IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 11.8.2021
COM(2021) 469 final
ANNESS
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet
(Orizzont Ewropa)
ANNESS
DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE
Nru […]
ta’ […]
li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet
IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,
Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikoli 86 u 98 tiegħu,
Billi:
(1)Huwa xieraq li l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE tiġi estiża biex tinkludi r-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013.
(2)Huwa xieraq li l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti tiġi estiża għall-Ftehim dwar iż-ŻEE biex tinkludi r-Regolament (UE) 2021/819 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 dwar l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (riformulazzjoni).
(3)Huwa xieraq li l-parteċipazzjoni tal-Istati tal-EFTA fl-attivitajiet li jirriżultaw mir-Regolament (UE) Nru 2021/695 u mir-Regolament (UE) 2021/819 tibda mill-1 ta’ Jannar 2021, irrispettivament minn meta din id-Deċiżjoni tiġi adottata, jew jekk it-twettiq tar-rekwiżiti kostituzzjonali għal din id-Deċiżjoni, jekk ikun hemm, ikun innotifikat wara l-10 ta’ Lulju 2021.
(4)Entitajiet stabbiliti fl-Istati tal-EFTA jenħtieġ li jkunu intitolati li jipparteċipaw f’attivitajiet li jibdew qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Il-kostijiet imġarrba għal dawn l-attivitajiet, li l-implimentazzjoni tagħhom tibda wara l-1 ta’ Jannar 2021, jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għal spejjeż imġarrba minn entitajiet stabbiliti fl-Istati Membri tal-UE sakemm din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ qabel it-tmiem tal-azzjoni kkonċernata.
(5)Il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Istati tal-EFTA u l-istituzzjonijiet, l-impriżi, l-organizzazzjonijiet u ċ-ċittadini tagħhom fil-programmi tal-Unjoni Ewropea huma stabbiliti fil-Ftehim dwar iż-ŻEE u b’mod partikolari fl-Artikolu 81 tiegħu.
(6)Għaldaqstant, il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE jenħtieġ li jiġi emendat skont dan, sabiex din il-kooperazzjoni estiża tkun tista’ sseħħ mill-1 ta’ Jannar 2021,
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Artikolu 1 tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat kif ġej:
1.Dan li ġej jiżdied fil-paragrafu 5:
“-32021 R 0695: Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1).
Il-kostijiet imġarrba għal attivitajiet li l-implimentazzjoni tagħhom tibda wara l-1 ta’ Jannar 2021 jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli mid-data tal-bidu tal-azzjoni msemmija fil-ftehim tal-għotja jew id-deċiżjoni tal-għotja kkonċernati, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fihom, dment li d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru XX/2021 ta’ xx 2021 [din id-Deċiżjoni] tidħol fis-seħħ qabel tmiem l-azzjoni.
Il-Liechtenstein għandu jkun eżentat mill-parteċipazzjoni f’dan il-programm u mill-kontribuzzjoni finanzjarja għalih.”
2.Fil-paragrafu 11 (a), il-kliem “att Komunitarju” għandhom jiġu sostitwiti bil-kliem “atti Komunitarji”, u għandu jiżdied dan li ġej:
“-32021 R 0819: Ir-Regolament (UE) 2021/819 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 dwar l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (riformulazzjoni) (ĠU L 189, 28.5.2021, p. 61).
Il-kostijiet imġarrba għal attivitajiet li l-implimentazzjoni tagħhom tibda wara l-1 ta’ Jannar 2021 jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli mid-data tal-bidu tal-azzjoni msemmija fil-ftehim tal-għotja jew id-deċiżjoni tal-għotja kkonċernati, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fihom, dment li d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru XX/2021 ta’ xx 2021 [din id-Deċiżjoni] tidħol fis-seħħ qabel tmiem l-azzjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-aħħar notifika skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE.
Hija għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.
Magħmul fi Brussell, […].
Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
Il-President
[...]
Is-Segretarji
Tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
[...]