22.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 81/69


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/361

tat-13 ta' Diċembru 2018

li jemenda r-Regolament ta' Delega (UE) Nru 151/2013 fir-rigward tal-aċċess għad-data miżmuma fir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 81(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 32(3) tar-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) emenda l-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 billi żied għadd ta' entitajiet mal-lista ta' entitaijiet li jridu jingħataw informazzjoni dwar id-derivattivi mir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet biex b'hekk dawn l-entitajiet ikunu jistgħu jaqdu r-responsabbiltajiet u l-mandati tagħhom. Għaldaqstant dawn l-entitajiet jenħtieġ li jiġu inklużi fir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 151/2013 (3) bi speċifikazzjonijiet dwar l-informazzjoni u l-livell ta' aċċess għad-dettalji tad-direvattivi li jkunu se jingħataw. Għalhekk huwa essenzjali li r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet ikunu jistgħu jidentifikaw b'mod preċiż il-kontropartijiet u t-tranżazzjonijiet ikkonċernati. L-aċċess mogħti mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet jenħtieġ li jinkludi aċċess għad-data tat-tranżazzjonijiet dwar derivattivi konklużi minn kontroparti, irrispettivament minn jekk dik il-kontroparti tkunx impriża omm jew sussidjarja ta' impriża oħra, dment li l-aċċess meħtieġ jkun jikkonċerna l-informazzjoni meħtieġa għall-qadi tar-responsabbiltajiet u l-mandati ta' dik l-entità rilevanti.

(2)

Ħafna mill-entitajiet elenkati fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għandhom responsabbiltajiet u mandati diversi u differenti. Biex jiġi evitat li r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet ikollhom jivverifikaw kontinwament taħt liema mandat u għal liema ħtieġa speċifika entità titlob aċċess, u b'hekk ikunu evitati piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa għal dawk ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet, ikun xieraq li r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet jipprovdu aċċess uniku għal kull entità, li jenħtieġ li jkopri r-responsabbiltajiet u l-mandati ta' kull entità.

(3)

L-aċċess min-naħa tal-entitajiet elenkati fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, għad-dettalji kollha tad-derivattivi, fosthom tad-derivattivi li ma jkunux ġew aċċettati mir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet u tad-dettalji wara li jsir il-proċess ta' rikonċiljazzjoni tad-derivattivi msemmi fl-Artikolu 19 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 150/2013 (4), huwa tassew importanti sabiex jiġi żgurat li dawk l-entitajiet ikunu jistgħu jaqdu r-responsabbiltajiet u l-mandati tagħhom.

(4)

Ċerti entitajiet elenkati fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 huma responsabbli mill-monitoraġġ tar-riskji sistemiċi għall-istabbiltà finanzjarja. Il-prestazzjoni xierqa tal-kompiti tagħhom titlob li dawk l-entitajiet ikollhom aċċess għal firxa wiesgħa ta' parteċipanti fis-suq, għal ċentri tan-negozjar u għall-aktar dettalji komprensivi u granulari tad-data tad-derivattivi disponibbli fil-qasam tar-responsabbiltà tagħhom, li jistgħu jkunu, skont l-entità kkonċernata, Stat Membru, iż-żona tal-euro, jew l-Unjoni.

(5)

Minħabba r-rabtiet bejn id-derivattivi u l-politika monetarja, membru tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ), kif jissemma fl-Artikolu 81(3)(g) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, jenħtieġ li jkollu aċċess għal data dwar il-pożizzjoni dwar id-derivattivi espressi fil-munita li tinħareġ minn dak il-membru tas-SEBĊ. Id-data dwar il-pożizzjoni tinkludi data tad-derivattivi aggregata skont il-kriterju, inkluża dik sottostanti, tal-prodott u tal-maturità għall-kontrapartijiet individwali.

(6)

L-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) u l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) huma parti mis-Sistema Ewropea għas-Superviżjoni Finanzjarja u, fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja u tar-riskju sistemiku, għandhom mandati u responsabbiltajiet li huma simili ħafna għal dawk tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA). Għaldaqstant huwa importanti li dawn l-awtoritajiet ikollhom aċċess għad-data tat-tranżazzjonijiet dwar derivattivi, bħalma għandha l-ESMA.

(7)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (5) stabbilixxa Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU). Repożitorju tat-tranżazzjonijiet jenħtieġ li jiżgura li l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ikollu aċċess għad-data kollha tat-tranżazzjonijiet dwar derivattivi konklużi minn xi kontroparti li, fi ħdan il-mekkaniżmu superviżorju uniku, huwa suġġett għas-superviżjoni tal-BĊE skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

(8)

Skont id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni għandhom jingħataw mezzi effettivi biex jieħdu azzjoni fir-rigward tal-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) ta' dik id-Direttiva biex jipprevjenu l-kontaġju. Għaldaqstant, kull awtorità ta' riżoluzzjoni jenħtieġ li jkollha aċċess għad-data tat-tranżazzjonijiet dwar id-derivattivi rrapportata minn dawk l-entitajiet.

(9)

Skont ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), il-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni (SRB) huwa responsabbli għall-funzjonament effettiv u konsistenti tal-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni, fost l-oħrajn permezz tat-tfassil ta' pjanijiet ta' riżoluzzjoni għall-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2 ta' dak ir-Regolament. Sabiex il-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni jkun jista' jfassal dawk il-pjanijiet ta' riżoluzzjoni, repożitorju tat-tranżazzjonijiet jenħtieġ li jipprovdi lill-Bord b'aċċess għad-data tat-tranżazzjonijiet tad-derivattivi konklużi minn kull kontroparti li taqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 806/2014.

(10)

Sabiex l-awtoritajiet imsemmija fil-punti (o) sa (p) tal-Artikolu 81(3) tar-Regolament 648/2012 jitpoġġew f'pożizzjoni li jeżerċitaw ir-responsabbiltajiet u l-mandati tagħhom, dawn jenħtieġ li jkollhom aċċess għad-data rrappurtata mill-kontrapartijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet u l-mandati tagħhom.

(11)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat mill-ESMA lill-Kummissjoni Ewropea.

(12)

L-ESMA kkonsultat lill-awtoritajiet rilevanti u lill-membri tas-SEBĊ qabel ma ppreżentat l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament. L-ESMA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

(13)

Għaldaqstant jenħtieġ li r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 151/2013 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta' Delega (UE) Nru 151/2013 jiġi emendat kif ġej:

(i)

L-Artikolu 2 tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 151/2013 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 2

Aċċess għad-dettalji tad-derivattivi skont ir-responsabbiltajiet u l-mandat ta' kull awtorità kkonċernata

1.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jiżgura li d-dettalji tad-data tat-tranżazzjonijiet dwar derivattivi aċċessibbli għal kull entità elenkata fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 skont il-paragrafi 3 sa 17 jinkludu d-data li ġejja:

(a)

ir-rapporti tad-derivattivi rrappurtati b'konformità mat-Tabelli 1 u 2 tal-Anness tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 148/2013 (*1), inkluż l-aktar stati riċenti tat-tranżazzjonijiet ta' derivattivi li jkunu għadhom ma mmaturawx jew li jkun ma jkunux is-suġġett ta' rapporti bit-tipi ta' azzjoni “Żball”, “Terminazzjoni bikrija”, “Kompressjoni” u “Komponent tal-pożizzjoni” kif imsemmija fil-Kaxxa 93 tat-Tabella 2 tal-Anness tar-Regolament Delegat (UE) Nru 148/2013;

(b)

id-dettalji rilevanti ta' rapporti tad-derivattivi rrifjutati mir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet, inkluż kwalunkwe rapporti tad-derivattivi rrifjutati matul il-jum tax-xogħol ta' qabel u r-raġunijiet għar-rifjut tagħhom;

(c)

l-istatus tar-rikonċiljazzjoni tad-derivattivi rrappurtati kollha li fir-rigward tagħhom ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet ikun wettaq proċess ta' rikonċiljazzjoni skont l-Artikolu 19 tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 150/2013.

2.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi lill-entitajiet li għandhom diversi responsabbiltajiet jew mandati skont l-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 b'mekkaniżmu uniku ta' aċċess għad-dettalji kollha tad-derivattivi koperti minn dawk ir-responsabbiltajiet u l-mandati.

3.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi lill-ESMA b'aċċess għad-data kollha tat-tranżazzjonijiet dwar id-derivattivi biex teżerċita l-kompetenzi superviżorji tagħha skont ir-responsabbiltajiet u l-mandati tagħha.

4.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi lill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), lill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA), lill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) bl-aċċess għad-data kollha tat-tranżazzjonijiet dwar id-derivattivi.

5.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi lill-Awtorità għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) bl-aċċess għad-data kollha tat-tranżazzjonijiet dwar id-derivattivi fejn is-sottostanti tkun l-enerġija.

6.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi lil awtorità li tagħmel is-superviżjoni taċ-ċentri tan-negozjar b'aċċess għad-data kollha tat-tranżazzjonijiet dwar derivattivi eżegwiti f'dawk iċ-ċentri tan-negozjar.

7.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi lil awtorità superviżorja maħtura skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/25/KE aċċess għad-data kollha tat-tranżazzjonijiet dwar derivattivi fejn is-sottostanti ikun titolu maħruġ minn kumpanija li tissodisfa waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-kumpanija tkun ammessa għall-kummerċ f'suq regolat stabbilit fl-Istat Membru ta' dik l-awtorità u l-offerti ta' akkwiżizzjoni fuq it-titoli ta' din il-kumpannija jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet u l-mandati superviżorji ta' dik l-awtorità;

(b)

il-kumpanija jkollha l-uffiċċju reġistrat jew l-uffiċċju prinċipali fl-Istat Membru ta' dik l-awtorità u l-offerti ta' akkwiżizzjoni fuq it-titoli ta' din il-kumpanija jkunu jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet u l-mandati superviżorji ta' dik l-awtorità;

(c)

il-kumpanija tkun offerent kif definit fl-Artikolu 2(1)(c) tad-Direttiva 2004/25/KE għall-kumpaniji msemmija fil-punti (a) u (b) u l-korrispettiv li toffri jkun jinkludi titoli;

8.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi lill-awtorità msemmija fl-Artikolu 81(3)(j) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 bl-aċċess għad-data kollha tat-tranżazzjonijiet dwar derivattivi għas-swieq, kuntratti, sottostanti, parametri referenzjarji u kontrapartijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet u mandati superviżorji ta' dik l-awtorità.

9.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi lil membru tas-SEBĊ li l-munita tal-Istat Membru tiegħu hija l-euro b'aċċess:

(a)

għad-data kollha tat-tranżazzjonijiet dwar derivattivi fejn l-entità referenzjarja tad-derivattiv tkun stabbilita fl-Istat Membru ta' dak il-membru tas-SEBĊ jew fi Stat Membru li jkollu l-euro bħala l-munita tiegħu u jkun jaqa' fl-ambitu tal-membru skont ir-responsabbiltajiet u l-mandati superviżorji ta' dak il-membru, jew fejn l-obbligu referenzjarju jkun id-dejn sovran tal-Istat Membru ta' dak il-membru tas-SEBĊ jew ta' Stat Membru li jkollu l-euro bħala l-munita tiegħu;

(b)

għad-data dwar il-pożizzjoni għal kuntratti tad-derivattivi f'euro.

10.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet jipprovdi lil awtorità elenkata fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 li timmonitorja r-riskji sistemiċi għall-istabbiltà finanzjarja u li l-munita tal-Istat Membru tagħha hija l-euro, b'aċċess għad-data kollha tat-tranżazzjonijiet dwar derivattivi konklużi f'ċentri tan-negozjar, jew mis-CCPs u l-kontropartijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet u l-mandati ta' dik l-awtorità meta tkun qiegħda twettaq monitoraġġ tar-riskji sistemiċi għall-istabbiltà finanzjarja fiż-żona tal-euro.

11.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi lil membru tas-SEBĊ li l-munita tal-Istat Membru tiegħu hija l-euro b'aċċess:

(a)

għad-data kollha tat-tranżazzjonijiet dwar derivattivi fejn l-entità ta' referenza tad-derivattiv tkun stabbilita fl-Istat Membru ta' dak il-membru tas-SEBĊ u tkun taqa' fl-ambitu tal-membru skont ir-responsabbiltajiet u l-mandati superviżorji ta' dak il-membru, jew fejn l-obbligu referenzjarju jkun id-dejn sovran tal-Istat Membru ta' dak il-membru tas-SEBĊ;

(b)

għad-data dwar il-pożizzjoni fil-munita maħruġa minn dak il-membru tas-SEBĊ.

12.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet jipprovdi lil awtorità elenkata fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 li timmonitorja r-riskji sistemiċi għall-istabbiltà finanzjarja u li l-munita tal-Istat Membru tagħha mhux il-euro, b'aċċess għad-data kollha tal-tranżazzjonijiet dwar derivattivi konklużi f'ċentri tan-negozjar jew minn CCPs u kontropartijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet u l-mandati ta' dik l-awtorità meta tkun qiegħda twettaq monitoraġġ tar-riskji sistemiċi għall-istabbiltà finanzjarja fi Stat Membru li l-munita tiegħu ma tkunx l-euro.

13.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi lill-BĊE, fit-twettiq tal-kompiti tiegħu fi ħdan il-mekkaniżmu superviżorju uniku skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013, b'aċċess għad-data kollha tat-tranżazzjonijiet dwar derivattivi konklużi minn kwalunkwe kontroparti li, fi ħdan il-mekkaniżmu superviżorju uniku, tkun suġġetta għas-superviżjoni tal-BĊE skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (*2).

14.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti elenkata fil-punti (o) u (p) tal-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 bl-aċċess għad-data kollha tat-tranżazzjonijiet dwar derivattivi konklużi mill-kontrapartijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet u l-mandati superviżorji ta' dik l-awtorità.

15.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti elenkata fil-punt (m) tal-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 bl-aċċess għad-data kollha tat-tranżazzjonijiet dwar derivattivi konklużi mill-kontrapartijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet u l-mandati ta' dik l-awtorità.

16.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi lill-SRB b'aċċess għad-data kollha tat-tranżazzjonijiet dwar derivattivi konklużi minn xi kontropartijiet jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 806/2014.

17.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi lil awtorità ta' superviżjoni ta' kontraparti ċentrali (CCP), u lil membru rilevanti tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) li jissorvelja s-CCP, bl-aċċess għad-data kollha tat-tranżazzjonijiet dwar derivattivi kklerjati minn dak is-CCP.

(*1)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 148/2013 tad-19 ta' Diċembru 2012 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji dwar id-dettalji minimi tad-data li trid tiġi rrapportata lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet (ĠU L 52, 23.2.2013, p. 1)."

(*2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).”."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Diċembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar it-trasparenza ta' tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli u l-użu mill-ġdid u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 151/2013 tad-19 ta' Diċembru 2012 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-data li trid tiġi ppubblikata u li għandha tkun disponibbli minn repożitorji tat-tranżazzjonijiet u standards operazzjonali biex tiġi aggregata, imqabbla u aċċessata d-data (ĠU L 52, 23.2.2013, p. 33).

(4)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 150/2013 tad-19 ta' Diċembru 2012 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet rigward standards tekniċi regolatorji li jispeċfikaw id-dettalji tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala repożitorju tat-tranżazzjonijiet (ĠU L 52, 23.2.2013, p. 25).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).

(6)  Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta' Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).