25.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 82/29


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/483

tad-19 ta' Marzu 2019

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda tal-Anness IX (Servizzi finanzjarji) għall-Ftehim ŻEE (Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital (CRR) u d-Direttiva 2013/36/UE (CRD IV))

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta' Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2) (“il-Ftehim ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1994.

(2)

Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista' jiddeċiedi li jemenda, inter alia, l-Anness IX għal dak il-Ftehim li fih dispożizzjonijiet dwar is-servizzi finanzjarji.

(3)

Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) għandhom jiġu inkorporati fil-Ftehim ŻEE.

(4)

Għalhekk, l-Anness IX għall-Ftehim ŻEE jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(5)

Għaldaqstant jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' deċiżjoni mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta tal-Anness IX (Servizzi finanzjarji) għall-Ftehim ŻEE għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Marzu 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)   ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.

(2)   ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(4)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).


ABBOZZ

DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru …/2019

ta'…

li temenda l-Anness IX (Servizzi finanzjarji) tal-Ftehim ŻEE

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b'mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), kif rettifikat minn ĠU L 208, 2.8.2013, p. 68, ĠU L 321, 30.11.2013, p. 6 u ĠU L 20, 25.1.2017, p. 2 għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2017/2395 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward ta' arranġamenti transizzjonali biex jittaffa l-impatt tal-introduzzjoni tal-IFRS 9 fuq il-fondi proprji u għat-trattament tal-iskoperturi l-kbar ta' ċerti skoperturi fis-settur pubbliku denominati fil-munita domestika ta' kwalunkwe Stat Membru (2), għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

(3)

Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (3), kf rettifikata minn ĠU L 208, 2.8.2013, p. 73 u ĠU L 20, 25.1.2017, p. 1 għandha tiġi inkorporata fil-Ftehim ŻEE.

(4)

Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u d-Direttiva 2013/36/UE jirreferu għal “istituzzjonijiet prinċipali tal-UE”, “kumpaniji azzjonarji finanzjarji omm tal-UE” u “kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta omm tal-UE”, li fil-kuntest tal-Ftehim ŻEE huma mifhuma bħala li jirreferu għal entitajiet li jissodisfaw id-definizzjonijiet rilevanti stabbiliti fir-Regolament li huma stabbiliti f'Parti Kontraenti taż-ŻEE u li mhumiex sussidjarji ta' istituzzjoni oħra mwaqqfa fi kwalunkwe Parti Kontraenti oħra taż-ŻEE.

(5)

Id-Direttiva 2013/36/UE tħassar id-Direttivi 2006/48/KE (4) u 2006/49/KE (5) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li huma inkorporati fil-Ftehim ŻEE u li konsegwentement għandhom jitħassru skont il-Ftehim ŻEE.

(6)

Il-potenzjal għal tnaqqis mhux ġustifikat fir-rekwiżiti ta' fondi proprji u l-użu ta' mudelli interni ġie limitat, inter alia, mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta l-Artikolu 152 tad-Direttiva 2006/48/KE, li, minn tmiem l-2017 ġie sostitwit bl-Artikolu 500 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Madanakollu, għad hemm diversi dispożizzjonijiet oħra fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u d-Direttiva 2013/36/UE li jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti biex jindirizzaw l-istess kwistjoni, inkluża l-possibbiltà għal miżuri biex jilqgħu kontra tnaqqis mhux ġustifikat tal-ammonti ta' skopertura ponderati għar-riskju, ara pereżempju l-Artikolu 104 tad-Direttiva 2013/36/UE, u biex timponi marġnijiet prudenti ta' konservatiżmu fil-kalibrazzjoni ta' mudelli interni, ara pereżempju l-Artikolu 144 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u l-Artikolu 101 tad-Direttiva 2013/36/UE.

(7)

Għalhekk, l-Anness IX tal-Ftehim ŻEE jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness XI tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat kif ġej:

1.

It-test tal-punt 14 (id-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) jinbidel b'dan li ġej:

“ 32013 L 0036: Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338), kif rettifikata minn ĠU L 208, 2.8.2013, p. 73 u ĠU L 20, 25.1.2017, p. 1.

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għandhom, għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, jinqraw bl-adattamenti li ġejjin:

(a)

Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 1 ta' dan il-Ftehim, u sakemm mhux previst mod ieħor f'dan il-Ftehim, it-termini “Stat Membru/i” u “awtoritajiet kompetenti” għandhom jinftiehmu li jinkludu, apparti t-tifsira tagħhom fir-Regolament, l-Istati tal-EFTA u l-awtoritajiet kompetenti tagħhom, rispettivament;

(b)

Referenzi għall-“membri tas-SEBĊ” jew għal “banek ċentrali” għandhom jinftiehmu li jinkludu, apparti t-tifsira tagħhom fir-Regolament, il-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati tal-EFTA.

(c)

Referenzi għal atti oħrajn fid-Direttiva għandhom japplikaw sal-punt u l-mod li dawk l-atti jiġu inkorporati f'dan il-Ftehim.

(d)

Referenzi għas-setgħat tal-EBA skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward id-Direttiva għandhom jinftiehmu li jirreferu, fil-każijiet previsti fil-punt 31 g ta' dan l-Anness u f'konformità miegħu, għas-setgħat tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA fir-rigward tal-Istati tal-EFTA.

(e)

Fl-Artikolu 2(5), għandhom jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

“(11a)

Fl-Iżlanda, għal ‘Byggðastofnun’, għal ‘Íbúðalánasjóður’ u għal ‘Lánasjóður sveitarfélaga ohf.’;”

(f)

Fl-Artikolu 6, jiddaħħal is-subparagrafu li ġej (a):

“L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati tal-EFTA jikkoperaw b'fiduċja u rispett reċiproku sħiħ, b'mod partikolari meta jiżguraw il-fluss ta' informazzjoni xierqa u affidabbli bejnhom u l-partijiet tas-SESF u mal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tal-UE għandhom jikkoperaw mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati tal-EFTA bl-istess mod.”

(g)

L-Artikolu 47(3) ma għandux japplika fl-Istati tal-EFTA. Permezz ta' ftehimiet konklużi ma' pajjiż terz wieħed jew aktar, l-Unjoni tista' tiftiehem li tapplika d-dispożizzjonijiet li jagħtu lil fergħat ta' istituzzjoni ta' kreditu li jkollha l-uffiċċju prinċipali tagħha f'pajjiż terz trattament ugwali fit-territorju tal-Istat tal-EFTA.

Il-Partijiet Kontraenti għandhom jinfurmaw u jikkonsultaw lil xulxin qabel ma jiġu konklużi l-ftehimiet ma' pajjiżi terzi abbażi tal-Artikolu 47(3) jew l-ewwel paragrafu ta' dan il-punt, skont kif ikun il-każ.

Kull meta l-Unjoni Ewropea tinnegozja ma' pajjiż terz wieħed jew aktar rigward il-konklużjoni ta' ftehim abbażi tal-Artikolu 47(3), u ftehim bħal dan għandu l-għan li jiġi akkwistat trattament nazzjonali jew aċċess effettiv għas-suq għall-fergħat tal-istituzzjonijiet ta' kreditu li jkollhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea fil-pajjiżi terzi kkonċernati, l-Unjoni Ewropea għandha tagħmel ħilitha biex tikseb l-istess trattament għall-fergħat tal-istituzzjonijiet ta' kreditu li jkollhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom fi Stat tal-EFTA.

(h)

L-Artikolu 48 ma għandux japplika. Meta Stat tal-EFTA jikkonkludi ftehim ma' pajjiż terz wieħed jew aktar rigward il-mezzi tal-eżerċizzju ta' superviżjoni fuq bażi kkonsolidata fuq l-istituzzjonijiet li l-impriżi omm tagħhom ikollhom l-uffiċċju prinċipali f'pajjiż terz u l-istituzzjonijiet li jinsabu f'pajjiżi terzi li l-impriżi omm tagħhom, sew jekk ikunu istituzzjonijiet, kumpaniji azzjonarji finanzjarji jew kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta, ikollhom l-uffiċċji prinċipali tagħhom f'dak l-Istat tal-EFTA, dak il-ftehim għandu jiżgura li l-EBA tkun tista' tikseb mingħand l-awtorità kompetenti ta' dak l-Istat tal-EFTA informazzjoni li tkun waslet mill-awtoritajiet nazzjonali ta' pajjiżi terzi skont l-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

(i)

Fl-Artikolu 53(2), il-kliem “jew, skont il-każ, l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA” għandu jiddaħħal qabel il-kliem “skont din id-Direttiva”.

(j)

Fl-Artikolu 58(1)(d), il-kliem “jew, skont il-każ, l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA” għandu jiddaħħal wara l-kelma “ESMA”.

(k)

Fl-Artikolu 89(5), il-kliem “atti leġiżlattivi futuri tal-Unjoni għal obbligi ta' żvelar” għandu jiġi sostitwit bil-kliem “atti leġiżlattivi futuri applikabbli skont il-Ftehim ŻEE jipprevedu għal obbligi ta' żvelar li”.

(l)

Fl-Artikolu 114(1), fir-rigward tal-Liechtenstein, il-kliem “bank ċentrali tas-SEBĊ” għandu jiġi sostitwit bil-kliem “l-awtorità kompetenti”.

(m)

Fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 117(1), il-kliem “jew l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA, skont kif ikun il-każ,” għandu jiddaħħal wara l-kelma “EBA”.

(n)

Fl-Artikoli 133(14) u (15), il-kliem “jew rigward l-lstati tal-EFTA, il-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA” għandu jiddaħħal wara l-kelma “il-Kummissjoni”.

(o)

Fl-Artikolu 151(1), fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, il-kliem “deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE li tinkludi” għandu jiddaħħal wara l-kliem “f'konformità ma'” .”

2.

Dan li ġej jiddaħħal wara l-punt 14 (id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill):

“14a.

32013 R 0575: Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1), kif rettifikat minn ĠU L 208, 2.8.2013, p. 68, ĠU L 321, 30.11.2013, p. 6 u ĠU L 20, 25.1.2017, p. 2, kif emendat minn:

—

32017 R 2395: Ir-Regolament (UE) 2017/2395 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017 (ĠU L 345, 27.12.2017. p. 27).

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament għandhom, għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, jinqraw bl-adattamenti li ġejjin:

(a)

Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 1 ta' dan il-Ftehim, u sakemm ma jkunx provdut mod ieħor f'dan il-Ftehim, it-termini “Stat Membru(i)” u “awtoritajiet kompetenti” għandhom jinftiehmu li jinkludu, apparti t-tifsira tagħhom fir-Regolament, l-Istati tal-EFTA u l-awtoritajiet kompetenti tagħhom, rispettivament.

(b)

Referenzi għall-“membri tas-SEBĊ” jew għal “banek ċentrali” għandhom jinftiehmu li jinkludu, apparti t-tifsira tagħhom fir-Regolament, il-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati tal-EFTA.

(c)

Referenzi għal atti oħra fir-Regolament għandhom japplikaw sal-punt u fil-forma li dawk l-atti jkunu inkorporati f'dan il-Ftehim;

(d)

Referenzi għas-setgħat tal-EBA skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-Regolament għandhom jinftiehmu bħala li jirreferu, fil-każijiet previsti fil-punt 31g ta' dan l-Anness u f'konformità miegħu, għas-setgħat tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA fir-rigward tal-Istati tal-EFTA.

(e)

F'punt (75) tal-Artikolu 4(1), il-kliem “in-Norveġja u” għandu jiddaħħal qabel il-kelma “l-Iżvezja”.

(f)

Fl-Artikolu 31(1)(b), fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, il-kelma “il-Kummissjoni” għandha tinqara “l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA”.

(g)

F'paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 80, il-kliem “jew, fil-każ li Stat tal-EFTA ikun ikkonċernat, l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA” għandhom jiddaħħlu wara l-kelma “il-Kummissjoni”.

(h)

Fl-Artikoli 329(4), 344(2), 352(6), 358(4) u 416(5), fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, il-kliem “id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE li jinkludu” għandu jiddaħħal wara l-kliem “dħul fis-seħħ”.

(i)

Fl-Artikolu 395:

(i)

fil-paragrafi 7 u 8, fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, il-kelma “il-Kunsill” ma għandhiex tapplika;

(ii)

fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 8 għandu jinqara kif ġej:

“Is-setgħa li tadotta deċiżjoni li taċċetta jew tirrifjuta l-miżura nazzjonali proposta msemmija fil-paragrafu 7 hija mogħtija lill-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA.”

(iii)

L-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 8 għandha tiġi mibdula bis-segwenti:

“Fi żmien xahar mill-wasla tan-notifika msemmija fil-paragrafu 7, l-EBA għandha tipprovdi l-opinjoni tagħha dwar il-punti msemmija f'dak il-paragrafu lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru kkonċernat jew, fejn l-opinjoni tagħha tikkonċerna miżuri nazzjonali proposti minn Stat tal-EFTA, lill-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA u lill-Istat tal-EFTA kkonċernat.”

(j)

Fl-Artikolu 458:

(i)

fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 għandu jinqara kif ġej:

“Fejn l-awtorità determinata skont il-paragrafu 1 tidentifika tibdil fl-intensità tar-riskju makroprudenzjali jew sistemiku fis-sistema finanzjarja bil-potenzjal ta' konsegwenzi negattivi serji għas-sistema finanzjarja u l-ekonomija reali fi Stat Membru speċifiku u li dik l-awtorità tqis li jkun aħjar li jiġu indirizzati permezz ta' miżuri nazzjonali aktar stretti, hija għandha tinnotifika lill-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA, lill-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA, lill-BERS u lill-EBA b'dan il-fatt u tippreżenta evidenza kwantitattiva u kwalifikattiva rilevanti ta' dawn kollha li ġejjin:”

(ii)

fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4 għandu jinqara kif ġej:

“Is-setgħa biex jiġi adottat att ta' implimentazzjoni li jirrifjuta l-abbozzi ta' miżuri nazzjonali msemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 2 tingħata lill-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA, li jaġixxi fuq proposta mill-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA.”;

(iii)

fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4, għandu jiżdied dan li ġej:

“Fejn l-opinjonijiet tagħhom jikkonċernaw abbozz ta' miżuri nazzjonali ta' Stat tal-EFTA, il-BERS u l-EBA għandhom jipprovdu l-opinjonijiet tagħhom lill-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA, lill-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA u lill-Istat tal-EFTA kkonċernat.”;

(iv)

fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, it-tielet sat-tmien subparagrafi tal-paragrafu 4 għandhom jinqraw kif ġej:

“Filwaqt li jiġu kkunsidrati bl-aktar mod possibbli l-opinjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu u jekk ikun hemm evidenza robusta, qawwija u dettaljata li l-miżura jkollha impatt negattiv fuq is-suq intern li jegħleb il-benefiċċji tal-istabbiltà finanzjarja li jirriżultaw fi tnaqqis tar-riskju makroprudenzjali jew sistemiku identifikat, l-Awtorità ta' Sorveljanza tista', fi żmien xahar, tipproponi lill-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA biex jirrifjuta l-abbozz ta' miżuri nazzjonali.

Fin-nuqqas ta' proposta tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA f'dak il-perjodu ta' xahar, l-Istat tal-EFTA konċernat jista' b'mod immedjat jadotta l-abbozz ta' miżuri nazzjonali għal perjodu ta' mhux aktar minn sentejn jew sal-waqt meta r-riskju makroprudenzjali jew sistemiku ma jibqax jeżisti jekk dan iseħħ qabel.

Il-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA għandu jiddeċiedi dwar il-proposta mill-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA fi żmien xahar wara l-wasla tal-proposta u jiddikjara r-raġunijiet għar-rifjut jew le tal-abbozz ta' miżuri nazzjonali.

Il-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA għandu jirrifjuta l-abbozz ta' miżuri nazzjonali biss jekk iqis li waħda jew iżjed mill-kundizzjonijiet li ġejjin ma jkunux ġew osservati:

(a)

il-bidliet fl-intensità tar-riskju makroprudenzjali jew sistemiku jkunu ta' tali natura li jirrappreżentaw riskju għall-istabbiltà finanzjarja fil-livell nazzjonali;

(b)

l-Artikoli 124 u 164 ta' dan ir-Regolament u l-Artikoli 101, 103, 104, 105, 133 u 136 tad-Direttiva 2013/36/UE ma jistgħux jindirizzaw b'mod adegwat ir-riskju makroprudenzjali jew sistemiku identifikat, b'kunsiderazzjoni tal-effettività relattiva ta' dawk il-miżuri;

(c)

l-abbozz ta' miżuri nazzjonali huma aktar adatti biex jindirizzaw ir-riskju makroprudenzjali jew sistemiku identifikat u ma jinvolvux effetti negattivi sproporzjonati fuq is-sistema finanzjarja kollha, jew partijiet minnha, f'Partijiet Kontraenti oħra jew fl-EEA kollha kemm hi, u b'hekk jiffurmaw jew joħolqu ostaklu għall-funzjonament tas-suq intern;

(d)

il-kwistjoni tikkonċerna biss Stat tal-EFTA wieħed; kif ukoll

(e)

ir-riskji ma jkunux diġà ġew indirizzati minn miżuri oħra f'dan ir-Regolament jew fid-Direttiva 2013/36/UE.

Il-valutazzjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA għandha tqis l-opinjoni tal-BERS u l-EBA u għandha tkun ibbażata fuq l-evidenza ppreżentata f'konformità mal-paragrafu 2 mill-awtorità determinata skont paragrafu 1.

Fin-nuqqas ta' deċiżjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA li tirrifjuta l-abbozz tal-miżuri nazzjonali fi żmien xahar wara l-wasla tal-proposta mill-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA, l-Istat tal-EFTA jista' jadotta l-miżuri u japplikahom għal perjodu ta' mhux aktar minn sentejn jew sal-waqt meta r-riskju makroprudenzjali jew sistemiku ma jibqax jeżisti jekk dan iseħħ qabel.”

(v)

fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, il-paragrafu 6 għandu jaqra kif ġej:

“Fejn Stat tal-EFTA jirrikonoxxi l-miżuri stabbiliti skont dan l-Artikolu, huwa għandu jgħarraf lill-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA, lill-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA, lill-EBA, lill-BERS u lill-Parti Kontraenti għall-Ftehim ŻEE awtorizzata biex japplika l-miżuri.”

(k)

Fl-Artikolu 467(2), fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, il-kliem “il-Kummissjoni adottat regolament” għandu jaqra “id-dħul fis-seħħ ta' deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE li jinkludi regolament adottat”.

(l)

Fl-Artikolu 497, fir-rigward tal-Istati tal-EFTA:

(i)

il-paragrafi 1 u 2, il-kliem “id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE li jinkludu” għandu jiddaħħal wara l-kliem “dħul fis-seħħ tal-aktar riċenti”;

(ii)

f'paragrafu 1, il-kliem “ġew adottati” għandu jaqra “japplikaw fiż-ŻEE”.”

3.

Fil-punt 31bc (ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill):

(a)

jiżdied l-inċiż li ġej:

“—

32013 R 0575: Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1), kif rettifikat minn L 208, 2.8.2013, p. 68, ĠU L 321, 30.11.2013, p. 6 u ĠU L 20, 25.1.2017, p. 2.”

(b)

fl-adattament (zh), jiżdied dan li ġej:

“(v)

fil-paragrafu 5a, fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, il-kliem “id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE li jinkludu” għandhom jiddaħħal wara l-kliem “dħul fis-seħħ tal-aktar riċenti”.”

4.

L-inċiż li ġej jiżdied fil-punt 31ea (id-Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill):

“—

32013 L 0036: Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338), kif rettifikat minn ĠU L 208, 2.8.2013, p. 73 u ĠU L 20, 25.1.2017, p. 1.”

5.

It-test tal-punt 31 (id-Direttiva 2006/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) jitħassar.

Artikolu 2

It-testi tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, kif rettifikat minn ĠU L 208, 2.8.2013, p. 68, ĠU L 321, 30.11.2013, p. 6 u ĠU L 20, 25.1.2017, p. 2, u (UE) 2017/2395 u tad-Direttiva 2013/36/UE, kif rettifikat minn ĠU L 208, 2.8.2013, p. 73 u ĠU L 20, 25.1.2017, p. 1, fl-ilsien Iżlandiż u Norveġiż, li se jiġu ippublikati fis-Suppliment ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu awtentiċi

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi […], dment li jkunu saru n-notifiki kollha skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE (*1).

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Is-Segretarji għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE


(1)   ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.

(2)   ĠU L 345, 27.12.2017, p. 27.

(3)   ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338.

(4)   ĠU L 177, 30.6.2006, p. 1.

(5)   ĠU L 177, 30.6.2006, p. 201.

(*1)  [Ma huwa indikat l-ebda rekwiżit kostituzzjonali.] [Hemm indikati rekwiżiti kostituzzjonali.]


Dikjarazzjoni Konġunta mill-Partijiet Kontraenti għad-Deċiżjoni Nru …/2019 li tinkorpora d-Direttiva 2013/36/KE fil-Ftehim ŻEE

Il-Partijiet Kontraenti jikkondividu l-fehim li l-inkorporazzjoni fil-Ftehim ŻEE tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE hija mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali ta' applikazzjoni ġenerali li jirrigwardaw l-iskrinjar għas-sigurtà jew l-ordni pubbliku ta' investiment dirett barrani.