SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)
5 ta’ Ġunju 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern tal-elettriku – Regolament (UE) 2019/943 – Direttiva (UE) 2019/944 – Kamp ta’ applikazzjoni – Konsum tal-elettriku mhux imkejjel b’mod korrett minħabba problema ta’ funzjonament ta’ arloġġ tad-dawl – Fatturazzjoni bbażata fuq konsum tal-elettriku stmat – Drittijiet tal-konsumaturi – Direttiva (UE) 2011/83 – Kamp ta’ applikazzjoni – Provvista mhux mitluba”
Fil-Kawża C‑310/24,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofia, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ April 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ April 2024, fil-proċedura
YL
vs
“Elektrorazpredelitelni mrezhi Zapad” EAD,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),
komposta minn N. Jääskinen, President tal-Awla, M. Condinanzi (Relatur) u R. Frendo, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Rantos,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal “Elektrorazpredelitelni mrezhi Zapad” EAD, minn V. Bozhilov, A. Ganev u A. Krastev, advokati, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn O. Beynet, D. Drambozova, I. Rubene u T. Scharf, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-paragrafi 1, 7 u 8 tal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (ĠU 2019, L 158, p. 54), tal-Artikolu 10(4), tal-Artikolu 46(2)(d) u tal-Artikolu 59(1)(a) tad-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU 2019, L 158, p. 125), kif ukoll tal-Artikolu 27 tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64, rettifika fil-ĠU L, 2024/90093). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn YL, bħala klijent domestiku, u “Elektrorazpredelitelni mrezhi Zapad” EAD (iktar ’il quddiem “ERM Zapad”), dwar il-kontestazzjoni ta’ fattura li l-ammont tagħha ġie kkalkolat abbażi ta’ konsum tal-elettriku stmat, minħabba problema ta’ funzjonament tal-arloġġ tad-dawl. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2011/83
|
3 |
Il-premessi 11 u 25 tad-Direttiva 2011/83 jgħidu li:
[…]
|
|
4 |
L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li: “Din id-Direttiva għandha tapplika, skont il-kundizzjonijiet u sal-punt stipulati fid-dispożizzjonijiet tagħha, għal kwalunkwe kuntratt konkluż bejn kummerċjant u konsumatur. Hija wkoll applikabbli għall-kuntratti għall-provvista ta’ ilma, gass, elettriku jew tisħin distrettwali, inkluż min-naħa tal-fornituri pubbliċi, sal-punt li dawn l-oġġetti ta’ bażi huma fornuti fuq bażi kuntrattwali.” |
|
5 |
L-Artikolu 27 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi li: “Il-konsumatur għandu jkun eżentat mill-obbligu li jipprovdu kwalunkwe kunsiderazzjoni f’każijiet ta’ forniment mhux solleċitat ta’ oġġetti, ilma, gass, elettriku, tisħin distrettwali jew kontenut diġitali jew għoti mhux mitlub ta’ servizz kif ipprojbit mill-Artikolu 5(5) u l-punt 29 tal-Anness I tad-[Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 86)]. F’każijiet bħal dawn, in-nuqqas ta’ reazzjoni mill-konsumatur wara tali forniment jew provvista mhux mitlub/a ma għandux jikkostitwixxi kunsens.” |
Ir‑Regolament 2019/943
|
6 |
L-Artikolu 18 tar-Regolament 2019/943 jipprevedi li: “1. L-imposti applikati mill-operaturi tan-netwerks għall-aċċess għan-netwerks, inklużi l-imposti għall-konnessjoni man-netwerks, l-imposti għall-użu tan-netwerks u, fejn applikabbli, l-imposti għar-rinfurzar tan-netwerk, għandhom jirriflettu l-kostijiet, ikunu trasparenti, filwaqt li jqisu l-ħtieġa għas-sigurtà u l-flessibbltà tan-netwerk u jirriflettu l-kostijiet reali mġarrba sakemm jikkorrispondu għal dawk ta’ operatur tan-netwerk effiċjenti u strutturalment komparabbli u jkunu applikati b’mod mhux diskriminatorju. Dawk l-imposti ma għandhomx jinkludu l-kostijiet mhux relatati li jappoġġaw objettivi politiċi mhux relatati. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 15(1) u (6) tad-[Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU 2012, L 315, p. 1),] u l-kriterji fl-Anness XI ta’ dik id-Direttiva, il-metodu użat biex jiddetermina l-imposti tan-netwerk għandu jappoġġa b’mod newtrali l-effiċjenza kumplessiva tas-sistema fit-tul taż-żmien permezz ta’ sinjali tal-prezzijiet lill-klijenti u lill-produtturi u b’mod partikolari għandu jiġi applikat b’mod li ma jiddiskriminax b’mod pożittiv jew b’mod negattiv bejn il-produzzjoni konnessa fil-livell ta’ distribuzzjoni u l-produzzjoni konnessa fil-livell ta’ trażmissjoni. L-imposti tan-netwerk […] għandhom jiddiskrimnaw, kemm b’mod pożittiv kif ukoll b’mod negattiv, kontra l-ħżin tal-enerġija jew l-aggregazzjoni u lanqas ma għandhom joħolqu diżinċentivi għall-awtoġenerazzjoni u għall-awtokonsum jew għall-parteċipazzjoni fir-rispons tad-domanda. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, dawk l-imposti ma għandhomx ikunu relatati mad-distanza. […] 7. It-tariffi ta’ distribuzzjoni għandhom jirriflettu l-kost filwaqt li jqisu l-użu tan-netwerk ta’ distribuzzjoni mill-utenti tas-sistema inklużi l-klijenti attivi. It-tariffi ta’ distribuzzjoni jista’ jkun fihom elementi ta’ kapaċità ta’ konnessjoni ta’ netwerk u jistgħu jkunu differenzjati abbażi tal-profili ta’ konsum jew ta’ ġenerazzjoni tal-utenti tas-sistema[.] Fejn l-Istati Membri jkunu implimentaw l-użu ta’ sistemi ta’ kejl intelliġenti[,] [l-]awtoritajiet regolatorji għandhom iqisu tariffi tan-netwerk differenzjati skont il-ħin meta jiffissaw jew japprovaw tariffi ta’ trażmissjoni u tariffi ta’ distribuzzjoni jew il-metodoloġiji tagħhom skont l-Artikolu 59(7) tad-[Direttiva 2019/944] u, fejn xieraq, tariffi tan-netwerk differenzjati fil-ħin jistgħu jiġu introdotti biex jirriflettu l-użu tan-netwerk, b’mod trasparenti, effiċjenti f’termini tal-kostijiet u prevedibbli. għall-klijent finali u prevedibbli. 8. Il-metodoloġiji tariffarji tad-distribuzzjoni għandhom jipprovdu inċentivi lill-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni għat-tħaddim u l-iżvilupp l-aktar effiċjenti f’termini tal-kostijiet tan-netwerks tagħhom anki permezz tas-servizzi ta’ akkwist. Għal dak l-għan, l-awtoritajiet regolatorji għandhom jirrikonoxxu l-kostijiet rilevanti bħala eliġibbli għandhom jinkludu dawk il-kostijiet fit-tariffi ta’ distribuzzjoni, u jistgħu jintroduċu miri ta’ prestazzjoni sabiex jipprovdu inċentivi lill-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni biex iżidu l-effiċjenzi fin-netwerks tagħhom, inkluż permezz ta’ effiċjenza fl-enerġija, flessibbiltà u l-iżvilupp ta’ grilji intelliġenti u sistemi ta’ kejl intelliġenti.” |
Id-Direttiva 2019/944
|
7 |
Il-premessa 83 tad-Direttiva 2019/944 tgħid li: “L-awtoritajiet regolatorji jenħtieġ li jiżguraw li u l-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni u l-operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni jieħdu l-miżuri xierqa biex jagħmlu n-netwerk tagħhom aktar reżiljenti u flessibbli. Għal dak il-għan, jenħtieġ li huma jimmonitorjaw il-prestazzjoni ta’ dawk l-operaturi abbażi ta’ indikaturi bħall-kapaċità tal-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni u l-operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni u ta’ trażmissjoni li joperaw linji taħt klassifikazzjoni dinamika tal-linja, l-iżvilupp ta’ monitoraġġ remot u kontroll f’ħin reali tas-substazzjonijiet, it-tnaqqis tat-telf tal-grilja u l-frekwenza u d-durata tal-interruzzjonijiet tal-enerġija.” |
|
8 |
L-Artikolu 10(4) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi li: “Il-klijenti finali għandhom jingħataw avviż xieraq ta’ kull intenzjoni li jiġu modifikati l-kondizzjonijiet kuntrattwali u għandhom ikunu infurmati bid-dritt tagħhom li jitterminaw il-kuntratt meta jingħata l-avviż. Il-fornituri għandhom jinnotifikaw lill-klijenti finali tagħhom, b’mod trasparenti u li jinftiehem, direttament dwar kwalunkwe aġġustament fil-prezz tal-provvista u r-raġunijiet u l-kondizzjonijiet minn qabel għall-aġġustament, kif ukoll l-ambitu tiegħu, fi żmien xieraq mhux aktar tard minn ġimagħtejn, jew mhux aktar tard minn xahar fil-każ ta’ klijenti domestiċi, qabel l-aġġustament jidħol fis-seħħ. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti finali jkunu ħielsa li jitterminaw kuntratti jekk ma jaċċettawx il-kondizzjonijiet kuntrattwali ġodda jew l-aġġustament tal-prezz tal-provvista nnotifikat lilhom mill-fornitur tagħhom.” |
|
9 |
L-Artikolu 46(2) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li: “L-attività tat-trażmissjoni tal-elettriku għandha għall-anqas tinkludi l-kompiti li ġejjin flimkien ma’ dawk elenkati fl-Artikolu 40: […]
[…]” |
|
10 |
L-Artikolu 59(1) tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej: “L-awtoritajiet regolatorji għandhom ikollhom id-dmirijiet li ġejjin:
[…]” |
Id-dritt Bulgaru
|
11 |
L-Artikolu 50 tal-Pravila za izmervane na kolichestvoto elektricheska energia (ir-Regoli għall-Kejl tal-Kwantità ta’ Elettriku, iktar ’il quddiem il-“PIKEE”), adottati mill-Komisia za energiyno i vodno regulirane (il-Kummissjoni li Tirregola l-Enerġija u l-Ilma, il-Bulgarija), li hija l-awtorità regolatorja Bulgara fis-sens tad-Direttiva 2019/944, jipprevedi li: “(1) Meta jiġi kkonstatat, fl-okkażjoni tal-verifika metroloġika, li l-istrument ta’ kejl kummerċjali ma jwettaqx il-kejl jew iwettqu bi żball li jeċċedi dak li huwa ammissibbli, l-operatur tan-network ta’ distribuzzjoni tal-elettriku kkonċernat għandu jikkalkola l-kwantità ta’ elettriku fid-data tal-konstatazzjoni tal-assenza ta’ kejl jew tal-kejl ineżatt/impreċiż u għandu jmur lura sal-aħħar verifika mwettqa, mingħajr ma dan il-perijodu jista’ jeċċedi tliet xhur filwaqt li huwa mifhum li:
[…]” |
|
12 |
L-Artikolu 52 tal-PIKEE jistabbilixxi li: “(1) Fil-każ ta’ problema teknika ta’ funzjonament tal-istrumenti ta’ kejl kummerċjali li jwassal għall-impossibbiltà li jiġu rreġistrati l-kwantitajiet ta’ elettriku użat li jgħaddi mill-installazzjoni ta’ kejl u fl-assenza ta’ konstatazzjoni ta’ intervent estern waqt il-verifika jew ir-reġistrazzjoni, il-kwantità ta’ elettriku li jkun għadda mill-installazzjoni għandha tiġi kkalkolata fl-ordni ta’ prijorità li ġejja: […]
[…]” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
13 |
YL huwa l-proprjetarju ta’ dar konnessa man-network ta’ distribuzzjoni tal-elettriku u mgħammra b’arloġġ tad-dawl. L-aċċess għal dan l-arloġġ tad-dawl, imqiegħed f’kaxxa tal-metall installata fit-triq, huwa limitat għall-impjegati ta’ ERM Zapad. |
|
14 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fl‑10 ta’ April 2023, waqt spezzjoni fuq il-post imwettqa minn ERM Zapad, ġie kkonstatat li l-arloġġ tad-dawl ma kienx qiegħed jiffunzjona, minkejja li ma kellu ebda difett viżibbli kemm fir-rigward tad-dehra esterna tiegħu kif ukoll fir-rigward tal-kontenut tiegħu. Dan l-arloġġ tad-dawl tneħħa u ntbagħat għal kontroll lill-Bulgarski institut po metrologia (l-Istitut Bulgaru tal-Metroloġija, il-Bulgarija) li kkonkluda li ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti metroloġiċi u tekniċi standardizzati u li, konsegwentement, il-konsum tal-elettriku ta’ YL ma setax jiġi rreġistrat b’mod korrett. Huwa stabbilit ukoll li l-aħħar spezzjoni tal-arloġġ tad-dawl, qabel dik tal‑10 ta’ April 2023, twettqet fl‑14 ta’ Marzu 2018. |
|
15 |
Fid-deċiżjoni tar-rinviju hemm indikat ukoll, minn naħa, li, fl-assenza ta’ reġistrazzjoni korretta tal-konsum reali tal-elettriku, ERM Zapad ħarġet fattura fl-ammont ta’ 2 058.26 leva Bulgari (BGN) (madwar EUR 1000), li tirrappreżenta konsum stmat ta’ 3168 kilowatt-siegħa (kWh) ta’ elettriku għall-perijodu mill‑11 ta’ Jannar 2023 sal‑10 ta’ April 2023 (iktar ’il quddiem il-“fattura kontenzjuża”) konformement mal-PIKEE. Min-naħa l-oħra, is-somma dovuta għal dan il-konsum ġiet ikkalkolata abbażi tar-rata ta’ matul il-ġurnata tal-elettriku fis-seħħ għall-perijodu kkonċernat, li hija ogħla mir-rata ta’ matul il-lejl. |
|
16 |
YL adixxa lis-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija), li hija l-qorti tar-rinviju, b’azzjoni intiża sabiex tikkontesta l-fattura kontenzjuża, billi sostna li kien impossibbli għalih li jkun jaf li l-miter ma kienx qiegħed jiffunzjona, peress li ma kienx hemm aċċess għalih. Barra minn hekk, huwa jikkontesta l-perijodu li għalih ġie kkalkolat il-konsum tal-elettriku stmat. |
|
17 |
Il-qorti tar-rinviju tispjega li l-PIKEE jirregolaw il-proċedura u l-metodi ta’ kalkolu tal-kwantità ta’ elettriku li tista’ tiġi imputata lill-konsumatur fil-każ li l-konsum tal-elettriku ma jkunx tkejjel b’mod korrett. |
|
18 |
Skont din il-qorti, qabelxejn, meta l-arloġġ tad-dawl ma jiffunzjonax korrettament u fl-assenza ta’ intervent estern tal-konsumatur, dan il-kalkolu jitwettaq b’applikazzjoni, b’mod partikolari, tal-Artikolu 52 tal-PIKEE, li jippermetti lill-fornitur iżomm konsum tal-elettriku stmat. Sussegwentement, fil-każ ta’ ħsara tal-iswiċċ tariffarju, jiġifieri tal-arloġġ li jiddetermina sistema ta’ matul il-ġurnata u sistema ta’ matul il-lejl, l-imsemmi kalkolu jsir abbażi tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-PIKEE. Filwaqt li jibbażaw ruħhom fuq il-kunċett ta’ arrikkiment indebitu, il-PIKEE jirriflettu preżunzjoni li l-konsumatur ikun uża kwantità speċifika ta’ enerġija matul perijodu partikolari, li tiddependi mill-mument tal-konstatazzjoni mill-fornitur jew mill-operatur tan-network tal-problema teknika ta’ funzjonament tal-arloġġ tad-dawl, b’tariffa ddeterminata, ta’ matul il-lejl jew ta’ matul il-ġurnata. Fl-aħħar nett, l-imsemmija dispożizzjonijiet jirrigwardaw għalhekk l-elettriku kkonsmat, iżda mhux imkejjel, li jitqies bħala telf għall-operatur tan-network ta’ trażmissjoni li l-ispiża tiegħu għandha tiġi sostnuta mill-konsumatur. |
|
19 |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva, fl-ewwel lok, li l-premessa 83 tad-Direttiva 2019/944 tintroduċi l-prinċipju ta’ tnaqqis tat-telf fin-network ta’ trażmissjoni tal-elettriku, li jaqa’ taħt il-prinċipju ġenerali tal-effiċjenza enerġetika, ta’ qari reali mill-bogħod u ta’ kontroll tan-network mill-operaturi tan-network ta’ trażmissjoni tal-elettriku. |
|
20 |
F’dan il-kuntest, hija tenfasizza li l-Artikolu 46(2)(d) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi li l-attività ta’ trażmissjoni tal-elettriku għandha tinkludi imposti għall-kumpens tat-telf u li, skont l-Artikolu 18(8) tar-Regolament 2019/943, l-awtorità regolatorja tal-Istat Membru għandha tirrikonoxxi l-ispejjeż tal-operat u tal-iżvilupp tan-network bħala eliġibbli u tinkludihom fit-tariffi ta’ distribuzzjoni sabiex tħeġġeġ lill-operaturi tan-networks iżidu l-effiċjenza tan-networks tagħhom u jillimitaw it-telf bl-għan ta’ effiċjenza enerġetika. |
|
21 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar it-tifsira tal-espressjoni “imposti għall-kumpens tat-telf” fis-sens tal-Artikolu 46(2)(d) tad-Direttiva 2019/944 u tal-Artikolu 18(8) tar-Regolament 2019/943. Hija tistaqsi jekk din l-espressjoni tinkludix il-fatturazzjoni tal-elettriku kkonsmat, iżda mhux irreġistrat b’mod korrett minħabba l-problema ta’ funzjonament tal-arloġġ tad-dawl, attribwibbli jew le għal azzjonijiet tal-konsumatur, meta l-fornitur jew l-operatur tan-network ma jkunux irrimedjaw din il-problema ta’ funzjonament fi żmien xieraq. |
|
22 |
Din il-qorti tenfasizza wkoll li r-Regolament 2019/943 jintroduċi l-prinċipju li jgħid li, sabiex tiġi żgurata l-proporzjonalità, l-ispejjeż għandhom jiġu inklużi fit-tariffi, li jista’ jwassal, fil-prattika, għal mitigazzjoni tal-obbligu ta’ dawn l-operaturi li jżidu l-effiċjenza tan-networks tagħhom permezz tat-tnaqqis tal-ispejjeż tagħhom, kif juru ċ-ċirkustanzi tat-tilwima fil-kawża prinċipali. |
|
23 |
F’dan il-każ, l-imsemmija qorti tirrileva li, bejn l‑2018 u l‑2023, l-arloġġ tad-dawl inkwistjoni ma kien is-suġġett ta’ ebda verifika u li kien wara l-kontroll li kkonstata l-ħsara tiegħu fit‑12 ta’ April 2023 li ERM Zapad ħarġet fattura intiża sabiex tkopri l-ispejjeż tagħha għall-enerġija pprovduta, iżda mhux irreġistrata. L-istess qorti tistaqsi jekk dan it-telf jistax jiġi sostnut mill-konsumatur meta l-fornitur, l-operatur tan-network ta’ trażmissjoni jew l-operatur tan-network ta’ distribuzzjoni ma jkunx sab rimedju fil-ħin għall-problema kkawżata mill-problema ta’ funzjonament tal-arloġġ tad-dawl. |
|
24 |
Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tfakkar li l-Artikolu 59(1)(a) tad-Direttiva 2019/944 jawtorizza lill-awtorità regolatorja tiffissa jew tapprova t-tariffi ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni jew il-metodoloġiji ta’ kalkolu tagħhom, jew it-tnejn li huma. |
|
25 |
Hija tistaqsi jekk din id-dispożizzjoni tawtorizzax leġiżlazzjoni nazzjonali tinkludi l-ispejjeż tal-operatur tan-network f’dawn it-tariffi meta dawn jikkorrispondu għal enerġija pprovduta u kkonsmata, iżda mhux irreġistrata jew irreġistrata b’mod impreċiż minħabba problema ta’ funzjonament tal-arloġġ tad-dawl, fid-dawl tal-prinċipju li jgħid li l-imsemmija tariffi jew il-metodi ta’ kalkolu tagħhom għandhom jiġu stabbiliti skont kriterji trasparenti. |
|
26 |
Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Artikolu 18 tar-Regolament 2019/943, rispettivament fil-paragrafi 1 u 7 tiegħu, jimponi fuq il-konsumatur l-obbligu li jħallas lill-operatur tan-network ta’ trażmissjoni tariffi li jirriflettu l-ispejjeż ta’ dan in-network u jimponi li l-ispejjeż jieħdu inkunsiderazzjoni l-użu tan-network ta’ distribuzzjoni. |
|
27 |
Issa, din il-qorti tistaqsi b’liema mod l-ispejjeż hekk imsemmija għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-użu tan-network ta’ distribuzzjoni u jekk, f’dan ir-rigward, stima tal-ispejjeż hijiex ammissibbli. |
|
28 |
Fir-raba’ lok, il-qorti tar-rinviju, filwaqt li tfakkar li huwa paċifiku li l-partijiet fil-kawża prinċipali jinsabu f’relazzjoni kuntrattwali għall-provvista tal-elettriku fir-rigward tal-post ikkonċernat u filwaqt li qieset li, skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/83, din hija applikabbli għall-kuntratti li jirrigwardaw il-provvista tal-elettriku, tistaqsi jekk l-Artikolu 27 ta’ din id-direttiva jeżentax lill-konsumatur mill-obbligu li jħallas lill-fornitur tal-elettriku kwalunkwe somma li teċċedi l-kwantitajiet ta’ elettriku realment ikkonsmati fil-każ ta’ problema ta’ funzjonament tal-istrument ta’ kejl. |
|
29 |
Fil-ħames lok, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2019/944 jeżiġi li l-fornitur jinforma lill-klijenti finali tiegħu bi kwalunkwe aġġustament fil-prezz tal-provvista. Hija tistaqsi jekk din id-dispożizzjoni tawtorizzax leġiżlazzjoni nazzjonali tawtorizza lill-fornitur jew lill-operatur tan-network sabiex jipproċedi, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għal kalkolu ġdid tal-prezz u tal-kwantità ta’ elettriku. |
|
30 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari
|
31 |
L-ewwel nett, ERM Zapad, minn naħa, issostni li l-qorti tar-rinviju adottat id-digriet li jinkludi t-talba għal deċiżjoni preliminari mingħajr ma osservat minn qabel il-prinċipju ta’ kontradittorju, bi ksur tad-dritt nazzjonali. Min-naħa l-oħra, hija tikkontesta ċerti konstatazzjonijiet ta’ fatt ta’ din il-qorti li l-ineżattezza tagħhom għandha, essenzjalment, il-konsegwenza li din it-talba ma għandha ebda rabta mar-relazzjonijiet ġuridiċi bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali. B’mod partikolari, kuntrarjament għal dak li jirriżulta minn dan id-digriet, ERM Zapad għandha biss il-kwalità ta’ operatur tan-network ta’ distribuzzjoni. Ma teżisti ebda relazzjoni kuntrattwali bejnha u YL li għandha bħala suġġett il-provvista tal-elettriku u, barra minn hekk, l-eżistenza ta’ tali relazzjoni kuntrattwali ma hijiex invokata. |
|
32 |
Sussegwentement, skont ERM Zapad, ma teżisti l-ebda rabta bejn is-suġġett tal-kawża prinċipali u d-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, fir-rigward, minn naħa, tal-ewwel sat-tielet domanda u tal-ħames domanda, li għandhom bħala suġġett l-interpretazzjoni tar-Regolament 2019/943 u tad-Direttiva 2019/944, iċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn l-atti. Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tar-raba’ domanda, dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2011/83, ERM Zapad tqis li, skont il-premessi 11 u 25 tagħha, l-attività ta’ distribuzzjoni tal-elettriku, kuntrarjament għall-provvista tal-elettriku, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. |
|
33 |
Barra minn hekk, id-domandi magħmula ma humiex rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, peress li l-verifiki mwettqa wrew li s-sinjali ta’ sigurtà tal-arloġġ tad-dawl kienu ġarrbu ħsara, dawn id-domandi huma inammissibbli sa fejn dawn jirrigwardaw l-ipoteżi ta’ problema ta’ funzjonament ta’ dan it-tagħmir mhux imputabbli għal intervent estern. Indipendentement ukoll mill-eżistenza jew le ta’ tali intervent, ir-risposti għall-imsemmija domandi ma humiex rilevanti għas-soluzzjoni tal-unika kwistjoni mqajma mill-kawża prinċipali, relatata mal-ġustifikazzjoni tal-kreditu inkwistjoni u tal-ammont tiegħu. Dan il-kreditu joriġina mill-fatt stabbilit li YL ikkonsma l-elettriku, għal kwantità li ma setgħetx titkejjel, mingħajr ma ħallas għalih, u dan ikkawża dannu lil ERM Zapad. Il-punti dwar jekk dan l-ammont jikkostitwixxix telf għas-sistema jew jekk dan it-telf jistax jiġi inkluż fit-tariffi ta’ distribuzzjoni jistgħu jkunu rilevanti fil-każ ta’ proċedura fejn ERM Zapad titlob l-ammont inkwistjoni mingħand il-konsumaturi kollha fil-kuntest tat-tqassim tal-piż finanzjarju minħabba l-ħtieġa ta’ kumpens kollettiv minnhom kollha u mhux minn klijent wieħed li uża l-elettriku fi kwantitajiet mhux imkejla. |
|
34 |
Fl-aħħar nett, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fit-talba għal deċiżjoni preliminari ma tqajjem ebda dubju, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ta’ qabel id-Direttiva 2019/944 u r-Regolament 2019/943. |
|
35 |
Il-Kummissjoni Ewropea tirrileva li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li ma kienx hemm intervent estern fuq l-arloġġ tad-dawl u li, għaldaqstant, sa fejn il-ħames domandi preliminari jirrigwardaw l-ipoteżi ta’ problema ta’ funzjonament ta’ dan it-tagħmir imputabbli għal intervent estern, dawn id-domandi huma ipotetiċi u għalhekk inammissibbli. |
|
36 |
Sabiex tiġi vverifikata l-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, għandu, fl-ewwel lok, jitfakkar, minn naħa, li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tat-tqassim tal-funzjonijiet bejnha u l-qrati nazzjonali, li għandha tivverifika jekk id-deċiżjoni tar-rinviju tteħditx konformement mar-regoli nazzjonali ta’ organizzazzjoni u ta’ proċedura ġudizzjarji. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha taġixxi fuq din id-deċiżjoni sakemm din ma tkunx ġiet irtirata fil-kuntest tar-rimedji eventwalment previsti mid-dritt intern (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Royal Antwerp Football Club,C‑680/21, EU:C:2023:1010, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
37 |
Għalhekk, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tieħu pożizzjoni, f’dan il-każ, fuq l-eventwali ksur, mid-deċiżjoni tar-rinviju, tar-regoli proċedurali nazzjonali. |
|
38 |
Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali. F’dan il-kuntest, hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha s-setgħa tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tas-sitwazzjoni fattwali u ġuridika kif deskritta mill-qorti tal-rinviju, sabiex tagħti lil din tal-aħħar l-elementi utli għas-soluzzjoni tal-kawża li tkun tressqet quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Marzu 1978, Oehlschläger,104/77, EU:C:1978:69, punt 4, u tal‑24 ta’ Ottubru 2019, État belge, C‑35/19, EU:C:2019:894, punt 28). Konsegwentement, anki meta elementi fattwali li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju huma kkontestati minn parti fil-kawża prinċipali, huwa abbażi tal-elementi indikati mill-qorti tar-rinviju li hemm lok li tingħata risposta għad-domandi magħmula (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2025, Sumitomo Chemical Agro Europe, C‑809/23, EU:C:2025:195, punti 42 u 43). |
|
39 |
Għalhekk, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tieħu pożizzjoni fuq il-konstatazzjonijiet fattwali li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju, li l-eżattezza tagħhom hija kkontestata minn ERM Zapad. |
|
40 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tar-rilevanza tad-domandi magħmula għas-soluzzjoni tat-tilwima, għandu jitfakkar, minn naħa, li, skont ġurisprudenza stabbilita, hija biss il-qorti nazzjonali adita bit-tilwima fil-kawża prinċipali, li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din it-tilwima, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Minn dan isegwi li d-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza u li r-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar dawn id-domandi huwa possibbli biss jekk ikun jidher, b’mod manifest, li l-interpretazzjoni mitluba ma jkollha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, jekk il-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tagħti risposta utli għall-imsemmija domandi (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Royal Antwerp Football Club, C‑680/21, EU:C:2023:1010, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
41 |
F’dan il-każ, għalkemm il-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux dwar in-natura u s-suġġett tal-kawża prinċipali, ebda waħda minn dawn il-partijiet ma tikkontesta n-natura reali tagħha, li, barra minn hekk, tirriżulta b’mod ċar mid-dikjarazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju miġbura fil-qosor fil-punti 13 sa 18 ta’ din is-sentenza. Barra minn hekk, dawn l-istess dikjarazzjonijiet juru li d-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma humiex manifestament u kompletament nieqsa minn rabta mar-realtà u mas-suġġett tal-kawża prinċipali, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju. |
|
42 |
Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-qorti tar-rinviju tagħmel il-ħames domandi preliminari tagħha fir-rigward ta’ żewġ sitwazzjonijiet fattwali alternattivi, jiġifieri l-ipoteżi fejn il-problema ta’ funzjonament tal-arloġġ tad-dawl inkwistjoni huwa imputabbli għal intervent estern u dik fejn din il-problema ta’ funzjonament ma huwiex imputabbli għal tali intervent. |
|
43 |
Issa, ġie indikat b’mod inekwivoku fid-deċiżjoni tar-rinviju li l-imsemmija problema ta’ funzjonament ma kinitx imputabbli għal intervent estern. |
|
44 |
Konsegwentement, sa fejn id-domandi jirrigwardaw ipoteżi li ma tikkorrispondix għas-sitwazzjoni fattwali inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif deskritta fid-deċiżjoni tar-rinviju, jiġifieri li l-problema ta’ funzjonament tal-arloġġ tad-dawl huwa imputabbli għal intervent estern, dawn id-domandi huma ipotetiċi u għalhekk inammissibbli. |
|
45 |
Min-naħa l-oħra, ERM Zapad tidher li tiddeduċi l-inammissibbiltà tad-domandi preliminari mill-fatt li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqa’ la fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2019/943, la tad-Direttiva 2019/944, u lanqas tad-Direttiva 2011/83. |
|
46 |
Issa, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, meta, bħal f’din il-kawża, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, l-oġġezzjoni bbażata fuq in-nuqqas ta’ applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni fil-kawża prinċipali ma tikkonċernax l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, iżda tqum fuq il-mertu tad-domandi (sentenzi tat‑28 ta’ Ottubru 2021, Komisia za protivodeystvie na koruptsiyata i za otnemane na nezakonno pridobitoto imushtestvo, C‑319/19, EU:C:2021:883, punt 25, kif ukoll, f’dan is-sens, tal‑24 ta’ Lulju 2023, Lin, C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
47 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tal-allegata assenza ta’ kull dubju dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba minħabba, b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam, huwa biżżejjed li jitfakkar li, anki fil-preżenza ta’ ġurisprudenza li ssolvi l-punt ta’ liġi inkwistjoni, il-qrati nazzjonali jżommu l-iktar possibbiltà wiesgħa li jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk iqisu li dan ikun opportun, mingħajr ma l-fatt li d-dispożizzjonijiet li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba jkunu diġà ġew interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja jkollu bħala konsegwenza li jostakola lil din tal-aħħar milli tiddeċiedi mill-ġdid (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
48 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, id-domandi preliminari huma inammissibbli sa fejn jirreferu għas-sitwazzjoni fejn il-problema ta’ funzjonament tal-arloġġ tad-dawl inkwistjoni hija imputabbli għal intervent estern. |
Fuq id-domandi preliminari
|
49 |
Permezz tad-domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-paragrafi 1, 7 u 8 tal-Artikolu 18 tar-Regolament 2019/943, l-Artikolu 10(4), l-Artikolu 46(2)(d) u l-Artikolu 59(1)(a) tad-Direttiva 2019/944 kif ukoll l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2011/83, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, meta, minħabba l-problema ta’ funzjonament ta’ arloġġ tad-dawl, il-kwantità ta’ elettriku kkonsmata minn klijent domestiku ma setgħetx titkejjel b’mod korrett, ammont ikkalkolat abbażi ta’ konsum tal-elettriku stmat jista’ jiġi ffatturat lil dan il-klijent. |
|
50 |
Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu jiġi vverifikat, preliminarjament, jekk il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u ta’ dawn id-direttivi jinkludix il-konsegwenzi ġuridiċi ta’ tali problema ta’ funzjonament. |
|
51 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li, fir-rigward tal-Artikolu 18(1), (7) u (8) tar-Regolament 2019/943, li huwa s-suġġett tal-ewwel u tat-tielet domanda, dan jipprevedi, essenzjalment, li t-tariffi ta’ aċċess għan-networks applikati mill-operaturi ta’ networks, kif ukoll it-tariffi ta’ distribuzzjoni, għandhom jirriflettu l-ispejjeż, ikunu trasparenti u jieħdu inkunsiderazzjoni n-neċessità li jiġu żgurati s-sigurtà u l-flessibbiltà tan-networks. Barra minn hekk, it-tariffi ta’ distribuzzjoni għandhom jinkludu l-ispejjeż imġarrba mill-operaturi tan-network ta’ distribuzzjoni għall-operat u għall-iżvilupp l-iktar kosteffettiv tan-networks tagħhom. |
|
52 |
Issa, xejn f’dawn id-dispożizzjonijiet ma jippermetti li jitqies li dawn jirrigwardaw il-konsegwenzi legali tal-problema ta’ funzjonament ta’ arloġġ tad-dawl. |
|
53 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tad-Direttiva 2019/944, għandu jiġi enfasizzat, l-ewwel nett, li l-Artikolu 10(4) tagħha, li huwa s-suġġett tal-ħames domanda, jipprevedi sempliċement d-dritt tal-klijenti finali li jiġu informati mill-fornitur dwar kull intenzjoni ta’ tibdil tal-kundizzjonijiet kuntrattwali u, fi żmien xieraq, dwar kull aġġustament tal-prezz tal-provvista. |
|
54 |
Issa, minn naħa, it-tilwima fil-kawża prinċipali ma tirrigwardax manifestament bidliet kuntrattwali u, b’mod partikolari, aġġustament tal-prezzijiet, iktar u iktar peress li r-regoli applikati minn ERM Zapad huma stabbiliti mill-PIKEE. |
|
55 |
Min-naħa l-oħra, id-dritt għall-informazzjoni previst fl-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2019/944 jirrigwarda biss il-kundizzjonijiet kuntrattwali li jiddependu mir-rieda tal-partijiet, fosthom b’mod partikolari l-prezz tal-elettriku, u mhux it-tariffi ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni intiżi għall-ħlas tal-operatur tan-network ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni għall-użu tiegħu, li huma stabbiliti mill-awtorità regolatorja, skont l-Artikolu 59(1)(a) tad-Direttiva 2019/944. |
|
56 |
It-tieni nett, l-Artikolu 46(2)(d) tad-Direttiva 2019/944 li huwa s-suġġett tal-ewwel domanda, jekk jiġi preżunt li huwa applikabbli għal entità li ma hijiex operatur tan-network ta’ trażmissjoni, kif tidher li hija ERM Zapad, jinkludi sempliċement fl-attività ta’ trażmissjoni tal-elettriku “il-ġbir tal-ispejjeż kollha relatati mas-sistema tat-trażmissjoni inkluż l-ispejjeż ta’ aċċess, enerġija għal telf u imposti għal servizzi anċillari”. |
|
57 |
Issa, din id-dispożizzjoni mhux biss ma tipprevedi ebda kunċett ta’ “imposti għall-kumpens tat-telf”, kif imsemmi fl-ewwel domanda, iżda ma tikkonċernax manifestament il-konsegwenzi legali tal-problema ta’ funzjonament ta’ arloġġ tad-dawl. |
|
58 |
It-tielet nett, skont l-Artikolu 59(1)(a) ta’ din id-direttiva, li hija s-suġġett tat-tieni domanda, l-awtorità regolatorja għandha tiffissa jew tapprova, skont kriterji trasparenti, it-tariffi ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni jew il-metodoloġiji ta’ kalkolu tagħhom, jew it-tnejn li huma. |
|
59 |
Għandu jiġi rrilevat li, minbarra l-fatt li l-kawża prinċipali ma tirrigwardax il-validità tal-kriterji jew tal-metodi ta’ kalkolu previsti mill-PIKEE u lanqas l-osservanza tagħhom minn ERM Zapad waqt l-iffissar tas-somma li tinsab fil-fattura kontenzjuża, din is-somma ma tikkorrispondix għal tariffa ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni li tirremunera l-użu tan-networks ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni, peress li ERM Zapad titlob permezz ta’ din il-fattura l-ħlas ta’ somma li tikkorrispondi għall-elettriku kkonsmat minn YL, iżda mhux imkejla b’mod korrett. |
|
60 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tad-Direttiva 2011/83, anki jekk jitqies li, kuntrarjament għall-pożizzjoni ta’ ERM Zapad, din id-direttiva hija applikabbli għall-attività ta’ distribuzzjoni tal-elettriku, l-Artikolu 27 tagħha, li huwa s-suġġett tar-raba’ domanda, jistabbilixxi li l-konsumatur huwa eżentat mill-obbligu li jħallas kull korrispettiv fil-każ ta’ provvista mhux mitluba, b’mod partikolari, ta’ elettriku. |
|
61 |
Kif jenfasizzaw kemm ERM Zapad kif ukoll il-Kummissjoni, sabiex tapplika din id-dispożizzjoni, il-provvista tal-elettriku ma għandhiex tintalab. F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li YL, abbażi ta’ kuntratt li l-validità tiegħu ma hijiex ikkontestata, ikkonsma l-elettriku matul il-perijodu li matulu l-arloġġ tad-dawl inkwistjoni ma kienx jiffunzjona b’mod korrett, b’tali mod li ma jistax jitqies li l-provvista ta’ dan l-elettriku ma ntalbitx minn YL u dan anki indipendentement mill-identità tal-fornitur. |
|
62 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għad-domandi magħmula tkun li:
|
Fuq l-ispejjeż
|
63 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.