|
27.12.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 333/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/2218
tal-24 ta’ Ottubru 2019
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn ir-Repubblika Demokratika ta’ São Tomé u Príncipe u l-Komunità Ewropea
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43 flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Fit-23 ta’ Lulju 2007, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 894/2007 (1), li kkonkluda l-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn ir-Repubblika Demokratika ta’ São Tomé u Príncipe u l-Komunità Ewropea (2) (“il-Ftehim”). Dan il-Ftehim daħal fis-seħħ fid-29 ta’ Awwissu 2011 u għadu fis-seħħ. |
|
(2) |
Fit-18 ta’ Diċembru 2017, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tibda negozjati mar-Repubblika Demokratika ta’ São Tomé u Príncipe (“São Tomé u Príncipe”) bil-ħsieb tal-konklużjoni ta’ protokoll ġdid biex jimplimenta l-Ftehim. |
|
(3) |
Il-Protokoll preċedenti għall-Ftehim skada fit-22 ta’ Mejju 2018. |
|
(4) |
Il-Kummissjoni nnegozjat protokoll ġdid f’isem l-Unjoni. Wara l-konklużjoni tan-negozjati, il-protokoll il-ġdid ġie inizjalat fis-17 ta’ April 2019. |
|
(5) |
L-għan tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn ir-Repubblika Demokratika ta’ São Tomé u Príncipe u l-Komunità Ewropea (“il-Protokoll”) huwa li jippermetti lill-Unjoni u lil São Tomé u Príncipe jaħdmu flimkien aktar mill-qrib sabiex jippromwovu politika tas-sajd sostenibbli u l-użu responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fl-ilmijiet ta’ São Tomé u Príncipe u li jippermettilhom jappoġġaw l-isforzi ta’ São Tomé u Príncipe biex jiżviluppaw is-settur tas-sajd tagħhom. |
|
(6) |
Sabiex ikun żgurat li l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni jinbdew malajr, jenħtieġ li l-Protokoll jiġi applikat fuq bażi provviżorja mill-iffirmar tiegħu. |
|
(7) |
Jenħtieġ li l-Protokoll jiġi ffirmat u applikat fuq bażi provviżorja, sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn ir-Repubblika Demokratika ta’ São Tomé u Príncipe u l-Komunità Ewropea huwa b’dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-Protokoll imsemmi.
It-test tal-Protokoll huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirma(w) il-Protokoll f’isem l-Unjoni.
Artikolu 3
Il-Protokoll għandu jiġi applikat fuq bażi provviżorja mid-data tal-iffirmar tiegħu (3), sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, l-24 ta’ Ottubru 2019.
Għall-Kunsill
Il-President
A.-K. PEKONEN
(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 894/2007 tat-23 ta’ Lulju 2007 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn ir-Repubblika Demokratika ta’ São Tomé u Príncipe u l-Komunità Ewropea (ĠU L 205, 7.8.2007, p. 35).
(2) ĠU L 205, 7.8.2007, p. 36.
(3) Id-data li minnha l-Protokoll ser jiġi applikat b’mod provviżorju ser tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.