European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2588

3.10.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/2588

tal-10 ta’ Settembru 2024

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Guinea-Bissau (2024–2029)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Guinea-Bissau (1) (“il-Ftehim”), approvat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 241/2008 (2), daħal fis-seħħ fil-15 ta’ April 2008. Il-Protokoll tiegħu, li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim, skada fl-14 ta’ Ġunju 2024.

(2)

Fl-14 ta’ Frar 2024, il-Kunsill adotta Deċiżjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mal-Guinea-Bissau għall-konklużjoni ta’ Protokoll ġdid għall-implimentazzjoni tal-Ftehim.

(3)

Il-Kummissjoni nnegozjat, f’isem l-Unjoni, Protokoll ġdid li jimplimenta l-Ftehim. Wara dawk in-negozjati, il-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Guinea-Bissau (2024-2029) (“il-Protokoll”) ġie inizjalat fis-16 ta’ Mejju 2024.

(4)

L-objettivi tal-Protokoll huma li l-bastimenti tal-Unjoni jkunu jistgħu jistadu fiż-żona tas-sajd tal-Guinea-Bissau u li l-Unjoni u l-Guinea-Bissau jkunu jistgħu jaħdmu flimkien mill-qrib biex jippromwovu ulterjorment l-iżvilupp ta’ politika tas-sajd sostenibbli u l-isfruttament responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tas-sajd tal-Guinea-Bissau. Dik il-kooperazzjoni ser tikkontribwixxi wkoll għal kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti fis-settur tas-sajd.

(5)

Jenħtieġ li l-Protokoll jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

(6)

Jenħtieġ li l-Protokoll japplika malajr kemm jista’ jkun minħabba l-importanza ekonomika tal-attività tas-sajd tal-Unjoni fiż-żona tas-sajd tal-Guinea-Bissau u l-ħtieġa li jiġi limitat, kemm jista’ jkun, il-perjodu li fih tiġi interrotta dik l-attività.

(7)

Għaldaqstant jenħtieġ li l-Protokoll japplika b’mod provviżorju mid-data tal-iffirmar tiegħu.

(8)

F’konformità mat-Trattati, il-Kummissjoni ser tiżgura l-iffirmar tal-Protokoll, soġġett għall-konklużjoni tiegħu.

(9)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u ta opinjoni fis-27 ta’ Awwissu 2024,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Guinea-Bissau (2024–2029) (4) (“il-Protokoll”) huwa b’dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-Protokoll.

Artikolu 2

Il-Kummissjoni ser tiżgura l-iffirmar tal-Ftehim, soġġett għall-konklużjoni tiegħu.

Artikolu 3

Il-Protokoll għandu jiġi applikat b’mod proviżorju, f’konformità mal-Artikolu 19 tiegħu, mid-data tal-iffirmar tiegħu, sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Settembru 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

BÓKA J.


(1)   ĠU L 342, 27.12.2007, p. 5.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 241/2008 tas-17 ta’ Marzu 2008 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim tas-Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Guinea-Bissau (ĠU L 75, 18.3.2008, p. 49).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(4)  It-test tal-Protokoll huwa ppubblikat fil-ĠU L, 2024/2589, 3.10.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/prot/2024/2589/oj.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2588/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)