|
6.7.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 238/104 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1107
tal-5 ta’ Lulju 2021
dwar ir-rikonoxximent tal-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar ta’ Hong Kong għal tranżazzjonijiet ta’ derivattivi taħt superviżjoni mill-Awtorità Monetarja ta’ Hong Kong bħala ekwivalenti għal ċerti rekwiżiti tal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jipprevedi mekkaniżmu li bih il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta deċiżjonijiet ta’ ekwivalenza li permezz tagħhom l-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar ta’ pajjiż terz jiġu ddikjarati ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 4, 9, 10 u 11 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 sabiex il-kontropartijiet li jidħlu fi tranżazzjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament, fejn mill-inqas waħda mill-kontropartijiet tkun stabbilita f’dak il-pajjiż terz, jitqiesu li ssodisfaw dawk ir-rekwiżiti billi jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fir-reġim legali ta’ dak il-pajjiż terz. Id-dikjarazzjoni ta’ ekwivalenza tikkontribwixxi biex jintlaħaq l-għan ġenerali tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, jiġifieri li jitnaqqas ir-riskju sistemiku u li tiżdied it-trasparenza tas-swieq tad-derivattivi billi tiġi żgurata l-applikazzjoni internazzjonalment konsistenti tal-prinċipji miftiehma mal-pajjiżi terzi u stabbiliti f’dak ir-Regolament. |
|
(2) |
L-Artikolu 11(1), (2) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 li huwa ssupplimentat bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 149/2013 (2) u bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2251 (3), jistabbilixxi r-rekwiżiti legali tal-Unjoni dwar il-konferma f’waqtha tat-termini ta’ kuntratt tad-derivattivi OTC, it-twettiq ta’ eżerċizzju ta’ kompressjoni tal-portafoll u l-arranġamenti li taħthom il-portafolli jiġu rikonċiljati fir-rigward tal-kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn kontroparti ċentrali (“CCP”). Barra minn hekk, dawk id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu l-obbligi ta’ valwazzjoni u ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim applikabbli għal dawk il-kuntratti (“tekniki ta’ mitigazzjoni tar-riskju operazzjonali”) kif ukoll l-obbligi dwar l-iskambju ta’ kollateral (“marġni”) bejn il-kontropartijiet. |
|
(3) |
Sabiex ir-reġim legali, superviżorju u ta’ infurzar ta’ pajjiż terz jitqies ekwivalenti għar-reġim tal-Unjoni fir-rigward tat-tekniki ta’ mitigazzjoni tar-riskju operazzjonali u r-rekwiżiti tal-marġini, l-eżitu sostantiv tal-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar applikabbli għandu jkun ekwivalenti għar-rekwiżiti tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, jiżgura l-protezzjoni tas-segretezza professjonali li hija ekwivalenti għall-protezzjoni prevista fl-Artikolu 83 ta’ dak ir-Regolament. Barra minn hekk, arranġamenti ekwivalenti legali, superviżorji u ta’ infurzar għandhom jiġu applikati b’mod effettiv b’mod ekwu u mingħajr distorsjoni f’dak il-pajjiż terz. Il-valutazzjoni tal-ekwivalenza għalhekk tinkludi verifika dwar jekk l-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar ta’ pajjiż terz jiżgurawx li l-kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP u konklużi minn tal-inqas kontroparti waħda stabbilita f’dak il-pajjiż terz ma jesponux is-swieq finanzjarji fl-Unjoni għal livell ogħla ta’ riskju u konsegwentement ma joħolqux livelli inaċċettabbli ta’ riskju sistemiku fl-Unjoni. |
|
(4) |
Fl-1 ta’ Ottubru 2013, il-Kummissjoni rċeviet il-parir tekniku tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (“ESMA”) dwar l-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar fl-Awstralja (4) inklużi t-tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju operazzjonali applikabbli għall-kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP. Fil-parir tekniku tagħha, l-ESMA kkonkludiet li, peress li Hong Kong kien għadu fil-proċess li jiffinalizza r-reġim regolatorju tiegħu għall-obbligu tal-ikklerjar, kontropartijiet mhux finanzjarji u tekniki ta’ mitigazzjoni tar-riskju għal kuntratti mhux ikklerjati, huwa ma kienx f’pożizzjoni li jwettaq analiżi konklużiva u kompleta u jagħti parir tekniku dwar dawk il-kwistjonijiet. |
|
(5) |
Il-Kummissjoni qieset l-iżviluppi regolatorji li seħħew f’Hong Kong mill-2013 u għamlet analiżi komparattiva tar-rekwiżiti legali, superviżorji u ta’ infurzar applikabbli f’Hong Kong. Hija vvalutat ukoll li l-eżitu ta’ dawk ir-rekwiżiti u l-adegwatezza tagħhom biex jimmitigaw ir-riskji li jirriżultaw minn kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP jistgħu jitqiesu ekwivalenti għall-eżitu tar-rekwiżiti rilevanti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 648/2012. |
|
(6) |
L-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar applikabbli għal “istituzzjonijiet awtorizzati” (“AIs”) (kif definit fit-Taqsima 2(1) tal-Ordinanza Bankarja (“BO”), li jikkonsistu f’banek liċenzjati, banek b’liċenzja ristretta u kumpaniji li jieħdu d-depożiti) f’Hong Kong għal tranżazzjonijiet dwar kuntratti tad-derivattivi kklerjati mhux ċentralment huma stabbiliti fil-modulu tal-Manwal ta’ Politika Superviżorja CR-G-14 intitolat “Tranżazzjonijiet ta’ Derivattivi OTC mhux Ċentralment Klaxjati – Marġni u Standards Oħrajn ta’ Mitigazzjoni tar-Riskju” (“il-Manwal tal-Politika”) tal-Awtorità Monetarja ta’ Hong Kong (“HKMA”), linja gwida statutorja maħruġa taħt it-taqsima 7(3) tal-BO. Skont il-BO, il-funzjoni prinċipali tal-HKMA hija li jippromwovi l-istabbiltà ġenerali u t-tħaddim effettiv tas-sistema bankarja permezz tar-regolamentazzjoni tan-negozju bankarju u n-negozju tat-teħid tad-depożiti, u s-superviżjoni tal-AIs u l-attivitajiet tan-negozju tagħhom. L-għan tal-Manwal tal-Politika huwa li jistabbilixxi standards minimi li l-HKMA tistenna li l-AIs jadottaw fir-rigward tal-marġini u tekniki oħra ta’ mitigazzjoni tar-riskju għal tranżazzjonijiet ta’ derivattivi OTC ikklerjati mhux ċentralment. Il-Manwal ta’ Politika kien ippubblikat għall-ewwel darba fis-27 ta’ Jannar 2017 u imbagħad aġġornat fil-11 ta’ Settembru 2020. Uħud mir-rekwiżiti tiegħu huma soġġetti għal introduzzjoni gradwali f’konformità mal-qafas internazzjonali u allinjati mad-dħul gradwali eżistenti fir-Regolament Delegat (UE) 2016/2251. In-nuqqas ta’ konformità mal-linja gwida statutorja jista’ jiskatta r-reviżjoni tal-kriterji ta’ awtorizzazzjoni stabbiliti fis-Seba’ Skeda tal-BO u bħala tali fir-rigward tal-eżitu tagħha, il-linja gwida statutorja tista’ titqies ekwivalenti għal rekwiżit legali fil-kuntest ta’ din id-deċiżjoni. |
|
(7) |
Il-Manwal tal-Politika japplika għal derivattivi kklerjati mhux ċentralment, bl-eċċezzjoni ta’ forwards u swaps ta’ kambju barrani saldat b’mod fiżiku (“FX”), tranżazzjonijiet FX inkorporati fi swaps bejn il-muniti assoċjati mal-iskambju ta’ kapital, forwards ta’ komoditajiet saldati fiżikament u, sa ma jingħata avviż ieħor, opzjonijiet ta’ stokk uniku kklerjati mhux ċentralment, opzjonijiet ta’ basket tal-ekwità u opzjonijiet tal-indiċi tal-ekwità. Għall-finijiet tal-Manwal tal-Politika, “derivattiv ikklerjat mhux ċentralment” jirreferi għal prodott derivattiv OTC (kif definit fit-Taqsima 1B, Parti 1 tal-Iskeda 1 tal-Ordinanza dwar it-Titoli u l-Futuri (“SFO”)) li mhuwiex ikklerjat permezz ta’ kontroparti ċentrali (kif definit fit-Taqsima 2 (1) tar-Regoli Bankarji (Kapitali)). Jenħtieġ li dik id-definizzjoni ta’ “derivattiv ikklerjat mhux ċentralment” titqies ekwivalenti għal dik tad-derivattivi OTC fir-Regolament (UE) Nru 648/2012. Għaldaqstant jenħtieġ li din id-deċiżjoni tittieħed fir-rigward ta’ arranġamenti li japplikaw għal derivati OTC li huma soġġetti għal marġini taħt il-Manwal tal-Politika. |
|
(8) |
Il-Manwal tal-Politika ġeneralment japplika għal tranżazzjonijiet f’derivattivi kklerjati mhux ċentralment imwettqa bejn l-AIs u l-“entitajiet koperti”. Għall-finijiet tal-Manwal tal-Politika, “entitajiet koperti” tfisser kontropartijiet finanzjarji, kontropartijiet mhux finanzjarji sinifikanti, jew entitajiet oħra ddeżinjati mill-HKMA, iżda jeskludu sovrani, banek ċentrali, entitajiet tas-settur pubbliku, banek multilaterali tal-iżvilupp, u l-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali. Skont il-Manwal tal-Politika, “kontroparti finanzjarja” tirreferi għal kwalunkwe entità għal perjodu ta’ sena mill-1 ta’ Settembru ta’ kull sena sal-31 ta’ Awwissu tas-sena ta’ wara, jekk l-entità nnifisha jew il-grupp li tappartjeni għalih ikollha ammont nozzjonali aggregat medju ta’ derivattivi kklerjati mhux ċentralment li jaqbeż il-HKD 15 biljun, u li tkun involuta b’mod predominanti fi kwalunkwe waħda mill-attivitajiet li ġejjin: servizzi bankarji, negozju tat-titoli, ġestjoni ta’ skemi ta’ fondi għall-irtirar, negozju tal-assigurazzjoni, operazzjoni ta’ rimessa jew servizz ta’ bdil ta’ flus, self, titolizzazzjoni (ħlief fejn u sal-punt li l-entità b’għan speċjali relatata tidħol fi tranżazzjonijiet derivattivi kklerjati mhux ċentralment għall-iskop uniku ta’ ħħeġġjar), ġestjoni tal-portafoll (inkluż il-ġestjoni tal-assi u l-ġestjoni tal-fondi) u attivitajiet li huma anċillari għat-twettiq ta’ dawk l-attivitajiet. Skont il-Manwal tal-Politika, “kontroparti mhux finanzjarja sinifikanti” tirreferi għal kwalunkwe entità għajr kontroparti finanzjarja għal perjodu ta’ sena mill-1 ta’ Settembru ta’ kull sena sal-31 ta’ Awwissu tas-sena ta’ wara, li għandha hija stess, jew il-grupp li tappartjeni għalih, ammont nozzjonali aggregat medju ta’ derivattivi kklerjati mhux ċentralment li jaqbżu HKD 60 biljun. Għaldaqstant id-definizzjoni ta’ “entitajiet koperti” tikkorrispondi b’mod wiesa’ għad-definizzjoni ta’ “kontroparti finanzjarja” fl-Artikolu 2(8) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 filwaqt li teskludi b’mod simili veikoli bi skop speċjali meta t-tranżazzjoni titwettaq għall-iskop uniku ta’ ħħeġġjar. |
|
(9) |
Il-Manwal tal-Politika fih obbligi simili għal dawk previsti fl-Artikolu 11(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u fir-Regolament Delegat (UE) Nru 149/2013. B’mod partikolari, il-Kapitolu 4 tal-Manwal tal-Politika (“Standards ta’ mitigazzjoni tar-riskju”) fih rekwiżiti speċifiċi rigward il-konferma f’waqtha, il-kompressjoni tal-portafoll, ir-rikonċiljazzjoni tal-portafoll, il-valwazzjoni tat-tranżazzjonijiet u r-riżoluzzjoni tat-tilwim applikabbli għal kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP, li jistgħu jitqiesu ekwivalenti għal dawk stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni. |
|
(10) |
Fir-rigward tad-derivattivi kklerjati mhux ċentralment koperti mill-Manwal tal-Politika, l-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar applikabbli għandhom għalhekk jitqiesu ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 11(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 fir-rigward tal-konferma f’waqtha, il-kompressjoni u r-rikonċiljazzjoni tal-portafoll, il-valwazzjoni u r-riżoluzzjoni tat-tilwim applikabbli għal kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP. |
|
(11) |
Skont il-Manwal tal-Politika, il-marġni ta’ varjazzjoni jrid jiġi skambjat u l-marġni inizjali jrid jiġi depożitat u miġbur għat-tranżazzjonijiet derivattivi ġodda kollha kklerjati mhux ċentralment, bl-eċċezzjoni ta’ forwards u swaps tal-FX saldati b’mod fiżiku, tranżazzjonijiet FX inkorporati fi swaps bejn il-muniti assoċjati mal-iskambju ta’ forwards ta’ komoditajiet saldati b’mod fiżiku, u sa ma jingħata avviż ieħor, jenħtieġ li opzjonijiet ta’ stokk uniku kklerjati mhux ċentralment, opzjonijiet ta’ basket tal-ekwità u opzjonijiet tal-indiċi tal-ekwità, bejn AI u entità koperta skont l-introduzzjoni gradwali maqbula internazzjonalment li l-livelli limitu espressi f’HKD jitqiesu ekwivalenti għal-livelli limitu użati fir-Regolament Delegat (UE) 2016/2251. Eżenzjonijiet simili għal forwards u swaps FX saldati b’mod fiżiku u għal opzjonijiet ta’ ekwità ta’ stokk uniku jew opzjonijiet tal-indiċi huma previsti fl-Artikoli 37 u 38 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/2251. Għalhekk, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tkun tapplika biss għal kuntratti tad-derivattivi OTC li huma soġġetti għar-rekwiżiti tal-marġni skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 u l-Manwal tal-Politika. |
|
(12) |
Skont il-Manwal tal-Politika, il-marġni ta’ varjazzjoni għandu jissejjaħ mhux aktar tard minn tmiem il-jum ta’ negozju li jmiss u għandu jinġabar mhux aktar tard minn jumejn ta’ xogħol wara li jkun intalab. In-nota 64 f’qiegħ il-paġna tal-Manwal tal-Politika tiddikjara li jekk il-marġni ta’ varjazzjoni jiġi skambjat inqas minn darba kuljum, jenħtieġ li l-għadd ta’ jiem bejn il-ġbir tal-marġni ta’ varjazzjoni jiżdied mal-orizzont ta’ 10 ijiem użat għall-kalkolu tal-marġni inizjali skont l-approċċ tal-mudell intern. F’każ li l-marġni ta’ varjazzjoni jiġi skambjat bi frekwenza li tvarja bejn il-kalkoli tal-ammonti tal-marġni inizjali, jenħtieġ li l-għadd ta’ jiem li għandhom jiżdiedu mal-perjodu ta’ 10 ijiem ikun l-għadd massimu ta’ jiem bejn il-ġbir tal-marġni ta’ varjazzjoni f’dan il-perjodu. |
|
(13) |
Il-Manwal tal-Politika jipprevedi ammont ta’ trasferiment minimu kkombinat ta’ marġni inizjali u ta’ varjazzjoni ta’ HKD 3,75 miljun, filwaqt li l-Artikolu 25 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/2251 jipprevedi ammont ta’ EUR 500 000. Meta titqies id-differenza marġinali fil-valur ta’ dawk l-ammonti u l-objettiv komuni tal-Manwal tal-Politika u r-Regolament Delegat (UE) 2016/2251, dawk l-ammonti għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti. |
|
(14) |
Jenħtieġ li r-rekwiżiti fil-Manwal tal-Politika għall-kalkolu tal-marġni inizjali jitqiesu ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2016/2251. B’mod simili għall-metodu standardizzat għall-kalkolu tal-marġni inizjali stabbilit fl-Anness IV tar-Regolament Delegat (UE) 2016/2251, il-Manwal tal-Politika jippermetti l-użu ta’ approċċ standardizzat ekwivalenti għal dak stabbilit f’dak l-Anness IV. Alternattivament, mudelli interni jew ta’ partijiet terzi jistgħu jintużaw taħt il-Manwal tal-Politika għall-kalkolu tal-marġni inizjali fejn dawk il-mudelli jkun fihom ċerti parametri speċifiċi ekwivalenti għal dawk stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2016/2251, inklużi intervalli ta’ kunfidenza minimi u perjodi ta’ marġni ta’ riskju u ċerta data storika, inklużi perjodi ta’ stress. L-AIs jeħtieġu approvazzjoni formali mill-HKMA qabel ma jużaw mudell intern jew ta’ parti terza (ħlief għal mudell tal-marġini inizjali standard għall-industrija kollha li l-AIs jistgħu jużaw wara li jinnotifikaw lill-HKMA bl-intenzjoni li jagħmlu dan u l-HKMA twettaq rieżami ta’ wara l-implimentazzjoni tagħha). |
|
(15) |
Ir-rekwiżiti fil-Manwal tal-Politika dwar il-kollateral eliġibbli u dwar kif jinżamm u jiġi ssegregat dak il-kollateral jenħtieġ li jitqiesu ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/2251. Il-Manwal tal-Politika fih lista ekwivalenti ta’ kollateral eliġibbli, u AIs għandu jkollhom fis-seħħ kontrolli xierqa biex jiżguraw li l-kollateral miġbur ma jurix riskju ta’ korrelazzjoni ħażina sinifikanti jew riskju ta’ konċentrazzjoni sinifikanti. Jenħtieġ li l-konċentrazzjoni tiġi vvalutata f’termini ta’ emittent individwali, tip ta’ emittent u tip ta’ assi. Għaldaqstant jenħtieġ li r-regoli tal-marġni għall-kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP li jinsabu fil-Manwal tal-Politika jitqiesu ekwivalenti għal dawk previsti fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. |
|
(16) |
Fir-rigward tal-livell ta’ protezzjoni tas-segretezza uffiċjali, id-Direttur Eżekuttiv tal-HKMA u l-impjegati tal-HKMA għandhom jirrispettaw l-Artikolu 120(1) tal-BO sabiex iżommu u jgħinu sabiex tinżamm is-segretezza fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha relatati mal-affarijiet ta’ kull persuna li tista’ ssir taf bihom fl-eżerċizzju ta’ kwalunkwe funzjoni taħt il-BO. Apparti l-eċċezzjonijiet permessi, huma ma għandhom jikkomunikaw l-ebda kwistjoni bħal din lil persuna oħra (għajr il-persuna li magħha tirrelata din il-kwistjoni) u ma għandhomx jippermettu li persuna oħra jkollha aċċess għal kwalunkwe rekord fil-pussess, kustodja jew kontroll tagħhom. Persuna li tikser waħda minn dawn ir-rekwiżiti hija suġġetta għal multa u priġunerija. Għaldaqstant, it-Taqsima 120 (1) tal-BO tipprevedi s-segretezza uffiċjali, inkluża l-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali kondiviża mill-HKMA (skont il-gateways ta’ divulgazzjoni legali applikabbli) ma’ partijiet terzi, li jenħtieġ li titqies ekwivalenti għal dawk stabbiliti fit-Titolu VIII tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. |
|
(17) |
Fir-rigward tas-superviżjoni u l-infurzar effettivi tal-arranġamenti legali għal tranżazzjonijiet fuq kuntratti tad-derivattivi kklerjati mhux ċentralment f’Hong Kong, l-HKMA għandu r-responsabbiltà primarja għall-monitoraġġ u l-infurzar tal-konformità mal-Manwal ta’ Politika permezz tal-approċċ superviżorju kontinwu tiegħu bbażat fuq ir-riskju għall-AIs. Il-miżuri superviżorji li l-HKMA tista’ tieħu jinkludu r-rekwiżit li l-AI kkonċernata tippreżenta rapport skont it-Taqsima 59 (2) tal-BO biex tidentifika l-kawżi ewlenin ta’ kwalunkwe nuqqas fil-prattiki ta’ marġinazzjoni jew ta’ mitigazzjoni tar-riskju għal rettifika futura, u l-ħruġ ta’ direzzjonijiet skont it-taqsima 52 tal-BO lil AI li jobbligawha ssaħħaħ is-sistemi ta’ kontroll intern tagħha. Barra minn hekk, il-konformità mal-Manwal tal-Politika se tkun riflessa fil-valutazzjoni ta’ proċess ta’ klassifikazzjoni CAMEL u/jew ta’ rieżami superviżorju tal-AI. Nuqqas ta’ konformità sinifikanti mal-Manwal ta’ Politika jista’ jwassal biex l-HKMA twettaq rieżami ta’ jekk l-AI tibqax konformi mal-kriterji ta’ awtorizzazzjoni fis-Seba’ Skeda għall-BO u jekk il-ġestjoni tagħha tibqax kompetenti u xierqa għar-rwol tagħha. Barra minn hekk, għalkemm mhux komunement eżerċitata, l-HKMA għandh s-setgħa li tirrevoka jew tissospendi l-awtorizzazzjoni ta’ AI. Dawn is-setgħat huma ppreveduti fit-Taqsimiet 22(1), 24(1) u 25(1) tal-BO. Jenħtieġ li dawk id-dispożizzjonijiet jitqiesu li jipprevedu l-applikazzjoni effettiva tal-arranġamenti legali, regolatorji u ta’ infurzar rilevanti skont il-Manwal tal-Politika b’mod ekwu u mhux distorsiv u li jiżguraw superviżjoni u infurzar effettivi ekwivalenti għall-arranġamenti superviżorji u ta’ infurzar disponibbli skont il-qafas legali tal-Unjoni. |
|
(18) |
Din id-Deċiżjoni tirrikonoxxi l-ekwivalenza tar-rekwiżiti regolatorji stabbiliti fil-Manwal tal-Politika applikabbli għal kuntratti tad-derivattivi OTC applikabbli fiż-żmien tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-ESMA, se tkompli twettaq monitoraġġ fuq bażi regolari tal-evoluzzjoni tal-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar għal dawn il-kuntratti tad-derivattivi OTC u l-applikazzjoni konsistenti u effettiva tagħhom dwar il-konferma fil-ħin, il-kompressjoni u r-rikonċiljazzjoni tal-portafoll, il-valutazzjoni, is-soluzzjoni tat-tilwim u r-rekwiżiti tal-marġni applikabbli għal kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP fuq il-bażi li fuqha ttieħdet din id-Deċiżjoni. Bħala parti mill-isforzi ta’ monitoraġġ tagħha, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-HKMA biex tipprovdi informazzjoni dwar l-iżviluppi regolatorji u superviżorji. Il-Kummissjoni tista’ twettaq rieżami speċifiku fi kwalunkwe ħin, fejn l-iżviluppi rilevanti jagħmluha neċessarja għall-Kummissjoni li tivvaluta mill-ġdid id-dikjarazzjoni ta’ ekwivalenza mogħtija b’din id-Deċiżjoni. Valutazzjoni mill-ġdid bħal din tista’ twassal għar-revoka ta’ din id-Deċiżjoni, li b’konsegwenza tagħmel lill-kontropartijiet awtomatikament soġġetti mill-ġdid għar-rekwiżiti kollha stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 648/2012. |
|
(19) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Għall-finijiet tal-Artikolu 13(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar ta’ Hong Kong għall-konferma f’waqtha, il-kompressjoni u r-rikonċiljazzjoni tal-portafoll, il-valwazzjoni u r-riżoluzzjoni tat-tilwim li huma applikabbli għal tranżazzjonijiet derivattivi kklerjati mhux ċentralment regolati mill-Awtorità Monetarja ta’ Hong Kong (“HKMA”) għandhom jitqiesu ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 11 ta’ dak ir-Regolament fejn mill-inqas waħda mill-kontropartijiet għal tali tranżazzjoni tkun istituzzjoni awtorizzata kif definit fit-Taqsima 2(1) tal-Ordinanza Bankarja u soġġetta għar-rekwiżiti tal-mitigazzjoni tar-riskju stabbiliti fil-modulu CR-G-14 tal-Manwal ta’ Politika Superviżorja tal-HKMA intitolat “Tranżazzjonijiet ta’ Derivattivi OTC mhux Ċeduti – Marġni u Standards ta’ Mitigazzjoni ta’ Riskju Oħra”.
Artikolu 2
Għall-finijiet tal-Artikolu 13(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar ta’ Hong Kong għall-iskambju ta’ kollateral li huma applikabbli għal tranżazzjonijiet derivattivi kklerjati mhux ċentralment regolati mill-HKMA għandhom jitqiesu ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 11(3) ta’ dak ir-Regolament.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Lulju 2021.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 149/2013 tad-19 ta’ Diċembru 2012 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-arranġamenti tal-ikklerjar indiretti, l-obbligu tal-ikklerjar, ir-reġistru pubbliku, l-aċċess għal ċentru tan-negozjar, kontropartijiet nonfinanzjarji, tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskji għal kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP (ĠU L 52, 23.2.2013, p. 11).
(3) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2251 tal-4 ta’ Ottubru 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet rigward standards tekniċi regolatorji għal tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju għall-kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklirjati minn kontroparti ċentrali (ĠU L 340, 15.12.2016, p. 9).
(4) ESMA/2013/1369, Parir tekniku dwar l-ekwivalenza regolatorju ta’ pajjiż terz taħt EMIR – Hong Kong, Rapport finali, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, l-1 ta’ Ottubru 2013.