24.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 340/517


RIŻOLUZZJONI (UE) 2021/1684 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tad-29 ta’ April 2021

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tat-tmien, tad-disa’, tal-għaxar u tal-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2019

IL-PARLAMENT EWROPEW,

—

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tat-tmien, tad-disa', tal-għaxar u tal-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2019,

—

wara li kkunsidra t-tweġibiet mogħtija mill-Kummissjoni għall-mistoqsijiet bil-miktub lill-Kummissarju Urpilainen għas-smigħ quddiem il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit fl-1 ta' Diċembru 2020;

—

wara li kkunsidra l-Artikoli 99, l-Artikolu 100, it-tielet inċiż, u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0095/2021),

A.

billi l-Kummissjoni tappoġġa bis-sħiħ il-ġestjoni tal-Fondi Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), filwaqt li terfa' r-responsabbiltà aħħarija kemm għal-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet tal-FEŻ kif ukoll għas-sorveljanza tal-proċess ta' rapportar finanzjarju tal-FEŻ;

B.

billi l-Parlament ikun jista' biss jeżerċita r-rwol tiegħu bħala awtorità ta' kwittanza b'mod xieraq jekk jinżamm aġġornat regolarment u b'mod komprensiv mill-Kummissjoni, b'informazzjoni dettaljata dwar il-proġetti ffinanzjati mill-FEŻ u r-riċevituri tagħhom;

C.

billi l-Parlament mhuwiex involut fl-istabbiliment u fl-allokazzjoni tar-riżorsi tal-FEŻ, meta mqabbel ma' strumenti oħra ta' żvilupp;

D.

billi prekundizzjonalitajiet effikaċi u kontrolli regolari huma komponenti ewlenin fl-iżgurar tal-effikaċja u ta' ġestjoni finanzjarja tajba tal-FEŻ;

E.

billi huwa kruċjali li jiġi żgurat li l-għajnuna għall-iżvilupp tintuża skont l-għan oriġinali tagħha, jiġifieri t-tnaqqis u, eventwalment, il-qerda tal-faqar, kif previst fl-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'kunsiderazzjoni xierqa għall-prinċipji tal-għajnuna u l-effikaċja tal-iżvilupp;

F.

billi l-għajnuna Ewropea għall-iżvilupp u l-investimenti pubbliċi għandhom jippromwovu prijoritajiet u objettivi ta' politika konġunti li jinkludu l-qerda tal-faqar, l-azzjoni klimatika u ambjentali, il-politiki ekonomiċi u kummerċjali u l-ġestjoni tal-migrazzjoni, u għandhom ikunu allinjati bis-sħiħ mal-prinċipji tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, id-demokrazija u l-governanza tajba;

G.

billi s-17-il Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) huma objettivi ewlenin li għandhom jiġu segwiti fi strumenti ta' kooperazzjoni kemm fis-settur privat kif ukoll f'dak pubbliku;

H.

billi l-eżistenza ta' proċess parteċipattiv ta' tfassil ta' politika li jkun trasparenti, inklużiv u effiċjenti hija prerekwiżit għall-iżvilupp sostenibbli;

I.

billi s-sostenibbiltà hija kruċjali biex jinkisbu l-għanijiet u r-riżultati stabbiliti u b'mod partikolari, l-impatti fit-tul tal-għajnuna għall-iżvilupp;

J.

billi l-allinjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni mal-prijoritajiet ta' żvilupp tal-pajjiżi sħab stess għandu jkun dejjem rispettat għalkollox u huwa element ewlieni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli (Aġenda 2030); billi l-affinitajiet kulturali u lingwistiċi bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi sħab jistgħu jinkoraġġixxu l-aderenza mal-SDGs stabbiliti fl-Aġenda 2030;

K.

billi l-koerenza u l-komplementarjetà tal-politika ta' diversi politiki esterni għandhom jiġu eżaminati b'attenzjoni, speċjalment meta jkunu qed jiġu implimentati diversi politiki f'pajjiż sieħeb uniku, bil-ħsieb li tiġi promossa l-kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat, jiġu inkoraġġuti s-sinerġiji u l-kompromessi bejn dawn il-politiki eżistenti u jiġi evitat kemm jista' jkun piż amministrattiv mhux meħtieġ;

L.

billi l-Kummissjoni hija finalment responsabbli għal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet tal-FEŻ u għas-sorveljanza tal-proċess ta' monitoraġġ u rapportar finanzjarju tal-FEŻ;

M.

billi l-attività ta' monitoraġġ tal-Kummissjoni tkun iffaċilitata mill-istandardizzazzjoni tal-kanali ta' komunikazzjoni bejn il-pajjiżi sħab, l-entitajiet iffinanzjati mill-FEŻ u l-Unjoni;

N.

billi l-interventi esterni tal-Unjoni jgħaddu minn organizzazzjonijiet internazzjonali li jew jimplimentaw il-fondi tal-Unjoni jew jikkofinanzjaw proġetti flimkien mal-Unjoni, u jinkludu sfidi f'termini ta' sorveljanza u governanza;

O.

billi l-appoġġ tal-baġit għall-iżvilupp sostenibbli, filwaqt li għandu rwol prinċipali biex iwassal għall-bidla u biex jindirizza l-isfidi tal-iżvilupp ewlenin, għandu riskju ta' governanza kbir u għandu jingħata biss jekk l-Istat benefiċjarju jkun jista' juri livell suffiċjenti ta' trasparenza, obbligu ta' rendikont, rispett għall-istat tad-dritt u drittijiet tal-bniedem qabel ma jirċievi l-għajnuna għall-appoġġ baġitarju, u segwit minn kontrolli bir-reqqa ex post;

P.

billi t-trawwim tat-trasparenza u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-frodi huma kruċjali għas-suċċess tal-operazzjonijiet ta' appoġġ baġitarju tal-Unjoni;

Q.

billi l-appoġġ għall-governanza mill-Unjoni huwa komponent ewlieni tal-għajnuna għall-iżvilupp biex jiġu ġġenerati riformi effikaċi tal-governanza;

Dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni

Implimentazzjoni finanzjarja u dik tal-proġetti tal-FEŻ (it-tmien sal-ħdax-il FEŻ) fl-2019

1.

Josserva li l-ħdax-il FEŻ jirrappreżenta 45,5 % tal-portafoll tad-Direttorat Ġenerali għas-Sħubijiet Internazzjonali (DĠ INTPA) tal-Kummissjoni f'termini ta' pagamenti fl-2019; jinnota li l-impenji tal-FEŻ laħqu EUR 3 986 miljun fl-2019, ftit inqas mill-mira annwali ta' EUR 4 057 miljun (98,25 % tal-mira annwali, meta mqabbla ma' 109,3 % fl-2018); josserva li l-pagamenti kienu jammontaw għal EUR 3 910 miljun u kienu jirrappreżentaw rata ta' eżekuzzjoni ta' 88,9 % tal-mira ta' EUR 4 057 miljun (meta mqabbla ma' 98,2 % fl-2018); jinnota, barra minn hekk, li l-impenji tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) kienu jammontaw għal EUR 156 miljun u li kollha kienu jikkonċernaw il-Faċilità ta' Investiment, filwaqt li l-pagamenti tal-BEI kienu jammontaw għal EUR 40 miljun fl-2019, li kollha kienu jikkonċernaw il-Faċilità ta' Investiment;

2.

Jilqa' l-isforzi regolari tad-DĠ INTPA biex inaqqas il-prefinanzjament antik u l-impenji antiki li ma ntefqux b'mira ta' 25 %; jinnota li d-DĠ INTPA eċċeda l-mira billi naqqas il-prefinanzjament antik tal-FEŻ b'37 % (40 % għal oqsma oħra ta' għajnuna) u b'36 % għal impenji antiki li ma ntefqux tal-FEŻ (35 % għal oqsma oħra ta' għajnuna);

3.

Jinnota li d-DĠ INTPA laħaq il-mira tiegħu li ma jkollux aktar minn 15 % ta' kuntratti qodma skaduti għall-FEŻ, titjib modest meta mqabbel mal-2018 meta dik iċ-ċifra kienet ta' 17 %; jinnota li kiseb punteġġ ta' 13 % fil-qasam kollu tar-responsabbiltà tiegħu; jinnota li t-titjib jirriżulta mill-introduzzjoni ta' proċeduri ġodda introdotti f'Settembru 2017;

4.

Jinnota l-għeluq tat-tmien FEŻ u l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tagħlaq id-disa' FEŻ sal-aħħar tal-2020; jistieden lill-Kummissjoni żżomm lill-awtorità ta' kwittanza infurmata dwar il-kisba ta' dik l-intenzjoni;

L-affidabbiltà tal-kontijiet

5.

Jilqa' l-fatt li l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), fir-rapport annwali tagħha dwar l-attivitajiet iffinanzjati mit-tmien, mid-disa', mill-għaxar u mill-ħdax-il FEŻ għas-sena finanzjarja 2019, ikkonkludiet li l-kontijiet għas-sena finanzjarja li tispiċċa fil-31 ta' Diċembru 2019 jippreżentaw b'mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-FEŻ, ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħhom, il-flussi ta' flushom u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li kienet għadha kif intemmet, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1877 (1) (ir-Regolament Finanzjarju tal-FEŻ) u mar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà;

Legalità u regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

6.

Jilqa' l-opinjoni tal-Qorti, li tgħid li d-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet għas-sena 2019 hu legali u regolari fl-aspetti materjali kollha;

7.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-opinjoni negattiva tal-Qorti dwar il-legalità u r-regolarità tal-infiq minħabba l-fatt li l-infiq aċċettat fil-kontijiet għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2019 huwa materjalment milqut minn żball;

8.

Huwa mħasseb li l-livell ta' żball stmat qabeż il-limitu ta' materjalità, bi 3,5 % tal-infiq affettwat għat-tmien, id-disa', l-għaxar u l-ħdax-il FEŻ (meta mqabbel ma' 5,2 % għall-2018, 4,5 % fl-2017, 3,3 % fl-2016, 3,8 % fl-2014 kif ukoll fl-2015, 3,4 % fl-2013 u 3 % fl-2012); jinnota li x-xejra dejjem tikber tal-livell ta' żball stmat waqfet temporanjament; jistenna, madankollu, li l-Kummissjoni tirrifletti dwar il-kawżi ewlenin tas-suċċessjoni ta' opinjonijiet negattivi u tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tkompli tnaqqas il-livell ta' żball stmat;

9.

Jinnota li, skont it-tweġiba tal-Kummissjoni għall-konklużjoni tal-Qorti, l-akbar porzjon tal-iżbalji huwa relatat mal-infiq mhux imġarrab u li, kif intwera fil-passat, ħafna minn dak l-infiq jista' jiġġarrab fi stadju aktar tard; jistieden lill-Kummissjoni twettaq kontrolli bir-reqqa sabiex tikkoreġi l-iżbalji kemm jista' jkun;

10.

Jisħaq li minn 126 tranżazzjoni ta' pagament eżaminati mill-Qorti, 37 (jew 29 %) kienu milquta minn żbalji; jinnota li 28 żball ġew ikkwantifikati mill-Qorti u aġġustati bir-riżultati tal-istudju tar-Rata ta' Żball Residwu tal-2019 (RER) imwettaq mill-Kummissjoni, li rriżulta f'livell stmat ta' żball ta' 3,5 %;

11.

Jinnota b'dispjaċir li t-tipoloġija tal-iżbalji identifikati hija simili għas-snin preċedenti, jiġifieri l-infiq mhux imġarrab (43,6 %, żieda minn 22,7 % fl-2018), in-nuqqas serju ta' konformità mar-regoli tal-akkwist pubbliku (22,1 %, tnaqqis minn 27,1 % fl-2018), l-infiq mhux eliġibbli (12,7 %, żieda minn 4,3 % fl-2018), RER adattat mill-istudju tad-DĠ INTPA (9,6 %, żieda minn 5,4 % fl-2018), infiq barra mill-perjodu ta' implimentazzjoni (6,1 %) u n-nuqqas ta' dokumenti essenzjali ta' sostenn (5,9 %);

12.

Huwa mħasseb ħafna dwar in-natura rikorrenti ta' dawk l-iżbalji; jinnota li l-Kummissjoni inkludiet is-sejbiet tal-Qorti fl-analiżi tagħha li tappoġġa l-Istrateġija ta' Kontroll u Monitoraġġ tal-2020-2024, adottata f'Ġunju 2020, li rriżultat f'objettiv strateġiku li jindirizza dawk l-iżbalji b'mod speċifiku; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-prestazzjoni tagħha fir-rigward ta' dak l-objettiv strateġiku f'termini ta' indikaturi tar-riżultati jew tal-eżiti;

13.

Jaqbel mal-Qorti li l-kontrolli mwettqa barra mill-pajjiż għadhom insuffiċjenti;

14.

Jiddispjaċih li, bħal fis-snin preċedenti, il-Kummissjoni għamlet aktar żbalji fi tranżazzjonijiet relatati ma' stimi, għotjiet, ftehimiet ta' kontribuzzjoni konklużi ma' organizzazzjonijiet internazzjonali u ftehimiet ta' delega konklużi mal-aġenziji ta' kooperazzjoni tal-Istati Membri;

15.

Jiddispjaċih ħafna li mhumiex qed jittieħdu miżuri addizzjonali biex jiżdiedu l-kontrolli ex ante;

Trasparenza u l-effikaċja tas-sistemi ta' monitoraġġ u ta' aċċertament

16.

Jinnota bi tħassib li mit-28 pagament bi żbalji kwantifikabbli, f'9 każijiet (32 %) il-Kummissjoni kellha informazzjoni suffiċjenti biex tipprevjeni, jew biex tidentifika u tikkoreġi, l-iżball qabel ma taċċetta l-infiq; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb b'mod sostanzjali l-proċessi tagħha biex tivverifika l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet u biex tiżgura li l-verifiki jiġu segwiti kif xieraq; jiddispjaċih jinnota li dan in-nuqqas ta' verifika huwa simili għas-snin preċedenti.

17.

Iqis li l-attivitajiet ta' monitoraġġ ikunu aktar effettivi jekk l-informazzjoni tal-Kummissjoni tiġi ppubblikata regolarment u kondiviża mal-awtorità ta' kwittanza minn qabel;

18.

Jinnota li l-Qorti sabet li l-Kummissjoni u s-sħab tagħha inkarigati mill-implimentazzjoni wettqu aktar żbalji fi tranżazzjonijiet relatati ma' stimi ta' programmi, għotjiet, ftehimiet ta' kontribuzzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali u ftehimiet ta' delega ma' aġenziji ta' kooperazzjoni tal-Istati Membri milli għamlu f'forom oħra ta' appoġġ (bħalma huma dawk li jkopru l-kuntratti ta' xogħlijiet, provvisti u servizzi); jinnota li mill-65 tranżazzjoni ta' dan it-tip eżaminati mill-Qorti, 25 (38 %) kien fihom żbalji kwantifikabbli, li kienu jirrappreżentaw 71,7 % tal-livell stmat ta' żball; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika informazzjoni komprensiva, aġġornata u dettaljata dwar proġetti ffinanzjati u r-riċevituri, itejjeb l-approċċ tagħha bbażat fuq ir-riskju u tinvesti l-kapaċità ta' kontroll f'oqsma li huma aktar suxxettibbli għal żbalji;

19.

Jistieden lill-Kummissjoni tipproċedi b'format stabbilit minn qabel għall-komunikazzjoni mal-pajjiżi sħab, il-benefiċjarji tal-FEŻ u l-Unjoni bil-għan li jitnaqqsu l-iżbalji misjuba mill-Qorti;

20.

Huwa mħasseb dwar l-osservazzjoni tal-Qorti, bħal fi snin preċedenti, li l-frekwenza tal-iżbalji identifikati, inklużi xi wħud li kienu f'talbiet finali li kienu ġew suġġetti għal awditi esterni u verifikazzjonijiet tal-infiq ex ante, tindika li hemm dgħufijiet f'dawk il-kontrolli; jinnota bi tħassib li dan mhux biss huwa problematiku f'termini tal-effikaċja tal-kontrolli iżda wkoll f'termini tal-effiċjenza tas-sistema ta' ġestjoni u kontroll minħabba li l-kontrolli mwettqa jew ma prevenewx l-iżball jew ma kkoreġewhx; itenni l-aspettattiva li s-sistema ta' kontroll trid tkun aktar rigoruża u jistieden lid-DĠ INTPA jkompli bl-isforzi tiegħu biex itejjeb il-valutazzjoni kemm tal-effikaċja kif ukoll tal-effiċjenza tas-sistema ta' kontroll tiegħu billi jidentifika indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni għat-tnejn li huma, biex jistabbilixxi miri realistiċi u ambizzjużi u billi jimmonitorja u jtejjeb is-sistema ta' kontroll tiegħu; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tistabbilixxi pjattaforma li tkopri proġetti ffinanzjati mill-FEŻ skont il-pajjiż, li tiffoka fuq ir-riċevituri finali, l-għanijiet ġenerali u speċifiċi tal-proġetti u, fuq kollox, ir-riżultati prattiċi tagħhom f'termini taż-żieda mixtieqa fl-indiċijiet tal-iżvilupp;

21.

Jinnota t-tmien studju tar-rata tal-iżball residwu(RER) tad-DĠ INTPA, li rriżulta f'RER ta' 1,13 %, żieda minn 0,85 % fl-2018 u taħt il-livell ta' materjalità ta' 2 % stabbilit mill-Kummissjoni; jinnota l-osservazzjoni tal-Qorti li erba' fatturi ewlenin ifixklu r-RER, jikkontribwixxu għas-sottovalutazzjoni tar-RER, jiġifieri l-kopertura insuffiċjenti ta' ċerti aspetti tal-proċeduri ta' akkwist, l-għadd baxx ħafna ta' kontrolli fuq il-post fil-pajjiż tal-implimentazzjoni tal-proġett, li ma jitqiesx suffiċjenti biex jinstabu żbalji li mhumiex evidenti fid-dokumenti, il-metodu għad-determinazzjoni tar-RER, li jirriżulta f'rata li mhux neċessarjament tirrifletti l-iżbalji residwi attwali, u l-possibbiltà ta' sovradipendenza minn xogħol ta' kontroll preċedenti, li huwa kuntrarju għall-iskop tal-istudju tar-RER, jiġifieri l-identifikazzjoni tal-iżbalji li ma jkunux inqabdu preċiżament minn dawn il-kontrolli; jistieden lid-DĠ INTPA, bħal fis-snin preċedenti, biex jikkollabora mal-Qorti u biex jindirizza dawk il-kwistjonijiet f'aġġornament tal-metodoloġija u fi prestazzjoni aktar bir-reqqa tal-istudju tar-RER tas-sena d-dieħla;

22.

Jinnota bi tħassib id-dikjarazzjoni tal-Qorti li n-nuqqas ta' riżervi fir-rapport annwali tal-attività tal-2019 mhuwiex iġġustifikat; jinnota wkoll il-kunsiderazzjoni tal-Qorti li dak jirriżulta parzjalment mil-limitazzjonijiet tal-istudju tar-RER u parzjalment mill-introduzzjoni ta' regola de minimis, li tiddikjara li riżerva mhijiex meħtieġa jekk il-qasam ta' nfiq individwali li tkopri jkun jirrappreżenta anqas minn 5 % tal-pagamenti totali u jkollu impatt finanzjarju ta' anqas minn EUR 5 miljun; jinnota li, konsegwentement, ma għadhomx isiru riżervi f'xi każijiet fejn dawn kienu saru fi snin preċedenti, anke jekk ir-riskji korrispondenti jibqgħu jippersistu u l-iżbalji jibqgħu l-istess; ifakkar li r-riżerva hija element fundamentali fil-kostruzzjoni tal-obbligu ta' rendikont u għalhekk tikkostitwixxi strument preventiv u ta' trasparenza fil-bini ta' aċċertament tad-DĠ INTPA, li jirrifletti l-isfidi li hemm bħalissa jew dgħufijiet li fadal u li seħħew, li ġew iffaċċjati fil-Kwartieri Ġenerali jew fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni;

23.

Jinnota li ma nħarġet l-ebda riżerva fl-2019 billi, fost l-oħrajn, ġie applikat limitu de minimis għar-riżervi; jinnota wkoll li d-DĠ INTPA integra azzjonijiet mhux implimentati wara riżervi fir-rapporti annwali ta' attività preċedenti fi pjan ta' azzjoni wieħed biex tissaħħaħ is-sistema ta' kontroll, b'attenzjoni speċifika għal oqsma ta' riskju għoli bħal għotjiet f'ġestjoni diretta u indiretta, stimi ta' programmi f'ġestjoni indiretta ma' pajjiżi benefiċjarji, ġestjoni indiretta ma' organizzazzjonijiet terzi u azzjonijiet trażversali;

24.

Jinnota li fl-2019 kien qed isiru 19-il investigazzjoni ta' frodi, l-istess numru bħal fl-2018;

25.

Jilqa' l-aġġornament tal-istrateġija kontra l-frodi tad-DĠ INTPA fl-2019 biex jiġi enfasizzat ir-rwol tas-Sistema ta' Identifikazzjoni Bikrija u ta' Esklużjoni (EDES) bħala għodda ta' sanzjonar tal-frodi u jħeġġeġ lid-DĠ INTPA jkompli jqajjem sensibilizzazzjoni fost il-persunal tiegħu dwar dik is-sistema u jikkoopera mill-qrib mad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Baġit u l-bord tal-EDES meta jinnotifikaw każijiet għar-reġistrazzjoni fl-EDES, b'mod partikolari meta jiġu konklużi d-19-il investigazzjoni ta' frodi li għaddejjin bħalissa;

26.

Jinnota b'sodisfazzjon l-impenn kontinwu tar-Renju Unit li jħallas l-obbligi kollha tiegħu taħt il-qafas finanzjarju pluriennali attwali u l-perspettivi finanzjarji preċedenti bħallikieku kien għadu Stat Membru, kif espress fil-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (il-"Ftehim dwar il-Ħruġ"); jinnota wkoll li l-Ftehim dwar il-Ħruġ jiddikjara li r-Renju Unit għandu jibqa' parti għall-FEŻ, sal-għeluq tal-ħdax-il FEŻ u l-FEŻ kollha preċedenti mhux magħluqa, u, f'dan ir-rigward, għandu jassumi l-istess obbligi bħall-Istati Membri skont il-Ftehim Intern li twaqqaf permezz tiegħu, kif ukoll l-obbligi li jirriżultaw mill-FEŻ preċedenti sakemm dawn jagħlqu u li r-Renju Unit jista' jipparteċipa, bħala osservatur, mingħajr drittijiet tal-vot, fil-Kumitat tal-FEŻ;

27.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi onorat il-finanzjament kollu tal-Unjoni għall-impenji għall-iżvilupp; jistieden lill-Kummissjoni terġa' lura għall-prattika preċedenti tagħha li tħejji rapporti annwali ta' responsabbiltà sabiex tiżgura t-trasparenza u l-effiċjenza tal-infiq tal-Unjoni, u biex tiffoka dawk ir-rapporti fuq il-progress lejn l-objettivi fundamentali li l-Unjoni impenjat ruħha għalihom, aktar milli fuq dettalji tekniċi;

Kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, aġenziji tal-Unjoni għall-iżvilupp u organizzazzjonijiet mhux governattivi

28.

Jinnota li, wara d-dħul fis-seħħ fl-2018 tar-Regolament Finanzjarju, fis-17 ta' April 2019 ġiet adottata metodoloġija riveduta ta' valutazzjoni tal-pilastri; jilqa' l-pilastri obbligatorji l-ġodda li ġew miżjuda mal-valutazzjoni, jiġifieri l-pilastru 7: esklużjoni mill-aċċess għall-finanzjament, pilastru 8: pubblikazzjoni ta' informazzjoni dwar riċevituri u pilastru 9: protezzjoni tad-data personali; jilqa' l-fatt li l-entitajiet kollha vvalutati skont il-pilastri ġew innotifikati bir-rekwiżit li jwettqu valutazzjoni komplementari dwar il-pilastri l-ġodda u l-mira li dawn jitlestew sa tmiem l-2020; jistieden lill-Kummissjoni żżomm lill-awtorità ta' kwittanza infurmata dwar il-progress u r-riżultati;

29.

Jinnota li l-Kummissjoni ħarġet rapporti ta' valutazzjoni tal-pilastri ġodda għal tmien entitajiet, erba' organizzazzjonijiet internazzjonali, u erba' aġenziji nazzjonali, u jilqa' l-fatt li l-eżitu kien pożittiv fil-maġġoranza tal-każijiet u li ġew implimentati pjanijiet direzzjonali għal titjib fejn meħtieġ; jissottolinja l-importanza ta' valutazzjonijiet tal-pilastri ex ante mwettqa kif xieraq, kemm f'termini ta' twassil kwalitattiv tal-eżiti relatati mal-iżvilupp mistennija kif ukoll tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

30.

Jilqa' s-sostituzzjoni tal-FEŻ, id-DCI u strumenti oħra bl-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) minħabba li l-NDICI jippermetti skrutinju baġitarju mill-Parlament Ewropew u jappoġġa l-isforz usa' lejn tfassil ta' politika konġunt fil-konfront ta' pajjiżi terzi; jenfasizza li l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp (PCD) ħafna aktar effettiva għandha tkun objettiv importanti tal-approċċ konġunt; jisħaq li għad hemm bżonn ta' aktar sforzi biex ikun hemm konformità mal-prinċipji tal-PCD, b'mod partikolari fir-rigward tal-kummerċ, l-agrikoltura, is-sajd, l-ambjent, il-klima, il-migrazzjoni u l-politiki barranin u ta' sigurtà tal-Unjoni, sabiex jinkisbu l-objettivi tal-effikaċja tal-għajnuna; jitlob li l-kwistjonijiet identifikati rigward il-PCD jiġu ttrattati b'mod sistematiku fil-valutazzjonijiet tal-impatt, fil-konsultazzjonijiet bejn is-servizzi u fl-arranġamenti ta' implimentazzjoni u ta' monitoraġġ, sabiex jgħinu biex tiżdied l-effiċjenza tal-insegwiment tal-Unjoni tal-objettivi tal-politika ta' żvilupp tagħha, f'konformità mal-Artikolu 208 tat-TFUE; itenni, f'dak ir-rigward, it-talba tiegħu għal analiżi fil-fond dwar l-impatt tal-ftehimiet ta' sħubija ekonomika fuq l-ekonomiji lokali u l-kummerċ intrareġjonali sabiex jiġi indirizzat it-tħassib dwar l-implimentazzjoni tagħhom f'termini tal-integrazzjoni u l-industrijalizzazzjoni reġjonali;

31.

Itenni l-ħtieġa li jiġu żgurati trasparenza u aċċess sħaħ għad-data, f'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fis-seħħ, dwar il-proġetti implimentati minn organizzazzjonijiet internazzjonali u minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kif ukoll li jingħataw regoli ċari dwar il-kontroll u l-monitoraġġ;

32.

Jisħaq li l-entitajiet fdati bl-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni jridu, bħala prinċipju ġenerali, jirrispettaw il-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba u trasparenza; jisħaq li kwalunkwe entità trid tikkoopera bis-sħiħ fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u trid, bħala kundizzjoni biex tirċievi fondi, tagħti d-drittijiet neċessarji u l-aċċess meħtieġ lil dak l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli, lill-Qorti u lill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF); jinnota, f'dan ir-rigward, id-diffikultà li qed tiffaċċja l-Qorti biex takkwista viżi għal żjara fuq il-post imħabbra u ppjanata kif xieraq għal proġetti fil-Burundi u l-limitazzjonijiet riżultanti li qed tħabbat wiċċha magħhom il-Qorti; jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex iqajmu din il-kwistjoni u jfakkru lill-kontropartijiet tagħhom fil-Burundi dwar l-obbligi tagħhom bħala riċevituri tal-finanzjament tal-Unjoni;

33.

Jinnota li għad hemm bżonn ta' approċċ aktar sistematiku fir-rigward tal-komunikazzjoni tal-attivitajiet tal-Unjoni ffinanzjati mill-għotjiet, biex tiżdied il-viżibbiltà tal-Unjoni u jissaħħu t-trasparenza, ir-responsabbiltà u d-diliġenza dovuta fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem tul il-katina ta' finanzjament; jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi fil-ftehimiet qafas l-obbligu għall-aġenzija ewlenija li tiżgura l-viżibbiltà tal-Unjoni f'proġetti b'ħafna donaturi; jistieden lill-Kummissjoni twettaq kontrolli fuq il-post ibbażati fuq il-kampjuni snin wara t-tlestija tal-proġetti kofinanzjati biex tivverifika l-impatt kontinwu tal-interventi tal-FEŻ u tieħu l-passi meħtieġa biex tiżgura l-impatt fit-tul tal-operazzjonijiet tagħha;

Appoġġ baġitarju tal-UE

34.

Jinnota li l-kontribuzzjoni tal-FEŻ għall-attivitajiet ta' appoġġ baġitarju fl-2019 laħqet EUR 790,3 miljun (meta mqabbla ma' EUR 881,9 miljun fl-2018), li minnhom EUR 366,8 miljun irrappreżentaw impenji ġodda (meta mqabbla ma' EUR 858,6 miljun fl-2018), b'kopertura ġeografika ta' 55 pajjiż sieħeb, li jirrappreżentaw 82 kuntratt ta' appoġġ baġitarju (14 inqas mill-2018); josserva li għall-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej (PTEE), EUR 70,0 miljun (meta mqabbla ma' EUR 92,9 miljun fl-2018) ġew żborżati permezz tal-FEŻ għal 12-il pajjiż u jirrappreżentaw 13-il kuntratt ta' appoġġ baġitarju;

35.

Jinnota b'apprezzament li l-Afrika sub-Saħarjana għadha l-akbar riċevitur tal-appoġġ baġitarju, b'sehem ta' 36 %; josserva bi tħassib li s-sehem ta' pajjiżi bi dħul baxx tnaqqas għal 32 % (meta mqabbel ma' 38 % fl-2018) u li l-pajjiżi bi dħul medju aktar baxx, b'47 % tal-impenji kurrenti totali, jirrappreżentaw l-akbar benefiċjarji tal-appoġġ baġitarju;

36.

Ifakkar li l-appoġġ baġitarju għandu l-għan li jsaħħaħ is-sħubija mal-pajjiżi sħab tal-Unjoni, jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli, jeqred il-faqar, inaqqas l-inugwaljanzi u jikkonsolida l-paċi u d-demokrazija, biex fl-aħħar mill-aħħar jikkontribwixxi għall-kisba tal-SDGs; jinnota li l-appoġġ baġitarju tal-Unjoni għandu jkun iggwidat mill-prinċipji tal-effikaċja ta' Busan maqbula internazzjonalment bħall-appartenenza minn pajjiżi sħab, il-fokus fuq ir-riżultati, l-inklużività u r-responsabbiltà; jenfasizza li, minħabba li jrawwem it-trasparenza u l-governanza tajba, l-appoġġ baġitarju jikkontribwixxi wkoll għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-frodi;

37.

Jinnota li, f'termini ta' kontribut relattiv għall-SDGs, il-programmi ta' appoġġ baġitarju jikkontribwixxu b'mod qawwi għall-SDG 16 (il-paċi, il-ġustizzja u l-governanza), l-SDG 17 (is-sħubijiet), l-SDG 5 (l-ugwaljanza bejn il-ġeneri) u l-SDG 1 (l-ebda faqar); jilqa' l-kamp ta' applikazzjoni multidimensjonali b'saħħtu tal-programmi ta' appoġġ baġitarju u jqis li dawn għandhom jappoġġaw l-intraprenditorija u l-inizjattiva privata sabiex jiġi sfruttat l-iżvilupp ekonomiku u soċjali kif rakkomandat fl-SDG 9 (tinbena infrastruttura reżiljenti, tiġi promossa industrijalizzazzjoni inklużiva u sostenibbli u titrawwem l-innovazzjoni) u l-SDG 17 (jissaħħu l-mezzi ta' implimentazzjoni u tingħata ħajja ġdida lis-Sħubija Globali għall-Iżvilupp Sostenibbli);

38.

Jinnota li fil-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku u l-PTEE, l-iżborżi jsiru prinċipalment minn segmenti fissi, kif kien il-każ fis-snin li għaddew; ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu li s-segmenti varjabbli jistgħu jipprovdu ingranaġġ aħjar għall-approfondiment tal-politika u tad-djalogu politiku mal-pajjiżi sħab dwar ir-riformi ewlenin li għandhom jitwettqu;

39.

Jistieden għal darb'oħra lid-DĠ INTPA, madankollu, jivvaluta b'mod strett, fid-djalogu politiku tiegħu, ir-riskji relatati mal-evitar tat-taxxa korporattiva, mal-evażjoni tat-taxxa u mal-flussi finanzjarji illeċiti li jaffettwaw, b'mod partikolari, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw; iħeġġeġ lid-DĠ INTPA jivvaluta l-impatt fiskali u jgħin biex jiġu stabbiliti objettivi ta' investiment orjentati;

40.

Iqis li l-valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet b'rabta mal-programmazzjoni tal-NDICI għandhom iqisu s-sitwazzjonijiet tad-dejn tal-pajjiżi u kif dawk is-sitwazzjonijiet jinfluwenzaw il-possibbiltà li jintlaħqu l-SDGs; jisħaq fuq il-ħtieġa li d-donaturi jipprijoritizzaw il-finanzjament ibbażat fuq l-għotjiet bħala l-għażla standard, speċjalment għall-pajjiżi l-anqas żviluppati, u ma jiffavorixxux il-finanzjament ikkombinat, il-garanziji jew kwalunkwe self li jista' jżid il-piż tad-dejn fuq l-għotjiet; iħeġġeġ lill-Unjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw, bħala l-ewwel pass, u flimkien mal-wegħdiet tagħhom dwar moratorju fuq id-dejn, inizjattiva ġdida għas-serħan mid-dejn fir-rigward ta' pajjiżi foqra b'dejn kbir; jappella, b'mod aktar wiesa', għall-ħolqien ta' mekkaniżmu ta' ristrutturazzjoni tad-dejn multilaterali biex jindirizza kemm l-impatt tal-kriżi kif ukoll ir-rekwiżiti ta' finanzjament tal-Aġenda 2030;

Prestazzjoni

41.

Jilqa' r-riżultati miksuba fir-rigward tal-intenzjoni li politiki pubbliċi inklużivi jippromwovu t-tkabbir kondiviż u jgħinu fl-indirizzar ta' disparitajiet soċjali jew ġeografiċi (SDG 10), fejn l-istatistika tindika li s-sehem tal-introjtu tal-inqas 40 % tal-popolazzjoni f'pajjiżi li jirċievu appoġġ baġitarju tal-Unjoni żdied minn 15,6 % għal 17,4 % tal-introjtu nazzjonali gross bejn l-2004 u l-2019, filwaqt li naqas ftit f'pajjiżi oħra li qed jiżviluppaw jew emerġenti; iqis li huwa essenzjali wkoll li titqajjem kuxjenza fost l-interlokuturi lokali dwar l-importanza dejjem tikber tas-sħab privati fl-iżvilupp ekonomiku, soċjali u territorjali;

42.

Jirrikonoxxi l-enfasi fuq l-SDGs, fuq kooperazzjoni akbar mas-sħab lokali u konsultazzjoni fuq il-post fil-Linji Gwida tal-Kummissjoni għall-Ipprogrammar tal-NDICI u jistenna bil-ħerqa li dawk il-kwistjonijiet jiġu tradotti bis-sħiħ fil-programmi, sabiex l-NDICI jikkontribwixxi b'mod attiv għall-kisba tal-SDGs u għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Aġenda 2030; jappella għall-implimentazzjoni xierqa tal-miri ta' nfiq orizzontali stabbiliti fl-NDICI, kif ukoll għar-rappurtar tagħhom, b'mod partikolari l-mira tal-infiq relatat mal-bijodiversità, li mhijiex mira awtonoma fl-NDICI iżda għandha l-għan li tikkontribwixxi għall-mira globali tal-bijodiversità tal-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027, bl-ambizzjoni li jiġu allokati 7,5 % tal-infiq annwali għall-objettivi tal-bijodiversità fl-2024 u 10 % tal-infiq annwali għall-objettivi tal-bijodiversità fl-2026 u l-2027;

43.

Jilqa' r-riżultati miksuba mill-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-SDG 16 sabiex tiġi kkontrollata l-korruzzjoni, fejn l-indikaturi ta' governanza dinjija jindikaw li l-pajjiżi li jirċievu appoġġ baġitarju għandhom prestazzjoni aħjar fil-kontroll tal-korruzzjoni minn pajjiżi oħra li qed jiżviluppaw jew emerġenti (b'punteġġ medju ta' – 0,35, meta mqabbel ma' – 0,56 fl-2019) u b'xejra li titjieb maż-żmien (minn punteġġ ta' – 0,50 fl-2005);

44.

Jilqa' r-riżultati miksuba permezz tal-mobilizzazzjoni tal-introjtu domestiku, bħala parti mill-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-SDG 17 (sħubijiet) fejn, skont id-data mill-Fond Monetarju Internazzjonali, il-pajjiżi Afrikani li fihom il-Kummissjoni introduċiet indikaturi tad-DRM bħala parti mill-programmi ta' appoġġ baġitarju raw żieda ta' 2 punti perċentwali tal-proporzjon tat-taxxa mal-prodott domestiku gross;

45.

Jitlob monitoraġġ mill-qrib u djalogu politiku bir-reqqa ma' pajjiżi sħab rigward l-objettivi, il-progress lejn ir-riżultati maqbula u l-indikaturi tal-prestazzjoni; ifakkar għal darb'oħra lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi aħjar u tkejjel l-impatt mistenni tal-iżvilupp u, speċjalment, biex ittejjeb il-mekkaniżmu ta' kontroll fir-rigward tal-imġiba tal-Istat benefiċjarju fl-oqsma tal-korruzzjoni, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba u d-demokrazija; jisħaq fuq il-ħtieġa li s-settur privat jiġi inkluż f'dak id-djalogu strateġiku; jibqa' mħasseb ħafna dwar l-użu li jista' jsir mill-appoġġ baġitarju tal-Unjoni fil-pajjiżi riċevituri fejn ma hemm l-ebda kontroll demokratiku jew hemm biss kontroll demokratiku limitat;

46.

Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex twettaq evalwazzjoni fuq bażi ta' pajjiż b'pajjiż tal-proġetti ffinanzjati mill-FEŻ fit-tul li għaddejjin bħalissa sabiex turi l-impatt reali fuq il-pajjiż rilevanti ta' investiment tal-Unjoni li ilu jsir għexieren ta' snin u kif dan l-investiment għen b'mod effikaċi l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u sostenibbli tal-pajjiżi benefiċjarji; jistieden lill-Kummissjoni tillimita jew ittemm il-finanzjament ta' proġetti ineffettivi fil-futur;

47.

Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-Qorti ma inkludietx il-prestazzjoni tal-FEŻ fil-Kapitolu 6, intitolat "Ewropa globali", tar-rapport tagħha dwar il-prestazzjoni tal-baġit tal-UE; jilqa' l-inklużjoni ta' paragrafu dwar il-prestazzjoni tal-FEŻ fir-rapport annwali tal-Qorti; jinnota li dan ir-rapport fih osservazzjonijiet individwali dwar il-proġetti; jinnota bi tħassib is-sejba tal-Qorti li kien hemm każijiet fejn l-effiċjenza u l-effikaċja tal-azzjonijiet osservati ġew kompromessi; jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-proġetti individwali osservati mill-Qorti u tieħu azzjoni biex tissalvagwardja r-riżultati intenzjonati tal-azzjonijiet u biex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni; jistieden lill-Qorti testendi x-xogħol tagħha fuq il-prestazzjoni tal-FEŻ;

48.

Jinnota bi tħassib il-konklużjoni tal-Qorti, fir-Rapport Speċjali 14/2020 bit-titolu "L-għajnuna għall-iżvilupp li tingħata mill-UE lill-Kenja", li l-ipprogrammar tal-ħdax-il FEŻ ma jurix biżżejjed li l-għajnuna tiġi mgħoddija fejn tista' tagħmel l-aktar biex tnaqqas il-faqar; jinnota, b'mod partikolari, li l-fondi kienu mifruxa f'ħafna oqsma, u li ma kienx hemm valutazzjoni ċara dwar kif l-għajnuna setgħet tilħaq massa kritika biex tikseb riżultati sinifikanti; jinnota r-rakkomandazzjoni tal-Qorti li l-Kummissjoni u s-SEAE jivvalutaw jekk, u jispjegaw kif, l-ammonti allokati lil kull settur fokali u fi ħdanhom x'aktarx jilħqu massa kritika suffiċjenti biex jinkisbu riżultati sinifikanti; jinnota l-aċċettazzjoni ta' dik ir-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni u mis-SEAE;

49.

Jinnota b'dispjaċir il-konklużjoni tal-Qorti li l-proċess tal-allokazzjoni tal-fondi lill-Kenja ma kienx jinkludi valutazzjoni speċifika tal-ostakli u l-objettivi tal-iżvilupp tal-pajjiż; jinnota t-tweġiba tal-Kummissjoni u tas-SEAE li l-ammonti tal-finanzjament ġew deċiżi fuq il-bażi ta' indikaturi komposti li vvalutaw bosta ħtiġijiet u dimensjonijiet ta' prestazzjoni fir-rigward tal-Kenja; jinnota li l-Qorti ħarġet rakkomandazzjoni li titlob lill-Kummissjoni u lis-SEAE jeżaminaw il-metodu tal-Unjoni għall-allokazzjoni ta' finanzjament bejn il-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, bl-involviment tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Istati Membri, kif xieraq, u jilqa' l-aċċettazzjoni tagħha mill-Kummissjoni u mis-SEAE; jinnota li t-tieni parti tar-rakkomandazzjoni, li talbet lill-Kummissjoni u lis-SEAE jintroduċu kundizzjonijiet speċifiċi biex tiġi stabbilita rabta ċara bejn l-allokazzjonijiet finanzjarji u l-prestazzjoni tal-pajjiż fl-imgħoddi u l-impenji tal-gvern għar-riformi strutturali, ma ġietx aċċettata mill-Kummissjoni u mis-SEAE;

50.

Jinsab iddiżappuntat dwar il-fatt li r-Rapport Speċjali tal-Qorti dwar l-għajnuna għall-iżvilupp tal-Unjoni lill-Kenja mhemmx fehim xieraq tal-objettiv primarju tat-tnaqqis tal-faqar tal-politika ta' żvilupp tal-Unjoni, li l-Qorti lanqas biss innotat l-eżistenza tal-Aġenda 2030 tan-NU, u dwar il-konklużjonijiet żbaljati li rriżultaw minn dawk l-ommissjonijiet serji; ifakkar li skont l-FAO, l-azjendi agrikoli fuq skala żgħira mmexxija mill-familji jipproduċu 80 % tal-ikel tad-dinja; f'dak ir-rigward jinsab imħasseb dwar il-pożizzjoni tal-Qorti rigward is-sehem sinifikanti tal-appoġġ tal-Unjoni lill-komunitajiet agrikoli Kenjani f'reġjuni aridi u semiaridi u bdiewa b'azjendi agrikoli żgħar, u dwar it-talba tal-Qorti għal aktar industrijalizzazzjoni tas-settur agroalimentari lokali, peress li dan jista' jipperikola s-sigurtà tal-ikel u l-mod ta' għajxien ta' dawk il-komunitajiet;

51.

Huwa partikolarment imħasseb dwar il-każ tat-triq Mombasa - Nairobi ffinanzjata permezz tal-Fond Fiduċjarju għall-Infrastruttura UE-Afrika (EUTF), li huwa strument ta' finanzjament ikkombinat tal-Unjoni b'kontribuzzjonijiet ta' donaturi mill-baġit tal-FEŻ, minn diversi Stati Membri u mill-BEI; ifakkar li aktar minn 100 familja tkeċċew bil-forza minn djarhom fil-medda ta' din it-triq sabiex isiru x-xogħlijiet ta' kostruzzjoni għal dak il-proġett u li ġew ippreżentati aktar minn 500 ilment lill-BEI rigward abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fir-rigward ta' dak il-proġett biss, inklużi tkeċċijiet furzati mill-pulizija armata; jitlob li dak il-proġett jiġi sospiż sakemm titwettaq valutazzjoni tal-impatt xierqa dwar id-drittijiet tal-bniedem; jisħaq li dan l-eżempju jirrifletti n-nuqqasijiet irrappurtati reċentement dwar il-mekkaniżmi ta' finanzjament ikkombinat u ta' garanzija biex jikkontribwixxu għall-SDGs jew għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima u biex tintwera l-addizzjonalità finanzjarja;

52.

Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-istituzzjonijiet internazzjonali, b'mod partikolari fil-każ ta' inizjattivi kofinanzjati u b'diversi donaturi, biex japprossimaw l-oqfsa ta' ġestjoni tar-riżultati tagħhom mal-Unjoni;

53.

Jemmen li l-fokus fuq l-SMEs lokali u s-settur privat u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandu jkun assi ċentrali ta' kooperazzjoni fil-ġestjoni ta' sensiela ta' proġetti tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni; jisħaq li, minħabba d-differenza fil-finanzjament meħtieġa biex jintlaħqu l-SDGs ambizzjużi, djalogu strateġiku mas-settur privat u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jrid jaqdi rwol kruċjali għall-iżvilupp tal-ekonomiji lokali;

54.

Iqis li hemm bżonn ta' attenzjoni xierqa biex tiġi żgurata komunikazzjoni aħjar bejn il-Kummissjoni, il-Parlament u l-Istati Membri rigward l-implimentazzjoni tal-EUTF u rappurtar pubbliku, sorveljanza u awditjar suffiċjenti tal-operazzjonijiet u l-prestazzjoni tagħhom; jistieden lill-Qorti tikkunsidra awditu tal-impatt tal-implimentazzjoni tal-EUTF fuq il-politika tal-Unjoni għall-iżvilupp kemm mil-lat baġitarju kif ukoll mil-lat ta' riżultati; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tislet konklużjonijiet mill-awditu u tiżgura li l-proġetti tal-EUTF li ġew implimentati b'mod ineffiċjenti jintemmu jew jiġu limitati ħafna fil-finanzjament;

Il-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-Afrika

55.

Ifakkar fil-pożizzjoni regolari tal-Parlament li l-Kummissjoni għandha tiżgura li kwalunkwe fond fiduċjarju stabbilit bħala għodda ta' żvilupp ġdida jrid dejjem ikun konformi mal-objettivi tal-istrateġija globali u tal-politika tal-iżvilupp tal-Unjoni, jiġifieri t-tnaqqis u l-qerda tal-faqar;

56.

Jisħaq fuq il-fatt li sabiex jintlaħqu l-objettivi ta' politika, l-EUTF irid jindirizza l-kawżi fundamentali tad-destabbilizzazzjoni, l-ispostament furzat u l-migrazzjoni irregolari billi jippromwovi r-reżiljenza, l-opportunitajiet ekonomiċi, l-opportunitajiet ugwali, is-sigurtà tal-popolazzjonijiet, u l-iżvilupp uman u soċjali;

Riskji u sfidi relatati mal-implimentazzjoni tal-għajnuna tal-FEŻ

57.

Ifakkar li l-governanza tajba, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem huma prekundizzjonijiet inevitabbli għall-effikaċja tal-għajnuna; jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem bħala l-prekundizzjoni aħħarija biex tkun approvata għajnuna finanzjarja; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu aktar strett tal-klawżola inkluża fil-ftehimiet finanzjarji mal-pajjiżi sħab li tippermetti lill-Kummissjoni tissospendi jew ittemm il-ftehim f'każ ta' ksur ta' obbligu relatat mar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt (l-Artikolu 26.1 tal-Kundizzjonijiet Ġenerali);

58.

Jinsab imħasseb dwar ir-rifjut tal-Kummissjoni ta' rakkomandazzjoni tal-Parlament biex fir-rapport annwali tal-attività li jmiss tiġi inkluża valutazzjoni strutturata tal-impatt tal-attivitajiet tal-FEŻ; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-pożizzjoni tagħha u twieġeb b'mod pożittiv għat-talba speċifika tal-Parlament;

59.

Itenni t-tħassib tiegħu dwar l-inkonsistenza bejn il-proċess baġitarju tal-FEŻ fejn il-Parlament mhuwiex involut fl-istabbiliment u l-allokazzjoni tar-riżorsi tal-FEŻ, u l-proċess ta' responsabbiltà meħtieġ fejn il-Parlament huwa l-awtorità ta' kwittanza, bl-eċċezzjoni tal-Faċilità ta' Investiment, li hija ġestita mill-BEI u għalhekk barra mill-ambitu tal-awditjar.

(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1877 tas-26 ta' Novembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju applikabbli għall-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp, u li jħassar ir-Regolament (UE) 2015/323 (ĠU L 307, 3.12.2018, p. 1).