RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW dwar l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/117 EURATOM dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjeġġi ta’ skart radjuattiv u ta’ fjuwil użat /* COM/2013/0240 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT
EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW dwar l-implimentazzjoni mill-Istati Membri
tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/117 EURATOM dwar is-superviżjoni u l-kontroll
ta’ vjeġġi ta’ skart radjuattiv u ta’ fjuwil użat WERREJ 1........... Introduzzjoni................................................................................................................... 4 1.1........ Sfond............................................................................................................................. 4 1.2........ Il-qafas legali.................................................................................................................. 5 1.3........ Prinċipji ġenerali għas-superviżjoni
u l-kontroll tal-vjeġġi.................................................. 6 2........... L-implimentazzjoni
tad-disposizzjonijiet ġenerali............................................................... 7 2.1........ It-traspożizzjoni tad-Direttiva.......................................................................................... 7 2.2........ Id-dokument standard
għas-superviżjoni u l-kontroll tal-vjeġġi......................................... 7 2.3........ L-awtoritajiet kompetenti................................................................................................ 7 2.4........ It-trażmissjoni................................................................................................................. 8 2.5........ Il-kumitat konsultattiv...................................................................................................... 8 2.6........ Ir-rapporti regolari.......................................................................................................... 8 3........... Ir-rappurtar mill-Istati Membri........................................................................................ 9 3.1........ Il-vjeġġi.......................................................................................................................... 9 3.2........ L-esportazzjonijiet ’il barra
mill-Komunità..................................................................... 10 4........... Konklużjonijiet............................................................................................................. 10 1. Introduzzjoni Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/117/Euratom[1] tistabbilixxi sistema
Komunitarja ta’ superviżjoni u kontroll ta’ vjeġġi transkonfinali ta’ skart
radjuattiv u ta’ kombustibbli nukleari eżawrit, sabiex tiġi garantita
l-protezzjoni adegwata tal-popolazzjoni. Din id-Direttiva tapplika għal vjeġġi
transkonfinali kull meta l-pajjiż tal-oriġini jew il-pajjiż tad-destinazzjoni
jew kull pajjiż tat-tranżitu jkun Stat Membru tal-Komunità. Din tiżgura li
l-Istati Membri kkonċernati jkunu infurmati dwar vjeġġi ta’ skart radjuattiv u
fjuwil nukleari użat għal jew permezz tat-territorju tagħhom bl-obbligu li
jagħtu l-kunsens tagħhom jew ir-rifjut motivat għall-vjeġġi. Id-Direttiva tipprevedi rappurtar perjodiku
mill-Istati Membri lill-Kummissjoni u mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew,
lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. L-għan ta’ dan
ir-rappurtar huwa biex tingħata ħarsa ġenerali utli tal-awtorizzazzjonijiet
mogħtija fil-Komunità kollha u biex tkun tista' ssir identifikazzjoni ta’
diffikultajiet prattiċi li jiltaqgħu magħhom l-Istati Membri waqt
l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva u s-soluzzjonijiet
applikati. Dan huwa l-ewwel rapport mill-Kummissjoni dwar
l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/117/Euratom. Wara
l-introduzzjoni, dan ir-rapport se jipprovdi: –
Rispons dwar l-implimentazzjoni
tad-dispożizzjonijiet ġenerali (Kapitolu 4) tad-Direttiva; –
Sommarju ġenerali tal-informazzjoni mill-Istati
Membri li rrappurtaw lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva.
Din l-informazzjoni ġiet stabbilita f’konsultazzjoni mal-Istati Membri
individwali. Dettalji dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva mill-Istati Membri
huma ppreżentati fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SWD(2013)150. Il-konklużjoni ta’ dan ir-rapport se tagħti
perspettiva dwar l-isfidi li jeħtieġu iktar attenzjoni u li se jiġu indirizzati
f’kooperazzjoni mill-qrib mal-kumitat konsultattiv u l-Istati Membri. 1.1. Sfond L-Istati Membri kollha tal-UE jipproduċu skart
radjuattiv, iġġenerat minn bosta attivitajiet, bħall-produzzjoni tal-elettriku
f’impjanti tal-enerġija nukleari u applikazzjonijiet radjuisotopiċi
fil-mediċina, l-industrija, l-agrikoltura, ir-riċerka u l-edukazzjoni.
L-operazzjoni tar-reatturi nukleari wkoll tiġġenera fjuwil użat. Fjuwil użat
huwa fjuwil nukleari li ġie rradjat u mneħħi b'mod permanenti mill-qalba ta’
reattur. Meta fjuwil użat jinħatt mill-qalba ta’ reattur, dan jinħażen f’vaski
ddedikati maġenb ir-reattur sabiex il-livelli inizjali tas-sħana u
r-radjazzjoni jkunu jistgħu jonqsu. Mis-sit tar-reattur, il-fjuwil użat jinġarr
bit-triq, bil-ferrovija jew bil-baħar lejn sit ta’ ħażna temporanju jew lejn
impjant ta’ ripproċessar fejn ikun se jiġi ripproċessat. Erbatax-il Stat Membru minn għoxrin għandhom
reatturi tal-enerġija nukleari li qed joperaw, u żewġ Stati Membri oħra
għandhom reatturi tal-enerġija nukleari li qed jiġu dekummissjonati[2]. Il-maġġoranza tal-Istati
Membri għandhom reatturi għar-riċerka. Kull Stat Membru huwa għalkollox responsabbli
għall-għażla tal-politika nazzjonali tiegħu dwar il-ġestjoni tal-iskart
radjoattiv u l-fjuwil użat. Il-fjuwil użat jista’ jitqies bħala riżorsa li
tista’ tintuża u li tista’ tiġi ripproċessata jew ikun intiż għar-rimi jekk
jitqies bħala skart radjuattiv. Il-fjuwil użat għalhekk jeħtieġ attenzjoni
partikolari. Minkejja l-għażla magħmula mill-Istati Membri għall-ġestjoni
tal-iskart radjuattiv u l-fjuwil użat tagħhom, l-operazzjonijiet tat-trasport
ta’ dawk il-materjali huma meħtieġa u jseħħu bejn l-Istati Membri u ’l ġewwa, u
’l barra mill-Komunità. 1.2. Il-qafas
legali L-operazzjonijiet involuti fil-vjeġġi
tal-iskart radjuattiv jew il-fjuwil użat huma soġġetti għal numru ta’ rekwiżiti
skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja[3]
u l-Konvenzjonijiet internazzjonali legalment vinkolanti[4] b’mod partikolari rigward
it-trasport sikur ta’ materjal radjuattiv u l-kundizzjonijiet li taħthom
l-iskart radjuattiv jew il-fjuwil użat jintremew jew jinħażnu fil-pajjiż
tad-destinazzjoni. Il-leġiżlazzjoni Komunitarja għall-protezzjoni
tas-saħħa tal-ħaddiema u tal-pubbliku inġenerali teżiġi li l-vjeġġi ta’ skart
radjuattiv jew ta’ fjuwil użat bejn l-Istati Membri, lejn il-Kommunità u ’l
barra minnha jkunu soġġetti għal sistema obbligatorja u komuni ta’
awtorizzazzjoni minn qabel. Din is-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel
għall-vjeġġi, imwaqqfa fl-1992[5],
tbiddlet b’mod sinifikanti fl-2006 bl-adozzjoni tad-Direttiva dwar
is-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjeġġi ta’ skart radjuattiv u l-fjuwil użat,
minn hawn ’il quddiem “id-Direttiva dwar il-Vjeġġi”[6]. Id-dispożizzjonijiet
tad-Direttiva tal-1992 kellha bżonn tiġi emendata fid-dawl tal-esperjenza; biex
issir klarifikazzjoni u jiżdiedu xi kunċetti u definizzjonijiet, biex jiġu
indirizzati s-sitwazzjonijiet li tħallew barra fil-passat u biex tiġi
ssimplifikata l-proċedura eżistenti għall-vjeġġi ta’ skart radjuattiv bejn
l-Istati Membri. Kienu wkoll meħtieġa xi modifiki sabiex tiġi garantita
l-konsistenza mad-dispożizzjonijiet Komunitarji u internazzjonali oħrajn, u
partikolarment mal-Konvenzjoni Konġunta dwar is-Sikurezza tal-Ġestjoni ta’ Fjuwil
Użat u dwar is-Sikurezza tal-Ġestjoni ta’ Skart Radjuattiv, li l-Komunità
aderixxiet magħhom fit-2 ta’ Jannar 2006. L-obbligi skont id-Direttiva dwar il-Vjeġġi
huma mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jesportaw fjuwil użat
għar-ripproċessar. Xejn fid-Direttiva ma jimplika li Stat Membru
tad-destinazzjoni jrid jaċċetta l-vjeġġi ta’ skart radjoattiv u fjuwil użat
għat-trattament jew id-disponiment aħħari ħlief fil-każ tal-ispedizzjoni lura
(ir-ritorn lejn il-pajjiż tal-oriġini). Kwalunkwe rifjut ta’ tali vjeġġi għandu
jiġi ġġustifikat skont il-kriterji stabbiliti f’din id-Direttiva. Barra minn
hekk, id-Direttiva dwar il-Vjeġġi tipprojbixxi l-esportazzjoni ta’ skart
radjoattiv jew fjuwil użat lejn il-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew jew tal-Paċifiku
(AKP) jew lejn pajjiż terz li ma jkollux ir-riżorsi biex jimmaniġġja l-iskart
radjoattiv jew il-fjuwil użat b’mod sikur. Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/70/Euratom li
ġiet reċentement adottata[7],
minn hawn ’il quddiem “id-Direttiva dwar l-Iskart”, tintroduċi kundizzjonijiet
addizzjonali vinkolanti f’każ ta’ vjeġġi tal-iskart radjuattiv, inkluż
il-fjuwil użat meqjus bħala skart f’każ ta’ rimi. Il-prinċipju ġenerali skont
l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-Iskart jipprevedi li l-iskart
radjuattiv għandu jintrema fl-Istat Membru fejn ikun ġie ġġenerat, sakemm
fil-ħin tal-vjeġġ ikun daħal fis-seħħ ftehim bejn l-Istati Membri kkonċernati u
Stat Membru ieħor jew pajjiż terz biex tintuża faċilità tar-rimi f’wieħed
minnhom. Madankollu tali ftehim huwa wkoll soġġett għall-kriterji stabbiliti
mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva dwar il-Vjeġġi u
d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-Iskart li jeżiġu fost l-oħrajn li tali
faċilità tar-rimi trid tkun diġà titħaddem b’mod sikur fil-ħin tal-vjeġġ. Id-Direttiva tal-Iskart ma taffetwax
il-libertà tal-Istati Membri li jaċċettaw fjuwil użat jew skart
għall-ipproċessar jew ir-ripproċessar minn pajjiżi terzi u li jibagħtuhom lura
lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom. Bl-istess mod, l-Istati Membri jibqgħu ħielsa
biex jibagħtu l-iskart radjoattiv jew il-fjuwil użat tagħhom għall-ipproċessar
jew ir-ripproċessar lejn Stat Membru ieħor jew lejn pajjiż terz. Fiż-żewġ
każijiet, ir-responsabbiltà finali għar-rimi sikur u responsabbli ta’ dawk
il-materjali, inkluż kull skart bħala prodott sekondarju, tibqa’ tal-Istat
Membru jew tal-pajjiż terz li minnu jkun ġie trasportat il-materjal radjuattiv. 1.3. Prinċipji
ġenerali għas-superviżjoni u l-kontroll tal-vjeġġi Detentur[8]
li jippjana li jagħmel vjeġġ intraKomunitarju ta’ skart radjuattiv jew ta’
fjuwil użat jew li jirranġa biex isir tali vjeġġ għandu jippreżenta
applikazzjoni mimlija kif dovut lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru
tal-oriġini. Applikazzjoni waħda tista’ tkopri diversi vjeġġi jekk dawn
ikollhom l-istess karatteristiċi u jekk ir-rotta (il-pajjiżi u l-fruntieri
maqsuma) u l-awtoritajiet kompetenti jkunu l-istess. Meta l-iskart radjoattiv jew il-fjuwil użat
ikunu se jiġu importati fil-Komunità, il-destinatarju għandu jissottometti din
l-applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru
tad-destinazzjoni. Meta vjeġġ isir minn Stat Membru lejn pajjiż terz,
l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru tal-oriġini jridu jikkuntattjaw
lill-awtoritajiet rilevanti fil-pajjiż tad-destinazzjoni. Il-vjeġġ ma jistax isir qabel l-awtoritajiet
kompetenti tal-pajjiż tad-destinazzjoni u ta’ kull pajjiż tat-tranżitu jkunu
nnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż tal-oriġini dwar
l-approvazzjoni tagħhom. Id-Direttiva dwar il-Vejġġi tistipula perjodu ta’ xahrejn
wara li tkun waslet l-applikazzjoni għal notifika ta’ approvazzjoni jew rifjut.
Rifjut minn Stat Membru tad-destinazzjoni jew tat-tranżitu jrid ikun
iġġustifikat fir-rigward tal-leġiżlazzjoni dwar it-trasport u l-ġestjoni ta’
skart radjoattiv jew fjuwil użat jew għal raġunijiet tal-leġiżlazzjoni
nazzjonali, Komunitarja jew internazzjonali rilevanti applikabbli għat-trasport
ta’ materjal radjuattiv. L-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri
tat-tranżitu jew tad-destinazzjoni jistgħu iżidu kundizzjonijiet għall-vjeġġ.
Madankollu, għal vjeġġi fil-Komunità, mhuwiex possibbli li jiġu stabbiliti
kundizzjonijiet li huma aktar stretti minn dawk stabbiliti mil-liġi nazzjonali
ta’ Stat Membru dwar it-trasport tal-iskart radjoattiv fuq it-territorju tiegħu
stess. Fl-aħħar nett, jekk il-kundizzjonijiet li
japplikaw għall-vjeġġi ma jitħarsux jew il-vjeġġ ma jkunx jista’ jitlesta,
l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini għandhom jiżguraw li
l-iskart radjoattiv jew il-fjuwil użat ikkonċernat jittieħed lura mid-detentur
diment li ma jsirx arranġament sikur alternattiv. 2. L-implimentazzjoni
tad-disposizzjonijiet ġenerali 2.1. It-traspożizzjoni
tad-Direttiva Id-Direttiva dwar il-Vjeġġi eżiġiet li
l-Istati Membri riedu jdaħħlu fis-seħħ qabel il-25 ta’ Diċembru 2008
il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa
għall-konformità ma’ din id-Direttiva. Għalkemm ħafna Stati Membri kkonformaw fil-ħin
ma’ din id-data ta’ skadenza, ftit Stati Membri ma ttrasponewx id-Direttiva
fil-ħin u l-Kummissjoni fetħet proċeduri ta’ ksur kontrihom. L-Istati Membri
inkwistjoni mbagħad ikkomunikaw il-miżuri tagħhom biex jittrasponu d-Direttiva,
u l-Kummissjoni setgħet tagħlaq dawn il-kawżi matul it-tieni nofs tal-2009,
bl-eċċezzjoni tal-Greċja, li l-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħha ġew
ikkomunikati f’Settembru 2010. Sa minn tmiem l-2010 it-traspożizzjoni
tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/117/Euratom hija kompluta u tista’ titqies bħala
implimentata fl-Istati Membri kollha tal-UE. 2.2. Id-dokument
standard għas-superviżjoni u l-kontroll tal-vjeġġi Id-Direttiva dwar il-Vjeġġi tipprevedi l-użu
ta’ dokument standard għall-vjeġġi kollha fi ħdan l-ambitu tad-Direttiva.
Deċiżjoni ġdida tal-Kummissjoni li tistabbilixxi d-dokument standard
għas-superviżjoni u l-kontroll tal-vjeġġi ta’ skart radjuattiv u tal-fjuwil
użat ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f’April
2008[9] filwaqt li tqieset l-esperjenza
tal-passat. Għall-vjeġġi ta’ skart radjoattiv u fjuwil
użat (inkluż fjuwil użat destinat għar-rimi finali u għalhekk ikklassifikat
bħala skart) id-dokument standard jipprovdi fl-anness tiegħu il-formoli għal:
l-applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni; il-konferma tar-riċevuta ta’
applikazzjoni; l-awtorizzazzjoni jew ir-rifjut ta’ vjeġġ; id-deskrizzjoni tal-kunsinna/lista
ta’ pakketti kif ukoll konferma tar-riċevuta ta’ vjeġġ. Id-dokument standard
jinkludi wkoll lista tar-rekwiżiti minimi ta’ applikazzjoni mimlija kif
support. Wara inkonsistenza bejn id-Direttiva
tal-Kunsill 2006/117/Euratom u n-noti ta’ spjegazzjoni tad-Deċiżjoni
tal-Kummissjoni C(2008) 793 tal-5 ta’ Marzu 2008 li
tistabbilixxi d-dokument standard għas-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjeġġi ta’
skart radjuattiv u fjuwil użat imsemmi fid-Direttiva tal-Kunsill 2006/117/Euratom
(2008/312/Euratom), ġiet ippubblikata rettifika fil-Ġurnal Uffiċjali[10] biex jiġi mmodifikat il-kliem
skont dan. L-Istati Membri rrappurtaw ukoll xi
diffikultajiet fl-użu tad-dokument standard. Dettalji dwar din l-inkonsistenza
u d-diffikultajiet li nqalgħu huma pprovduti fid-Dokument ta’ Ħidma
tal-Persunal tal-Kummissjoni SWD(2013)150. Dawn id-diffikultajiet se jkunu
segwiti mill-kumitat konsultattiv. 2.3. L-awtoritajiet
kompetenti Awtoritajiet kompetenti huma kwalunkwe
awtorità li, taħt il-liġi jew ir-regolamenti tal-pajjiżi tal-oriġini,
tat-tranżitu jew tad-destinazzjoni, ikollhom is-setgħa li jimplimentaw
is-sistema ta’ superviżjoni u ta’ kontroll ta’ vjeġġi ta’ skart radjuattiv jew
ta’ fjuwil użat; Sabiex tiġi ffaċilitata l-komunikazzjoni mal-Kummissjoni
l-Istati Membri kollha għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni
meħtieġa u d-dettalji tal-kuntatt tal-awtorità jew awtoritajiet kompetenti
tagħhom. Il-lista tal-awtoritajiet kompetenti fl-Istati
Membri tista’ tinstab fil-websajt Europa tal-Kummissjoni Ewropea permezz
tal-link li ġej: http://ec.europa.eu/energy/nuclear/transport/shipment_directive_en.htm. 2.4. It-trażmissjoni Skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar
il-Vjeġġi, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi rakkomandazzjonijiet għal
sistema sigura u effettiva ta’ trażmissjoni tad-dokumenti u l-informazzjoni
relatati mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha wkoll
tistabbilixxi u żżomm aġġornata l-pjattaforma ta’ komunikazzjoni elettronika li
tagħti d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri,
il-lingwi aċċettabbli għall-awtoritajiet kompetenti kif ukoll kull
kundizzjonijiet ġenerali u rekwiżiti addizzjonali, jekk ikun hemm, li huma
meħtieġa għall-awtorizzazzjoni tal-vjeġġi. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal
sistema sigura u effettiva ta’ trażmissjoni tad-dokumenti u l-informazzjoni
ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f’Lulju 2009[11]. Rigward il-pjattaforma elettronika,
il-Kummissjoni stabbilixxiet websajt (ara l-link imsemmija hawn fuq) li fiha
l-informazzjoni rilevanti kollha relatata mad-Direttiva dwar il-Vjeġġi.
Id-dejta mogħtija, fejn xieraq, tiġi aġġornata wara li kull Stat Membru jibgħat
l-informazzjoni lill-Kummissjoni kif previst skont l-Artikolu 18(2)
tad-Direttiva. 2.5. Il-kumitat
konsultattiv Fit-twettiq tal-kompiti stabbiliti mid-Direttiva,
il-Kummissjoni hija megħjuna minn Kumitat ta’ natura konsultattiva magħmul minn
rappreżentanti tal-Istati Membri. L-ewwel laqgħa saret f’Mejju tal-2007
bl-adozzjoni tat-termini ta’ referenza u l-programm ta' ħidma għas-snin ta’
wara tal-kumitat konsultattiv. Il-Kumitat organizza disa’ laqgħat organizzati u
ppreseduti minn rappreżentant tal-Kummissjoni. Il-kumitat konsultattiv ta l-opinjoni tiegħu: –
dwar l-istabbiliment u l-użu tad-dokument standard; –
dwar ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li
tistabbilixxi l-kriterji għall-esportazzjoni ta’ skart radjoattiv u fjuwil użat
lejn pajjiżi terzi; –
dwar ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal
sistema sigura u effettiva ta’ trażmissjoni tad-dokumenti. L-opinjonijiet tal-Kumitat ġew irreġistrati
fil-minuti. L-esperjenza sal-lum turi li l-kumitat
konsultattiv huwa mezz tajjeb u utli li fih ir-rappreżentanti tal-Istati Membri
jkunu jistgħu jaqsmu l-esperjenza tagħhom mal-Kummissjoni u bejniethom. 2.6. Ir-rapporti
regolari L-Istati Membri għandhom l-obbligu li jirrappurtaw
lill-Kummissjoni għall-ewwel darba sal-aħħar tal-2011 u mbagħad kull tliet snin
dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Vjeġġi. Skont ir-rapporti
tal-Istati Membri, il-Kummissjoni stabbiliet l-ewwel rapport fil-qosor
għall-Parlament Ewropew, għall-Kunsill u għall-Kumitat Ekonomiku u Soċjali
Ewropew li jagħti ħarsa ġenerali utli tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija
fil-Komunità u jagħti informazzjoni dwar id-diffikultajiet prattiċi li
jiltaqgħu magħhom l-Istati Membri u s-soluzzjonijiet applikati. Skont l-Artikolu 20 u l-proċeduri
stabbiliti fl-Artikolu 21 tad-Direttiva, il-kumitat konsultattiv ġie
kkonsultat dwar l-abbozz tar-rapport u d-dokument ta’ ħidma assoċjat. L-ebda
kummenti maġġuri ma waslu mingħand il-membri tal-kumitat konsultattiv. Il-kummenti
kienu jikkonċernaw primarjament aġġornamenti ta’ dettalji ta’ kuntatt. Ir-rappurtar għandu jagħti attenzjoni
partikolari lil dawk il-każijiet ta’ vjeġġi lura relatati ma’ vjeġġi mhux
awtorizzati u skart radjuattiv mhux iddikjarat (l-Artikolu 4 tad-Direttiva).
Fil-kuntest ta’ dan l-ewwel rapport, il-Kummissjoni ma kinitx infurmata dwar
vjeġġi li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4. 3. Ir-rappurtar
mill-Istati Membri Sabiex tissimplifika l-proċess tar-rappurtar
il-Kummissjoni pprovdiet lill-Istati Membri mudell għar-rappurtar f’żewġ
partijiet: l-ewwel parti dwar l-informazzjoni tal-implimentazzjoni
tad-Direttiva, it-tieni parti dwar l-informazzjoni tal-vjeġġi. L-Istati Membri
kollha rrappurtaw lill-Kummissjoni. L-informazzjoni pprovduta ġiet analizzata
mill-Kummissjoni u, fejn meħtieġ, xi kwistjonijiet li kienu jeħtieġu aktar
kjarifika ġew indirizzat b’mod bilaterali mal-Istati Membri kkonċernati.
L-elementi ewlenin tar-rapporti tal-Istati Membri huma miġbura fil-qosor f’dan
ir-rapport. Aktar dettalji jinstabu fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal
tal-Kummissjoni mehmuż. B’mod ġenerali, l-ebda problemi maġġuri
fl-implimentazzjoni tad-Direttiva ma ġew irrappurtati mill-Istati Membri.
Madankollu, xi Stati Membri rrappurtaw tħassib partikolari dwar dawn iż-żewġ
kwistjonijiet: –
Minħabba li ma hemm l-ebda armonizzazzjoni
tal-livelli ta’ awtorizzazzjoni għall-iskart radjuattiv fl-UE, hemm
il-possibbiltà li materjali li jkunu jinkludu sustanzi radjuattivi jiġu
rilaxxati f’xi Stat Membru iżda li xorta jkunu jistgħu jitqiesu bħala skart
radjuattiv fi Stat Membru ieħor. –
Vjeġġi transkonfinali ta’ ċertu skart li fih
materjali radjuattivi li jokkorru b’mod naturali (skart NORM[12]) u li ma jirriżultawx minn
prattiki awtorizzati kif iddefiniti bħalissa taħt l-Istandards Bażiċi ta’
Sigurtà. Dawn it-tipi ta’ skart huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’
din id-Direttiva iżda wkoll mid-Direttiva[13]
dwar l-immaniġġar tal-iskart mill-industriji ta’ estrazzjoni. Iż-żewġ kwistjonijiet se jkomplu jiġu
investigati u indirizzati fi ħdan il-kumitat konsultattiv. 3.1. Il-vjeġġi Id-Direttiva dwar il-Vjeġġi teżiġi li vjeġġi
ta’ skart radjuattiv u fjuwil nukleari użat bejn l-Istati Membri jsiru biss
bil-kunsens infurmat minn qabel tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri
kollha involuti. Mis-27 Stat Membru, 14-il Stat Membru
awtorizzaw vjeġġi fl-ambitu tad-Direttiva. In-numru ta’ awtorizzazzjonijiet
huwa relattivament żgħir. Fil-perjodu kopert mir-rapport preżenti
tal-2008-2011, l-Istati Membri rrappurtaw li ngħataw 161 awtorizzazzjoni[14] fil-kamp ta’ applikazzjoni
tad-Direttiva. 74% tal-awtorizzazzjonijiet huma relatati ma’ vjeġġi tal-iskart,
u s-26% l-oħra huma vjeġġi ta’ fjuwil nukleari użat. Il-biċċa l-kbira tal-vjeġġi huma vjeġġi bejn
l-Istati Membri. Informazzjoni dettaljata tingħata fid-Dokument ta’ Ħidma
tal-Persunal tal-Kummissjoni. 3.2. L-esportazzjonijiet
’il barra mill-Komunità Mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ kull Stat
Membru li jiddefinixxi l-politika taċ-ċiklu tal-fjuwil użat tiegħu stess, u kif
diġà msemmi, id-Direttiva dwar il-Vjeġġi ma għandhiex taffettwa d-dritt ta’
Stat Membru li jesporta fjuwil użat għar-ripproċessar, filwaqt li jitqiesu
l-prinċipji tas-suq komuni nukleari, b’mod partikolari l-moviment liberu
tal-oġġetti fl-UE. Madankollu l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva jindika b’mod
ċar taħt liema kundizzjonijiet vjeġġi ta’ esportazzjoni huma pprojbiti.
Partikolarment importanti huwa l-fatt li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati
Membri ma għandhomx jawtorizzaw vjeġġi lejn pajjiż terz li ma jkollux il-kapaċità
amministrattiva u teknika u l-istruttura regolatorja biex jimmaniġġja l-iskart
radjoattiv jew il-fjuwil użat b’mod sigur, kif iddikjarat ukoll fil-Konvenzjoni
Konġunta. Hawnhekk, u bl-involviment tal-kumitat
konsultattiv skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21, il-Kummissjoni
stabbilixxiet kriterji skont l-Artikolu 16.2, filwaqt li jitqiesu, inter
alia, l-istandards rilevanti tas-sikurezza tal-Aġenzija Internazzjonali
tal-Enerġija Atomika (IAEA), li jiffaċilitaw lill-Istati Membri fl-evalwazzjoni
tagħhom dwar jekk ir-rekwiżiti għall-esportazzjonijiet ikunux ġew issodisfati.
Dawk il-kriterji ġew ippubblikati bħala Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni f’Il-Ġurnal
Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f’Diċembru 2008[15]. In-numru ta’ awtorizzazzjonijiet kif irrappurtati
mill-Istati Membri għal esportazzjoni lejn pajjiżi terzi għadu pjuttost baxx
(17% tal-ammont totali ta’ awtorizzazzjonijiet irrapportati). 9 Stati Membri
rrapportaw b'kollox 28 awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni barra l-UE lejn
ir-Russja, iċ-Ċina, l-Isvizzera, il-Ġappun u l-Istati Uniti. 16 minn dawk
l-awtorizzazzjonijiet kienu jikkonċernaw il-vjeġġi ta’ fjuwil użat
għar-ripproċessar (6 awtorizzazzjonijiet għal fjuwil użat mill-impjanti
tal-enerġija nukleari) jew ir-ripproċessar u l-ħażna (10 awtorizzazzjonijiet
għal fjuwil użat minn reatturi ta’ riċerka). It-12-il awtorizzazzjoni l-oħra
kienu għal skart radjuattiv li kien qed jintbagħat lura lejn il-pajjiż
tal-oriġini (jiġifieri skart radjuattiv li jirriżulta mit-trattament ta’
materjal kontaminat f’wieħed mill-Istati Membri). L-Istati Membri rrappurtaw li l-vjeġġi u
l-esportazzjonijiet huma ssorveljati u kkontrollati skont il-proċeduri u
d-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva dwar il-Vjeġġi. Madankollu,
bl-informazzjoni mogħtija, il-Kummissjoni mhix f’pożizzjoni li tivverifika jekk
il-kriterji kollha tal-esportazzjoni skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni
kinux issodisfati għalkollox; partikolarment jekk il-faċilitajiet tal-fjuwil
użat fil-pajjiżi terzi humiex effettivament sottomessi għal ftehim ta’
salvagwardji tal-IAEA, b’konnessjoni mal-iffirmar u r-rattifika tat-Trattat
dwar in-Nonproliferazzjoni, u protokolli relatati addizzjonali jew jekk
ir-rekwiżiti għal livell għoli ta’ sikurezza, humiex issodisfati kif teżiġi
d-Direttiva dwar l-Iskart. Fir-rappurtar mill-Istati Membri,
il-Kummissjoni tinnota wkoll konsistenza u komplimentarità ġenerali
mar-Rapporti Nazzjonali skont il-Konvenzjoni Konġunta dwar is-Sikurezza
tal-Ġestjoni ta’ Fjuwil Użat u dwar is-Sikurezza tal-Ġestjoni ta’ Skart Radjuattiv
peress li dawk ir-rapporti jiddeskrivu prinċipalment il-qafas legali u
r-responsabbiltajiet. 4. Konklużjonijiet Id-Direttiva dwar il-Vjeġġi ġiet trasposta
b’suċċess fl-Istati Membri kollha tal-UE. Id-dispożizzjonijiet ġenerali skont
id-Direttiva ġew implimentati permezz tal-adozzjoni u l-pubblikazzjoni
tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni u r-Rakkomandazzjonijiet rilevanti u l-ħolqien
tal-Kumitat Konsultattiv. Wara li evalwat l-informazzjoni li taw
l-Istati Membri fl-ewwel eżerċizzju ta’ rappurtar tagħhom, il-Kummissjoni tinnota
li d-Direttiva hija issa implimentata għalkollox sabiex tiggarantixxi
l-protezzjoni adegwata tal-popolazzjoni. Din tipprovdi qafas strutturat tajjeb
u operattiv għas-superviżjoni u l-kontroll tal-vjeġġi fl-Istati Membri kollha,
filwaqt li tiżgura li l-vjeġġi transkonfinali ta’ skart radjuattiv u fjuwil
nukleari użat isiru biss bil-kunsens infurmat minn qabel tal-awtoritajiet
kompetenti tal-Istati Membri kollha involuti. L-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar
il-Vjeġġi ma ħolqitx problemi maġġuri. Il-kwistjoni tal-iskart NORM u l-livelli
ta’ awtorizzazzjoni fil-kuntest tal-vjeġġi ta’ skart radjoattiv ġiet
identifikata u se tkompli tiġi segwita mill-kumitat konsultattiv stabbilit
skont din id-Direttiva. Fir-rigward ta’ vjeġġi ta’ skart radjuattiv u
ta’ fjuwil użat, il-Kummissjoni tinnota li d-dispożizzjonijiet nazzjonali
eżistenti, notevolment dawk li jimplimentaw id-Direttiva li tistabbilixxi
standards bażiċi ta’ sigurtà għall-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema u l-pubbliku
ġenerali mill-perikli li ġejjin minn radjazzjoni jonizzanti jippermettu
lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biex jissorveljaw il-movimenti ta’ dawn
il-vjeġġi fit-territorju tagħhom. Dan ir-rapport jagħti l-ewwel ħarsa ġenerali
fil-qosor tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija fil-Komunità skont id-Direttiva dwar
il-Vjeġġi. In-numru ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ vjeġġi huwa relattivament żgħir
u hemm stampa ċara dwar l-esportazzjonijiet barra l-UE. Għalkemm il-kriterji
tal-esportazzjoni tal-Kummissjoni huma ppubblikati biss bħala Rakkomandazzjoni
b’ebda karattru legalment vinkolanti, l-allinjament tal-prattiki tal-Istati
Membri mal-kriterji kollha se jibqa’ kwistjoni li se tkompli tiġi indirizzata
wkoll f’kooperazzjoni mill-qrib mal-kumitat konsultattiv. Fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar
l-Iskart, l-Istati Membri huma mitluba jieħdu deċiżjonijiet konkreti
għall-ġestjoni sikura tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv tagħhom. Dan żgur
se jħalli wkoll impatt fuq il-vjeġġi fi ħdan, lejn u barra l-UE. Rappurtar
fil-futur imbagħad se jagħti informazzjoni dwar l-evoluzzjoni tal-vjeġġi
tal-iskart radjuattiv u l-fjuwil nukleari użat. Fl-aħħar nett, l-ebda inċidenti li jwasslu
għar-rilaxx ta’ sustanzi radjuattivi fl-ambjent u li jinvolvu movimenti
nazzjonali jew transkonfinali ta’ skart radjoattiv jew fjuwil użat ma kienu
rrapurtati għat-tliet snin koperti minn dan ir-rapport. [1] ĠU L 337, 5.12.2006, p. 21. [2] L-14-il Stat Membru li għandhom reatturi tal-enerġija
nukleari li qed joperaw huma l-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka,
il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju Unit,
ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Isvezja u l-Ungerija; l-Italja u l-Litwanja biss għandhom reatturi
tal-enerġija nukleari li qed jiġu ddekummissjonati. [3] B’mod partikolari, id-Direttiva tal-Kunsill
tat-13 ta’ Mejju 1996 li tistabbilixxi standards bażiċi ta’
sigurtà għall-protezzjoni tas-saħħa tal-pubbliku in ġenerali u tal-ħaddiema
kontra l-perikli ta’ radjazzjoni jonizzanti. ĠU L 159, 29.6.1996,
p. 1. [4] B’mod partikolari l-Konvenzjoni Konġunta tal-IAEA dwar
is-Sikurezza tal-Ġestjoni tal-Fjuwil Użat u dwar is-Sikurezza tal-Ġestjoni
tal-Iskart Radjuattiv. [5] Id-Direttiva tal-Kunsill 92/3/Euratom
tat-3 ta’ Frar 1992; ĠU L 35, 12.2.1992, p. 24. [6] Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/117/ EURATOM
tal-20 ta’ Novembru 2006 dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’
vjeġġi ta’ skart radjuattiv u ta’ kombustibbli nukleari eżawrit. [7] Id-Direttiva tal-Kunsill
2011/70/Euratom tad-19 ta’ Lulju 2011 li tistabbilixxi qafas
Komunitarju għall-ġestjoni responsabbli u sikura ta’ fjuwil użat u skart
radjuattiv. ĠU L 199, 2.8.2011,
p. 48. [8] Detentur tfisser kull persuna
fiżika jew ġuridika li, qabel ma twettaq vjeġġ ta’ skart radjuattiv jew ta’
fjuwil użat tkun responsabbli taħt il-liġi nazzjonali applikabbli għal tali
materjali u li tippjana li twettaq vjeġġ lil desrinatarju; [9] ĠU L 107, 17.4.2008,
p. 32. [10] ĠUUE L 343,
23 ta’ Diċembru 2011, pp. 149. [11] ĠU L 177, 8.7.2009, p. 5. [12] Materjali Radjuattivi li Jokkorru b’mod Naturali
(Naturally Occurring Radioactive Materials - NORM) [13] Id-Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006. [14] Għandu jkun innutat li xi awtorizzazzjonijiet jingħataw
għal diversi vjeġġi li għandhom isiru fuq perjodu ta’ żmien li jista’ jaqbeż
il-perjodu kurrenti tar-rappurtar. [15] ĠU L 338, 17.12.2008, p. 69.