5.10.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 352/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1754

tal-4 ta’ Ottubru 2021

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1382 li jemenda ċerti Regolamenti li jimponu miżuri antidumping jew antisussidji fuq ċerti prodotti tal-azzar soġġetti għal miżura ta’ salvagwardja

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/477 (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2015 dwar il-miżuri li l-Unjoni tista’ tieħu relattivament għall-effett ikkombinat ta’ miżuri antidumping jew antisussidji ma’ miżuri ta’ salvagwardja

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/159 (2), il-Kummissjoni imponiet miżura ta’ salvagwardja fir-rigward ta’ ċerti prodotti tal-azzar għal perjodu ta’ tliet snin. Dawn il-miżuri jieħdu l-forma ta’ kwoti tariffarji applikabbli għal perjodi speċifiċi, li permezz tagħhom ikun dovut dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota ta’ 25 % meta l-importazzjonijiet jaqbżu livell limitu speċifikat li jkun jikkorrispondi mal-livell medju ta’ importazzjonijiet fis-snin 2015 sa 2017. Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1029 (3), il-Kummissjoni estendiet l-applikazzjoni tas-salvagwardja għal tliet snin, sat-30 ta’ Ġunju 2024.

(2)

Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1382 (4), il-Kummissjoni stabbiliet mekkaniżmu li jipprevjeni l-applikazzjoni simultanja ta’ dan id-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota ma’ miżuri antidumping u/jew kompensatorji applikabbli wkoll għal xi wħud mill-prodotti tal-azzar.

(3)

Għal dan il-għan, l-anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1382 elenka l-miżuri antidumping u antisussidji kollha fuq prodotti li kienu wkoll soġġetti għall-miżuri ta’ salvagwardja f’dak iż-żmien, u speċifika d-dazju antidumping u/jew antisussidji li jenħtieġ li japplika ladarba t-tariffa ’l fuq mill-kwota ssir applikabbli.

(4)

Fis-6 ta’ Lulju 2021, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1100 (5), il-Kummissjoni imponiet dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mit-Turkija

(5)

Il-mekkaniżmu li jipprevjeni l-applikazzjoni simultanja tal-miżuri għandu japplika għal dawn il-prodotti peress li huma wkoll soġġetti għall-miżura ta’ salvagwardja. Jenħtieġ għalhekk li l-anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1382 jiġi emendat sabiex jinkludi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1100.

(6)

Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza għall-operaturi ekonomiċi, fil-futur, kull Regolament li jimponi antidumping u/jew antisussidju fir-rigward ta’ prodotti tal-azzar li huma wkoll soġġetti għall-miżura ta’ salvagwardja se jinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi li jipprevjenu l-applikazzjoni simultanja tagħhom mad-dazju tariffarju ta’ salvagwardja ’l fuq mill-kwota.

(7)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Istrumenti għad-Difiża tal-Kummerċ,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1382 huwa emendat kif ġej:

1.

Fl-Anness 1.B “Lista tar-regolamenti li jimponu miżuri antidumping u antisussidji fuq il-prodotti soġġetti għall-miżura ta’ salvagwardja”, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“20.

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1100 tal-5 ta’ Lulju 2021 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti llaminati bis-sħana tal-ħadid, tal-azzar bil-karbonju jew azzar illigat ieħor li joriġinaw mit-Turkija, ĠU L 238, 6.7.2021, p. 32.”

2.

Fl-Anness 2 “Rati ta’ dazji antidumping u/jew kompensatorji applikabbli sakemm ikun applikabbli dazju ta’ salvagwardja fuq l-istess prodott”, jiżdied l-ANNESS 2.19 li ġej:

“ANNESS 2.19

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1100 tal-5 ta’ Lulju 2021 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti llaminati bis-sħana tal-ħadid, tal-azzar bil-karbonju jew azzar illigat ieħor li joriġinaw mit-Turkija, (ĠU L 238, 6.7.2021, p. 32).

Pajjiż

Kumpanija

Kodiċi addizzjonali TARIC

Dazju antidumping definittiv oriġinali

Dazju antidumping ladarba ssir applikabbli l-miżura ta’ salvagwardja

It-Turkija

Çolakoğlu Metalurji A.Ş.

C602

7,3  %

0,0  %

It-Turkija

Il-grupp Erdemir: — Ereğli Demir ve Çelik Fabrikalari T.A.S. — İskenderun Demir ve Çelik A.Ş.

C603

5,0  %

0,0  %

It-Turkija

Habaş Sinai ve Tibbi Gazlar İstihsal Endüstrisi A.Ş

C604

4,7  %

0,0  %

It-Turkija

Ağir Haddecilik A.Ş.

C605

5,7  %

0,0  %

It-Turkija

Borçelik Çelik Sanayii Ticaret A.Ş.

C606

5,7  %

0,0  %

It-Turkija

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

C999

7,3  %

0,0  %’

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Ottubru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 83, 27.3.2015, p. 11

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/159 tal-31 ta’ Jannar 2019 li jimponi miżuri definittivi ta’ salvagwardja kontra l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar (ĠU L 31 1.2.2019, p. 27).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1029 tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/159 biex jestendi l-miżura ta’ salvagwardja fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar (ĠU L 225I, 25.6.2021, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1382 tat-2 ta’ Settembru 2019 li jemenda ċerti Regolamenti li jimponu miżuri antidumping jew antisussidji fuq ċerti prodotti tal-azzar soġġetti għal miżuri ta’ salvagwardja (ĠU L 227, 3.9.2019, p. 1).

(5)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1100 tal-5 ta’ Lulju 2021 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti llaminati bis-sħana tal-ħadid, tal-azzar bil-karbonju jew azzar illigat ieħor li joriġinaw mit-Turkija (ĠU L 238, 6.7.2021, p. 32).