|
19.9.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 241/7 |
DEĊIŻJONI DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1612
tas-16 ta’ Frar 2022
li tispeċifika l-kontenut u l-format tal-lista predeterminata ta’ għażliet li għandhom jintużaw biex tintalab informazzjoni jew dokumentazzjoni addizzjonali skont l-Artikolu 27(3) tar-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Settembru 2018 li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226 (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 27(3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2018/1240 jistabbilixxi s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (“ETIAS”) għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi eżentati mir-rekwiżit li jkunu fil-pussess ta’ viża għall-finijiet tad-dħul u s-soġġorn fit-territorju tal-Istati Membri. |
|
(2) |
Sabiex l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli tiddeċiedi dwar applikazzjonijiet li jiskattaw hits, jew għall-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz biħsiebu jivvjaġġa lejha biex tiddeċiedi dwar applikazzjonijiet għal validità territorjali limitata, jenħtieġ li l-informazzjoni pprovduta fil-formoli ta’ applikazzjoni tkun kompluta u preċiża. Jekk l-informazzjoni titqies insuffiċjenti biex l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tkun tista’ tiddeċiedi, jenħtieġ li tkun tista’ titlob aktar informazzjoni jew dokumentazzjoni meħtieġa mill-applikanti billi tuża lista ta’ għażliet. |
|
(3) |
Huwa meħtieġ li tiġi stabbilita lista predeterminata ta’ għażliet disponibbli għall-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS meta tintalab informazzjoni jew dokumentazzjoni addizzjonali mingħand l-applikanti f’konformità mal-Artikolu 27(3) jew l-Artikolu 44(3) tar-Regolament (UE) 2018/1240. Jenħtieġ li l-lista tkun ġenerika, telenka l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni li jistgħu jintalbu, filwaqt li tippermetti wkoll lill-applikanti jissottomettu informazzjoni jew dokumentazzjoni li huma stess iqisu meħtieġa. |
|
(4) |
Jenħtieġ li l-applikanti jkollhom indikazzjonijiet ċari tal-informazzjoni jew tad-dokumentazzjoni li qed jintalbu jipprovdu. Għalhekk, jenħtieġ li l-implimentazzjoni teknika tal-lista predeterminata ta’ għażliet tippermetti lill-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS jinkludu deskrizzjoni għall-opzjoni(jiet) magħżula. Jenħtieġ li l-implimentazzjoni teknika tal-lista predeterminata ta’ għażliet tindika wkoll, b’mod awtomatiku, lill-applikanti l-possibbiltà li jippreżentaw kwalunkwe informazzjoni jew dokumentazzjoni li huma jqisu meħtieġa fir-rigward tal-applikazzjoni tagħhom. |
|
(5) |
Jenħtieġ li l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni ppreżentati mill-applikanti fl-iskadenzi legali jippermettu lill-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tal-Istat Membru responsabbli biex tiddeċiedi dwar l-applikazzjonijiet. Madankollu, in-nuqqas ta’ għoti ta’ informazzjoni jew dokumentazzjoni addizzjonali mitluba ma għandux iwassal biex l-applikazzjonijiet għall-ivvjaġġar jiġu miċħuda awtomatikament. |
|
(6) |
Jenħtieġ ukoll li jiġu stabbiliti regoli adegwati għall-protezzjoni tad-data personali tal-applikanti u għas-salvagwardja tal-aċċess għal tali data mill-awtoritajiet awtorizzati, skont ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). |
|
(7) |
Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). |
|
(8) |
Billi r-Regolament (UE) 2018/1240 jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka nnotifikat l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1240 fid-dritt nazzjonali tagħha. Id-Danimarka għaldaqstant hija marbuta b’din id-Deċiżjoni. |
|
(9) |
Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fihom (4); għalhekk l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. |
|
(10) |
Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż bejn il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis (5) ta’ Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt A, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (6). |
|
(11) |
Fir-rigward tal-Iżvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (7), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fil-punt A tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (8). |
|
(12) |
Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis (9) ta’ Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt A tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (10). |
|
(13) |
Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen jew li b’xi mod ieħor huwa relatat miegħu fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, tal-Artikolu 4(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2005 u tal-Artikolu 4(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2011 rispettivament. |
|
(14) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) u ta l-opinjoni tiegħu fil-21 ta’ Ġunju 2021, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Suġġett
Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-kontenut u l-format tal-lista predeterminata ta’ għażliet li għandhom jintużaw mill-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS biex jitolbu informazzjoni jew dokumentazzjoni addizzjonali skont l-Artikolu 27(3) u l-Artikolu 44(3) tar-Regolament (UE) 2018/1240.
Artikolu 2
Kontenut tal-lista predeterminata ta’ għażliet biex tintalab informazzjoni jew dokumentazzjoni addizzjonali
1. Il-kontenut tal-lista predeterminata ta’ għażliet li għandhom jintużaw mill-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS biex tintalab informazzjoni jew dokumentazzjoni addizzjonali huwa stabbilit fl-Anness.
2. L-eu-LISA għandha, bħala parti mill-iżvilupp tekniku tas-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS, tinkludi l-possibbiltà li l-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS iżidu deskrizzjoni mal-opzjoni(jiet) magħżula skont il-paragrafu 1.
3. Il-kontenut tal-lista predeterminata ta’ għażliet għat-talba ta’ informazzjoni jew dokumentazzjoni addizzjonali għandu jindika lill-applikanti l-possibbiltà li jippreżentaw kwalunkwe informazzjoni jew dokumentazzjoni li huma jqisu meħtieġa fir-rigward tal-applikazzjoni tagħhom wara talba għal informazzjoni jew dokumentazzjoni addizzjonali.
Artikolu 3
Format tal-lista predeterminata ta’ għażliet biex tintalab informazzjoni jew dokumentazzjoni addizzjonali
Il-format tal-lista predeterminata ta’ għażliet li għandhom jintużaw mill-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS biex tintalab informazzjoni jew dokumentazzjoni addizzjonali għandu jkun lista li tippermetti li tintagħżel jew jintgħażlu entità waħda jew aktar entitajiet.
Artikolu 4
Data li għandha tiġi pprovduta lill-applikanti flimkien mat-talba għal informazzjoni jew dokumentazzjoni addizzjonali relatata ma’ permanenzi b’awtorizzazzjoni skaduta rrappurtati fis-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ
1. Jekk l-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS jitolbu informazzjoni addizzjonali mingħand l-applikanti biex jispjegaw is-soġġorn(i) preċedenti tagħhom fit-territorju tal-Istat(i) Membru/i, huma għandhom jirrendu d-data msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) disponibbli għall-applikanti permezz tas-servizz ta’ kont sigur stabbilit bl-Artikolu 6(2), il-punt (g), tar-Regolament (UE) 2018/1240.
2. Għall-fini tal-paragrafu 1, il-persunal debitament awtorizzat tal-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS għandu jkollu aċċess dirett għad-data msemmija f’dak il-paragrafu u jkun jista’ jikkonsultaha, f’format li jinqara biss fis-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ. Id-data kkonsultata ma għandhiex tiġi rreġistrata fil-fajl tal-applikazzjoni.
3. Id-data mis-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ għandha tkun disponibbli biss matul il-perjodu meta l-applikanti jkunu jistgħu jissottomettu informazzjoni jew dokumentazzjoni addizzjonali skont l-Artikolu 27(3) tar-Regolament (UE) 2018/1240.
4. Wara li l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS tkun ħadet id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni, id-data mis-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ għandha titħassar mis-servizz ta’ kont sigur.
Artikolu 5
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Frar 2022.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 236, 19.9.2018, p. 1.
(2) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(3) Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).
(4) Din id-Deċiżjoni taqa’ barra mill-ambitu tal-miżuri previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).
(5) ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.
(6) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).
(7) ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.
(8) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).
(9) ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.
(10) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).
(11) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(12) Ir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2017 li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi rreġistrata data dwar id-dħul u l-ħruġ u data dwar iċ-ċaħda tad-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u li jiddetermina l-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 327, 9.12.2017, p. 20).
ANNESS
imsemmi fl-Artikolu 2
Il-kontenut tal-lista predeterminata ta’ għażliet biex tintalab informazzjoni jew dokumentazzjoni addizzjonali mingħand l-applikanti:
|
(1) |
dokument(i) tal-ivvjaġġar tal-applikant (possibbiltà li jitlob id-dokument sħiħ jew il-paġna bijografika tiegħu; paġna/i b’viża(i) maħruġa, irrifjutata(i), revokata(i) jew annullata(i); paġni bit-timbri tad-dħul/ħruġ; il-possibbiltà li jintalbu dokumenti tal-ivvjaġġar u dokumenti tal-ivvjaġġar preċedenti marbuta ma’ nazzjonalità oħra); |
|
(2) |
prova ta’ telf jew serq tad-dokument tal-ivvjaġġar; |
|
(3) |
dokument tal-ivvjaġġar tal-kustodju legali tal-applikant, jekk ikun hemm (possibbiltà li jintalab id-dokument sħiħ jew il-paġna bijografika tiegħu); |
|
(4) |
dokument(i) li jagħtu prova tal-identità tal-applikant, għajr id-dokument tal-ivvjaġġar (eż. il-liċenzja tas-sewwieq, iċ-ċertifikat tat-twelid); |
|
(5) |
dokument(i) ta’ residenza permanenti tal-applikant jew dokument(i) li jattesta(w) iċ-ċittadinanza; |
|
(6) |
raġuni(jiet) għaliex ma pprovdewx indirizz tad-dar fil-formola tal-applikazzjoni; |
|
(7) |
dokumenti li jiċċertifikaw ir-residenza tal-applikant fl-indirizz iddikjarat; |
|
(8) |
dokumenti li jiċċertifikaw ir-reġistrazzjoni uffiċjali ta’ ditta jew organizzazzjoni (meta l-applikazzjoni tkun ġiet imressqa minn parti terza f’isem applikant); |
|
(9) |
dokument(i) li fih(om) l-indirizz postali fejn l-applikant jista’ jintlaħaq (eż. karta tal-identità, karta ta’ residenza jew liċenzja tas-sewwieq); |
|
(10) |
dokument(i) dwar il-validità jew il-kanċellazzjoni ta’ ċaħda ta’ dħul u ta’ soġġorn tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen maħruġa lill-applikant; |
|
(11) |
prova ta’ mezzi suffiċjenti ta’ sussistenza għat-tul tas-soġġorn previst mill-applikant; |
|
(12) |
prova ta’ akkomodazzjoni għat-tul tas-soġġorn previst u l-informazzjoni ta’ kuntatt tal-ospitant; |
|
(13) |
stedina(iet) ġudizzjarji, ordni/sentenza(i) tal-qorti, ċertifikat(i) tal-pulizija; |
|
(14) |
ittri/posta elettronika skambjati ma’ Stat Membru jew amministrazzjoni(jiet) ta’ pajjiż terz; |
|
(15) |
dokumentazzjoni relatata mal-kundanna(i) iddikjarata(i); |
|
(16) |
estratt(i) mir-reġistru(i) kriminali nazzjonali rilevanti; |
|
(17) |
dokumentazzjoni relatata mat-talba(iet) tal-impjegaturi jew tal-organizzazzjonijiet biex jivvjaġġaw jew ikunu preżenti f’pajjiż partikolari jew f’kunflitt jew żona ta’ gwerra partikolari fil-perjodu ta’ żmien partikolari; |
|
(18) |
dokumentazzjoni relatata ma’ ordnijiet iddikjarati ta’ tluq mit-territorju jew ma’ deċiżjonijiet ta’ ritorn iddikjarati; |
|
(19) |
prova ta’ żball/żbalji amministrattiv(i); |
|
(20) |
fattura(i) tal-isptar jew dokumenti oħra li jagħtu prova ta’ soġġorn fi sptar; |
|
(21) |
biljett(i) tar-ritorn għas-soġġorn li jmiss, inkluża l-prova tal-ħlas; |
|
(22) |
prova ta’ rabtiet familjari fl-Istati Membri; |
|
(23) |
prova ta’ żjara lill-familja, inkluż l-isem/ismijiet, il-kunjom(ijiet) u r-residenza tal-membru/i tal-familja; |
|
(24) |
prova ta’ żjara lill-ħbieb, inkluż l-isem/ismijiet, il-kunjom(ijiet) u r-residenza tal-ħabib/ħbieb; |
|
(25) |
biljetti (avvenimenti, wirjiet, kunċerti); |
|
(26) |
kuntratt(i)/ftehim(iet) tax-xogħol jew komparabbli; |
|
(27) |
biljetti tal-imbarkazzjoni; |
|
(28) |
ċertifikat(i) tas-saħħa; |
|
(29) |
ċertifikat(i) tat-tilqim; |
|
(30) |
dokumenti li jagħtu prova tal-okkupazzjoni attwali tal-applikant (għall-applikanti li indikaw “impjegati” fil-formola tal-applikazzjoni tagħhom kif stabbilit fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni dwar il-lista predeterminata ta’ gruppi ta’ impjiegi użata fil-formola tal-applikazzjoni); |
|
(31) |
dokumenti mal-impjegatur tal-applikant u fejn applikabbli, informazzjoni ta’ kuntatt u referenzi mill-impjegatur (għall-applikanti li indikaw “impjegati” fil-formola tal-applikazzjoni tagħhom kif stabbilit fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni dwar il-lista predeterminata ta’ gruppi ta’ impjiegi użata fil-formola tal-applikazzjoni); |
|
(32) |
l-isem tal-istabbiliment edukattiv (għall-applikanti li indikaw “student” fil-formola tal-applikazzjoni tagħhom kif stabbilit fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni dwar il-lista predeterminata ta’ gruppi ta’ impjiegi użata fil-formola tal-applikazzjoni); |
|
(33) |
attestazzjoni tar-reġistrazzjoni mal-istabbiliment edukattiv (għall-applikanti li indikaw “student” fil-formola tal-applikazzjoni tagħhom kif stabbilit fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni dwar il-lista predeterminata ta’ gruppi ta’ impjiegi użata fil-formola tal-applikazzjoni); |
|
(34) |
ċertifikati/diplomi (għall-applikanti li indikaw “studenti” fil-formola tal-applikazzjoni tagħhom kif stabbilit fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni dwar il-lista predeterminata ta’ gruppi ta’ impjiegi użata fil-formola tal-applikazzjoni); |
|
(35) |
prova ta’ ħlas ta’ tariffi għat-tagħlim (għall-applikanti li indikaw “student” fil-formola tal-applikazzjoni tagħhom kif stabbilit fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni dwar il-lista predeterminata ta’ gruppi ta’ impjiegi użata fil-formola tal-applikazzjoni); |
|
(36) |
talba għal informazzjoni addizzjonali biex jiġi spjegat is-soġġorn(i) eċċessiv(i) fit-territorju tal-Istat(i) Membru/i, inkluż l-iskop tal-vjaġġ meta ikun seħħ is-soġġorn eċċessiv, ir-raġunijiet għas-soġġorn eċċessiv, l-indirizz(i) eżatt(i) matul is-soġġorn(i) eċċessiv(i) u n-numru tat-telefon relatat(i) mal-indirizz(i) ta’soġġorn matul is-soġġorn(i) eċċessiv(i); |
|
(37) |
talba għal informazzjoni addizzjonali li tispjega r-rifjut(i) fil-passat ta’ viża; |
|
(38) |
talba għal informazzjoni addizzjonali li tispjega r-rifjut(i) fil-passat ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar; |
|
(39) |
talba għal informazzjoni addizzjonali li tispjega r-revoka(i) fil-passat tal-viża; |
|
(40) |
talba għal informazzjoni addizzjonali li tispjega r-revoka(i) fil-passat ta’ awtorizzazzjonijiet għall-ivvjaġġar; |
|
(41) |
talba għal informazzjoni addizzjonali li tispjega l-annullament(i) passati ta’ viża; |
|
(42) |
talba għal informazzjoni addizzjonali li tispjega l-annullament(i) passati ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar; |
|
(43) |
talba għal informazzjoni jew dokumentazzjoni addizzjonali li tispjega t-talba għal awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar b’validità territorjali limitata abbażi ta’ raġunijiet umanitarji; |
|
(44) |
talba għal informazzjoni jew dokumentazzjoni addizzjonali li tispjega t-talba għal awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar b’validità territorjali limitata abbażi ta’ obbligi internazzjonali. |