European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2024/1593

5.3.2024

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti taċ-ċirkolarità għad-disinn tal-vetturi u dwar il-ġestjoni ta’ vetturi li ma għadhomx jintużaw, li jemenda r-Regolamenti (UE) 2018/858 u 2019/1020 u li jħassar id-Direttivi 2000/53/KE u 2005/64/KE”

(COM(2023) 451 final — 2023/0284 (COD))

(C/2024/1593)

Relatur:

Bruno CHOIX

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 19.10.2023

Kunsill, 21.11.2023

Bażi legali

Artikoli 114 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adozzjoni fis-sezzjoni

22.11.2023

Adozzjoni fil-plenarja

14.12.2023

Sessjoni plenarja Nru

583

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

163/0/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Proposta għal Regolament dwar il-vetturi, ppreżentata mill-Kummissjoni Ewropea fit-13 ta’ Lulju 2023 (1), hija proposta leġiżlattiva ewlenija fl-isforz biex jiżdiedu s-sostenibbiltà u ċ-ċirkolarità tal-vetturi mqiegħda fis-suq fl-Ewropa. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ b’sodisfazzjon din il-Proposta għal Regolament u jemmen li hemm lok għal ambizzjoni saħansitra akbar fir-rigward tal-leġiżlazzjoni dwar id-disinn tal-vetturi bl-għan li tiġi żgurata ċ-ċirkolarità tal-vetturi.

1.2.

Fir-rigward tar-rekwiżiti tal-kontenut riċiklat, il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-obbligu li mill-inqas 25 % tal-plastik integrat f’kull vettura jkun plastik riċiklat u jirrakkomanda li jiġu stabbiliti miżuri ekwivalenti biex jiġi stimulat ir-riċiklaġġ ta’ materjali oħra użati f’vetturi li l-benefiċċju ambjentali tagħhom mhuwiex sfruttat biżżejjed.

1.3.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ ir-rekwiżiti tad-disinn tal-vetturi biex jiġu żgurati t-tiswija, il-manutenzjoni, is-sostituzzjoni u l-użu mill-ġdid tal-partijiet tal-vetturi. Huwa jqis li huma meħtieġa salvagwardji addizzjonali biex jiġi żgurat li ċ-ċentri ta’ trattament approvati jkollhom aċċess liberu u indiskriminat għal partijiet u komponenti tal-vetturi, b’mod partikolari fir-rigward tal-batteriji tal-vetturi elettriċi. Il-KESE jirrakkomanda li jiġu pprojbiti l-klawżoli kuntrattwali li għandhom l-għan li jippermettu lill-manifatturi jikkummerċjalizzaw biss il-partijiet u materjali fi ħdan in-network tagħhom. Il-KESE jirrakkomanda wkoll li jiġi introdott taħriġ għall-manifatturi dwar l-irtirar, is-sostituzzjoni u r-riintegrazzjoni tal-batteriji mill-operaturi.

1.4.

Il-KESE jappoġġja l-miżuri biex tissaħħaħ il-komunikazzjoni tal-informazzjoni u t-tikkettar mill-manifatturi u jirrakkomanda li l-manifatturi jagħmlu disponibbli mingħajr spejjeż żejda għall-operaturi indipendenti, u b’mod partikolari n-negozji żgħar ħafna, informazzjoni kif ukoll is-serjalizzazzjoni tal-partijiet, sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu pprogrammati u jiddaħħlu mill-ġdid f’vetturi ġodda.

1.5.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-istabbiliment ta’ rappreżentanza ġusta tas-settur tal-faċilitajiet ta’ trattament awtorizzati fi ħdan il-korpi governattivi tal-organizzazzjonijiet tar-Responsabbiltà Estiża tal-Produttur fl-Istati Membri. Sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta fis-settur tat-trattament tal-vetturi, il-KESE jirrakkomanda li jiġu pprovduti garanziji effettivi u ekwivalenti bejn ir-responsabbiltà individwali u kollettiva għal dawn l-obbligi, billi l-kuntratti jkunu mogħnija b’faċilitajiet ta’ trattament approvati, b’mod partikolari fir-rigward tal-informazzjoni prekuntrattwali jew il-projbizzjoni ta’ obbligu fuq il-produttur ta’ faċilità ta’ trattament approvata.

1.6.

Fid-dawl tan-nuqqas sinifikanti ta’ traċċabbiltà tal-vetturi fl-Ewropa, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-miżuri mmirati lejn it-titjib tat-traċċabbiltà u l-ġbir tal-vetturi, b’mod partikolari billi jintalab li jiġi ppreżentat ċertifikat ta’ qerda tal-vettura maħruġ minn faċilità ta’ trattament approvata sabiex titneħħa l-vettura.

1.7.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-obbligi tal-Istati Membri li jistimulaw is-suq għall-użu mill-ġdid, il-manifattura mill-ġdid u r-rinnovazzjoni ta’ partijiet tal-vetturi li m’għadhomx jintużaw. Huwa jirrakkomanda li jiġu adottati miżuri aktar stretti skont ir-Regolament u li jiġi żgurat li l-bejgħ mill-ġdid tal-partijiet ikun jista’ jsir biss minn ċentri ta’ trattament approvati. Sabiex jiġi żgurat li ċ-ċentri approvati jkollhom is-sjieda tal-materjali, il-KESE jirrakkomanda wkoll li jiġu pprojbiti klawżoli kuntrattwali bejn manifattur u kumpanija li jirrikjedu r-ritorn ta’ partijiet meħuda mill-vetturi lill-manifattur.

1.8.

Fir-rigward tal-obbligi ta’ żarmar għal skopijiet ta’ riċiklaġġ, il-KESE jirrakkomanda li dawn jiġu vvalutati mill-ġdid fid-dawl tal-ispejjeż ekonomiċi u l-benefiċċji ambjentali involuti, kif ukoll il-prinċipju tan-newtralità teknoloġika b’rabta mal-kisba tal-objettivi ambjentali, b’mod partikolari rigward it-tabelli ta’ valutazzjoni. Il-KESE jirrakkomanda wkoll li jiġu diskussi mal-Istati Membri r-rati li għandhom jiġu stabbiliti għall-irkupru tar-refriġeranti li jinsabu fis-sistemi tal-arja kundizzjonata fil-vetturi li m’għadhomx jintużaw.

1.9.

Il-KESE jenfasizza l-importanza tar-regoli dwar il-ġlieda kontra t-trattament illegali tal-vetturi u jirrakkomanda li jiġi żgurat li l-funzjoni superviżorja tal-awtoritajiet kompetenti tiġi żgurata kif imiss f’kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, il-KESE jappoġġja bis-sħiħ ir-regoli tal-esportazzjoni, li jippermettu li ssir distinzjoni aktar ċara bejn vetturi użati u vetturi li m’għadhomx jintużaw.

2.   Kummenti ġenerali

Introduzzjoni

2.1.

Fit-13 ta’ Lulju 2023, il-Kummissjoni pproponiet regolament ġdid dwar vetturi li m’għadhomx jintużaw biex tiżdied iċ-ċirkolarità (2), wara rieżami. F’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Pjan ta’ Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari, din il-Proposta għal Regolament dwar il-vetturi tibni fuq żewġ direttivi eżistenti u tissostitwixxihom: id-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) dwar vetturi li m’għadhomx jintużaw u d-Direttiva 2005/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-possibbiltajiet tal-użu mill-ġdid, tar-riċiklaġġ u tal-irkupru tagħhom. B’referenza għall-Opinjonijiet relatati maħruġa mill-KESE (5), din l-Opinjoni hija kontinwazzjoni ta’ dawn l-Opinjonijiet, b’mod partikolari fir-rigward tal-istimolu tas-suq ta’ materja prima sekondarja permezz ta’ dispożizzjonijiet legali vinkolanti (6).

2.2.

Is-settur awtomobilistiku Ewropew huwa wieħed mill-aktar industriji intensivi fir-riżorsi fl-Ewropa, u jirrappreżenta 19 % tad-domanda tal-industrija tal-azzar tal-UE, 10 % tal-konsum tal-plastik, sehem sinifikanti tad-domanda għall-aluminju (42 % għat-tagħmir kollu tat-trasport), ir-ram (6 % għall-partijiet tal-karozzi), il-gomma (65 % tal-produzzjoni tal-gomma) u l-ħġieġ (7). F’dan il-kuntest, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon din il-Proposta għal Regolament, li tistabbilixxi regoli armonizzati li jkopru ċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-vetturi sabiex tiżdied iċ-ċirkolarità tagħhom, mid-disinn u t-tqegħid tagħhom fis-suq sat-trattament finali tagħhom. Sabiex jiġi żgurat approċċ olistiku għaċ-ċirkolarità tal-vetturi, se jkun ta’ importanza kbira djalogu kostanti mal-atturi kollha fil-katina tal-valur, u jista’ jiġi ispirat mill-mudell offrut mill-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari (8). Hija meħtieġa sistema ġusta u inklużiva ta’ governanza tal-katina tal-provvista.

Disinn tal-vetturi biex tiġi żgurata ċ-ċirkolarità tagħhom

2.3.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament jinkludi kategoriji addizzjonali ta’ karozzi tal-linja, vetturi tqal tal-merkanzija u trejlers (M2, M3, N2, N3, O) u motoċikli (L3e sa L7e) bl-għan li jiġi żgurat trattament finali regolat għal dawn il-kategoriji ta’ vetturi li ma għadhomx jintużaw, inklużi ċerti rekwiżiti previsti għall-vetturi speċjali. Applikazzjoni usa’ tal-miżuri taċ-ċirkolarità se jkollha tikkontribwixxi għal aktar modularità tal-vetturi. F’kuntest ta’ bidliet rapidi fid-diversi tipi ta’ vetturi, il-KESE jirrakkomanda li l-kamp ta’ applikazzjoni jiġi estiż għall-vetturi innovattivi li mhumiex elenkati fir-Regolament (esklużi l-vetturi tas-sigurtà jew il-vetturi ta’ emerġenza).

2.4.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-obbligu li jiġi inkluż kontenut minimu ta’ 25 % ta’ plastik riċiklat f’kull vettura, peress li r-riċiklaġġ għandu benefiċċju ambjentali sostanzjali (9). L-iżvilupp tal-industrija tar-riċiklaġġ tal-plastik jgħin biex jiġu diversifikati s-sorsi tal-provvista għall-manifatturi, jistimula t-tkabbir ta’ industrija Ewropea tar-riċiklaġġ tal-plastik ibbażata fuq teknoloġija ta’ wara t-tqattigħ, u huwa sors importanti ta’ ħolqien tal-impjiegi fl-Ewropa. Il-KESE jappoġġja l-introduzzjoni gradwali ta’ miżuri aktar ambizzjużi għar-riċiklaġġ tal-plastik, kif ukoll l-introduzzjoni ta’ miżuri ekwivalenti biex jiġi stimulat ir-riċiklaġġ ta’ materjali oħra użati f’vetturi li l-benefiċċju ambjentali tagħhom mhuwiex sfruttat biżżejjed.

2.5.

Id-dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-manifattur, meta jiddisinja l-vettura, li jippermetti li l-partijiet u l-komponenti jitneħħew u jiġu sostitwiti b’mod sempliċi u mhux distruttiv huma essenzjali għall-iżvilupp tas-suq għall-użu mill-ġdid tal-partijiet u l-komponenti tal-vetturi fl-Ewropa. Sabiex jiġu żviluppati dawn l-operazzjonijiet matul il-fażijiet tal-użu u tal-iskreppjar tal-vettura, jeħtieġ li jiġi żgurat li l-faċilitajiet ta’ trattament approvati u l-operaturi tat-tiswija u tal-manutenzjoni jkollhom aċċess għall-partijiet u l-komponenti tal-vetturi, inklużi l-batteriji tal-vetturi elettriċi u tal-muturi tat-trazzjoni elettrika. Il-KESE jirrakkomanda li jiġu pprojbiti klawżoli kuntrattwali li jillimitaw il-kummerċjalizzazzjoni tal-partijiet riċiklabbli u riċiklati tal-vetturi għall-manifatturi fi ħdan in-network tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tal-batteriji.

2.6.

Il-KESE jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ artikolu dwar it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema u r-rwol tad-djalogu soċjali fil-Proposta tal-Kummissjoni u fil-valutazzjoni tal-impatt. Il-proġett konġunt tal-imsieħba soċjali tal-UE jenfasizza li t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari normalment teħtieġ kwalifiki ogħla min-naħa tal-ħaddiema (10). Fid-dawl tal-bidliet li jirriżultaw mill-obbligi taċ-ċirkolarità għall-vetturi, il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ valutazzjoni mil-leġiżlatur tal-ħtiġijiet il-ġodda ta’ kwalifiki tal-impjegati sabiex tiġi indirizzata l-evoluzzjoni tas-settur awtomobilistiku. Il-KESE jirrakkomanda li jiġi organizzat taħriġ tekniku, aċċessibbli għall-impjegati kollha, sabiex jiżdiedu l-ħiliet tagħhom, tiġi żgurata s-sigurtà tagħhom fuq il-post tax-xogħol u l-benesseri tagħhom.

2.7.

Il-KESE jirrakkomanda wkoll li jiġi pprovdut taħriġ, li fih il-manifatturi jkunu obbligati jipprovdu d-data teknika u l-metodi ta’ tiswija kollha, fir-rigward tal-irtirar, is-sostituzzjoni u r-riintegrazzjoni tal-batteriji mill-operaturi, b’mod partikolari biex jiġu evitati r-riskji għas-sikurezza u s-saħħa tal-impjegati meta jaħdmu fuq il-vetturi.

Iċ-ċirkolarità tal-vetturi tul il-ħajja tagħhom

2.8.

Il-KESE jappoġġja miżuri biex jissaħħu l-komunikazzjoni tal-informazzjoni u t-tikkettar mill-manifatturi. L-informazzjoni obbligatorja dwar il-kontenut riċiklat fil-vetturi hija essenzjali biex tiġi żgurata informazzjoni armonizzata dwar l-impronta tal-karbonju tagħhom, l-implimentazzjoni ta’ strateġija taċ-ċirkolarità mill-manifatturi u għażla infurmata tal-konsumatur dwar iċ-ċirkolarità.

2.9.

Il-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn il-produtturi u l-operaturi hija kruċjali biex tiġi żgurata ekonomija ċirkolari li tiffunzjona tajjeb. Sabiex jiġu żgurati t-tiswija, il-manutenzjoni, is-sostituzzjoni u r-riintegrazzjoni tal-partijiet, il-komponenti u l-materjali tal-vetturi, huwa essenzjali li l-operaturi tal-immaniġġjar tal-iskart u l-operaturi tat-tiswija u tal-manutenzjoni jkollhom aċċess liberu, standardizzat u mhux diskriminatorju għall-informazzjoni meħtieġa biex iwettqu dawn l-operazzjonijiet. F’konformità mal-prinċipju tar-Responsabbiltà Estiża tal-Produttur u fid-dawl tar-riskji għas-sikurezza u s-saħħa tal-operaturi li jaħdmu fuq il-vetturi, l-operaturi indipendenti, b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar ħafna, għandu jkollhom garanzija li l-informazzjoni ssir disponibbli mingħajr spejjeż żejda, u li s-serjalizzazzjoni tal-partijiet issir disponibbli mill-manifatturi sabiex ikunu jistgħu jiġu riprogrammati u mdaħħla mill-ġdid f’vetturi ġodda.

Ġbir u trattament ta’ vetturi li waslu fl-aħħar ta’ ħajjithom

2.10.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-problema ewlenija maħluqa min-nuqqas ta’ traċċabbiltà tal-vetturi għat-trattament tagħhom, peress li 32 % tal-vetturi mneħħija ma jistgħux jiġu lokalizzati, jiġifieri madwar 3,4 miljun vettura fis-sena (11), b’mod partikolari minħabba nuqqas ta’ informazzjoni dwar it-trasferiment tas-sjieda tal-vetturi u n-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-regoli eżistenti. L-istabbiliment ta’ organizzazzjonijiet kompetenti fil-qasam tar-Responsabbiltà Estiża tal-Produttur f’kull Stat Membru jista’ jkun miżura utli ta’ appoġġ għall-katina tal-ipproċessar tal-vetturi, b’mod partikolari fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ trattament mhux ekonomikament vijabbli, sakemm tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta. L-istabbiliment ta’ sistemi tar-Responsabbiltà Estiża tal-Produttur fl-Istati Membri għandu jipprevedi rappreżentanza ġusta tal-operaturi tat-trattament tal-vetturi fil-korpi governattivi ta’ dawn l-organizzazzjonijiet. Fir-rigward tar-responsabbiltà individwali għal obbligi estiżi tal-produtturi, il-KESE jappella għall-introduzzjoni ta’ salvagwardji effettivi u ekwivalenti għal dawk applikabbli għar-responsabbiltà kollettiva għal dawn l-obbligi, b’mod partikolari fir-rigward tar-responsabbiltà finanzjarja, u jirrakkomanda li l-kuntratti konklużi ma’ operaturi privati jiġu regolati aħjar, b’mod partikolari fir-rigward tal-informazzjoni prekuntrattwali jew il-projbizzjoni li l-obbligu tal-produttur jiġi pprovdut mingħajr ħlas minn operaturi indipendenti mis-settur tat-tiswija, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ.

2.11.

Fid-dawl tan-nuqqas attwali ta’ traċċabbiltà tal-vetturi fl-Ewropa, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-miżuri li jiżguraw li l-vetturi jiġu ttrattati minn operaturi awtorizzati skont ir-regoli fis-seħħ, b’mod partikolari l-miżura li biha vettura tista’ titneħħa biss wara li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jkunu rċevew ċertifikat ta’ qerda tal-vettura.

2.12.

Fir-rigward tal-obbligi ta’ żarmar għall-użu mill-ġdid u r-rinnovazzjoni, il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ approċċ tas-suq immexxi mid-domanda biex tiġi żgurata l-vijabbiltà ekonomika ta’ dawn l-operazzjonijiet ta’ żarmar. Il-KESE jirrakkomanda li jiġu adottati regoli aktar stretti dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri biex jistimulaw is-suq għall-użu mill-ġdid, il-manifattura mill-ġdid u r-rinnovazzjoni, biex b’hekk jiġi ffaċilitat il-ħolqien ta’ impjiegi lokali fl-Ewropa. F’dan il-kuntest, il-partijiet tal-vetturi li m’għadhomx jintużaw iridu jkunu jistgħu jerġgħu jinbiegħu miċ-ċentri tat-trattament tal-vetturi li m’għadhomx jintużaw bil-mira li jintużaw mill-ġdid. Il-KESE jirrakkomanda li jiġu pprojbiti klawżoli kuntrattwali bejn manifattur u kumpanija li jobbligaw lill-manifattur jirritorna l-partijiet meħuda mill-vetturi.

2.13.

Fir-rigward tal-obbligi ta’ żarmar għal skopijiet ta’ riċiklaġġ, il-KESE jirrimarka li t-teknoloġija Ewropea attwali ta’ wara t-tqattigħ diġà tiżgura l-produzzjoni ta’ plastik riċiklat bl-għan li dan jiġi integrat f’vetturi ġodda. Il-KESE jirrakkomanda li jiġu vvalutati mill-ġdid l-obbligi ta’ żarmar proposti fid-dawl tal-prinċipju tan-newtralità teknoloġika, l-utilità tagħhom u l-effiċjenza ekonomika stabbilita tal-proċessi eżistenti, bħal wara t-tqattigħ. Fir-rigward tal-irkupru tar-refriġeranti li jinsabu fis-sistemi tal-arja kundizzjonata tal-vetturi li m’għadhomx jintużaw, il-KESE jirrakkomanda li jinbdew diskussjonijiet mal-Istati Membri bl-għan li jiġu stabbiliti rati realistiċi skont il-materjali u s-setturi fis-seħħ, u li jiġi żgurat li l-ispejjeż ta’ tali proċess jitħallsu mill-produtturi.

2.14.

Il-KESE jenfasizza l-importanza tar-regoli dwar il-ġlieda kontra t-trattament illegali tal-vetturi. Li s-settur privat jiġi fdat bil-kompitu li jistabbilixxi — permezz ta’ kuntratti kummerċjali konklużi mal-manifatturi — il-kundizzjonijiet li taħthom tista’ titwettaq din l-attività jkun ta’ detriment għas-settur legali tal-ipproċessar tal-vetturi li m’għadhomx jintużaw. L-awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti hija essenzjali biex jiġi vverifikat li l-operaturi għandhom il-kapaċità teknika, finanzjarja u organizzattiva meħtieġa biex jittrattaw vetturi li m’għadhomx jintużaw. Ir-Regolament se jkollu jiżgura li din il-funzjoni ta’ kontroll titwettaq mill-awtoritajiet kompetenti f’kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. Il-KESE jappoġġja r-regoli tal-esportazzjoni, li jippermettu li ssir distinzjoni aħjar bejn vetturi użati u vetturi li m’għadhomx jintużaw.

Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2023.

Oliver RÖPKE

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  COM(2023) 451 final.

(2)  COM(2023) 451 final.

(3)  Id-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Settembru 2000 dwar vetturi li m’għandhomx jintużaw (ĠU L 269 21.10.2000, p. 34).

(4)  Id-Direttiva 2005/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-possibbiltajiet tal-użu mill-ġdid, tar-riċiklaġġ u tal-irkupru tagħhom, u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE (ĠU L 310, 25.11.2005, p. 10).

(5)  Opinjoni tal-KESE dwar Reviżjoni tal-istandards tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-vetturi tqal (ĠU C 349, 29.9.2023, p. 134).

(6)  Opinjoni tal-KESE dwar Pjan ta’ Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari (ĠU C 364, 28.10.2020, p. 94).

(7)  COM(2023) 451 final.

(8)  https://circulareconomy.europa.eu/platform/en

(9)  Kummissjoni Ewropea — Lejn miri ta’ kontenut ta’ plastik riċiklat f’karozzi ġodda tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief

(10)  Proġett tal-Imsieħba Soċjali Ewropej dwar l-Ekonomija Ċirkolari u d-Dinja tax-Xogħol (mhux disponibbli bil-Malti).

(11)  Dokumenti ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: SWD(2023) 256 final u SWD(2021) 60 final (mhux disponibbli bil-Malti).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1593/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)