |
|
31. |
iqis li huwa meħtieġ li l-QFP u l-istrumenti ta’ finanzjament tal-politika komuni jiġu ffokati fuq dawk l-oqsma li fihom jista’ jinħoloq livell għoli ta’ valur miżjud Ewropew; jirrimarka f’dan il-kuntest li l-programmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera, transnazzjonali u interreġjonali huma ta’ importanza partikolari għall-ħolqien ta’ valur miżjud Ewropew; |
|
32. |
jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu intensifikati l-isforzi għall-iżvilupp ta’ ekosistemi ta’ riċerka u innovazzjoni bbażati fuq il-post għall-appoġġ tar-riżoluzzjoni ta’ disparitajiet fl-innovazzjoni u jingħalaq id-distakk fl-innovazzjoni fl-Ewropa kif ukoll bejn l-UE u l-Istati Uniti, kif ukoll maċ-Ċina u reġjuni emerġenti oħra; jenfasizza l-ħtieġa għal approċċ divrenzjat ibbażat fuq il-bżonnijiet ta’ kull reġjun, b’appoġġ għall-eċċellenza u appoġġ strutturali; jenfasizza l-importanza li tinżamm il-proċedura kompetittiva li tat prova tas-suċċess tagħha abbażi tal-prinċipju tal-eċċellenza fil-finanzjament tar-riċerka tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa li l-baġit fit-tul tal-UE jinvesti fi programmi intelliġenti li għandhom l-għan li jappoġġjaw il-ħolqien ta’ ekonomiji lokali u reġjonali b’saħħithom, ibbażati fuq ktajjen ta’ valur industrijali interreġjonali u fuq ekosistemi tal-innovazzjoni reġjonali msaħħa; jirrimarka, f’dan ir-rigward, li l-“istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti” (S3/S4) huma fattur b’saħħtu ta’ eċċellenza għall-ekosistemi ta’ innovazzjoni reġjonali u lokali, u li l-ipprogrammar strateġiku tal-appoġġ għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fl-Ewropa jrid joħloq interfaċċji aktar effettivi b’dawn l-istrateġiji; jirrimarka l-ħtieġa ta’ appoġġ immirat biex jiġi żgurat it-tkabbir fis-suq u l-adozzjoni ta’ teknoloġiji abilitanti ewlenin, bħal prodotti tat-teknoloġija nadifa, u materjali innovattivi fl-ekonomija ċirkolari; |
|
33. |
ifakkar fil-ħtieġa kontinwa ta’ strumenti tal-UE robusti u ambizzjużi inklużi l-Fond Soċjali għall-Klima, LIFE u programmi ta’ assistenza ta’ qabel l-adeżjoni bħala parti mill-QFP orjentat lejn il-futur biex ikompli jiġi segwit il-perkors lejn in-newtralità klimatika sal-2050, u fl-istess waqt jiġi żgurat li ċ-ċittadini, in-negozji u t-territorji kollha jirċievu assistenza adegwata fit-tranżizzjoni; |
|
34. |
Barra minn hekk, jenfasizza r-rwol ċentrali tar-riċerka u l-innovazzjoni (R&I) fit-tisħiħ tal-kompetittività Ewropea, kif muri b’mod konsistenti mill-Programmi Qafas tar-R&I (PQ) matul erba’ deċennji. Jappella għal programm FP10 awtonomu b’żieda fil-baġit u l-appoġġ għall-ekosistemi reġjonali, li jagħti prijorità lit-tlestija taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) permezz tal-iżvilupp kontinwu taċ-ċentri taż-ŻER, il-moviment liberu tar-riċerkaturi, u l-involviment strutturat tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-governanza taż-ŻER, b’mod partikolari permezz tal-Forum taż-ŻER. Jirrakkomanda l-promozzjoni tal-innovazzjoni u l-kollaborazzjonijiet transfruntiera, waqt li jiġi rrispettat il-prinċipju tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti (S3) u s-sinerġiji tiegħu ma’ fondi oħra tal-UE; |
|
35. |
jappoġġja s-sejħa tal-Parlament Ewropew (9) biex it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-Missjonijiet tal-UE jittejbu b’mod sinifikanti, bħall-Missjoni dwar il-Bliet Newtrali għall-Klima u Intelliġenti; jenfasizza li l-approċċ attwali mhux iffukat biżżejjed fuq it-trawwim ta’ ideat ta’ riċerka u innovazzjoni innovattivi u minn isfel għal fuq u li l-Missjonijiet tal-UE jridu jiġu orjentati mill-ġdid biex jistimulaw il-kreattività, l-esperimentazzjoni, u r-riċerka ġdida li tindirizza direttament l-isfidi soċjetali urġenti; jenfasizza li l-involviment attiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali huwa kruċjali biex il-missjonijiet tal-UE jirnexxu, minħabba r-rwol tagħhom biex jimplimentaw soluzzjonijiet ibbażati fuq il-post u jinvolvu lill-partijiet ikkonċernati lokali; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li ssir enfasi fuq eżiti prattiċi u li jistgħu jitkejlu, peress li dawn l-inizjattivi jistgħu jixprunaw trasformazzjoni sistemika waqt li jsaħħu l-kompetittività globali tal-UE; |
|
36. |
fir-rigward tal-ħolqien ta’ Fond Ewropew għall-Kompetittività bħala element essenzjali tal-baġit tal-UE li jmiss, jitlob l-inklużjoni tar-reġjuni fit-tfassil u l-ġestjoni ta’ dan il-Fond, peress li l-awtoritajiet reġjonali huma repożitorji ġenwini ta’ proġetti b’kapaċità kbira biex jimmobilizzaw u jiġġeneraw valur miżjud; |
|
37. |
jindika li l-oqsma kollha fl-UE huma f’nofs tranżizzjoni tripla (ekoloġika, diġitali u demografika); jemmen li l-QFP li jmiss irid ikun ibbażat fuq strateġija integrata u olistika ta’ tranżizzjoni ġusta adattata għall-ħtiġijiet u ċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull żona u mogħnija b’finanzjament suffiċjenti; jissottolinja l-impatt asimmetriku ta’ dawn it-tranżizzjonijiet fil-livell subnazzjonali u jitlob appoġġ imfassal apposta u addizzjonali, b’mod partikolari f’dawk ir-reġjuni u l-bliet li jiddependu minn industriji intensivi fl-enerġija bħas-settur awtomobilistiku, u f’reġjuni oħra li jbatu minn tranżizzjoni sinifikanti lejn riżorsi adegwati; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu pprovduti riżorsi adegwati għall-implimentazzjoni fil-prattika; |
|
38. |
jinsab konvint li l-baġit tal-UE jista’ jġib valur miżjud għall-isfruttar tal-potenzjal kummerċjali sħiħ u tal-benefiċċji tas-suq tax-xogħol tat-tranżizzjoni nadifa billi jindirizza kwistjonijiet bħall-iżvilupp tal-ħiliet (tiġdid u titjib tal-ħiliet immirat), l-apprendiment tul il-ħajja, u impjiegi ta’ kwalità għolja; jenfasizza l-fatt li diversi reġjuni tal-UE qed jiffaċċjaw sfidi demografiċi, bħal forza tax-xogħol li qed tixjieħ, eżodu ta’ mħuħ u tnaqqis fil-popolazzjoni u jappoġġja l-proposta tal-“libertà li wieħed jibqa” fir-rapport ta’ Letta biex jiġi stimulat aktar investiment fis-servizzi pubbliċi biex jiġi appoġġjat il-benesseri ta’ kulħadd; jirrimarka wkoll il-valur indispensabbli ta’ programmi robusti ta’ kooperazzjoni transfruntiera fl-indirizzar ta’ dawn il-kwistjonijiet fir-reġjuni tal-fruntiera; |
|
39. |
jistieden li l-Kummissjoni Ewropea tirrikonoxxi n-nuqqasijiet tal-pjani nazzjonali skont il-Politika Agrikola Komuni (PAK) li wasslu għal inqas enfasi reġjonali, inqas adattabilità għad-differenzi territorjali, u inqas flessibbiltà biex jiġu indirizzati l-kriżijiet u l-avvenimenti mhux previsti; jargumenta bis-saħħa favur PAK deċentralizzata ffukata fuq il-bdiewa u sostenibbli wara l-2027 ibbażata fuq strateġiji reġjonali għas-sigurtà tal-ikel u l-iżvilupp rurali b’kundizzjonalitajiet ekoloġiċi u soċjali effettivi waqt li tippermetti lill-produtturi kollha tal-ikel u tal-prodotti mhux tal-ikel jirċievu remunerazzjoni ġusta għall-ħidma tagħhom; jappella biex tinżamm ir-rabta bejn l-ewwel u t-tieni pilastru tal-PAK sabiex tinżamm il-konsistenza ġenerali; |
|
40. |
jafferma mill-ġdid li l-prinċipji ta’ governanza u sħubija f’diversi livelli għandhom jiġu rrispettati wkoll f’azzjonijiet relatati mal-ażil, il-migrazzjoni, l-integrazzjoni u s-sigurtà interna; jemmen li għandhom jiżdiedu r-riżorsi biex il-fruntieri esterni u r-reġjuni tal-fruntieri tal-UE jsiru aktar siguri, u jitlob rwol akbar għall-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF), li għandu jitfassal biex jindirizza l-isfidi relatati mal-migrazzjoni u jappoġġja l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi permezz ta’ sforzi effettivi mfassla apposta għall-ħtiġijiet lokali, inkluż ir-rispons għall-kriżijiet meta jkun meħtieġ; jitlob li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu kkonsultati meta jiġu stabbiliti l-prijoritajiet u l-azzjonijiet tal-Faċilità Tematika, speċjalment dawk ġestiti mill-Kummissjoni Ewropea, waqt li jiġi previst appoġġ għall-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi; |
|
41. |
jenfasizza l-importanza kbira tal-assistenza finanzjarja tal-UE lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali għat-titjib tal-kapaċitajiet amministrattivi tagħhom, u b’mod aktar ġenerali tal-istrumenti li jappoġġjaw il-kooperazzjoni deċentralizzata fl-azzjonijiet esterni tal-UE; |
|
42. |
jitlob li l-politika ta’ koeżjoni, bħala parti integrali mill-QFP, tkun ankrata b’mod sod f’approċċ ta’ governanza f’diversi livelli bbażat fuq il-post, mibni fuq il-prinċipji ta’ ġestjoni kondiviża u sħubija. Waqt li nappoġġjaw l-isforzi tal-Kummissjoni biex issaħħaħ l-involviment reġjonali permezz ta’ pjani ta’ sħubija nazzjonali u reġjonali, jeħtieġ li nisiltu tagħlimiet min-nuqqasijiet fi strumenti reċenti oħra – bħall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u r-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit – li l-awtoritajiet reġjonali kienu fil-biċċa l-kbira esklużi minnhom. L-iżgurar tal-parteċipazzjoni reġjonali huwa essenzjali għat-titjib tas-sjieda, l-effettività u l-impatt territorjali; |
Il-bini ta’ alleanzi ma’ istituzzjonijiet tal-istess fehma u s-sejħa għal proċess trasparenti tat-teħid ta’ deċiżjonijiet
|
43. |
jistieden b’mod solenni lill-Kunsill Ewropew u lid-diversi formazzjonijiet tal-Kunsill biex bi tħejjija qabel in-negozjati tal-QFP li jmiss jieħdu impenn għal djalogu strutturat u trasparenti mal-gvernijiet lokali u reġjonali, u biex jagħmlu użu sħiħ mill-Kumitat tar-Reġjuni bħala r-rappreżentant istituzzjonali tal-awtoritajiet sottonazzjonali u faċilitatur tal-governanza f’diversi livelli; |
|
44. |
jenfasizza li l-kooperazzjoni transfruntiera, transnazzjonali u interreġjonali hija waħda mill-pedamenti tal-integrazzjoni Ewropea u għalhekk għandha tingħata mill-inqas l-istess attenzjoni bħal fil-preżent, u flessibbiltà suffiċjenti fl-implimentazzjoni tagħha; |
|
45. |
jimpenja ruħu li jappoġġja kollaborazzjoni msaħħa mal-Parlament Ewropew dwar l-isforzi rikorrenti tiegħu biex in-negozjati jsiru aktar trasparenti u inklużivi; |
|
46. |
jindika s-Sejħa konġunta ta’ Marzu 2024 tal-#CohesionAlliance għal “Politika ta’ koeżjoni mġedda wara l-2027 li ma tħalli lil ħadd jibqa’ lura” u jistieden lill-pubbliku ġenerali, lit-trade unions, lin-negozji, u lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi u tas-soċjetà ċivili jiffirmawha sabiex flimkien jiżguraw QFP ta’ wara l-2027 li ma jħalli lil ħadd jibqa’ lura (10); |
|
47. |
jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex tibgħat din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Parlament Ewropew, lill-Presidenza Pollakka u Daniża tal-Kunsill tal-UE u lill-President tal-Kunsill Ewropew. |
Brussell, il-15 ta’ Mejju 2025.
Il-President
tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
Kata TÜTTŐ
(1) Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina bagitarja, dwar kooperazzjoni f’materji bagitarji u dwar gestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar rizorsi proprji godda, inkluz pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ rizorsi proprji godda Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Dicembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina bagitarja, dwar kooperazzjoni f’materji bagitarji u dwar gestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar rizorsi proprji godda, inkluz pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ rizorsi proprji godda (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28).
(2) COTER-VII/030.Il-futur tal-politika ta’ koeżjoni wara l-2027 .Relaturi: Emil Boc (RO/PPE) u Vasco Alves Cordeiro (PT/PSE). Adozzjoni fid-29 ta’ Novembru 2023 R (ĠU C, C/2024/1041, 9.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1041/oj) u COTER-VII/41 Il-baġit tal-UE u l-politiki bbażati fuq il-post: proposti għal mekkaniżmi ġodda ta’ tfassil u twettiq fil-QFP wara l-2027 . Relatur Marie-Antoinette Maupertuis (FR/AE). Adozzjoni fil-plenarja tad-19 ta’ Novembru 2024 (ĠU C, C/2025/279, 24.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/279/oj).
(3) Ara l-punt 52 tal-Opinjoni COTER-VII/040 (ĠU C, C/2025/285, 24.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/285/oj).
(4) COTER-VII/041.Il-baġit tal-UE u l-politiki bbażati fuq il-post: proposti għal mekkaniżmi ġodda ta’ tfassil u twettiq fil-QFP wara l-2027. Relatur Marie-Antoinette Maupertuis (FR/AE). Adozzjoni fil-plenarja tad-19 ta’ Novembru 2024 (ĠU C, C/2025/279, 24.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/279/oj).
(5) Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 1).
(6) Rapport tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Futur tal-Politika ta’ Koeżjoni, https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/c6e97287-cee3-11ee-b9d9-01aa75ed71a1/language-mt.
(7) COTER-VII/40.Politika ta’ koeżjoni mġedda wara l-2027 li ma tħalli lil ħadd jibqa’ lura, relaturi: Emil Boc (RO/PPE) u Vasco Alves Cordeiro (PT/PSE).Adozzjoni fl-20 ta’ Novembru 2024.
(8) https://legalinstruments.oecd.org/en/instruments/OECD-LEGAL-0402.
(9) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Marzu 2025 dwar il-valutazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ Orizzont Ewropa fid-dawl tal-evalwazzjoni interim tiegħu u rakkomandazzjonijiet għall-10 Programm Qafas għar-Riċerka (2024/2109(INI)).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3473/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)